This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52008IP0021
Arrest of Chinese dissident Hu Jia European Parliament resolution of 17 January 2008 on the arrest of the Chinese dissident Hu Jia
L-arrest tad-dissident Ċiniż Hu Jia Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Jannar 2008 dwar l-arrest tad-dissident Ċiniż Hu Jia
L-arrest tad-dissident Ċiniż Hu Jia Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Jannar 2008 dwar l-arrest tad-dissident Ċiniż Hu Jia
ĠU C 41E, 19.2.2009, p. 82–83
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
19.2.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea |
CE 41/82 |
P6_TA(2008)0021
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Jannar 2008 dwar l-arrest tad-dissident Ċiniż Hu Jia
Il-Parlament Ewropew,
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu ta' qabel dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina, |
— |
wara li kkunsidra l-aħħar żewġ sessjonijiet ta' Djalogu UE-Ċina dwar id-Drittijiet tal-Bniedem li saru f'Beijing fis-17 ta' Ottubru 2007, u f'Berlin fil-15 u s-16 ta' Mejju 2007, |
— |
wara li kkunsidra s-seduta ta' smigħ pubbliku li saret fis-26 ta' Novembru 2007 mis-Sotto-Kumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem fiċ-Ċina fiż-żmien ta' preparazzjoni għal-Logħob Olimpiku ta' l-2008 f' Beijing, |
— |
wara li kkunsidra t-Tregwa Olimpika msejħa mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fil-31 ta' Ottubru 2007, li tħeġġeġ lill-Istati Membri tan-NU sabiex josservaw u jippromwovu l-paċi waqt il-logħob Olimpiku ta' l-2008, |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
A. |
billi l-promotur tad-drittijiet tal-bniedem Hu Jia ittieħed minn uffiċjali tal-pulizija mid-dar tiegħu f'Beijing fis-27 ta' Diċembru 2007 akkużat b'inċitament sovversiv, |
B. |
billi Hu Jia u l-mara tiegħu, Zeng Jinyan, tefgħu l-attenzjoni dwar l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina ta' dawn l-aħħar ftit snin u għaddew ħafna żmien arrestati f'darhom bħala riżultat tal-kampanji li għamlu, |
C. |
billi Hu Jia jinsab f'kundizzjoni ta' saħħa ħażina peress li qed isofri minn marda tal-fwied li għaliha hu irid jieħu l-mediċina, |
D. |
billi fl-2006 it-Time Magazine innomina lil Zeng Jinyan bħala waħda mill-mitt eroj u pijunieri dinjin u fl-2007, flimkien ma' Hu Jia, hi irċeviet il- premju speċjali għaċ-'Ċina' tal-Korrispondenti mingħajr Fruntieri u kienet nominata għall-Premju Sakharov, |
E. |
billi l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem iddikkjaraw l-arrest bħala mossa oħra mill-awtoritajiet Ċiniżi sabiex jagħlqu ħalq il-kritiċi qabel il-Logħob Olimpiku ta' l-2008, |
F. |
billi 57 intellettwali miċ-Ċina immedjatament ippubblikaw ittra miftuħa fejn sejħu għall-ħelsien immedjat ta' Hu Jia, |
G. |
billi l-President tal-Parlament Ewropew, fil-31 ta' Diċembru 2007, ippubblika stqarrija li fiha widdeb lill-awtoritajiet Ċiniżi għad-detenzjoni ta' Hu Jia u ħeġġiġhom sabiex jużaw il-Logħob Olimpiku ta' l-2008 bħala 'opportunità għaċ-Ċina sabiex turi li pajjiż li qed jospita l-avveniment sportiv l-aktar importanti fid-dinja hu impenjat sabiex fuq livell internazzjonali jirrikonoxxi l-istandards tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-libertà ta' l-espressjoni', |
1. |
Jikkundanna bil-qawwa d-detenzjoni ta' Hu Jia u jitlob il-ħelsien immedjat tiegħu u tad-dissidenti kollha li ġew arrestati u miżmuma l-ħabs fuq reati ta' opinjoni; |
2. |
Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċiniżi sabiex jiggarantixxu fiċ-ċirkustanzi kollha l-integrità fiżika u psikoloġika tas-Sur Hu Jia, tal-qraba tiegħu u ta' l-avukati tiegħu; |
3. |
Jitlob liċ-Ċina sabiex tirrispetta l-impenji tagħha tad-drittijiet tal-bniedem u ta' l-istat tad-dritt, partikolarment id-dispożizzjonijiet tad-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fid-9 ta' Diċembru 1998, billi ttemm it-turment tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem Ċiniżi, ħalli turi l-impenn tagħha lejn id-drittijiet tal-bniedem fis-sena Olimpika tagħha; |
4. |
Iħeġġeġ liċ-Ċina sabiex ma tużax il-Logħob Olimpiku ta' l-2008 bħala pretest biex tarresta u żżomm illegalment jew titfa' l-ħabs, dissidenti, ġurnalisti jew attivisti tad-drittijiet tal-bniedem li jew jirrapurtaw dwar jew jagħmlu dimostrazzjoni kontra l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem; |
5. |
Itenni l-opinjoni tiegħu li t-tħassib dwar id-drittijiet tal-bniedem għandu jirċievi ħafna aktar attenzjoni fiż-żmien ta' preparazzjoni lejn il-Logħob Olimpiku ta' l-2008 u jiġbed l-attenzjoni dwar il-ħtiega għal rispett lejn il-principji etiċi fundamentali universali u l-promozzjoni ta' soċjetà paċifika li turi interess fil-preservazzjoni tad-dinjità tal-bniedem kif imniżżla fl-Artikoli 1 u 2 tal-Karta Olimpika; |
6. |
Iħeġġeġ liċ-Ċina sabiex tirriforma l-liġi kriminali tagħha ħalli tagħti aktar libertà ta' l-espressjoni lill-ġurnalisti, lill-kittieba, lill-freelancers, lill-korrispondenti eċċ., li se jirrapurtaw lid-dinja dwar avveniment daqstant importanti bħalma huwa l-Logħob Olimpiku ta' l-2008; iqis li tali riforma tagħmilha wkoll possibbli li jiġi ċċarat l-għan ta' wħud mid-dispożizzjonijiet li mhumiex ċari (per eż. l-Artikolu 105 tal-Kodiċi Kriminali taċ-Ċina), u tagħti lid-dinja sinjal pożittiv li s-Sbatax-il Kungress Nazzjonali tal-Partit Komunistà Ċiniż witta t-triq għal aktar rispett lejn opinjonijiet differenti; |
7. |
Jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi sabiex jippermettu lil Hu Jia u lid-dissidenti l-oħra kollha li jinsabu arrestati li jingħataw l-għajnuna medika li jeħtieġu, u li jżommu f'moħħhom li d-detenzjoni f'kundizzjonijiet mhux xierqa jistgħu jagħmlu ħsara lis-saħħa tagħhom; |
8. |
Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċiniżi sabiex jagħlqu l-hekk imsejħa 'ħabsijiet suwed', postijiet ta' detenzjoni li twaqqfu sabiex iżommu 'persuni li jaqilgħu l-inkwiet' fil-perjodu ta' qabel il-Logħob Olimpiku ta' l-2008; |
9. |
Jistieden lill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea sabiex jieħu azzjoni fir-rigward ta' l-awtoritajiet Ċiniżi dwar l-arrest ta' Hu Jia u dwar l-għajbien, fit-22 ta' Settembru 2007, ta' Gao Zhisheng, avukat magħruf tad-drittijiet tal-bniedem u ħabib ta' Hu Jia, li kien qed jirrappreżenta s-sitwazzjoni mwiegħra ta' eluf ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li attwalment jinsabu l-ħabs fiċ-Ċina; |
10. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati, lill-President u l-Prim Ministru tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u lill-Kumitat Olimpiku Internazzjonali. |