This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52010AE0448
Opinion of the European Economic and Social Committee on ‘The roadmap for equality between women and men (2006-2010) and follow-up strategy’
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-pjan direzzjonali għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel (2006-2010) u l-istrateġija ta’ segwitu”
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-pjan direzzjonali għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel (2006-2010) u l-istrateġija ta’ segwitu”
ĠU C 354, 28.12.2010, p. 1–7
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
28.12.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 354/1 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-pjan direzzjonali għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel (2006-2010) u l-istrateġija ta’ segwitu”
2010/C 354/01
Relatur: Laura GONZÁLEZ DE TXABARRI ETXANIZ
Permezz tal-ittra tagħha tal-25 ta’ Settembru 2009, is-Sinjura Margot Wallström, Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, talbet lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ifassal opinjoni esploratorja dwar
Il-pjan direzzjonali għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel (2006-2010) u l-istrateġija ta’ segwitu
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-23 ta’ Frar 2010.
Matul l-461 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fis-17 u t-18 ta’ Marzu 2010 (seduta tas-17 ta’ Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’137 voti favur, 3 voti kontra u 5 astensjonijiet.
1. Rakkomandazzjonijiet
1.1 |
Barra li hija għan fiha nfisha, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija prerekwiżit biex jintlaħqu l-għanijiet tal-UE għat-tkabbir, l-impjiegi u l-koeżjoni soċjali. |
1.2 |
L-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-pjan direzzjonali għall-ugwaljanza qed isseħħ fi żmien ta’ kriżi ekonomika. Huwa importanti li jiġi nnotat l-impatt u l-konsegwenzi ta’ din il-kriżi fuq in-nisa u l-irġiel, fid-dawl tal-pożizzjonijiet differenti li dawn jokkupaw fis-soċjetà. |
1.3 |
L-ugwaljanza għandha tiġi integrata fil-politiki kollha, b’mod partikolari fil-politiki soċjali u dawk tal-impjieg, u l-isforzi għandhom jiżdiedu sabiex jiġu eliminati l-ostakli li jxekklu l-parteċipazzjoni sħiħa u ugwali tan-nisa u l-irġiel fis-suq tax-xogħol. |
1.4 |
Bil-għan li tiġi żgurata u titjieb l-indipendenza finanzjarja tan-nisa, għandhom jitjiebu kemm il-kwantità kif ukoll il-kwalità tal-impjieg tan-nisa, inkluż appoġġ għal dawk li jaħdmu għal rashom. Ir-riskju li qed jiffaċċjaw in-nisa li jispiċċaw f’sitwazzjoni prekarja għandu jiġi indirizzat u għandha titħeġġeġ distribuzzjoni ġusta tar-responsabbiltajiet domestiċi u dawk tal-familja. |
1.5 |
Paga inugwali għandha kawżi strutturali: il-fatt li l-ħiliet li tradizzjonalment huma meqjusin bħala femminili mhumiex stmati biżżejjed, is-segregazzjoni settorjali u tal-impjieg, l-impjieg prekarju, il-waqfiet fil-ħajja tax-xogħol, eċċ. Il-leġiżlazzjoni u l-ftehimiet kollettivi huma strumenti effettivi għall-ġlieda kontra l-inugwaljanza fil-pagi, bil-ħtieġa tal-involviment tal-partijiet interessati ekonomiċi u soċjali kollha. |
1.6 |
Il-preżenza akbar ta’ nisa fin-negozju u l-attivitajiet politiċi tippromovi l-ugwaljanza, l-indipendenza ekonomika tan-nisa, ir-rebħa fuq l-isterjotipi skont is-sessi u l-promozzjoni tan-nisa fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjoni. |
1.7 |
In-nisa huma partikolarment esposti għall-esklużjoni soċjali u l-faqar. It-tfassil ta’ drittijiet soċjali skont il-bżonnijiet individwali, il-garanzija ta’ paga minima u li jitqiesu l-perijodi ta’ inattività u s-sigħat ta’ xogħol imnaqqsa sabiex in-nisa jkunu jistgħu jieħdu ħsieb il-familjari/id-dipendenti tagħhom huma miżuri li jtejbu l-protezzjoni soċjali u jnaqqsu r-riskju li persuni jispiċċaw fil-faqar. |
1.8 |
Ir-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tal-familja u x-xogħol hija kruċjali għall-ksib tal-ugwaljanza u t-titjib tal-impjiegi għan-nisa: servizzi soċjali pubbliċi ta’ kwalità tajba u t-titjib tal-leave eżistenti tal-maternità, tal-paternità u tal-ġenituri. Hemm bżonn li jsir progress sabiex il-partijiet interessati kollha jassumu r-responsabbiltà biex jiżguraw li l-kompiti domestiċi u dawk tal-kura jitqassmu b’mod ġust. |
1.9 |
Il-KESE jqis li għandha tiġi promossa r-rappreżentazzjoni ugwali tan-nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet u għaldaqstant l-Istati Membri għandhom jimpenjaw ruħhom aktar billi jistabbilixxu miri ċari u jimplimentaw miżuri effettivi, bħal pereżempju azzjoni pożittiva, pjani favur l-ugwaljnaza, eċċ. |
1.10 |
Fid-dawl tal-persistenza tal-vjolenza bbażata fuq is-sessi u tat-traffikar tal-bnedmin, il-Kumitat jemmen li l-leġiżlazzjoni attwali għandha tiġi applikata u għandhom jitfasslu pjani nazzjonali, ikkoordinati minn strateġija globali Ewropea, u li għandhom jissaħħu programmi speċifiċi f’dan il-qasam. |
1.11 |
Il-KESE jemmen li l-isterjotipi sessisti għandhom jiġu miġġielda billi s-soċjetà tiġi edukata b’mod mhux sessist, permezz ta’ taħriġ kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel, billi aktar nisa jitħeġġu jistudjaw suġġetti xjentifiċi u teknoloġiċi, jiġu stmati aktar l-impjiegi li tradizzjonalment huma meqjusa bħala femminili u jiġi evitat kull tip ta’ diskriminazzjoni minħabba s-sessi fil-mezzi tax-xandir. |
1.12 |
Il-politika barranija u ta’ żvilupp tal-UE għandha tintuża għall-promozzjoni tad-drittijiet tan-nisa fix-xena internazzjonali, it-titjib tal-ħiliet tagħhom u l-għoti ta’ setgħa. |
1.13 |
Il-KESE jqis li l-analiżi tas-sessi għandha tiġi integrata bis-sħiħ fl-oqsma kollha tal-attività tal-Kummissjoni u għandha tiġi rikonoxxuta fil-baġits Ewropej u nazzjonali. Biex dan jiġi żgurat ser ikun hemm bżonn persunal imħarreġ fi kwistjonijiet ta’ ugwaljanza. Barra minn hekk, jinħtieġu wkoll indikaturi skont is-sessi li juru s-sitwazzjoni li taffettwa lin-nisa u l-irġiel u li jevalwaw il-livell ta’ konformità mal-pjan favur l-ugwaljanza. |
1.14 |
Fl-istrateġija l-ġdida tal-ugwaljanza li għandha tapplika mill-2010 l-objettivi ma jistgħux ikunu sempliċi rakkomandazzjonijiet mill-Kummissjoni lill-Istati Membri. Minflok, dawn għandhom ikunu direttivi vinkolanti b’objettivi kwantifikabbli. Huwa meħtieġ involviment politiku akbar fil-livelli kollha. L-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jaqdu rwol mexxej bl-eżempju li jagħtu u permezz ta’ reviżjoni proattiva tal-ħidma li saret u valutazzjoni tal-impatt tal-implimentazzjoni. |
2. Kummenti ġenerali
2.1 |
Il-pjan direzzjonali għall-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa 2006-2010 juri l-impenn tal-Kummissjoni Ewropea, li qed taħdem flimkien mal-Istati Membri, biex tikseb progress fl-ugwaljanza. Fuq talba tal-Kummissjoni, il-KESE qed jirrevedi l-pjan direzzjonali għall-ugwaljanza, qed jeżamina l-impatt tal-miżuri li ġew adottati u sa liema grad dawn inkisbu, u qed jagħmel proposti għal azzjoni għall-istrateġija l-ġdida fl-2010. |
2.2 |
Il-KESE jirrikonoxxi l-impenn wiesa’ tal-UE għall-ugwaljanza: it-Trattat ta’ Ruma tal-1957 introduċa l-prinċipju ta’ paga ugwali, it-Trattat ta’ Amsterdam tal-1999 adotta approċċ doppju li jgħaqqad metodu transettorjali flimkien ma’ miżuri speċifiċi, u t-Trattat ta’ Lisbona għandu impenn espliċitu li jelimina l-inugwaljanzi u jippromovi l-ugwaljanza. |
2.3 |
Fil-livell internazzjoni, l-UE ipparteċipat għall-Pjattaforma għal Azzjoni ta’ Beijing, l-Għanijiet tal-Millennju, u l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa (CEDAW), li jqiegħdu lin-nisa sew fiċ-ċentru tal-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem. |
2.4 |
Minkejja dan il-qafas regolatorju wiesa’, l-għanijiet iddikjarati baqgħu ma nkisbux, u l-inugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel xorta għadha realtà. Fis-sitt oqsma ta’ prijorità tal-pjan direzzjonali għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel (2006-2010) għadha ma saritx bidla sostanzjali fl-ugwaljanza bejn is-sessi. Għalhekk ir-rieda politika li sseħħ bidla trid titqies b’mod kritiku. L-integrazzjoni tal-prinċipju tal-ugwaljanza bejn is-sessi, li hija fattur ewlieni għall-kompetittività u t-tkabbir, għandha tkun prijorità għall-Istrateġija ta’ Azzjoni 2020 l-ġdida tal-UE. |
2.5 |
L-evalwazzjoni tal-pjan direzzjonali għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel (2006-2010) qed isseħħ waqt tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, u għandhom jiġu eżaminati l-implikazzjonijiet tal-kriżi fuq in-nisa, fid-dawl tal-pożizzjoni differenti tagħhom fis-suq tax-xogħol u fil-politiki ta’ infiq soċjali pubbliku, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw is-servizzi soċjali, li huma l-politiki li jolqtu l-aktar lin-nisa. |
2.6 |
Il-kriżi affettwat l-ewwel is-setturi li tradizzjonalment jaħdmu fihom l-irġiel, bħall-kostruzzjoni, it-trasport u l-industrija, u mbagħad infirxet f’setturi oħra fejn jaħdmu proporzjoni ikbar ta’ nisa (pereżempju s-servizzi bankarji u s-settur kummerċjali). B’hekk f’ħafna familji l-paga tal-mara saret l-uniku sors ta’ dħul, li ġeneralment huwa aktar baxx mid-dħul tal-irġiel peress li n-nisa għandhom tendenza jkunu impjegati fis-settur tas-servizzi, fuq kuntratti part-time jew temporanji, jew f’xogħol mhux iddikjarat. Dawn il-fatturi kollha għandhom effett detrimentali fuq l-ekonomija nazzjonali, għax ixekklu l-konsum privat u jnaqqsu r-ritmu tal-irkupru. |
2.7 |
Il-kriżi għandha effett ukoll fuq il-politiki soċjali: in-nisa jirċievu inqas benefiċċji tal-qgħad kemm mil-lat ta’ kwantità kif ukoll mil-lat ta’ tul ta’ żmien, minħabba l-pożizzjoni tagħhom, li ħafna drabi tkun waħda aktar dgħajfa, fis-suq tax-xogħol. Barra minn hekk, servizzi bażiċi pubbliċi bħall-kura tas-saħħa jew l-edukazzjoni, u s-servizzi soċjali b’mod ġenerali jipprovdu anqas għajnuna fi żmien meta l-familji, b’mod speċjali n-nisa, l-aktar li għandhom bżonn. Peress li dawn huma wkoll is-setturi fejn hija kkonċentrata is-saħħa femminili tax-xogħol, dan ser jerġa’ jkollu effett dirett fuq l-impjieg tan-nisa. |
2.8 |
Miżuri kontra l-kriżi ma’ jistgħux ikunu newtrali mil-lat tas-sessi, u fejn meħtieġ, il-politiki l-ġodda għall-irkupru ekonomiku u l-programmi tal-Fondi Strutturali attwali għandhom jikkunsidraw il-pożizzjonijiet differenti li jokkupaw l-irġiel u n-nisa fis-soċjetà. |
2.9 |
L-ugwaljanza għandha tkun prijorità, mhux biss biex tindirizza l-kriżi attwali u l-irkupru fit-tul, iżda wkoll biex tittratta l-isfidi demografiċi u ekonomiċi li jaffettwaw il-mudell soċjali Ewropew u li għandhom impatt fuq in-nisa u fuq l-indipendenza finanzjarja tagħhom. |
3. Kummenti speċifiċi – Parti I: oqsma prijoritarji ta’ azzjoni għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel
Il-pjan direzzjonali għall-ugwaljanza 2006-2010 jelenka l-impenji u l-miżuri meħtieġa għal progress fl-ugwaljanza u biex jiġu eliminati l-inugwaljanzi.
L-ewwel parti tal-pjan jistabbilixxi sitt oqsma ta’ prijorità għal azzjoni politika, flimkien mal-indikaturi korrispondenti tagħhom:
1. |
Il-ksib ta’ indipendenza ekonomika ugwali għan-nisa u għall-irġiel |
2. |
Ir-rikonċiljazzjoni tax-xogħol mal-ħajja privata u dik tal-familja |
3. |
Il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni ugwali tan-nisa u l-irġiel fit-teħid tad-deċiżjonijiet |
4. |
It-tneħħija ta’ kull forma ta’ vjolenza bbażata fuq is-sessi |
5. |
L-eliminazzjoni tal-isterjotipi sessisti |
6. |
Il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-politiki esterni u dawk ta’ żvilupp |
It-tieni parti tiffoka fuq it-titjib tal-governanza.
3.1 Niksbu indipendenza ekonomika ugwali għan-nisa u għall-irġiel
3.1.1
3.1.1.1 |
Bosta pajjiżi għad mhux qed jirnexxilhom jilħqu l-mira tal-Istrateġija ta’ Lisbona ta’ 60 % ta’ nisa li jaħdmu. Filwaqt li 70,9 % tal-irġiel huma impjegati, 58,8 % biss tan-nisa għandhom xogħol (1), u fil-kategorija tal-età ta’ ‘l fuq minn 55 sena, 36,8 % tan-nisa huma impjegati meta mqabbla ma’ 55 % tal-irġiel. Iktar hemm possibbiltà li n-nisa jkunu bla xogħol, iżda d-differenza qed tonqos hekk kif il-kriżi ekonomika qed tiżviluppa (9,8 % meta mqabbla ma’ 9,6 % tal-irġiel). |
3.1.1.2 |
Hemm bżonn jitjiebu kemm in-numru ta’ impjiegi disponibbli għan-nisa kif ukoll il-kwalità ta’ dawn l-impjiegi, peress li hemm wisq nisa fis-setturi mhux imħallsin tajjeb u b’impjiegi li qegħdin f’iktar periklu li jkunu prekarji. Hemm predominanza ta’ nisa wkoll fix-xogħol part-time ukoll (31,5 % tan-nisa meta mqabbla ma’ 8,3 % tal-irġiel) u 14,3 % tal-impjegati nisa huma impjegati b’kuntratt temporanju. Barra minn hekk, meta n-nisa jkunu ommijiet ukoll, ir-rata tal-impjieg tagħhom tonqos b’aktar minn 10 punti perċentwali li jirrifletti d-distribuzzjoni inugwali tal-kompiti tal-familja u l-infrastruttura insuffiċjenti tal-kura. |
3.1.1.3 |
Il-KESE jirrakkomanda li jsir studju konġunt tar-rati tal-qgħad tan-nisa u tar-rata tal-inattività tan-nisa minħabba raġunijiet tal-familja (2). Minħabba r-rwol tagħhom ta’ persuni li jieħdu ħsieb tal-oħrajn, in-nisa sikwit ma jissodisfawx il-kritejru biex jiġu kkunsidrati “qiegħda”, u għaldaqstant l-inattività ssir forma ta’ qgħad mistur. |
3.1.1.4 |
Huwa meħtieġ approċċ multidixxiplinari peress li dan jikkompleta l-politiki tal-impjieg permezz ta’ miżuri edukattivi u soċjali oħra, inkluża forma ta’ edukazzjoni li telimina l-isterjotipi fl-impjiegi u servizzi soċjali pubbliċi ta’ kwalità tajba li jiggarantixxu kura għall-persuni dipendenti u kampanji għas-sensibilizzazzjoni dwar il-qsim tax-xogħol domestiku bejn in-nisa u l-irġiel. |
3.1.1.5 |
Il-Kummissjoni għandha tinkludi u tippromovi l-ugwaljanza fil-programmi kollha tagħha (kif tagħmel ukoll bil-programm PROGRESS). Il-Fondi Strutturali jipprovdu l-qafas ideali; dawn jipprovdu informazzjoni dwar kif il-pajjiżi qed jiksbu dan l-għan, iwettqu evalwazzjoni annwali tal-impatt fuq is-sessi ta’ dawn il-miżuri skont il-pajjiż, u wkoll biex jiġu stabbiliti miżuri u pieni adegwati għal pajjiżi li ma jiżgurawx il-kwantità u l-kwalità ta’ impjiegi għan-nisa. |
3.1.2
3.1.2.1 |
Il-ksib tal-ugwaljanza fil-pagi hija kruċjali għall-ugwaljanza, iżda minkejja l-avvanzi li saru fil-leġiżlazzjoni, id-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel telgħet għal 17,4 %, u anki sa 30 % għal nisa ta’ ‘l fuq minn 50 sena. |
3.1.2.2 |
Id-diskrepanzi fil-pagi għandhom oriġini strutturali: is-segregazzjoni f’setturi ekonomiċi li mhumiex stmati biżżejjed u fi professjonijiet b’pagi baxxi; preżenza akbar fl-ekonomija mistura u f’impjiegi prekarji, waqfiet mill-karriera jew anqas sigħat ta’ xogħol minħabba raġunijiet tal-familja – dawn huma fatturi li kollha għandhom effetti ħżiena fuq is-salarji tan-nisa. |
3.1.2.3 |
l-KESE (3) jirrakkomanda li kull Stat Membru jeżamina mill-ġdid il-leġiżlazzjoni tiegħu dwar il-kundizzjonijiet tal-kuntratti u tal-pagi sabiex tiġi evitata d-diskriminazzjoni diretta u indiretta kontra n-nisa. |
3.1.2.4 |
Il-leġiżlazzjoni għandha tinkorpora mekkaniżmi ta’ kontroll li jidentifikaw diskriminazzjoni bejn is-sessi, jippromovi sistemi trasparenti ta’ klassifikazzjoni tal-impjieg sabiex il-kwalifiki, l-esperjenza u l-potenzjal tal-persunal kollu jiġu vvalorizzati u kkumpensati bl-istess mod. |
3.1.2.5 |
In-negozjar kollettiv huwa għodda utli sabiex jiġu inkorporati kriterji li mhumiex sessiti għall-klassifikazzjoni tal-impjiegi, il-leave għal raġunijiet ta’ taħriġ għall-avvanz fil-karriera tan-nisa, waqfiet fil-karriera u leave speċjali għal raġunijiet tal-familja, ħinijiet flessibbli ta’ xogħol, eċċ. li jnaqqsu d-differenzi fis-salarji. |
3.1.3
3.1.3.1 |
Minkejja li huma kwalifikati ħafna, in-nisa għadhom f’minoranza f’pożizzjonijiet ta’ tmexxija fi ħdan il-kumpaniji. Il-Kummissjoni ppromoviet l-ugwaljanza fil-qafas tar-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji, żiedet l-għajnuna mill-Istat għall-ħolqien ta’ negozji min-nisa (Regolament (KE) Nru 800/2008), u tat l-appoġġ tagħha lin-Netwerk Ewropew għall-promozzjoni tal-Intrapenditorija tan-Nisa. Apparti mill-korpi governattivi u uffiċjali, dan in-netwerk għandu jinvolvi lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili rilevanti bil-ħsieb li jittieħed benefiċċju mill-iskambju tal-esperjenzi u l-prattiki tajbin. |
3.1.3.2 |
Qed jiġi ssuġġerit li jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Intraprenditorija tal-UE biex jiżdied it-twaqqif ta’ kumpaniji min-nisa permezz ta’ miżuri bħalma huma l-aċċess aħjar għal finanzjament u kreditu, l-iżvilupp ta’ netwerks intraprenditorjali li jipprovdu servizzi ta’ organizzazzjoni u konsulenza, taħriġ u taħriġ mill-ġdid vokazzjonali adegwat, il-promozzjoni ta’ prattiki tajba, eċċ. |
3.1.4
3.1.4.1 |
In-nisa huma speċjalment esposti għall-esklużjoni soċjali u l-faqar. Il-pożizzjoni inugwali tan-nisa fis-suq tax-xogħol u d-dipendenza tagħhom fuq is-sistemi ta’ protezzjoni soċjali huma fatturi li jikkontribwixxu għal din is-sitwazzjoni. |
3.1.4.2 |
Il-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-protezzjoni soċjali għandhom ikunu l-istess għan-nisa u l-irġiel. Ġranet ta’ xogħol iqsar għal raġunijiet familjari, l-użu ta’ leave tal-maternità u/jew tal-ġenituri biex jieħdu ħsieb ta’ uliedhom, ix-xogħol part-time jew temporanju, is-segregazzjoni u d-diskriminazzjoni fil-pagi huma fatturi li jnaqqsu l-ammont u t-tul ta’ żmien tal-benefiċċji soċjali futuri li jirċievu n-nisa, speċjalment il-benefiċċji tal-qgħad u l-pensjonijiet. Sabiex din is-sitwazzjoni titrażżan parzjalment, il-miżuri għandhom jinkludu r-rikonoxximent tal-ħin iddedikat għal xogħol mhux imħallas, ħinijiet iqsar ta’ xogħol, u l-waqfien mix-xogħol minħabba raġunijiet tal-familja bħala perijodi fiskali mħallsa bis-sħiħ. |
3.1.4.3 |
Il-protezzjoni soċjali pubblika għandha tiggarantixxi dħul diċenti minimu li jnaqqas ir-riskju tal-faqar billi jiffoka b’mod partikolari fuq in-nisa kbar fl-età, ir-romol li jirċievu pensjoni tar-raġel tagħhom, u familji b’ġenitur wieħed li hija l-mara. |
3.1.4.4 |
Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-iskemi ta’ pensjoni privati li ġew stabbiliti f’xi pajjiżi, peress li l-pagi tal-individwi u l-istennija tal-ħajja jiddeterminaw il-pensjonijiet fil-futur u dan jippenelizza b’mod partikolari lin-nisa. |
3.1.4.5 |
L-2010 hija s-Sena Ewropea għall-Ġlieda kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali, u hija wkoll it-tmiem tal-Istrateġija ta’ Lisbona u tal-perijodu ta’ implimentazzjoni għall-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni. L-Istrateġija l-ġdida UE 2020 għandha tistabbilixxi objettivi u miżuri speċifiċi li huma aktar effettivi kemm fuq medda qasira kif ukoll twila ta’ żmien għall-ġlieda kontra l-faqar, b’mod speċjali l-faqar li jaffettwa lin-nisa. |
3.1.5
3.1.5.1 |
Il-KESE jqis li hemm bżonn ta’ strateġija ġdida dwar is-saħħa li tqis il-ħtiġijiet differenti tas-saħħa tan-nisa u l-irġiel iżda jinnota li ma ġewx provduti miżuri tanġibbli għal dan il-għan. Għalhekk jeħtieġ li ssir aktar riċerka dwar is-saħħa tan-nisa u l-mard li jaffettwahom. |
3.1.5.2 |
It-tixjiħ tal-popolazzjoni flimkien mal-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol ser iżidu d-domanda għal servizzi ta’ kura fit-tul fil-futur. L-Istati Membri għandhom jiggarantixxu servizzi tas-saħħa u servizzi soċjali pubbliċi ta’ kwalità għolja: in-nuqqas ta’ tali servizzi għandu effett partikolarment negattiv fuq in-nisa, peress li huma primarjament responsabbli biex jipprovdu l-kura. |
3.1.6
3.1.6.1 |
Il-KESE jtenni li hemm bżonn li l-perspettiva tas-sessi tiġi integrata fil-politika tal-immigrazzjoni u tal-asil. Għandha tingħata attenzjoni aktar mill-qrib lin-nisa immigranti u lin-nisa li jagħmlu parti minn minoranzi etniċi, peress li huma jbatu l-aktar mill-inugwaljanzi u jinsabu f’pożizzjoni partikolarment vulnerabbli, speċjalment minħabba l-kriżi ekonomika attwali (4). |
3.1.6.2 |
In-numru li qed jiżdied ta’ migranti nisa huwa direttament marbut mad-domanda għal ħaddiema fis-setturi domestiċi u ta’ ħidma ta’ kura, l-aktar minħabba n-nuqqas ta’ infrustruttura soċjali. Għadd sinifikanti ta’ migranti nisa huma impjegati f’setturi fejn impjiegi każwali u prekarji huma tipiċi. Hemm bżonn li dawn l-impjiegi jiġu “professjonalizzati” u regolarizzati, u li jiġu promossi l-kwalifiki professjonali sabiex ikun żgurat li l-immigranti nisa jiġu inklużi aħjar fis-suq tax-xogħol. |
3.2 Nirrikonċiljaw ix-xogħol mal-ħajja privata u dik tal-familja
3.2.1 |
Fir-rigward tal-impjieg tan-nisa, il-miri stabbiliti mill-Istrateġija ta’ Lisbona ntlaħqu, minkejja li ma ntlaħqux l-Għanijiet ta’ Barċellona għall-faċilitajiet tal-kura tat-tfal (kopertura ta’ 33 % għal tfal ta’ taħt it-tliet snin u ta’ 90 % għal tfal bejn it-tliet u s-sitt snin). Infrastruttura ta’ servizzi tal-kura hija essenzjali, b’postijiet disponibbli u firxa flessibbli ta’ servizzi li jiggarantixxu approċċ adatt u ta’ kwalità għolja: arranġamenti għal perijodi li jaqgħu barra s-sigħat normali u l-perijodi ta’ vaganza, kantin u ċentri speċjalizzati għal livelli differenti ta’ dipendenza. L-investiment fis-servizzi soċjali m’għandux biss effetti pożittivi fuq l-ekonomija u l-impjieg; huwa wkoll ta’ benefiċċju soċjali kbir. |
3.2.2 |
Il-kura tat-tfal u ta’ persuni dipendenti tirrikjedi sigħat flessibbli ta’ xogħol, u għalhekk jeħtieġ li l-ħin tax-xogħol jiġi organizzat mill-ġdid sabiex jissodisfa l-ħtiġijiet tal-familja u tax-xogħol tal-individwi u li jkun aċċessibbli bl-istess mod għan-nisa u għall-irġiel. |
3.2.3 |
Ħafna nisa jużaw ix-xogħol part-time bħala mezz kif jirrikonċiljaw il-ħajja tax-xogħol u l-ħajja tal-familja, parzjalment minħabba n-nuqqas ta’ faċilitajiet ta’ kura. Madankollu, il-proporzjon dejjem akbar ta’ nisa li jaħdmu part-time jirriżulta mhux biss minħabba obbligi tal-familja iżda f’ħafna każijiet dan huwa wkoll l-uniku mezz kif in-nisa jistgħu jaċċessaw is-suq tax-xogħol (5). |
3.2.4 |
Fir-rigward tal-leave, id-drittijiet individwali tal-irġiel u n-nisa għandhom ikunu ekwivalenti, irrispettivament mit-tip ta’ kuntratt ta’ impjieg li għandhom (pereżempju indipendenti jew kuntratt temporanju jew miftuħ). Għalhekk, il-KESE jilqa’ l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (KETU), Businesseurope, is-CEEP u l-UEAPME biex jiġi estiż il-leave tal-ġenituri (6) iżda jqis li huwa kruċjali li nkomplu naħdmu favur l-ugwaljanza. Il-KESE jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex titjieb il-protezzjoni għall-ħaddiema li huma tqal, dawk li weldu riċentament jew li qed ireddgħu, u jaqbel li għandu jiġi garantit leave tal-maternità mħallas ta’ mill-inqas 18-il ġimgħa (7). |
3.2.5 |
Għandu jittieħed impenn ċar biex jiġi żgurat li l-partijiet interessati kollha jaqsmu r-responsabbiltà għax-xogħol domestiku u l-kura, li normalment isir min-nisa, u b’hekk jiġi żgurat li jsir l-aħjar użu tal-kapital uman kollu. Jeħtieġ li ssir kampanja biex tħeġġeġ lill-familji jaqsmu l-kompiti domestiċi u dawk tal-kura (kawża ta’ inugwaljanza) u jeħtieġ ukoll li ssir valutazzjoni mill-ġdid ta’dan it-tip ta’ xogħol. |
3.3 Il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni ugwali tan-nisa u l-irġiel fit-teħid tad-deċiżjonijiet
3.3.1 |
Jeħtieġ li jittieħed impenn aktar fis-sod sabiex tinkiseb l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjoni (8) fil-qasam ekonomiku, politiku, xjentifiku u teknoloġiku. Is-sitwazzjoni li jiffaċċaw in-nisa ma nbidlet kważi xejn f’dawn l-aħħar snin. Għalhekk għandhom jiġu stabbiliti miri ċari, bi skadenzi għall-ksib tagħhom, flimkien ma’ politiki speċifiċi u miżuri effettivi (bħal azzjoni pożittiva, pjani ta’ ugwaljanza, taħriġ speċifiku, kwoti ta’ parteċipazzjoni, kampanji għat-tqajjim ta’ kuxjenza, eċċ.). |
3.3.2 |
Li jkun żgurat li l-irġiel u n-nisa qegħdin fuq l-istess livell fil-politika għandu jkun ta’ pedament għall-bini tal-Ewropa. Fl-elezzjonijiet ta’ Ġunju 2009 in-nisa kellhom 35 % tas-siġġijiet fil-Parlament Ewropew. Għaxar Membri tal-Kummissjoni huma nisa, filwaqt li sbatax huma rġiel. In-nisa għandhom 24 % tas-siġġijiet fil-parlamenti nazzjonali u 25 % tal-portafolli fil-gvernijiet nazzjonali (9). Fil-KESE, 23,6 % tal-membri attwali huma nisa, filwaqt li 76,4 % huma rġiel, mentri fil-livell tal-karigi ta’ tmexxija (diretturi, deputati diretturi, deutati segretarji ġenerali), 16,7 % biss huma nisa filwaqt li l-persentaġġ tal-irġiel huwa 83,3 %. Ir-rappreżentazzjoni ugwali bejn l-irġiel u n-nisa għandha tkun ta’ prijorità għolja għall-ksib tal-ugwaljanza fil-livelli kollha. |
3.3.3 |
Ma tantx sar progess fil-qasam tar-riċerka tas-settur pubbliku (39 % tal-impjiegi meħudin min-nisa), u kien hemm titjib żgħir biss fis-setturi ekonomiċi u finanzjarji (m’hemmx diretturi nisa fil-banek ċentrali u 17 % biss tal-membri tal-bord tal-banek ċentrali huma nisa), u ċ-ċifra bilkemm hija ta’ 3 % għall-bord ta’ ġestjoni ta’ kumpaniji kbar. |
3.4 L-eliminazzjoni tal-vjolenza skont is-sessi u t-traffikar tal-bnedmin
3.4.1 |
Il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet għadha problema serja. Dan huwa fenomenu globali u sistematiku, li għandu ħafna forom u xeħtiet differenti. Bħall-Kummissjoni, il-KESE jinsab imħasseb ħafna dwar l-għadd ta’ nisa li jisfaw vittmi ta’ vjolenza, l-iskala tat-traffikar tan-nisa u tal-prostituzzjoni, speċjalment fost l-immigranti, u l-persistenza ta’ atti vjolenti li jitwettqu bl-iskuża tat-tradizzjonijiet u r-reliġjon (10). |
3.4.2 |
Jeħtieġ li jintużaw il-miżuri soċjali, ekonomiċi u legali adatti sabiex jitnaqqsu u jiġu eliminati l-fatturi varji li jkattru l-vjolenza kontra n-nisa, bħalma huma n-nuqqas ta’ riżorsi materjali, id-dipendenza finanzjarja, livelli baxxi ta’ edukazzjoni, sterjotipi persistenti skont is-sessi, u d-diffikultajiet għall-aċċess fis-suq tax-xogħol. |
3.4.3 |
L-immigranti nisa jeħtieġu appoġġ partikolari peress li huma aktar vulnerabbli, jew minħabba s-sitwazzjoni irregolari tagħhom jew minħabba li huma iżolati mir-realtà soċjali ta’ madwarhom. L-ostakli tal-lingwa, id-differenzi soċjali u kulturali, jew sempliċement il-fatt li ma jkunux jafu dwar l-istrutturi ta’ appoġġ disponibbli, dan kollu jwaqqafhom milli jitolbu għall-għajnuna meta dawn ikunu vittmi ta’ vjolenza domestika. Is-sitwazzjoni hija agħar għal dawk l-immigranti nisa li m’għandhomx dokumenti: għandhom jiġu stabbiliti miżuri speċifiċi sabiex l-ostakli li jiffaċċjaw dawn in-nisa jkunu jistgħu jitneħħew biex b’hekk ikunu garantiti d-drittijiet tagħhom. |
3.4.4 |
Jeħtieġ li jkun hemm programmi speċifiċi għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa (filwaqt li jitkomplew dawk li diġà hemm fi-seħħ, bħall-programm Daphne). Għandu jiżdied il-finanzjament ta’ dawn il-programmi. Għandhom jitfasslu pjani ta’ azzjoni nazzjonali bħala parti minn strateġija kkoordinata fil-livell Ewropew li jinkludu miżuri prattiċi u skadenzi biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni adegwata tagħhom. Għandha tkun prijorità tal-Istati Membri li jinforzaw l-oqsfa legali attwali għall-prevenzjoni tal-vjolenza domestika u l-ħarsien tal-vittmi u dawk li jinsabu f’riskju, inklużi t-tfal. Barra minn hekk jinħtieġu indikaturi li jipprovdu stampa ddettaljata tal-aspetti kollha tal-vjolenza fuq il-bażi tas-sessi, inkluż il-fastidju sesswali u t-traffikar tal-bnedmin. Statistika armonizzata fil-livell tal-UE hija essenzjali għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-iżviluppi f’dan il-qasam. |
3.4.5 |
Fid-dawl tan-numru inkwetanti ta’ atti vjolenti fost iż-żgħażagħ, inkluża l-vjolenza relatata mas-sessi, il-KESE jilqa’ d-deċiżjoni f’waqtha tal-Kummissjoni li tinkludi l-ġlieda kontra l-vjolenza skont is-sessi fil-proġetti li jagħmlu parti mill-programm “Żgħażagħ f’Azzjoni”. Madankollu, jeħtieġ ukoll li tiġi inkorporata kultura ta’ nonvjolenza u rispett għad-drittijiet tal-bnedmin kollha fil-programmi kollha tal-edukazzjoni u tat-taħriġ għat-tfal u ż-żgħażagħ. |
3.5 L-eliminazzjoni tal-isterjotipi sessisti fis-soċjetà
3.5.1 |
L-isterjotipi sessiti huma fehmiet kulturali u soċjali li jassumu li tradizzjonalmemt hemm rwoli u kompiti “maskili” u “femminili”; Dawn l-isterjotipi għandhom impatt fuq l-għażliet ta’ taħriġ u ta’ impjieg, u dan iwassal għas-segregazzjoni fis-suq tax-xogħol. L-isterjotipi jagħmluha aktar diffiċli biex tinkiseb l-ugwaljanza u l-parteċipazzjoni sħiħa tan-nisa u l-irġiel fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. |
3.5.2 |
Minkejja l-livelli edukattivi għolja li jiksbu n-nisa, dawn xorta għadhom konċentrati fis-setturi ekonomiċi (il-kura tas-saħħa u l-ħidma soċjali, it-tagħlim, is-settur kummerċjali, l-amministrazzjoni pubblika, is-servizzi ta’ negozju, il-lukandi u r-ristoranti, eċċ.) u fi professjonijiet li tradizzjonalment kienu meqjusa bħala “femminili” (assistenti tal-bejgħ, għajnuna domestika, fornituri tas-servizzi ta’ kura, bħala persunal amministrattiv, eċċ.) fl-iktar skaluni baxxi tal-iskala tal-karriera, bi ftit potenzjal li jsir ċaqliq ’il fuq lejn pożizzjonijiet aħjar. Din is-segregazzjoni baqgħet kważi tali kwali tul dawn l-aħħar snin, peress li ż-żieda fin-numru ta’ nisa li għandhom impjieg seħħet f’setturi li diġà huma ddominati min-nisa. |
3.5.3 |
Sabiex niġġieldu l-isterjotipi tas-sessi, jeħtieġ li:
|
3.6 Il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel barra l-UE
3.6.1 |
Il-Kummissjoni għandha tkompli tippromovi d-drittijiet tan-nisa fil-livell internazzjonali permezz tal-politika barranija u ta’ żvilupp tagħha. Id-dimensjoni tas-sessi għandha tiġi inkluża fl-aspetti kollha ta’ kooperazzjoni, b’miżuri speċifiċi għan-nisa; għandu jiġi promoss l-involviment tagħhom fil-proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjoni u s-sens ta’ inizjattiva tagħhom, u għandha tiżdied il-kapaċità tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex jieħdu f’idejhom il-promozzjoni tal-ugwaljanza. |
3.6.2 |
Id-dimensjoni tas-sessi għandha tagħmel parti mill-Politika Ewropea ta’ Sigurtà u Difiża (PESD), sabiex tittieħed azzjoni f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi. Fil-qasam tal-għajnuna umanitarja (ECHO), il-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni partikolari lin-nisa bi tfal jew qraba dipendenti meta jseħħu diżastri naturali u lin-nisa li sfaw vittmi ta’ vjolenza taħt l-irġiel fi żminijiet ta’ taqlib. |
4. Part II: Intejbu l-governanza biex tinkludi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel
4.1 |
L-analiżi tas-sessi għandha tiġi inkluża fl-oqsma kollha ta’ azzjoni tal-Kummissjoni, inkluż il-baġit, u għandu jiġi evalwat il-progress dwar l-ugwaljanza fit-territorju tagħha stess. Dan jirrekjedi li l-persunal jiġi mħarreġ fl-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, kif ukoll indikaturi globali u ċari li jagħtu stampa ċara tas-sitwazzjoni tan-nisa. |
4.2 |
Il-Kummissjoni għandha torganizza diskussjonijiet miftuħa u kontinwi mal-organizzazzjonijiet tan-nisa, l-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili, sabiex tikseb fehim aħjar tal-problemi relatati mal-inugwaljanza. |
4.3 |
Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni biex tħeġġeġ lill-unitajiet kollha tagħha sabiex jużaw diskors mhux sessist fid-dokumenti kollha, f’testi uffiċjali, fl-interpretazzjoni fil-lingwi kollha u fil-paġni tal-internet tagħha. |
5. Parti III: Strateġiji ta’ segwitu mill-2010 ’il quddiem
Fuq talba tal-Kummissjoni, il-KESE qed ifassal sensiela ta’ proposti rigward il-pjan direzzjonali ġdid għall-ugwaljanza li għandu jiġi implimentat fl-2010.
5.1 |
Għandu jintuża approċċ globali sabiex tiġi ttrattata l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel. L-għan tal-politiki tal-UE m’għandux ikun biss pereżempju li jsaħħu l-involviment tan-nisa fl-oqsma kollha, jindirizzaw l-isfidi demografiċi u jtejbu l-benessri tat-tfal,. Anzi, il-miżuri Ewropej għandhom jiffukaw espliċitament fuq li jonqos in-nuqqas ta’ ugwaljanza fit-tqassim tar-responsabbiltajiet tal-familja, tal-kura u dawk domestiċi speċifikament bejn l-irġiel u n-nisa, u b’mod ġenerali bejn il-partijiet interessati kollha. |
5.2 |
Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-ugwaljanza bejn is-sessi tiġi inkluża fis-setturi kollha bħala prijorità, fl-oqsma, l-unitajiet, il-miżuri, il-politiki, u d-direttorati kollha tagħha. Il-kwistjoni tas-sessi mhijex kwistjoni ta’ tħassib biss għad-Direttorat Ġenerali għall-Impjieg, l-Affarijiet Soċjali u l-Opportunitajiet Indaqs. |
5.3 |
Huma meħtieġa speċjalisti dwar il-kwistjonijiet relatati mas-sessi li jkunu jistgħu jipprovdu taħriġ u materjal meħtieġa għas-sensibilizzazzjoni u biex jiżdiedu l-għarfien u l-ħiliet tal-persunal Ewropew fil-qasam tal-ugwaljanza. Il-Eurostat għandu jkompli jikkategorizza l-istatistika skont is-sessi, itejjeb il-metodoloġiji eżistenti u jinkorpora indikaturi ġodda li jipprovdu informazzjoni aħjar dwar is-sitwazzjoni li jiffaċċaw in-nisa u għalhekk jagħti stampa ġenerali komprensiva tas-sitwazzjoni fl-UE. |
5.4 |
Il-perspettiva tas-sessi għandha tiġi rikonoxxuta fil-baġits Ewropej u nazzjonali. Jeħtieġ ukoll studji biex jiġi evalwat l-impatt tal-miżuri pubbliċi relatati mas-sessi. |
5.5 |
Il-Fondi Strutturali joffru qafas ideali għall-Istati Membri biex jinkludu l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-programmi operattivi tagħhom u fil-fażijiet differenti tal-implimentazzjoni tal-fondi, bl-evalwazzjoni tal-impatt tas-sessi f’kull qasam ta’ politika jew sfera ta’ attività ta’ prijorità ta’ dawn il-programmi. Jeħtieġ li jkun hemm koordinazzjoni u kollaborazzjoni aħjar bejn il-Fondi Strutturali u l-korpi responsabbli għall-ugwaljanza f’kull pajjiż sabiex jinkisbu riżultati aħjar. |
5.6 |
Il-Kummissjoni għandha tiżgura li jkun hemm konformità mal-leġiżlazzjoni, jiġu pprovduti eżempji ta’ prattika tajba, u jiġu sanzjonati l-Istati Membri li ma jirrispettawx il-prinċipju ta’ ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel. L-ugwaljanza bejn is-sessi għandha tiġi eżaminata u evalwata fil-politiki kollha u fid-dipartimenti kollha. Jeħtieġ li jkun hemm metodu ta’ evalwazzjoni li jippermetti li jiġu notati u ggradati l-livell ta’ konformità mal-objettivi stabbiliti, il-kisbiet li jsiru u t-telfiet li jinġarrbu. Għandha titwaqqaf unità ta’ evalwazzjoni li tissorvelja u tevalwa l-azzjonijiet tal-Istati Membri differenti b’mod sistematiku billi jintużaw l-indikaturi stabbiliti fil-pjan direzzjonali għall-ugwaljanza. |
5.7 |
Jekk isiru emendi għall-pjan direzzjonali tal-ġejjieni, il-Kumitat jirrakkomanda li l-ewwel qasam jiġi adattat. Jeħtieġ li dan il-qasam jiġi maqsum f’diversi oqsma peress li jkopri varjetà ta’ kwsitjonijiet differenti (impjieg, saħħa, immigrazzjoni), u għalhekk hemm bżonn ta’ metodi differenti biex dawn jiġu ttrattati. Ikun ta’ għajnuna wkoll li jiġi żviluppat qasam ġdid dwar “in-nisa u l-ambjent”, peress li n-nisa għandhom rwol fundamentali fl-iżvilupp sostenibbli, minħabba l-interess partikolari tagħhom fil-kwalità u fl-iżgurar ta’ ħajja sostenibbli għall-ġenerezzjonijiet attwali u futuri (11). |
5.8 |
Il-KESE jixtieq jenfasizza r-rwol importanti li ngħata mill-imsieħba soċjali lill-promozzjoni tal-ugwaljanza permezz tad-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv. Eżempju tajjeb ta’ dan huwa l-istrateġija qafas tal-2005 dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi. |
5.9 |
L-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi għandu jkollu rwol ewlieni fit-titjib tal-governanza u fir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni attwali dwar is-sensibilizzazzjoni u l-ugwaljanza. L-istitut għandu jimmoniterja u jiggarantixxi li l-politiki kollha jinkludu u jippromovu l-ugwaljanza, u jħaddnu l-involviment tal-Ewropej f’politika tas-sessi aktar responsabbli u aktar inklużiva. |
5.10 |
Il-problemi ekonomiċi u finanzjarji u l-bidliet demografiċi tal-Ewropa m’għandhomx jaffettwaw l-objettiv tal-ugwaljanza u m’għandhomx jintużaw bħala skuża biex din tingħata t-tieni post. |
Brussell, 17 ta’ Marzu 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
(1) Sors: Eurostat (LFS), impjieg minn Frar 2009, u qgħad minn Settembru 2009.
(2) Ir-rata ta’ inattività għal raġunijiet ta’ kura familjari (tfal jew dipendenti) fost in-nisa bejn l-età ta’ 25 u 54 hija ta’ 25,1 %, meta mqabbla ma’ 2,4 % għall-irġiel. 19,2 % tan-nisa, meta mqabbla ma’ 2.9 % tal-irġiel, huma inattivi minħabba responsabbiltajiet familjari oħra (Sors: LFC, Eurostat, 2008).
(3) ĠU C 211, 19.8.2008, p. 54 (mhux disponibbli bil-Malti).
(4) Ara l-opinjonijiet fil-ĠU C 182, 4.8.2009, p. 19, u l-ĠU C 27, 3.2.2009, p.95.
(5) Fl-UE, fl-2008, 31,5 % tan-nisa li kellhom impjieg kienu qed jaħdmu part-time, meta mqabbel ma’ 8,3 % tal-irġiel. 27,54 % tan-nisa stqarru li jaħdmu part-time peress li kienu jieħdu ħsieb ta’ tfal żgħar jew dipendenti anzjani, u 29,2 % għaliex ma setgħux isibu xogħol full-time (meta mqabbel ma’ 3,3 % u 22,7 % tal-irġiel rispettivament). Sors: EFT, Eurostat.
(6) Il-leave tal-ġenituri ġie estiż minn 3 għal 4 xhur, b’xahar li mhuwiex trasferibbli għall-missier, u dan japplika għall-ħaddiema kollha minkejja t-tip ta’ kuntratt li jkollhom.
(7) ĠU C 277, 17.11.2009, p. 102.
(8) Għaxar snin ilu, waqt il-Konferenza Ewropea dwar in-Nisa u l-Irġiel f’Pożizzjonijiet ta’ Poter li saret f’Pariġi fl-1999, l-Unjoni Ewropea ffirmat ftehim sabiex tersaq lejn Ewropa aktar rappreżentattiva fejn l-b’irġiel u n-nisa li jkollhom rwol aktar ugwali fit-teħid tad-deċiżjonijiet.
(9) Ċifri minn Ottubru 2009.
(10) GU C 110, 9.5.2006, p. 89 (mhux disponibbli bil-Malti).
(11) Kif ġie dikjarat fir-Raba’ Pjattaforma għall-Azzjoni f’Beijing tal-1995.