Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010AE0763

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-linji gwida għall-politika dwar l-impjiegi tal-Istati Membri - it-Tieni Parti tal-Linji Gwida Integrati tal-Istrateġija Ewropa 2020” COM(2010) 193 finali

ĠU C 21, 21.1.2011, p. 66–71 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.1.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 21/66


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-linji gwida għall-politika dwar l-impjiegi tal-Istati Membri - it-Tieni Parti tal-Linji Gwida Integrati tal-Istrateġija Ewropa 2020”

COM(2010) 193 finali

2011/C 21/12

Relatur ġenerali: is-Sur Wolfgang GREIF

Nhar il-5 ta’ Mejju 2010, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar:

il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-linji gwida għall-politika dwar l-impjiegi tal-Istati Membri - it-Tieni Parti tal-Linji Gwida Integrati tal-Istrateġija Ewropa 2020

COM(2010) 193 finali.

Nhar is-27 ta’ April 2010 il-Bureau tal-Kumitat ħatar lis-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza sabiex tipprepara l-ħidma tiegħu dwar is-suġġett.

Fid-dawl tal-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat matul l-463 Sessjoni Plenarja tas-26 u s-27 ta’ Mejju 2010 (seduta tas-27 ta’ Mejju 2010) ħatar lis-Sur Wolfgang Greif bħala relatur ġenerali u adotta din l-opinjoni b’134 vot favur, 9 voti kontra u 12-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet

Il-KESE

jiddispjaċih li l-Kunsill u l-Kummissjoni stabbilixxew limitu taż-żmien hekk qasir għall-adozzjoni tal-linji gwida li mhux ser jagħti lok għal dibattitu reali mas-soċjetà ċivili organizzata u mal-Parlamenti;

jaħseb li l-linji gwida ma jirriflettux biżżejjed il-fatt li fid-dawl tal-kriżi, il-ġlieda kontra l-qgħad għandha tkun politika prinċipali tal-UE u tal-Istati Membri;

jilqa’ b’sodisfazzjon il-konċentrazzjoni fuq inqas linji gwida iżda jemmen li dawn huma wisq ġenerali u jżommu wisq lura biex jigwidaw b’mod effiċjenti l-azzjoni u dan idgħajjef l-aproċċ Ewropew;

jemmen li r-rakkomandazzjonijiet ta’ politika li jolqtu s-suq tax-xogħol jenfasizzaw wisq il-provvista (it-titjib tal-impjegabbiltà) u jitlob li tiġi kkunsidrata iktar politika ta’ domanda intelliġenti, li tippromovi t-tkabbir u l-innovazzjoni fil-ġejjieni u li tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ postijiet tax-xogħol addizzjonali;

huwa mħasseb dwar il-fatt li l-għan tal-impjieg sħiħ (li kien wieħed ċentrali fil-linji gwida l-qodma) fil-qafas tal-linji gwida l-ġodda ma jidhirx;

jinsab sorpriż li l-linji gwida ma jinkludux stqarrijiet konkreti dwar il-kwalità tax-xogħol u jissuġġerixxi li l-linji gwida 8 u 9 jingħaqdu flimkien u tiġi introdotta linja gwida separata dwar il-promozzjoni tal-kwalità tax-xogħol;

jilqa’ l-enfasi fuq it-trijanglu tal-għarfien u l-ksib ta’ kwalifiki għolja; iżda xtaq dispożizzjonijiet iktar ambizzjużi għall-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-promozzjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ għan-nies b’diżabilità;

jikkritika l-fatt li b’mod ġenerali ma ssirx biżżejjed referenza għall-politika tal-ugwaljanza (eż. il-promozzjoni tan-nisa);

jilqa’ b’mod partikolari “il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar” bħala linja gwida separata u jemmen li għandha tenfasizza iktar it-tnaqqis tar-riskju tal-faqar fost it-tfal u ż-żgħażagħ;

iqis li t-tnaqqis tar-riskju tal-faqar jirrikjedi sensiela ta’ indikaturi stabbli u affidabbli li jkejlu u jsegwu l-progress, u li jkejlu wkoll pereżempju r-relazzjoni bejn id-dħul u l-kapaċità tal-akkwist kif ukoll il-konċentrazzjoni tad-dħul (koeffiċjenti ta’ Gini) u li b’hekk il-kwoti ta’ dawk li jinsabu fir-riskju tal-faqar għandhom jiddaħħlu mingħajr kwistjoni fost l-indikatur normali relattiv tal-faqar;

jemmen li d-dokument għandu jagħti indikazzjonijiet iktar ċari dwar l-intregrazzjoni tal-gruppi li huma f’riskju sproporzjonat ta’ faqar (pereżempju ommijiet li jgħixu waħidhom, migranti, anzjani b’pensjoni baxxa u persuni b’diżabilità).

2.   Kuntest: kritika għall-limitu taż-żmien qasir li stabbilixxew il-Kummissjoni u l-Kunsill

2.1   Nhar is-27 ta’ April 2010, il-Kummissjoni Ewropea proponiet sett ġdid ta’ linji gwida għall-politika tal-impjiegi fl-Istati Membri. Flimkien mal-linji gwida għall-politiki ekonomiċi, dawn jiffurmaw il-linji gwida integrati għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija UE-2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u integrat. Fil-25 u s-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew laħaq ftehim dwar l-istrateġija l-ġdida li ser tiġi adottata b’mod formali f’Ġunju.

2.2   Il-KESE kemm-il darba qabel mal-approċċ integrat u multiannwali għal strateġija futura tal-UE u kemm-il darba saħaq fuq il-fatt li l-parteċipazzjoni sħiħa tal-parlamenti, tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili fil-livell Ewropew u nazzjonali hija pilastru kruċjali li minnu jiddependi s-suċċess tal-koordinazzjoni tal-politika u għandu jiġi garantit fil-fażijiet kollha (1).

2.3   Fl-opinjoni tiegħu dwar l-Istrateġija tal-UE għal wara l-2010, il-KESE talab li hija u tiġi riveduta mill-ġdid l-istrateġija, jiġu eliminati l-ostakli strutturali għal parteċipazzjoni parlamentari effiċjenti u djalogu soċjali reali mas-soċjetà ċivili (2). Raġuni għal dan kienet li għal snin sħaħ il-konsultazzjonijiet li saru huma u jitfasslu u jiġġeddu l-linji gwida ma kinux sodisfaċenti.

2.3.1   Il-KESE f’bosta opinjonijiet wera d-dispjaċir tiegħu għal dan u ħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill li jbiddlu l-limitu taż-żmien b’mod partikolari matul is-snin fejn jiġu stabbiliti punti strateġiċi ta’ koordinazzjoni. Jeħtieġ li tiġi garantita l-parteċipazzjoni effettiva tal-atturi rilevanti soċjali u politiċi fil-livell nazzjonali u tal-UE fil-proċess ta’ tfassil tal-politika.

2.4   Għalhekk il-KESE aktar diżappuntat għall-fatt li anki din is-sena meta ġew stabbiliti l-prijoritajiet il-ġodda għall-għaxar snin li ġejjin tal-aġenda tat-tkabbir u l-impjiegi fil-qafas tal-Istrateġija UE-2020, il-Kunsill u l-Kummissjoni stabbilixxew limiti taż-żmien qosra wisq għall-adozzjoni tal-linji gwida. Dan ma jippermettix dibattitu reali mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u mal-parlamenti nazzjonali.

2.5   Il-KESE jinnota għalhekk li b’riżultat tal-perijodu qasir wisq ta’ żmien bejn il-pubblikazzjoni tal-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill u l-limitu ta’ żmien li fih trid titressaq id-Deċiżjoni mhux possibbli ssir konsultazzjoni bħal ma jsir is-soltu bejn il-partijiet interessati rrappreżentati fil-Kumitat. B’hekk il-KESE qed ikollu jifformula l-opinjoni tiegħu skont il-proċedura ta’ urġenza.

2.6   Il-KESE għalhekk jifhem lil kull min talab li d-deċiżjoni dwar il-linji gwida integrati tiġi posposta, b’mod partikolari f’sitwazzjoni fejn l-UE qed tfassal strateġija globali tal-iżvilupp għall-għaxar snin li ġejjin.

2.6.1   F’każ li din tiġi posposta bi ftit xhur, pass li l-KESE kieku jilqa’ b’sodisfazzjon, huwa jirriserva d-dritt li irrispettivament mill-kummenti u r-rakkomandazzjonijiet ta’ din l-opinjoni, jieħu pożizzjoni solida dwar il-linji gwida proposti f’opinjoni fuq inizjattiva proprja tiegħu wara konsultazzjoni wiesgħa biżżejjed.

3.   Kummenti ġenerali dwar il-linji gwida proposti

3.1   B’riżultat tal-kriżi ekonomika u tas-swieq finanzjarji, fis-snin li ġejjin l-Ewropa ser tiffaċċja sitwazzjoni diffiċli fil-qasam tal-impjieg. Skont studji attwali, jaf ikun hemm bżonn għaxar snin sħaħ sabiex jerġgħu jinkisbu l-10 miljun post tax-xogħol li ntilfu matul il-kriżi attwali (3). Għalhekk il-ġlieda kontra l-qgħad għandha tkun prijorità politika prinċipali tal-UE u tal-Istati Membri. Fil-fehma tal-KESE, il-linji gwida għandhom jirriflettu dan b’mod aktar ċar.

3.1.1   B’kollox in-numru ta’ linji gwida proposti tnaqqsu minn tmienja għal erba’ u skont il-pjanijiet tal-Kummissjoni għandhom jibqgħu l-istess sal-2014. Fil-prinċipju il-KESE jilqa’ din il-konċentrazzjoni u ċ-ċiklu bbażat fuq bosta snins iżda jemmen li bosta partijiet tat-test huma wisq ġenerali u ma huma xejn preċiżi. Huwa jibża’ li dan ser ifisser li l-linji gwida ser ikollhom effett limitat wisq fuq l-azzjoni li jieħdu l-Istati Membri. Għall-KESE huwa madanakollu ċar li inqas linji gwida jfissru bżonn ta’ indikaturi iktar ċari u affidabbli sabiex il-progress li jsir ikun jista’ jitkejjel u jiġi monitorjat. Dan jgħodd għall-miżuri għal gruppi speċifiċi iżda anki għall-ġlieda kontra l-faqar.

3.2   Flimkien ma’ dan, il-linji gwida li tressqu ma stabbilixxew kważi l-ebda miri kwantitattivi ħlief għal referenza għal dawn it-tliet miri segwenti tal-UE li għandhom iservu ta’ bażi għat-twaqqif tal-miri nazzjonali tal-Istati Membri:

żieda fir-rata tal-impjieg tan-nisa u l-irġiel ta’ bejn 20 u 64 sena għal 75 %;

tnaqqis ta’ 10 % fir-rata ta’ dawk li jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien u żieda fil-proporzjon tal-popolazzjoni ta’ bejn it-30 u l-34 sena li jispiċċaw l-edukazzjoni terzjarja jew kwalifika ekwivalenti b’ mill-inqas 40 %;

tnaqqis b’25 % fin-numru ta’ Ewropej li jgħixu taħt il-linji nazzjonali ta’ faqar, sabiex iktar minn 20 miljun persuna toħroġ mill-faqar.

3.2.1   Il-KESE jara f’dan dgħjufija fl-approċċ Ewropew u jiddubita kemm l-għotja ta’ responsabbiltà kważi esklussiva għat-tfassil tal-inizjattivi relatati mal-politika tal-impjieg lill-Istati Membri ser issaħħaħ l-impenn f’li jintlaħqu l-miri komuni.

3.3   Il-KESE ma jistax jifhem għalfejn il-Kummissjoni żammet lura milli tiformula miri Ewropej. Fid-dibattiti dwar l-istrateġija għal wara l-2010 huwa kien talab li l-miri komuni tal-istrateġija attwali ma jiġux abbandunati iżda wkoll li b’kunsiderazzjoni tas-sitwazzjonijiet individwali fil-pajjiżi tal-UE, jiġu formulati għanijiet iktar ambizzjużi minn ta’ qabel (4).

3.3.1   Dwar dan il-KESE ressaq bosta proposti f’diversi opinjonijiet fejn irrakkomanda li jiżdiedu l-miri li jistgħu jitkelju fil-linji gwida tal-impjiegi, li jolqtu fost oqsma oħra: l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-impjieg fost iż-żgħażagħ, il-ġlieda kontra kundizzjonijiet tax-xogħol mingħajr protezzjoni soċjali, il-ġlieda kontra l-faqar (anki fost dawk li jaħdmu) u l-impjieg tal-persuni b’diżabilità (5).

3.4   Għanijiet ċari bħall-għan li dawk li ilhom żmien twil qegħda jerġgħu jiddaħħlu fis-suq tax-xogħol, li ż-żgħażagħ jingħataw xogħol jew taħriġ fi żmien qasir, li jinħolqu faċilitajiet li jilqgħu lit- tat-tfal adegwati sabiex jinstab bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u l-familja, it-tnaqqis tad-differenzi fil-paga minħabba s-sessi eċċ. s’issa kienu l-pilastru ċentrali tal-istrateġija tal-impjiegi tal-UE u fil-fehma tal-KESE għandhom jibqgħu u fejn possibbli jissaħħu.

3.5   Il-KESE jikkritika l-fatt li fil-linji gwida proposti b’mod ġenerali ma ssirx biżżejjed referenza għall-politika tal-ugwaljanza bejn is-sessi b’mod partikolari l-promozzjoni tan-nisa. Min jixtieq jieħu l-impenn li jnaqqas ir-riskju tal-faqar fl-Ewropa bis-serjetà għandu jistabbilixxi għanijiet u inizzjattivi li jeliminaw id-diskriminazzjoni li teżisti fil-post tax-xogħol u l-kawżi strutturali ta’ differenzi fil-pagi relatati mas-sessi u għandhom jiġu eliminati wkoll l-ostakli li jeskludu n-nisa minn ċertu karrieri u jżommu lura l-intraprenditorija fost in-nisa (6). Il-linji gwida proposti ma jikkontribwixxux wisq f’din id-direzzjoni.

4.   Kummenti speċifiċi u proposti għal żidiet mal-erba’ linji gwida dwar l-impjieg

4.1   Linja gwida 7: Iż-żieda fil-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u tnaqqis fil-qgħad strutturali

4.1.1   Il-mira tal-UE li r-rata tal-impjieg tan-nisa u l-irġiel ta’ bejn 20 u 64 sena tiżdied għal 75 % sas-sena 2020 hija appoġġjata mill-KESE fil-prinċipju. Dan għan ambizzjuż ħafna għax ma jinvolvix biss żieda fir-rata globali tal-grupp speċifiku iżda għax (meta mqabbel mal-mira preċedenti) jeskludi wkoll dawk li jaqgħu taħt l-età ta’ bejn 15-19. Il-KESE jistaqsi għaliex qed issir din l-esklużjoni tal-ħaddiema żgħażagħ mill-kalkolu tar-rata totali ta’ impjieg.

4.1.2   B’rabta ma’ dan il-KESE jinnota wkoll li fis-sitwazzjoni attwali ta’ kważi 24 miljun qiegħda, il-problema tas-suq tax-xogħol mhix in-nuqqas ta’ forza tax-xogħol b’mod ġenerali iżda f’xi Stati Membri n-nuqqas ta’ ħaddiema kwalifikati kif ukoll in-nuqqas kbir ta’ impjiegi disponibbli. Għalhekk sabiex tiżdied il-parteċipazżjoni fis-suq tax-xogħol u għall-ħolqien tal-impjiegi hemm bżonn ta’ miżuri u forom ta’ impjiegi intelliġenti għal distribuzzjoni aħjar tax-xogħol.

4.1.3   Fid-dawl tal-livell għoli ta’ qgħad fl-UE, il-politika m’għandhiex tillimita ruħha biss li ttejjeb l-impjegabbiltà tal-ħaddiema. L-enfasi fil-futur għandha tkun iktar fuq l-investimenti mmirati lejn il-futur bħal fl-oqsma tar-Riċerka u l-Iżvilupp, it-taħriġ, l-infrastruttura, is-saħħa u s-servizzi soċjali sabiex jinħolqu l-impjiegi, kif ukoll biex il-potenzjal tal-impjieg jintuża b’mod effiċjenti.

4.1.4   B’rabta ma’ dan il-KESE huwa mħasseb ukoll dwar il-fatt li l-għan tal-impjieg sħiħ (li kien wieħed ċentrali fil-linji gwida l-qodma) fil-qafas tal-linji gwida l-ġodda ma jidhirx. L-unika referenza li saret kienet għall-eliminazzjoni tal-qgħad strutturali u għat-tnaqqis tal-“inattività”. Fil-fehma tal-KESE din il-linja gwida għandha tiġi riveduta biex tkun orjentata lejn l-impjieg sħiħ.

4.1.5   Sabiex fejn possibbli nevitaw, fil-kuntest tal-kriżi, żieda fl-ammont ta’ nies li qed ifittxu x-xogħol u sabiex il-qgħad ma jitħalliex jinfirex b’mod strutturali, hemm bżonn li l-linji gwida l-ġodda kollha jinkludu taħlita makroekonomika bilanċjata tal-politika ekonomika tal-provvista u dik tad-domanda.

4.1.5.1   Fil-fehma tal-KESE, il-linji gwida b’mod ġenerali u b’mod partikolari din il-linja gwida ma jipprovdux għal dan. Fir-rigward tar-rakkomandazzjonijiet ta’ politika li jolqtu s-suq tax-xogħol, dawn jenfasizzaw wisq in-naħa tal-provvista (it-titjib tal-impjegabbiltà). Dan għandu jiġi bilanċjat permezz ta’ konsiderazzjoni ikbar tal-politika tad-domanda intelliġenti, li tippromovi t-tkabbir u l-innovazzjoni fil-ġejjieni u li tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ postijiet tax-xogħol addizzjonali.

4.1.6   Ma ssirx referenza għall-fatt li sabiex ikun hemm tkabbir li jistabbilizza s-suq tax-xogħol hemm bżonn, fuq kollox, li tissaħħaħ id-domanda interna (investimenti privati u pubbliċi). Mhuwiex iċċarat ukoll il-fatt li l-miżuri li jappoġġjaw l-ekonomija u l-investimenti li jiżguraw l-impjiegi m’għandhomx jitwarrbu minn kmieni sabiex tiġi evitata żieda oħra fil-qgħad. B’rabta ma’ dan il-KESE jemmen li “strateġija ta’ ħruġ” jew pjanijiet ta’ tisħiħ hekk kif stabbiliti fil-linji gwida ekonomiċi jistgħu jiġu ffurmati biss sakemm ikunu konformi mal-kundizzjonijiet ekonomiċi u tal-impjiegi.

4.1.7   F’dak li għandu x’jaqsam mar-rakomandazzjonijiet għall-Istati Membri li jintegraw il-prinċipji tal-flessigurtà fil-politika tax-xogħol tagħhom, jeħtieġ li tinġibed l-attenzjoni għall-fatt li l-linja gwida ma tirreferix għall-fatt li l-kwalità tax-xogħol għandha tingħata daqstant importanza daqs il-flessigurtà, hekk kif talab il-KESE bosta drabi (7).

4.1.8   Il-KESE jitlob ukoll kjarifika tal-fatt li l-attivazzjoni tan-nies sabiex ifittxu xogħol l-ewwel u qabel kollox għandha ssir billi jiġu provduti servizzi effiċjenti tas-suq tax-xogħol u mhux daqstant permezz ta’ inċentivi ta’ benefiċċju għall-qgħad. Huwa jipproponi li fl-aħħar sentenza tal-ewwel paragrafu titneħħa l-parti li tgħid “akkumpanjati minn drittijiet u responsabbiltajiet ċari sabiex in-nies qiegħda jfittxu x-xogħol b’mod attiv”. Fid-dawl tal-kriżi il-KESE jemmen li r-rakkomandazzjijiet għal kundizzjonijiet iktar stretti fejn jidħlu benefiċċji għall-qgħad jistgħu jiġu eliminati.

4.2   Linja-gwida 8: L-iżvilupp ta’ forza tax-xogħol b’kapaċitajiet li jirreflettu l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, il-promozzjoni tal-kwalità tal-impjiegi u t-tagħlim tul il-ħajja

4.2.1   Minkejja li l-Kumitat huwa sodisfatt li għall-inqas fit-titlu ssir referenza għall-kwalità tax-xogħol, daqstant ieħor jinsab sorpriż li ma jsirux stqarrijiet konkreti dwar dan (pereżempju dwar it-temi tal-promozzjoni tas-saħħa fil-post tax-xogħol, paga li tiggarantixxi l-għajxien, il-ġestjoni tas-sigħat tax-xogħol, il-prevenzjoni ta’ sigħat tax-xogħol eċċessivi, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja). Huwa stenna wkoll li l-promozzjoni tal-kwalità tax-xogħol tiġi relatata iktar mal-istrateġija tal-flessigurtà sabiex b’hekk tiġi enfasizzata l-importanza tal-flessigurtà interna kif ukoll esterna għax fuq kollox kienu s-swieq tax-xogħol flessibbli u interni li preservaw ruħhom l-iktar matul il-kriżi.

4.2.2   Peress li l-kontenut ta’ din il-linja gwida huwa simili għal dak tal-linja gwida 9, ta’ min jikkunsidra l-amalgamazzjoni tat-tnejn sabiex b’hekk tiġi evitata r-repetizzjoni. Min-naħa l-oħra għandha tiġi introdotta linja gwida partikolari dwar l-appoġġ tal-kwalità tax-xogħol.

4.2.2.1   Il-KESE kemm-il darba stqarr li meta jiġi stabbilit għan kwantitattiv għat-titjib tar-rati tal-impjieg, id-dimensjoni kwalitattiva tat-tkabbir fl-impjiegi tikseb importanza partikolari għax l-impjieg għal kwalunkwe prezz (kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji, ħaddiema foqra eċċ.) mhuwiex is-soluzzjoni.

4.2.3   B’rabta ma’ dan il-Kumitat itenni t-talba tiegħu li jerġgħu jiġu stabbiliti l-miri kwalitattivi tal-impjiegi li ntilfu matul ir-reviżjoni tal-Istrateġija ta’ Lisbona tul dawn l-aħħar snin (l-indikaturi ta’ Laeken għall-kejl tal-kwalità tal-impjiegi) (8).

4.2.4   B’rabta ma’ dan il-KESE jissuġġerixxi wkoll il-monitoraġġ sistematiku tal-impjiegi l-ġodda li jinħolqu abbażi ta’ kriterji ta’ kwalità u jirrakkomanda li ssir referenza għall-isfidi prinċipali tas-suq tax-xogħol Ewropew hekk kif ġew identifikati b’mod konġunt mill-imsieħba soċjali Ewropej (9). Fosthom insibu l-fatt li l-liġi tal-impjiegi għandha tippromovi kuntratti stabbli u li kull minn hu impjegat, irrispettivament minn x’tip ta’ kuntratt ikollu, għandu jgawdi minn drittijiet adegwati li jħarsuh u mis-sigurtà tax-xogħol.

4.3   Linja-gwida 9: It-titjib fil-prestazzjoni tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livelli kollha u ż-żieda fil-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni terzjarja

4.3.1   Fil-fehma tal-KESE, politika għall-ħolqien ta’ “xogħol ta’ kwalità” li tinkludi miri ambizzjużi fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ ġenerali u professjonali u fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja, tikkontribwixxi b’mod sostanzjali għat-tkabbir u ż-żieda fil-produttività. Għalhekk il-KESE huwa sodisfatt li din tingħata prijorità.

4.3.2   L-istess bħal-linja gwida preċedenti din tinkludi wkoll referenzi għal indikatur għaż-żgħażagħ li jinsabu fir-riskju tal-esklużjoni mis-suq tax-xogħol. Bil-għan li jitnaqqas in-numru ta’ żgħażagħ li mhumiex impjegati, fl-edukazzjoni jew fit-taħriġ, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex iwaqqfu l-ħruġ kmieni mill-iskola. Dan il-punt ċentrali, fil-fehma tal-KESE għandu jiġi enfasizzat iktar pereżempju billi jinżammu miri ambizzjużi bħal

it-tnaqqis tal-qgħad fost iż-żgħażagħ b’mill-inqas 50 %

żmien massimu ta’ erba’ xhur biex iż-żgħażagħ jidħlu fis-suq tax-xogħol jew f’xi skema ta’ apprendistat.

4.3.3   Il-KESE jfakkar li sabiex tinkiseb il-mira UE-2020 ta’ rata tal-impjieg ta’ 75 % fil-politika tal-impjiegi hemm bżonn ta’ miżuri adegwati għall-persuni b’diżabilità li jiffurmaw 16 % tal-popolazzjoni li tista’ taħdem. F’dan ir-rigward il-Kumitat huwa sodisfatt li dan il-grupp tal-popolazzjoni jissemma b’mod espliċitu fil-linji gwida 7 u 10. Huwa kien japprezza wkoll li kieku l-edukazzjoni u t-taħriġ inklusivi ssemmew fil-linja gwida 9 għall-persuni b’diżabilità.

4.4   Linja-gwida 10: Il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar

4.4.1   Il-KESE jilqa’ bis-sħiħ il-linja gwida “Il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar” bħala linja separata. Dan jikkonferma punt li kien ilu jsir dwar in-nuqqas ta’ ugwaljanza soċjali li dejjem qed jiżdied fl-Ewropa u jappella għal miżuri konġunti għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali. Għal dan hemm bżonn ta’ pakkett sħiħ ta’ miżuri mmirati lejn gruppi speċifiċi. F’din il-linja gwida il-KESE jixtieq jara iktar enfasi fuq it-tnaqqis tar-riskju tal-faqar fost it-tfal u ż-żgħażagħ.

4.4.2   It-tnaqqis tar-riskju tal-povertà jitlob sensiela ta’ indikaturi stabbli u affidabbli sabiex il-progress ikun jista’ jitkejjel u jiġi monitorjat. Il-KESE għalhekk jitlob li l-kwota ta’ dawk li jinsabu fir-riskju tal-faqar tiġi stabbilita mingħajr kwistjoni bħala indikatur normali relattiv tal-faqar. Fil-fehma tal-KESE jagħmel sens li jiġu żviluppati indikaturi oħra li jkejlu wkoll pereżempju r-relazzjoni bejn id-dħul u l-kapaċità tal-akkwist kif ukoll il-konċentrazzjoni tad-dħul (koeffiċjenti ta’ Gini). Dan m’għandux idgħajjef il-mira prinċipali.

4.4.3   Il-KESE huwa sodisfatt bir-rakkomandazzjoni lill-Istati Membri li biex jitnaqqas il-faqar għandhom jimmiraw fuq il-parteċipazzjoni sħiħa fis-soċjetà u l-ekonomija u l-estensjoni tal-opportunitajiet tal-impjiegi.

4.4.3.1   Il-KESE jaqbel mal-konklużjonijiet ta’ studju reċenti tal-Kummissjoni li l-miżuri mmirati li jgħinu lil dawk li jaħdmu iżda huma fqar għandhom jingħataw prijorità fl-isforzi sabiex jiġu miġġielda l-faqar u l-esklużjoni soċjali (10). Huwa jissuġġerixxi li tiġi żgurata paga li tiggarantixxi l-għajxien sabiex b’hekk jiġi miġġieled it-tkabbir tas-settur tal-pagi baxxi. Dan jinkludi:

l-eliminazzjoni tal-kundizzjonijiet prekarji tax-xogħol favur impjiegi permanenti bis-sigurtà soċjali;

il-ħarsien soċjali matul it-transizzjonijiet bejn it-taħriġ u x-xogħol;

il-promozzjoni ta’ approċċi effiċjenti taħt politika tas-suq tax-xogħol attiva għall-ħolqien tat-taħriġ u l-impjiegi b’mod partikolari għal dawk li huma esklużi mis-suq tax-xogħol minħabba f’nuqqas ta’ taħriġ;

il-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-integrazzjoni ta’ dawk li huma esklużi mis-suq tax-xogħol.

4.4.3.2   Dawn il-punti għandhom jiġu inklużi jew jiġu enfasizzati iktar f’din il-linja gwida. B’rabta ma’ dan il-KESE itenni l-proposta reċenti tiegħu li jiġu introdotti miri għad-dħul minimu u s-sistemi ta’ sostituzzjoni għad-dħul.

4.4.4   Il-ġlieda kontra l-faqar tirrikjedi b’mod partikolari miżuri ta’politika tal-impjiegi u tal-edukazzjoni għall-gruppi li huma f’riskju sproporzjonat ta’ faqar (pereżempju ommijiet li qed irabbu t-tfal waħidhom, migranti, anzjani b’pensjonijiet baxxi u persuni b’diżabilità). Kienu jkunu mixtieqa wkoll miri ċari dwar l-integrazzjoni ta’ dawn in-nies fis-soċjetà u fis-suq tax-xogħol.

4.4.5   Il-KESE jinnota b’mod pożittiv li jissemma’ r-rwol importanti tal-ekonomija soċjali fil-ħolqien u ż-żamma tal-impjiegi u fil-ġlieda kontra l-faqar u li l-Istati Membri huma mħeġġa b’mod speċifiku li jippromovuh. Dan jikkonforma mat-talba tal-KESE li jintuża bis-sħiħ il-potenzjal tal-ekonomija soċjali b’mod partikolari għall-ħolqien tal-impjiegi fil-qasam tas-servizzi soċjali.

Brussell, 27 ta’ Mejju 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Opinjoni tal-KESE, 31.5.2005, “Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-linji gwida għall-politika dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (skont Artikolu 128 - Trattat KE)”, COM(2005) 141 finali. - 2005/0057 (CNS), Relatur: is-Sur Malosse (ĠU C 286, 17.11.2005) u tat-13.2.2008 dwar “Il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-linji gwida ta’ politika dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (skont Artikolu 128 - Trattat KE)”, COM(2007) 803 finali/2 (Il-V parti) – 2007/0300 (CNS), Relatur: is-Sur Greif (ĠU C 162/92, 25.6.2008)

(2)  ĠU C 128, 18.5.2010, p. 3.

(3)  Skills supply and demand in Europe: medium-term forecast up to 2020 (Cedefop, 2010), p. 35 ff.

(4)  ĠU C 128, 18.5.2010, p. 3.

(5)  Opinjonijiet tal-KESE

 

tat-30.9.2009 dwar it-tema “Ix-xogħol u l-faqar: lejn l-approċċ olistiku meħtieġ”, relatur: is-Sinjura Prud’homme (ĠU C 318/52, 23.12.2009)

 

tal-1.10.2009 dwar it-tema “Ir-Rabta bejn l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, it-tkabbir ekonomiku u r-rata tal-impjieg”, Relatur: is-Sinjura Ouin (ĠU C 318/15, 23.12.2009)

 

tal-1.10.2009, dwar “il-Komunikazzjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni dwar Strateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ – Investiment u Responsabbilizzazzjoni Metodu miftuħ u mġedded ta’ koordinazzjoni biex jindirizza l-isfidi u l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ”, COM(2009) 200 finali, relatur: is-Sur Sibian (ĠU C 318/113, 23.12.2009).

(6)  Opinjoni tal-KESE, 29.9.2005 dwar it-tema “Il-faqar fost in-nisa fl-Ewropa”, relatur: is-Sinjura King (ĠU C 24, 31.1.2006; (mhux disponibbli bil-Malti) u tat-12.7.2007 dwar it-tema L-impjieg tal-kategoriji ta’ prijorità (l-Istrateġija ta’ Lisbona), relatur is-Sur Greif (ĠU C 256, 27.10.2007); ara wkoll, Ir-rapport dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, COM(2009) 694

(7)  Opinjoni tal-KESE tat-22.4.2008 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Lejn Prinċipji Komuni ta’ Flessigurtà: Aktar impjiegi u impjiegi aħjar permezz tal-flessibbiltà u s-sigurtà”, COM(2007) 359 finali, relatur: is-Sur Janson, korelatur: is-Sur Ardhe (ĠU C 211, 19.8.2008; Opinjoni tal-KESE, 4.11.2009, “L-Istrateġija ta’ Lisbona wara l-2010”, relatur ġenerali: is-Sur Greif, KESE 1722/2009, Punt 3.4.3.

(8)  ĠU C 128, 18.5.2010, p. 3.

(9)  Key challenges facing European labour markets: Joint analysis of European Social Partners (2007), p. 61f.

(10)  Working poor in Europe, Eurofound-Study 2010


ANNESS

għall-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Din l-emenda li ma ntlaqgħatx irċeviet mill-inqas kwart tal-voti:

Punt 4.2.2

Ibdel kif ġej:

“Peress li l-kontenut ta’ din il-linja gwida huwa simili għal dak tal-linja gwida 9, ta’ min jikkunsidra l-amalgamazzjoni tat-tnejn sabiex b’hekk tiġi evitata r-repetizzjoni. Min-naħa l-oħra għandha linja gwida partikolari dwar l-kwalità tax-xogħol.”

Raġuni

Evidenti

Ir-riżultat tal-vot:

Favur

:

58

Kontra

:

73

Astensjonijiet

:

2


Top
  翻译: