Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AE1250(04)

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-Ajru Uniku Ewropew II +” (opinjoni esploratorja)

ĠU C 198, 10.7.2013, p. 9–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

10.7.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 198/9


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-Ajru Uniku Ewropew II +” (opinjoni esploratorja)

2013/C 198/02

Relatur: is-Sur KRAWCZYK

Nhar l-24 ta’ Jannar 2013, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

L-Ajru Uniku Ewropew II +

(Opinjoni esploratorja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-3 ta’ April 2013.

Matul l-489 … sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-17 u t-18 ta’ April (seduta tas-17 ta’ April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’188 vot favur, 2 voti kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

L-ikkompletar tal-Ajru Uniku Ewropew (SES – Single European Sky) tal-UE jagħmel parti integrali mill-proċess għat-titjib tal-kompetittività u t-tkabbir tal-ekonomija tal-UE billi jsaħħaħ iżjed is-suq uniku Ewropew. L-għan tiegħu huwa li jipprovdi kundizzjonijiet tal-ivvjaġġar bl-ajru li jkunu aħjar, iżjed effettivi u affidabbli għaċ-ċittadini Ewropej.

1.2

Il-kriżi li għadha għaddejja fis-settur tal-avjazzjoni tal-UE, u b’mod partikolari fl-industrija tal-linji tal-ajru titlob b’iżjed qawwa l-implimentazzjoni urġenti tal-SES. Huwa tal-akbar importanza li s-servizzi marbuta mal-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Ewropew (ATM) ikollhom livell ta’ effiċjenza f’termini ta’ prestazzjoni, ekonomiji, kwalità, sigurtà u protezzjoni tal-ambjent, li jixbah lill-aħjar prattiki globali.

1.3

B’konformità mal-Opinjonijiet preċedenti tiegħu TEN/451 (20/06/2011) u TEN 354/355 (21/01/2009) il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-ħtieġa ta’ implimentazzjoni f’waqtha u komprensiva tal-SES u l-inizjattivi relatati mar-Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew (SESAR) fi ħdan l-ambitu li oriġinarjament intlaħaq ftehim dwaru fl-2004 u l-2009. L-istrumenti legali previsti fir-regolamenti tal-UE għall-Kummissjoni Ewropea huma biżżejjed biex jintlaħaq dan l-għan. Minħabba l-kriżi għadu għaddej minnha s-settur tal-avjazzjoni tal-UE u b’mod partikolari l-industrija tal-linji tal-ajru, tista’ ssir riflessjoni dwar l-għanijiet għall-2025.

1.4

Il-KESE jiddispjaċih li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri li l-miri kienu indirizzati għalihom naqsu milli jikkonformaw ma’ dawn il-miri mingħajr ma ffaċċjaw l-ebda konsegwenza legali effettiva. Il-KESE jiddispjaċih ukoll li l-biċċa l-kbira tal-inizjattiva tal-blokk ta’ spazju tal-ajru funzjonali (FAB – Functional Airspace Block) ma tatx ir-riżultati mistennija u li ma ġietx rispettata l-iskadenza vinkolanti tal-4 ta’ Diċembru 2012.

1.5

F’dan il-kuntest, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-pjan tal-Kummissjoni li tagħti iżjed impetu lill-SES permezz tal-inizjattiva hekk imsejħa SES II+.

1.6

Il-KESE huwa tal-fehma li r-reviżjoni tal-qafas legali attwali tal-SES m’għandhiex tiffoka biss fuq l-iżviluppi istituzzjonali u fuq it-titjib taċ-ċarezza ġuridika, iżda wkoll fuq it-tisħiħ tal-elementi li ġejjin:

komponenti minn fuq għal isfel biex jikkomplementaw l-approċċ minn isfel għal fuq;

infurzar aħjar ta’ implimentazzjoni f’waqtha u sostanzjali tal-SES permezz ta’ sanzjonijiet għan-nonkonformità;

is-separazzjoni tas-servizzi anċillari tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ATM), billi tiftaħhom iżjed għall-kompetizzjoni u l-forzi tas-suq;

id-definizzjoni ta’ għanijiet fejn il-kwalità tas-servizz u t-titjib tal-effiċjenza jingħataw importanza ndaqs;

sehem ikbar min-naħa tal-utenti tal-ispazju tal-ajru.

1.7

L-industrija Ewropea tal-linji tal-ajru qiegħda f’sitwazzjoni ekonomika diffiċli ħafna, li diġà kkawżat it-telf ta’ eluf ta’ impjiegi. Għalhekk, l-implimentazzjoni tal-SES u ż-żieda fl-effiċjenza tiegħu huma importanti wkoll biex jitħarsu l-impjiegi f’din il-parti tal-katina ta’ valur tal-avjazzjoni.Il-ħames pilastru tal-SES huwa fundamentali hawnhekk f’termini ta’ adegwatezza peress li jindirizza l-isfidi fir-rigward tal-impjiegi, il-mobbiltà tal-ħaddiema, il-bidliet fil-ġestjoni tal-persunal u t-taħriġ vokazzjonali. Għaldaqstant, id-djalogu soċjali għandu jkun imsaħħa u jħares lil hinn minn sempliċement is-settur tal-ATM u jkopri wkoll il-parteċipazzjoni ta’ msieħba soċjali oħrajn apparti r-rappreżentanti tal-provveditur ta’ servizz tan-navigazzjoni bl-ajru (ANSP), u għandu jwessa’ l-ambitu tiegħu biex jiġu diskussi l-konsegwenzi soċjali għall-ħaddiema tas-settur tal-ATM, il-kumpaniji tal-ajru u tal-ajruporti u l-modi kif jitħarsu l-impjiegi fl-industrija usa’ tal-avjazzjoni fil-livell tal-UE.

1.8

L-Istati Membri, inklużi dawk li għadhom lura fl-implimentazzjoni tal-SES, għandhom jippreżentaw l-istrateġiji tagħhom għall-iżvilupp futur tas-settur tat-trasport bl-ajru.

1.9

Il-KESE jemmen li l-livell għoli ta’ sikurezza miksub mis-settur tal-avjazzjoni tal-UE għandu jibqa’ assolutament importanti. Huwa fundamentali li jiġi żgurat li l-miżuri neċessarji sabiex jintlaħqu l-għanijiet ekonomiċi jkomplu jappoġġjaw iż-żieda fil-livell tas-sikurezza.

2.   Introduzzjoni

2.1

L-ikkompletar tal-Ajru Uniku Ewropew (SES – Single European Sky) jagħmel parti integrali mill-proċess għat-titjib tal-kompetittività u t-tkabbir tal-ekonomija tal-UE billi jsaħħaħ iżjed is-suq uniku Ewropew. L-SES għandu l-għan li jtejjeb l-effiċjenza globali tal-mod li bih l-ispazju tal-ajru Ewropew jiġi organizzat u ġestit. Dan jnkludi t-tnaqqis tal-ispejjeż, it-titjib tas-sigurtà u l-kapaċità u t-tnaqqis tal-impatt fuq l-ambjent. L-għan tiegħu huwa li jipprovdi kundizzjonijiet tal-ivvjaġġar bl-ajru li jkunu aħjar, iżjed effettivi u affidabbli għaċ-ċittadini Ewropej.

2.2

Fid-dawl tar-rapporti reċenti tal-Eurocontrol (ACE Benchmarking Report 2010. abbozz tal-ACE Benchmarking Report 2011 u abbozz tal-PRU Report 2011), jeħtieġ li jingħad li matul il-perjodu 2007-2011 kien hemmm bosta tibdil. Għaldaqstant, kwalunkwe analiżi tal-varjazzjoni globali fil-kosteffettività m’għandhiex issir mingħajr ma jiġu kkunsidrati l-avvenimenti prinċipali matul dan il-perjodu.

2.3

Fl-2010, l-ispiża annwali kkawżata mill-frammentazzjoni tal-ispazju tal-ajru Ewropew kienet ta’ EUR 4 biljun. Dan jinkludi d-19,4 minuti ta’dewmien minħabba l-ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru (air traffic flow management – ATFM) waqt it-titjiriet; barra minn hekk, kull titjira, bħala medja, kienet 49 km itwal mir-rotta ta’ titjira diretta. Fil-livell Ewropew, l-ispiża ekonomika għal kull siegħa ta’ titjira b’mod kompost żdiedet kemxejn bejn l-2006 u l-2009 (jiġifieri +1 % fis-sena f’termini reali); żdiedet b’mod sostanzjali fl-2010 (jiġifieri +4,6 % f’termini reali) qabel ma reġgħet niżlet fl-2011 (-4,3 %) qabel l-Ewwel Perjodu ta’ Referenza tal-SES II. Fl-2010, l-ispejjeż relatati mal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru/il-komunikazzjoni, in-navigazzjoni u s-sorveljanza (ATM/CNS) naqsu b’-4,8 % f’termini reali, li ġie kkonsmat minn żieda sostanzjali fl-ispejjeż għal kull unità tad-dewmien fil-qasam tal-ATFM (+77,5 %) li, għall-kuntrarju, naqsu b’42 % fl-2011.

2.4

Il-varjazzjoni kbira fl-ispejjeż totali li ġarrbu l-linji tal-ajru għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, li fl-2010 kienu jvarjaw minn EUR 849 sa EUR 179 – jiġifieri fattur ta’ ’l fuq minn 5 – hija ta’ importanza partikolari. Barra minn hekk, il-ħames l-ikbar ANSPs, li lkoll joperaw taħt kundizzjonijiet ekonomiċi u operattivi li, b’mod ġenerali, huma simili, taw xhieda ta’ differenzi kbar ħafna fl-ispejjeż tagħhom għal kull unità, li kienu jvarjaw bejn EUR 466 u EUR 720. Din id-distribuzzjoni twassal messaġġ ċar li mhux qed ikun hemm l-aqwa ATM possibbli fl-Ewropa.

2.5

Ir-riżultati tal-iskemi tal-SES I u l-SES II (introdotti fl-2004 u l-2009 rispettivament) juru li l-prinċipji u d-direzzjoni ġenerali tal-inizjattiva tal-SES huma validi u li saru biżżejjed sforzi biex ir-regoli tal-ATM ikunu l-aħjar possibbli, liema ħaġa diġà qed tibda tagħti l-frott. Iżda dawn l-iskemi wrew ukoll għadd ta’ dgħufijiet, l-iżjed dovuti għan-nuqqas tal-Istati Membri li jipprovdu linji ċari dwar il-prijoritajiet attwali tagħhom fil-qasam tan-navigazzjoni. Il-prijoritajiet tagħhom ivarjaw minn kwistjonijiet bħall-ħolqien ta’ valur miżjud għall-utenti tal-ispazju tal-ajru sal-massimazzjoni tad-dħul tagħhom mill-operazzjonijiet tal-ajru, kif ukoll l-użu tal-avjazzjoni bħala għodda għall-iżvilupp reġjonali u mikroekonomiku. Għalhekk, il-provvista tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru (air navigation services – ANS) fl-Ewropa għadha turi nuqqasijiet kbar mil-lat tal-effiċjenza u l-kwalità tagħha, iżda ma hemm l-ebda spjegazzjoni ċara dwar din is-sitwazzjoni. Barra minn hekk, l-istruttura istituzzjonali attwali mhijiex fl-aqwa qagħda possibbli peress li fiha għadd kbir ta’ dupplikazzjonijiet, lakuni u nuqqas ta’ direzzjoni komuni fost id-diversi partijiet interessati. Għalhekk, jeħtieġ li l-qafas istituzzjonali tal-SES jissaħħaħ.

2.6

Is-SESAR (Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew) hija l-element teknoloġiku tal-SES. Skont studju mill-Impriża Konġunta SESAR, l-impatt makroekonomiku tas-SESAR jista’ jiġġenera PDG addizzjonali ta’ EUR 418-il biljun għall-ekonomija Ewropea u joħloq mat-320 000 impjieg. L-ikkompletar tal-programm tas-SESAR ser jeħtieġ investimenti kbar mill-utenti tal-ispazju tal-ajru, li diffiċilment jiġu ġġustifikati sakemm ma jiġix stabbilit redditu aċċettabbli fuq l-investimenti abbażi tal-implimentazzjoni sinkronizzata tal-elementi tal-art u tal-ajru, fosthom l-utenti tal-ispazju tal-ajru, l-ANSPs u l-ajruporti. Jeħtieġ li l-qafas istituzzjonali jevolvi biex jiġi żgurat li l-implimentazzjoni tas-SESAR tirnexxi; fl-istess ħin, għandhom isiru studji sodi dwar ir-relazzjoni bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji min-naħa tal-partijiet kooperattivi kollha għas-sensiela sħiħa ta’ proġetti ta’ investiment tul il-katina ta’ valur kollha kemm hi tal-avjazzjoni.

2.7

Għalhekk, il-Kummissjoni Ewropea tippjana li toħroġ pakkett leġislattiv (SES II+) li jibni fuq l-inizjattivi eżistenti tal-SES u li ser ifittxu li jtejbu iżjed il-kosteffiċjenza, il-kapaċità, is-sikurezza u l-kwalità regolatorja.

2.8

Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni Ewropea, l-inizjattiva SES II+ ser ikollha l-għan li:

tagħti spinta lill-prestazzjoni dgħajfa tas-Servizzi tal-ANS billi ġġedded l-FABs, tiżgura l-finanzjament għall-implimentazzjoni tas-SESAR, taġġorna l-iskema għall-iċċarġjar tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru, timmodernizza t-teknoloġija billi tikkompleta s-SESAR u tistabbilixxi miri ta’ prestazzjoni iżjed effiċjenti;

ittejjeb l-istruttura istituzzjonali attwali li mhux qed tiffunzjona tajjeb daqskemm huwa possibbli permezz ta’ għadd ta’ miżuri, fosthom: li r-regolazzjoni ekonomika tiġi kkonċentrata fi ħdan il-Kummissjoni filwaqt li l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) tkun responsabbli għar-regolazzjoni teknika u s-sorveljanza; li l-Eurocontrol jiġi rikonoxxut bħala korp li jappoġġja l-implimentazzjoni għal dawn l-istituzzjonijiet u l-amministrazzjonijiet nazzjonali; tissaħħaħ il-governanza tal-amministratur tan-netwerks u tiċċara l-oqfsa tal-SES u l-EASA billi tneħħi d-dupplikazzjonijiet u fl-aħħar nett tiżviluppa Aġenzija Ewropea tal-Avjazzjoni, li tħaddan l-aspetti kollha involuti fis-sorveljanza tal-industrija Ewropea tal-avjazzjoni – inklużi kwistjonijiet tekniċi, ekonomiċi u dawk relatati mas-sikurezza;

tfassal mill-ġdid l-istrumenti regolatorji f’att konsistenti wieħed;

tistieden lill-Istati Membri jadattaw il-Eurocontrol għall-ambjent istituzzjonali l-ġdid.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

B’konformità mal-Opinjonijiet preċedenti tiegħu TEN/451 (20/06/20110 u TEN 354/355 (21/01/2009) il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-ħtieġa ta’ implimentazzjoni f’waqtha u komprensiva tal-Ajru Uniku Ewropew tal-UE u l-inizjattivi tas-SESAR. Din il-kwistjoni għandha ġġib magħha sens ikbar ta’ urġenza, peress li bħalissa s-sitwazzjoni ekonomika ta’ ħafna linji tal-ajru Ewropej hija ħażina ħafna.

3.2

Il-KESE jistenna li l-implimentazzjoni tal-pakkett tal-SES tiġi kkompletata bis-sħiħ, jiġifieri fi ħdan l-ambitu li oriġinarjament intlaħaq ftehim dwaru fl-2004 u l-2009. L-istrumenti legali previsti fir-regolamenti tal-UE għall-Kummissjoni Ewropea huma biżżejjed f’dan ir-rigward.

3.3

F’dan il-kuntest, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-pjan tal-Kummissjoni li tagħti impetu ġdid lill-inizjattiva tal-SES. Jinħtieġ li l-Istati Membri kollha tal-UE jirrispettaw l-impenji politiċi preċedenti tagħhom li jimplimentaw bis-sħiħ l-SES f’ħin f’waqtu. Huwa wkoll ta’ importanza fundamentali li l-Kummissjoni Ewropea żżomm tmexxija soda u sens ta’ responsabbiltà fil-proċess kollu tal-implimentazzjoni.

3.4

Meta nqisu r-riżultati relattivament dgħajfin tal-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew (SES) wara d-dħul fis-seħħ tal-SES I f’April 2004 u tal-SES II f’Diċembru 2009, il-KESE huwa tal-fehma li r-reviżjoni tal-qafas legali attwali tal-SES m’għandhiex tiffoka jiffoka biss fuq l-iżviluppi istituzzjonali iżda wkoll fuq it-tisħiħ tal-elementi li ġejjin:

komponenti minn fuq għal isfel biex jikkomplementaw l-approċċ minn isfel għal fuq;

preżentazzjoni ċara tal-istrateġiji tal-Istati Membri, b’mod partikolari dawk li jistgħu jmorru kontra l-implimentazzjoni tal-SES;

it-tisħiħ tal-implimentazzjoni f’waqtha u sostanzjali tal-SES permezz ta’ sanzjonijiet għan-nonkonformità;

is-separazzjoni obbligatorja tas-servizzi anċillari tal-ATM, permezz tal-ftuħ tagħhom għal kompetizzjoni u forzi tas-suq ikbar;

id-definizzjoni ta’ għanijiet li jimmiraw lejn servizz ta’ kwalità u titjib fl-effiċjenza b’mod indaqs;

sehem ikbar min-naħa tal-utenti tal-ispazju tal-ajru;

parteċipazzjoni iżjed wiesgħa mill-imsieħba soċjali – minbarra sempliċement ir-rappreżentanti tal-ANSP – bħala parti minn djalogu soċjali fi ħdan il-qafas tal-SES II+.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Il-KESE jiddispjaċih li għadd sostanzjali tal-Istati Membri li l-miri kienu indirizzati għalihom naqsu milli jikkonformaw mal-miri ta’ prestazzjoni mingħajr l-ebda konsegwenza legali effettiva. Il-pjani nazzjonali ta’ prestazzjoni li tressqu dan l-aħħar juru li dawn l-Istati Membri taffew il-miri tagħhom terġa’ iżjed. Għalhekk, sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri joħolqu sinerġiji ikbar fi ħdan l-FABs tagħhom, u fl-aħħar mill-aħħar bejniethom, hemm bżonn ċar ta’ miri ta’ prestazzjoni ambizzjużi flimkien ma’ mekkaniżmu effettiv ta’ sanzjonijiet u strateġiji ċari u mhux ambigwi min-naħa tal-Istati Membri li jiġu appoġġjati mill-armonizzazzjoni meħtieġa tal-liġi f’dan il-qasam fil-livell pan-Ewropew. L-SES għandu jistimula l-iżvilupp tal-istrumenti legali komuni Ewropej meħtieġa (jiġifieri l-liġi ċivili) u approċċ komuni għas-settur Ewropew tad-difiża tal-ajru.

4.2

Il-KESE huwa tal-fehma li għandhom jingħataw iżjed setgħat fil-livell tal-UE u tal-FAB biex tingħeleb id-diffikultà attwali marbuta mal-fatt li l-Istati Membri jiffukaw fuq li jipproteġu l-provvedituri nazzjonali tal-ANSPs tagħhom jew jużawhom bħala għodod ekonomiċi nazzjonali pjuttost milli fuq il-ħolqien ta’ valur miżjud għall-utenti u l-klijenti/passiġġieri tal-ispazju tal-ajru. Miri ta’ prestazzjoni fil-livell tal-UE għandhom jgħinu biex jiġi żgurat li jintlaħqu l-għanijiet ta’ livell għoli fil-qasam tal-SES għall-2020: fi kliem ieħor, meta nqabblu mas-sitwazzjoni fl-2005, li jkun hemm żieda ikbar bi tliet darbiet, tnaqqis ta’ 10 % fl-impatt ambjentali tat-titjiriet u tnaqqis ta’ mill-inqas 50 % fl-ispiża tas-servizzi tal-ATM għall-utenti tal-ispazju tal-ajru; il-miri għandhom iwasslu wkoll għad-deframmentazzjoni tal-ispazji nazzjonali tal-ajru.

4.3

Il-KESE jenfasizza l-bżonn li tiġi protetta l-indipendenza tal-ħidma tal-Korp ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni (Performance Review Body – PRB). L-attivitajiet tiegħu għandhom ikunu distinti minn dawk tal-Eurocontrol u jiġu trasferiti lejn korp sħiħ tal-UE taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni. L-UE għandha tagħti wkoll rwol iżjed b’saħħtu lill-PRB fil-proċess tal-istabbiliment ta’ miri ta’ prestazzjoni fil-livell tal-UE u pjani nazzjonali ta’ prestazzjoni. M’għandhiex titkompla r-rappreżentanza eċċessiva min-naħa tal-ANSPs.

4.4

Il-KESE huwa tal-fehma li għandhom jiġu stabbiliti sanzjonijiet u inċentivi fil-livell tal-UE biex jimpedixxu n-nonkonformià mal-miri ta’ prestazzjoni u jiżguraw li tali miri jibqgħu separati mill-interessi nazzjonali. B’mod partikolari, għandu jkun hemm rabta bejn ir-rata tal-qligħ fuq l-investimenti magħmula mill-ANSP u l-ekwità tal-azzjonisti u l-kisbiet tal-iskema tal-prestazzjoni.

4.5

Il-KESE jiddispjaċih li l-biċċa l-kbira tal-inizjattiva tal-FAB ma tatx ir-riżultati mistennija u li ma ġietx rispettata d-data tal-għeluq tal-4 ta’ Diċembru 2012 tal-SES II. Għandu jingħata impetu ġdid lill-inizjattivi tal-FAB permezz ta’ iżjed tmexxija minn fuq għal isfel fil-livell tal-UE. Approċċ iżjed minn fuq għal isfel jiżgura li l-FABs jagħtu benefiċċji reali pjuttost milli l-eżerċizzji attwali fejn l-enfasi hija fuq l-apparenzi mentri l-fatti juru mod ieħor. F’dan il-kuntest, l-amministratur tan-netwerks tal-SES għandu jingħata s-setgħa li jipproponi u jimplimenta proġetti speċifiċi mill-FABs biex isir l-aqwa użu mill-governanza tal-FAB u l-ispazju tal-ajru, flimkien mar-riżorsi tekniċi u umani, abbażi ta’ skadenzi ċari. Għandhom jiġu stabbiliti s-sanzjonijiet f’każi ta’ nonkonformità. L-amministratur tan-netwerks u l-utenti tal-ajru kkonċernati għandhom ukoll jingħataw status ta’ osservaturi fil-korpi prinċipali tal-FAB.

4.6

Il-kontribut tal-Istati Membri għall-Kumitat tal-Ajru Uniku Ewropew tal-UE kien iddominat minn interessi nazzjonali pjuttost milli l-għanijiet tal-UE. L-iżjed deċiżjoni reċenti ta’ dan il-Kumitat dwar l-iskema għall-prestazzjoni u l-iċċarġjar għall-perjodu 2015-2019 tikkostitwixxi intopp ieħor fl-implimentazzjoni tal-SES. Il-KESE jipproponi li kemm l-utenti tal-ispazju tal-ajru kif ukoll l-ANSPs għandhom jingħataw l-istatus ta’ osservaturi u d-dritt ta’ inizjattiva fl-attivitajiet kollha tal-Kumitat tal-SES.

4.7

Għal darb’oħra, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tagħti ħarsa mill-ġdid lejn is-separazzjoni tas-servizzi anċillari tal-ATM bħala mod kif ikun hemm enfasi ikbar fuq il-konsumatur u titjieb l-effiċjenza. L-istrumenti regolatorji tal-UE għandhom jintużaw biex iħaffu l-proċess tas-separazzjoni. F’dan il-kuntest, il-KESE jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma rrispettatx l-iskadenza legali tal-4 ta’ Diċembru 2012 biex tħejji u tressaq studju quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jivvaluta l-impatt legali, dak tas-sikurezza, u dak industrijali, u dak ekonomiku u soċjali tal-applikazzjoni tal-prinċipji tas-suq għall-provvediment tal-komunikazzjoni, in-navigazzjoni, is-sorveljanza u s-servizzi ta’ informazzjoni dwar l-ajrunawtika, fid-dawl tal-iżviluppi fil-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali u fit-teknoloġija disponibbli.

4.8

Il-KESE huwa tal-fehma li l-leġislazzjoni dwar l-SES II + għandha tindirizza s-separazzjoni bejn l-ANSPs bażiċi separati u s-servizzi anċillari bħas-CNS, id-Dipartiment tal-Meteoroloġija (MET) u t-taħriġ, u tiftaħ is-suq għalihom, liema ħaġa tista’ twassal għal żieda fl-effiċjenza, kwalità ogħla u tnaqqis globali fl-ispejjeż. Il-KESE josserva li l-importanza li s-servizzi anċillari jiġu liberalizzati iżjed ġiet enfasizzata wkoll fil-valutazzjoni tal-impatt tal-leġislazzjoni dwar l-SES II + u l-Konferenza ta’ Livell Għoli dwar l-SES li saret f’Limassol. Għalkemm il-leġislazzjoni attwali tipprevedi separazzjoni fil-livell nazzjonali, l-Istati Membri xorta waħda joqogħdu lura milli jużaw din l-għodda biex iżidu l-prestazzjoni. Safejn hu possibbli, il-forniment ta’ servizzi relatati mas-CNS u l-MET għandu jkun soġġett għall-kundizzjonijiet tas-suq u l-proċeduri relatati mas-sejħiet għall-offerti. Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet tas-suq ma għandhomx ikun kkombinati ma’ mekkaniżmu ta’ identifikazzjoni (designation mechanism) fl-istess suq, inkella dan tal-aħħar jiddomina. Għandhom jiġu pprojbiti s-sussidji inkroċjati lokali u sostanzjali kollha.

4.9

Il-kunċett il-ġdid tal-Eurocontrol ta’ servizzi ċentralizzati għandu jingħata l-konsiderazzjoni meħtieġa, bil-kundizzjoni li dawn is-servizzi jkunu bbażati fuq każijiet aċċettabbli ta’ negozju li ġew approvati mill-partijiet interessati operattivi (il-linji tal-ajru, l-ANSPs u l-ajruporti), u fuq sejħiet miftuħa għall-offerti bil-għan li jingħataw kuntratti għal terminu fiss lil dawk il-kumpaniji li għamlu l-aħjar offerta.

4.10

Il-KESE jenfasizza l-fatt li d-deframmentazzjoni tal-faċilitajiet tal-ANS tista’ tkun possibbli permezz tal-użu ta’ ċentri ta’ konsolidazzjoni. Il-kunċett hekk imsejjaħ “Ċentru Virtwali” jista’ jirrappreżenta punt tat-tluq siewi. Dan l-approċċ jipprevedi l-użu ta’ metodi standardizzati bis-sħiħ ta’ unitajiet tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru li joperaw minn postijiet differenti li jużaw metodi ta’ operazzjoni standardizzati bis-sħiħ u adattabbli, u proċeduri u tagħmir b’mod li l-utenti tal-ispazju tal-ajru jikkunsidrawhom bħala sistema waħda. Dan l-effett jidher biċ-ċar ukoll fl-użu attwali tal-programmi tal-SES, bħas-SERA u s-SESAR. Dawn l-arranġamenti jappoġġjaw interoperabbiltà teknika u operazzjonali sħiħa fost l-ANSPs parteċipanti, li, min-naħa tagħhom, jagħmluha possibbli li setturi allokati f’unità speċifika jiġu trasferiti temporanjament taħt ir-responsabbiltà operazzjonali ta’ unità oħra. B’hekk, ikun possibbli li jsir l-aqwa użu possibbli miċ-ċentri ta’ kontroll tal-erja (ACCs) awl il-lejl, u li tiġi żgurata l-aqwa prestazzjoni possibbli fi kwalunkwe perjodu.

4.11

Għalhekk, il-KESE huwa tal-fehma li l-leġislazzjoni dwar l-SES II+ għandha tipprovdi qafas regolatorju adatt li jmexxi u jiggwida l-implimentazzjoni tal-miżuri tal-istandardizzazzjoni b’mod konsistenti u koerenti. Għandu jiġi stabbilit korp komuni tat-tmexxija fi ħdan l-FABs sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni konsistenti u kkoordinata. Il-miżuri tal-istandardizzazzjoni jirrappreżentaw mezzi realistiċi u effettivi biex jintlaħqu l-miri ta’ prestazzjoni fil-livell tal-UE.

4.12

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-pjani tal-Kummissjoni li żżid il-kompiti u s-setgħat tal-Amministratur tan-Netwerk tal-SES. F’dan il-kuntest, ser ikun essenzjali li l-utenti tal-ispazju tal-ajru jitħallew jipparteċipaw f’deċiżjonijiet strateġiċi li jolqtu lill-prestazzjoni tan-netwerk u jagħtu rwol fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar il-prestazzjoni lokali lill-ANSPs.

4.13

Il-KESE jieħu nota tal-fatt li l-Kummissjoni qed tippjana li tespandi l-ambitu tal-EASA sabiex tittratta r-regolamentazzjoni teknika u s-sorveljanza kollha, inklużi l-oqsma mhux relatati mas-sikurezza. Il-KESE jaqbel li dan jista’ jkun l-approċċ ġust iżda jesprimi tħassib li, anke bl-appoġġ tal-kunċett tal-prijoritajiet abbażi tar-riskji, jekk l-EASA titgħabba żżejjed b’kompiti ġodda, jistgħu jinħolqu iżjed problemi milli benefiċċji billi l-attenzjoni tal-aġenżija ma tibqax iffukata fuq il-missjoni ċentrali tagħha ta’ sikurezza. Għalhekk, il-KESE huwa tal-fehma li l-espansjoni tal-kamp ta’ attività tal-EASA m’għandhiex tkun prijorità f’dan il-perjodu. Minflok, il-KESE huwa tal-fehma li d-dupplikazzjonijiet potenzjali bejn l-oqfsa tal-EASA u l-SES jistgħu jiiġu solvuti permezz ta’ mekkaniżmi adatti ta’ koordinazzjoni bejn l-EASA, il-Eurocontrol u l-Kummissjoni mingħajr ma jkun hemm bżonn neċessarjament ta’ tibdil fil-qafas istituzzjonali.

4.14

Ir-rwol tal-Eurocontrol fl-implimentazzjoni operazzjonali tal-SES huwa importanti ħafna. Sabiex tiġi żgurata l-prestazzjoni effiċjenti futura tas-servizzi ċentralizzati bħal dawk ipprovduti mill-Amministratur tan-Netwerk, tinħtieġ reviżjoni tal-konvenzjoni tal-Eurocontrol.

4.15

Rigward is-SESAR, il-KESE jenfasizza l-importanza li jkun hemm biżżejjed fondi pubbliċi biex jappoġġjaw l-implimentazzjoni sinkronizzata tal-elementi tal-art u tal-ajru. Barra minn hekk, l-investituri operazzjonali (l-utenti tal-ispazju tal-ajru, l-ANSPs u l-ajruporti) għandhom jingħataw rwol prominenti fil-governanza tal-implimentazzjoni tas-SESAR huma u jiddeċiedu dwar il-prijoritajiet, fuq il-bażi ta’ każi ċari ta’ intraprenditorija. Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni tas-SESAR bħala proġett Ewropew ta’ infrastruttura prinċipali. Il-Kumitat jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-possibbiltà ta’ tnaqqis fil-baġit tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, liema ħaġa tista’ tinfluwenza l-possibbiltà li din l-implimentazzjoni timxi ’l quddiem. Huwa wkoll tal-ikbar importanza li jitfasslu l-mudelli potenzjali għall-finanzjament futur tal-implimentazzjoni militari tas-SESAR.

4.16

Il-KESE ma jappoġġjax il-proposta tal-Kummissjoni li tiġi introdotta l-modulazzjoni tal-prezzijiet għar-rotot soġġetti għall-konġestjoni. Dan fil-fatt ma jwassalx għal titjib fl-użu tal-kapaċità tal-ispazju tal-ajru; barra minn hekk, peress li l-introduzzjoni tal-modulazzjoni tista’ ġġiegħel lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru jtiru fuq rotot itwal, hija tmur ukoll kontra l-għanijiet tal-UE għat-tnaqqis tal-emissjonijiet bħala mezz għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Barra minn hekk, tali sistema tkun inġusta peress li l-operaturi tal-inġenji tal-ajru diġà jbatu l-konsegwenzi tal-konġestjoni minħabba l-ispejjeż indiretti relatati mad-dewmien. Tali approċċ iwassal għal sanzjoni doppja li tkun totalment inaċċettabbli, l-iżjed minħabba li l-operaturi tal-inġenji tal-ajru jużaw il-ħlasijiet relatati mar-rotot biex jiffinanzjaw il-modernizzazzjoni tal-infrastruttura, liema ħaġa fl-aħħar mill-aħħar għandha tnaqqas il-konġestjoni.

4.17

Minflok, il-KESE huwa tal-fehma li l-modulazzjoni tal-prezzijiet għandha tiffoka fuq li timmotiva l-operaturi tal-inġenji tal-ajru biex jixtru t-tagħmir meħtieġ biex itejbu l-prestazzjoni globali tas-Sistema għall-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru. Dan jista’ jinkiseb billi l-fondi pubbliċi jintużaw biex jitnaqqsu l-ispejjeż għall-utenti għal dawk l-operaturi tal-inġenji tal-ajru li jinvestu kmieni fit-teknoloġiji tas-SESAR. Dan l-approċċ jista’ mbagħad ikun akkumpanjat minn miżuri addizzjonali bħall-kunċett “Best Equipped, Best Served” li huwa appoġġjat bis-sħiħ mill-KESE.

5.   Id-djalogu soċjali

5.1

L-industrija Ewropea tal-linji tal-ajru qiegħda f’sitwazzjoni ekonomika diffiċli ħafna, li diġà kkawżat it-telf ta’ eluf ta’ impjiegi. Għalhekk, l-implimentazzjoni tal-SES u ż-żieda fl-effiċjenza tiegħu huma importanti wkoll biex jitħarsu l-impjiegi f’din il-parti tal-katina ta’ valur tal-avjazzjoni. Il-ħames pilastru tal-SES hawnhekk huwa fundamentali sabiex l-isfidi dwar l-impjiegi, il-mobilità tal-ħaddiema, il-bidliet fil-ġestjoni tal-persunal u t-taħriġ professjonali jiġu indirizzati b’mod adegwat. Għaldaqstant, id-djalogu soċjali għandu jissaħħaħ u jħares lil hinn minn sempliċement is-settur tal-ATM u jkopri wkoll il-parteċipazzjoni ta’ msieħba soċjali oħrajn apparti r-rappreżentanti tal-ANSP, u għandu jwessa’ l-ambitu tiegħu biex jiġu diskussi l-konsegwenzi soċjali għall-ħaddiema fis-settur tal-ATM, tal-linji tal-ajru, tal-ajruporti u l-modi kif jitħarsu l-impjiegi fl-industrija usa’ tal-avjazzjoni fil-livell tal-UE.

5.2

Il-KESE jemmen bil-qawwa li jinħtieġ djalogu soċjali effettiv biex jgħin fil-proċess tat-tranżizzjoni. Jekk il-membri tal-persunal ma jkunux involuti bis-sħiħ f’din it-tranżizzjoni, ir-riskju ta’ falliment jiżdied b’mod sostanzjali. B’mod partikolari, teknoloġiji ġodda u kunċetti operazzjonali żviluppati mis-SESAR għandhom jibdlu r-rwol tradizzjonali tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru, li jibdew jaġixxu bħala amministraturi tat-traffiku tal-ajru.

5.3

Huwa importanti li d-djalogu soċjali fi ħdan il-qafas tal-SES jirrifletti l-preokkupazzjonijiet tal-partijiet kollha involuti fl-implimentazzjoni. Għalhekk, id-dominanza attwali tar-rappreżentanti tal-ANSPs mhijiex ġustifikata, u hemm il-periklu li tkompli tiddiskrimina kontra atturi importanti oħrajn fl-industrija.

Brussell, 17 ta’ April 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


Top
  翻译: