X'inhi l-liġi tax-xogħol? Il-liġi tax-xogħol tiddefinixxi d-drittijiet u l-obbligi tagħkom bħala ħaddiema u impjegaturi. Il-liġi tax-xogħol tal-UE tkopri 2 oqsma ewlenin: il-kundizzjonijiet tax-xogħol - ħinijiet tax-xogħol, part-time u xogħol b'terminu fiss, l-istazzjonar tal-ħadddiema, l-informazzjoni u l-konsultazzjoni mal-ħaddiema dwar sensji kollettivi, trasferimenti ta' kumpaniji, eċċ. Kif taħdem? L-UE u l-liġi tax-xogħol Politiki tal-UE fid-deċennji reċenti ppruvaw jiksbu rati għoljin ta' impjiegi u protezzjoni soċjali qawwija itejbu l-għajxien u l-kundizzjonijiet tax-xogħol jipproteġu l-koeżjoni soċjali. L-UE għandha l-għan li tippromwovi l-progress soċjali u li ttejjeb l-għajxien u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tan-nies fl-Ewropa - ara l-preamblu tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE. Rigward il-liġi tax-xogħol, l-UE tikkomplementa l-inizjattivi tal-politika meħudin minn pajjiżi individwali tal-UE billi tistabbilixxi standards minimi. Skont it-Trattat - b'mod partikulari l-Artikolu 153 - hi tadotta liġijiet (direttivi) li jistabbilixxu rekwiżiti minimi għall-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjiegi għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni mal-ħaddiema. Pajjiżi individwali tal-UE huma ħielsa li jipprovdu livelli ogħla ta' protezzjoni jekk jixtiequ li jagħmlu dan. Filwaqt li d-Direttiva Ewropea dwar il-Ħin tax-Xogħol tagħti dritt lill-ħaddiema għal 4 ġimgħat ta' liv annwali bi ħlas, pereżempju, bosta pajjiżi għażlu dritt aktar ġeneruż għall-benefiċċju tal-ħaddiema. L-awtoritajiet nazzjonali u l-liġi tax-xogħol L-UE tadotta direttivi li l-pajjiżi membri tagħha jinkorporaw fil-liġi nazzjonali u li jimplimentawhom. Dan ifisser li huma l-awtoritajiet nazzjonali - l-ispettorat tax-xogħol u l-qrati, pereżempju - li jinforzaw ir-regoli. Iċ-Ċentru Ewropew ta' Kompetenza L-Unjoni Ewropea ħolqot Ċentru Ewropew ta’ Kompetenza fil-qasam tal-liġi tax-xogħol, tal-impjiegi u tal-politiki dwar is-suq tax-xogħol fl-2016. Iċ-ċentru ta’ kompetenza jkopri l-aspetti legali, regolatorji, ekonomiċi u politiċi tal-impjiegi u tas-swieq tax-xogħol, inklużi r-riformi, fis-27 Stat Membru, ir-Renju Unit, il-pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), il-pajjiżi kandidati u l-kandidati potenzjali eliġibbli għal parteċipazzjoni fl-Assi ta’ progress tal-Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali. Mill-perspettiva tal-liġi tax-xogħol, il-miri taċ-ċentru Ewropew ta’ kompeteza, fost oħrajn, huma: li jassisti l-Kummissjoni fir-rwol tagħha li tiżgura applikazzjoni korretta tal-liġi tal-UE għall-Istati Membri kollha u li timmonitorja r-riformi fil-leġiżlazzjoni tax-xogħol bħala parti mill-proċess tas-Semestru Ewropew fil-kuntest tal-istrateġija 2020 tal-UE; li jirrinforza l-kapaċità tal-Kummissjoni biex tantiċipa kwalunkwe kwestjoni li tista’ tinqala’ mill-applikazzjoni tad-direttivi tal-UE, u janalizza kwestjonijiet legali potenzjali u l-impatt tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea (QtĠ); li jtejjeb l-għarfien u jinkuraġġixxi dibattitu pubbliku dwar kwestjonijiet tematiċi ta’ interess għal-liġi u l-leġiżlazzjoni tax-xogħol tal-UE. Tista’ tikkonsulta r-rapporti ta’ kull xahar li jikkonċernaw l-iżviluppi fil-qasam tax-xogħol fil-pajjiżi tal-UE u fil-pajjiżi taż-ŻEE. Il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea u l-liġi tax-xogħol Kull meta tilwima quddiem qorti nazzjonali tqajjem kwistjoni ta' kif għandha ssir l-interpretazzjoni ta' direttiva tal-UE, il-qorti tista' tirreferi l-kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE. Il-Qorti Ewropea mbagħad tagħti lill-qorti nazzjonali t-tweġibiet li teħtieġ biex issolvi t-tilwima. Il-Kummissjoni Ewropea u l-liġi tax-xogħol Il-Kummissjoni tivverifika li d-direttivi tal-UE huma inkorporati fil-liġi nazzjonali u tiżgura permezz ta' monitoraġġ sistematiku li r-regoli huma implimentati b'mod korrett. Meta l-Kummissjoni tikkunsidra li pajjiż tal-UE ma jkunx inkorpora direttiva fil-liġi nazzjonali b'mod korrett, tista' tiddeċiedi li tibda proċedimenti ta' ksur. B'dan il-mod, hi tiżgura li d-drittijiet kollha stabbiliti fid-direttivi huma disponibbli fil-liġi nazzjonali. Madankollu, il-Kummissjoni ma tistax tipprokura rimedju għal ċittadini individwali (p.e. tikkumpensa l-ħsara jew tirranġa sitwazzjoni) – dan hu r-responsabbiltà tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. X'inhuma r-riżultati? B'aktar minn 240 miljun ħaddiem fl-Unjoni Ewropea, id-drittijiet tal-liġi tax-xogħol tal-UE huma ta' benefiċċju għal għadd kbir ta' ċittadini b'mod dirett u għandhom impatt pożittiv dwar wieħed mill-aktar oqsma importanti u tanġibbli fil-ħajja ta' kuljum tagħhom. Il-liġi tax-xogħol tal-UE hi ta' benefiċċju wkoll għall-impjegaturi u għas-soċjetà b'mod ġenerali billi tipprovdi qafas ċar ta' drittijiet u ta' obbligi għal post tax-xogħol, tipproteġi s-saħħa tal-forza tax-xogħol, tippromwovi tkabbir ekonomiku sostenibbli. Barra minn hekk, il-liġi tax-xogħol tal-UE tmur id f'id mas-suq uniku. Il-fluss ħieles tal-prodotti, is-servizzi, il-kapital u l-ħaddiema jeħtieġlu li jkun akkumpanjat bir-regoli tal-liġi tax-xogħol, biex jiġi żgurat li l-pajjiżi u n-negozji jikkompetu b'mod ġust abbażi tal-prodotti tagħhom - u mhux billi jbaxxu l-istandards tal-liġi tax-xogħol.