Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013PC0611

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (KE) Nru 91/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2002 dwar l-istatistika tat-trasport bil-ferrovija, fir-rigward tal-ġbir ta' dejta dwar merkanzija, passiġġieri u aċċidenti

/* COM/2013/0611 final - 2013/0297 (COD) */

52013PC0611

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (KE) Nru 91/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2002 dwar l-istatistika tat-trasport bil-ferrovija, fir-rigward tal-ġbir ta' dejta dwar merkanzija, passiġġieri u aċċidenti /* COM/2013/0611 final - 2013/0297 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

L-iskop ewlieni tal-politika tat-trasport tal-Unjoni Ewropea huwa li jkun stabbilit suq intern billi jiġu żviluppati politiki komuni għall-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ kompetittività u tal-iżvilupp armonjuż, ibbilanċjat u sostenibbli ta’ attivitajiet ekonomiċi. Il-ħolqien ta' suq intern ġenwin huwa fundamentali biex jagħti ħajja ġdida lis-settur ferrovjarju u se jgħin biex is-servizzi tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija u tal-passiġġieri jkunu aktar kompetittivi u attraenti, u jżid is-sehem modali tagħhom ta' trasport.

Fl-2011, il-Kummissjoni Ewropea adottat pjan direzzjonali (il-White Paper - Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport - Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti) li jinkludi 40 inizjattiva konkreta għall-għaxar snin li ġejjin immirati li jibnu sistema ta' trasport kompetittiva li se żżid il-mobilità, tneħħi l-ostakoli prinċipali fl-oqsma ewlenin u tistimola t-tkabbir u l-impjiegi. Fl-istess ħin, il-proposti għandhom inaqqsu b’mod drammatiku d-dipendenza tal-Ewropa fuq iż-żejt importat u jnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju fit-trasport b’60 % sal-2050. Skont il-White Paper, kundizzjoni neċessarja sabiex tiġi stabbilita Żona Unika Ewropea tat-Trasport hija l-ħolqien ta' Żona Ferrovjarja Unika Ewropea, li tista' ssir billi jitlesta l-proċess ta' liberalizzazzjoni tas-suq, li jinkludi l-għoti ta' rwol iktar b'saħħtu lill-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea fil-qasam tas-sikurezza ferrovjarja, b'mod partikolari f'termini ta' superviżjoni ta' miżuri nazzjonali ta' sikurezza u ħidma lejn l-armonizzazzjoni progressiva tagħhom.

Id-disponibbiltà ta' statistika ddettaljata u f'waqtha dwar it-trasport ferrovjarju qiegħdha ssir dejjem aktar importanti minħabba l-momentum dejjem jikber ta' tfassil ta' politika bbażat fuq l-evidenza fil-Kummissjoni u l-bżonn li jiġi mmonitorjat il-progress lejn il-miri stabbiliti fil-White Paper.

L-istatistika tal-Eurostat dwar it-trasport ferrovjarju hija fil-biċċa l-kbira bbażata fuq ir-Regolament (KE) Nru 91/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16 ta' Diċembru 2002), ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1192/2003 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 332/2007. Dawn ir-Regolamenti jkopru t-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija bil-ferrovija, kif ukoll is-sikurezza ferrovjarja.

Il-Kummissjoni għandha bżonn ta' statistika dwar it-trasport ta' merkanzija u ta' passiġġieri bil-ferrovija sabiex timmonitorja u tiżviluppa l-politika komuni tat-trasport.

Hemm bżonn ta' statistika ddettaljata dwar it-trasport ferrovjarju għall-merkanzija u l-passiġġieri u ta' informazzjoni dwar l-intermodalità biex ikun hemm monitoraġġ tal-miri stabbiliti fil-White Paper tal-Kummissjoni tal-2011.

Ir-rapportar issemplifikat għall-merkanzija u l-passiġġieri jagħti biss ċifri aggregati (total ta' merkanzija ttrasportata skont it-tip ta' merkanzija u total ta' passiġġieri ttrasportati). Ma hemm l-ebda rendikont iddettaljat ta', pereżempju: il-pajjiż tal-imbark/il-pajjiż tat-tagħbija, u l-pajjiż tal-iżbark/il-pajjiż tal-ħatt; il-merkanzija ttrasportata f'unitajiet intermodali ta' trasport, skont it-tip ta' trasport u skont it-tip ta' unità ta' trasport; il-merkanzija ttrasportata, skont il-kategorija ta' merkanzija perikoluża; u l-għadd ta' unitajiet intermodali ta' trasport mgħobbija, skont it-tip ta' trasport u skont it-tip ta' unità ta' trasport.

L-aċċidenti saru kwistjoni ta' prijorità fil-politika ta' trasport tal-UE, flimkien mal-effetti l-oħra mhux mixtieqa ta' trasport: il-konġestjoni, it-tniġġis, l-istorbju u l-emissjonijiet tas-CO2. Konsegwentament, huwa importanti li tinġabar u tinxtered dejta dwar l-aċċidenti, il-fatalitajiet, il-feriti u d-danni serji kkawżati lill-ambjent (permezz ta' tixrid ta' merkanzija perikoluża ttrasportata) b'kull mezz ta' trasport: bit-triq, bil-ferrovija, bil-pasaġġi fuq l-ilma intern, bil-baħar u bl-ajru.

S'issa, id-dejta dwar l-aċċidenti ferrovjarji ġiet miġbura skont ir-Regolament (KE) Nru 91/2003 dwar it-trasport ferrovarju tal-merkanzija; din ġiet miġbura wkoll permezz tal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea (ERA) skont l-Anness Statistiku tad-Direttiva 2009/149/KE dwar is-sikurezza ferrovjarja.

F'konformità mar-rekwiżit li l-istatistika ferrovjarja għandha tkun rilevanti, jiġifieri li għandha tissodisfa l-bżonnijiet attwali u potenzjali tal-utent, il-proposta tirrevedi l-bażi legali attwali u tissimplifika aktar ir-rekwiżiti għall-forniment tad-dejta.

Qed jitqies ukoll il-kompromess meħtieġ bejn il-bżonnijiet tal-utent u l-piż fuq min iwieġeb u l-istituti nazzjonali tal-istatistika.

Twettqet analiżi teknika fuq livell Ewropew tad-dejta miġbura skont il-leġiżlazzjoni Ewropea dwar l-istatistika tat-trasport bil-ferrovija u dwar il-politika ta' tixrid, sabiex jiġu proposti soluzzjonijiet tekniċi possibbli li jissimplifikaw kemm jista' jkun id-diversi attivitajiet neċessarji għall-produzzjoni statistika, filwaqt li l-prodott finali jibqa' konfomi mal-bżonnijiet attwali u futuri tal-utent.

L-għan ta' din il-proposta huwa għalhekk li timmodifika r-Regolament (KE) Nru 91/2003 sabiex taġġorna, tissimplifika u tottimizza l-qafas legali eżistenti għall-istatistika Ewropea dwar it-trasport ferrovjarju u li tallinjah mal-kuntest istituzzjonali l-ġdid.

2.           RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Fil-bidu tal-2010, Task Force fuq l-Istatistika dwar it-Trasport Ferrovjarju kienet inkarigata milli twettaq analiżi teknika tal-politika eżistenti dwar il-ġbir u t-tixrid tad-dejta, skont il-leġiżlazzjoni Ewropea tal-istatistika dwar it-trasport ferrovjarju. Il-membri tat-Task Force kienu kollha esperti b'għarfien speċifiku tal-leġiżlazzjoni eżistenti u tas-sistemi nazzjonali għall-ġbir u l-kumpilazzjoni tal-istatistika dwar it-trasport ferrovjarju u t-tendenzi l-ġodda fl-iżvilupp tat-trasport ferrovjarju.

It-Task Force pproduċiet proposta biex jiġi ssimplifikat ir-Regolament (KE) Nru 91/2003. L-effett tal-proposta se jkun li tnaqqas il-piż fuq l-Istati Membri u fuq dawk li jwieġbu mingħajr ma jkun hemm telf sinifikanti tal-kwalità tad-dejta għat-trasport ta' merkanzija u passiġġieri bil-ferrovija u li ttejjeb l-iskadenzi għat-tixrid tad-dejta ferrovjarja tal-passiġġieri.

Il-proposta ġiet diskussa mal-produtturi u l-utenti tad-dejta fuq livell tekniku, fi gruppi ta' ħidma fuq l-istatistika dwar it-trasport ferrovjarju u mal-Grupp ta' Koordinazzjoni għall-Istatistika dwar it-Trasport, fil-kuntest tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika. Saru wkoll xi konsultazzjonijiet fi ħdan il-Kummissjoni mad-DĠ MOVE.

Din il-proposta hija r-riżultat ta’ negozjati intensivi bejn il-partijiet interessati.

3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Il-proposta tkopri l-bidliet li ġejjin:

(1) Dejta dwar it-trasport tal-passiġġieri

F'konformità mal-Annessi C u D tar-Regolament (KE) 91/2003 dwar l-istatistika tat-trasport bil-ferrovija, attwalment il-pajjiżi qed jiġu mitluba biex jipprovdu statistika annwali dwar it-trasport tal-passiġġieri, skont rappurtar iddettaljat u/jew issimplifikat. Il-mod li bih qed isir it-tixrid attwali tad-dejta dwar it-trasport tal-passiġġieri jitqies bħala ambigwu u mhux konsistenti minħabba l-fatt li d-dati ta' skadenza għat-trażmissjoni ta' tabelli huma differenti għar-rappurtar ssemplifikat u ddettaljat. Barra minn hekk, fl-istess data ta' skadenza tad-dejta ssimplifikata trid tiġi provduta xi dejta proviżorja (Tabelli C1 u C2) u ċifri opzjonali (Tabella C1 - kilometri tal-passiġġieri) għat-trasport tal-passiġġġieri - jiġifieri tmien xhur wara t-tmiem tal-perjodu ta' referenza.

Qed jiġi propost li jitħassru l-Anness D u t-Tabelli proviżorji C1 u C2 fl-Anness C, filwaqt li titqassar id-data ta' skadenza sabiex tiġi provduta d-dejta finali tal-passiġġieri minn 14-il xahar għal tmien xhur wara t-tmiem tal-perjodu ta' referenza. Għalhekk, id-dejta se tkun disponibbli aktar malajr.

(2) Dejta dwar it-trasport tal-merkanzija

Fl-interess tal-konsistenza, ġie propost ukoll li jitħassar l-Anness B (rappurtar issemplifikat).

(3) Anness Ġdid

Billi hemm proposta li jiġi abbandunat il-kunċett attwali ta' rappurtar 'issemplifikat', għall-iżgħar impriżi taħt il-limiti speċifikati, l-Istati Membri se jkollhom jirrappurtaw ċifra 'totali' għall-indikaturi aggregati fl-Anness L.

(4) Dejta dwar l-aċċidenti

Peress li d-dejta dwar l-aċċidenti tinġabar ukoll mill-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea, ġie propost li jitħassar l-Anness H (statistika dwar l-aċċidenti).

(5) Anness I

Peress li l-kunċett tar-rappurtar 'issemplifikat' se jispiċċa, ġie propost li jitħassar dan l-Anness peress li attwalment qed jintuża biss biex jivvalida l-kopertura bejn ir-rappurtar issemplifikat u ddettaljat f'relazzjoni mal-attività ferrovjarja totali tal-impriżi.

(6) Limiti

Il-limiti attwali huma stabbiliti għal tunnellata-km u kilometri tal-passiġġieri, jiġifieri l-multiplikazzjoni ta' tunnellati/passiġġieri ttrasportati u d-distanza koperta f'kilometri.

Peress li parti sinifikanti tal-attività ferrovjarja tinvolvi biss distanzi żgħar f'xi Stati Membri, ġie propost li jitnaqqsu l-limiti kemm għall-merkanzija kif ukoll għall-passiġġieri, sabiex jiġi mminimizzat it-telf ta' dejta importanti. Għall-istess raġuni, ġie propost limitu doppju f'tunnellati ttrasportati u f'tunnellata-km għall-merkanzija.

(7) Dejta ta’ tranżitu

Għal raġunijiet ta' armonizzazzjoni, ġie propost li l-informazzjoni dwar 'il-polza tat-tagħbija ferrovjarja' (jekk tkun disponibbli) tintuża biss meta d-dejta amministrattiva tintuża bħala d-dejta ta' sors.

(8) F'konnessjoni mal-adozzjonitar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni[1], il-Kummissjoni impenjat ruħha[2] biex tirrevedi atti leġiżlattivi li attwalment fihom referenzi għall-proċedura regolatorja bi skrutinju, sabiex tadattahom għall-kriterji stipulati fit-Trattat.

(9) Fl-aħħar nett, l-emenda proposta tar-Regolament (KE) Nru 91/2003 tqis l-aġġustamenti neċessarji tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-għoti tas-setgħat iddelegati u ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni. It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea ('it-Trattat'), jagħmel distinzjoni bejn is-setgħat iddelegati lill-Kummissjoni biex tadotta atti mhux leġiżlattivi ta’ applikazzjoni ġenerali li jissupplimentaw jew jemendaw ċerti elementi mhux essenzjali tal-att leġiżlattiv, kif stipulat fl-Artikolu 290(1) tat-TFUE (atti ddelegati), u s-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni biex tadotta kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ atti legalment vinkolanti tal-Unjoni, kif stipulat fl-Artikolu 291(2) tat-TFUE (atti ta’ implimentazzjoni).

4.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Il-proposta ma għandhiex implikazzjonijiet għall-baġit tal-Unjoni.

5.           INFORMAZZJONI ADDIZZJONALI

L-adozzjoni tal-proposta mhux se twassal għat-tħassir tal-leġiżlazzjoni eżistenti.

2013/0297 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 91/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2002 dwar l-istatistika tat-trasport bil-ferrovija, fir-rigward tal-ġbir ta' dejta dwar merkanzija, passiġġieri u aċċidenti

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 338(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)       Ir-Regolament (KE) Nru 91/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2002 dwar l-istatistika tat-trasport bil-ferrovija[3] jistabbilixxi qafas komuni għall-produzzjoni, it-trażmissjoni, l-evalwazzjoni u t-tixrid ta' statistika komparabbli dwar it-trasport ferrovjarju fl-Unjoni.

(2)       L-istatistika dwar it-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri bil-ferrovija hija neċessarja sabiex il-Kummissjoni tkun tista' timmonitorja u tiżviluppa politika ta' trasport komuni u l-elementi tat-trasport tal-politiki dwar in-networks reġjonali u trans-Ewropej.

(3)       L-istatistika dwar is-sikurezza ferrovjarja hija neċessarja wkoll sabiex il-Kummissjoni tħejji u timmonitorja l-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-sikurezza tat-trasport. L-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea tiġbor dejta dwar l-aċċidenti skont l-Anness Statistiku tad-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 fuq is-sigurtà tal-ferrovija tal-Komunità fir-rigward tal-indikaturi komuni tas-sikurezza u l-metodi komuni għall-kalkolu tal-ispejjeż tal-aċċidenti.

(4)       Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri li jitrażmettu dejta dwar il-passiġġieri lill-Kummissjoni (Eurostat) skont ir-Regolament (KE) Nru 91/2003, ipprovdew b'mod regolari l-istess dejta kemm għad-dejtasets proviżorji kif ukoll għal dawk finali.

(5)       Għandu jkun hemm bilanċ bejn il-bżonnijiet tal-utenti u l-piż ta' dawk li jwieġbu meta tiġi prodotta statistika Ewropea.

(6)       Il-Eurostat wettaq analiżi teknika tad-dejta eżistenti dwar l-istatistika ferrovjarja miġbura skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u tal-politika ta' tixrid, fi ħdan il-Grupp ta' Ħidma u t-Task Force fuq l-istatistika dwar it-trasport ferrovjarju, biex jissimplifika kemm jista' jkun id-diversi attivitajiet neċessarji biex tiġi prodotta statistika, filwaqt li r-riżultat finali jibqa' konformi mal-bżonnijiet attwali u futuri tal-utent.

(7)       Fir-rapport tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 91/2003, il-Kummissjoni ssemmi li l-iżviluppi fuq terminu twil probabbilment ifissru t-trażżin jew is-simplifikazzjoni tad-dejta diġà miġbura skont ir-Regolament, u li l-intenzjoni hija li jitnaqqas il-perjodu ta' trażmissjoni tad-dejta, għad-dejta annwali dwar il-passiġġieri bil-ferrovija.

(8)       Ir-Regolament (KE) Nru 91/2003 jagħti setgħat lill-Kummissjoni biex timplimenta wħud mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament. Bħala konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea ("it-Trattat"), is-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni skont dan ir-Regolament għandhom bżonn jiġu allinjati mal-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat.

(9)       Sabiex jiġu riflessi l-iżviluppi l-ġodda fl-Istati Membri u fl-istess ħin jinżamm il-ġbir armonizzat tad-dejta ferrovjarja mal-Unjoni kollha u bil-għan li tinżamm il-kwalità għolja tad-dejta trażmessa mill-Istati Membri, is-setgħa li tadotta atti f'konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat għandha tkun iddelegata lill-Kummissjoni, bil-għan li tadatta d-definizzjonijiet u l-limiti għar-rappurtar u l-kontenuti tal-Annessi, u li tispeċifika l-informazzjoni li trid tiġi provduta.

(10)     Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fuq livell espert. Waqt it-tħejjija u t-tfassil tal-atti ddelegati, il-Kummissjoni għandha tiżgura li jkun hemm sottomissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(11)     Il-Kummissjoni għandha tiżgura li dawn l-atti ddelegati ma jimponux piż amministrattiv addizzjonali sinifikanti fuq l-Istati Membri u fuq dawk li jwieġbu.

(12)     Sabiex jiġi żgurat li jkun hemm kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 91/2003, is-setgħat ta' implimentazzjoni għandhom jingħataw lill-Kummissjoni fir-rigward tal-ispeċifikazzjoni tal-informazzjoni li trid tiġi porvduta għar-rapporti dwar il-kwalità u l-komparabbiltà tar-riżultati. Dawn is-setgħat għandhom ikunu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni[4].

(13)     Ġie kkonsultat il-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika.

(14)     Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 91/2003 għandu jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 91/2003 huwa emendat kif ġej:

(1) L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a) Fil-paragrafu 1, jitħassru l-punti 24 sa 30.

(b) Il-paragrafu 2 huwa mibdul b’dan li ġej:

'2. Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta, f'konformità mal-Artikolu 10, atti ddelegati biex tadatta d-definizzjonijiet tekniċi msemmija fil-paragrafu 1 u biex tipprovdi definizzjonijiet addizzjonali meta jkun hemm bżonn li jitqiesu żviluppi ġodda li jeħtieġu li jiġi ddefinit ċertu livell ta' dettall tekniku sabiex tiġi żgurata l-armonizzazzjoni tal-istatistika.'

(2) L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a) Fil-paragrafu 1, jitħassru l-punti b, d u h.

(b) Il-paragrafu 2 huwa mibdul b’dan li ġej:

'2. Skont l-Annessi A u C, l-Istati Membri għandhom jirrappurtaw dejta għall-impriżi:

(a) li l-volum totali ta' merkanzija ttrasportata huwa mill-inqas 200 miljun tunnellata-km jew mill-inqas 500 000 tunnellata;

(b) li l-volum totali ta' passiġġieri ttrasportati huwa mill-inqas 100 miljun kilometru tal-passiġġieri.

(c) Mhuwiex obbligatorju r-rappurtar fl-Annessi A u C taħt dawn il-limiti.'

(c) Il-paragrafu 3 huwa mibdul b’dan li ġej:

'3. Skont l-Anness L, l-Istati Membri għandhom jipprovdu d-dejta totali għall-impriżi taħt il-limitu msemmi fil-paragrafu 2 jekk din id-dejta ma tiġix irrappurtata skont l-Annessi A u C, kif speċifikat fl-Anness L.'

(d) Il-paragrafu 5 huwa mibdul b’dan li ġej:

'5. Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta, f'konformità mal-Artikolu 10, atti ddelegati li jikkonċernaw l-adattament tal-kontenuti tal-Annessi u l-limiti għar-rappurtar kif imsemmija fil-paragrafi 1 u 3, sabiex jitqiesu l-iżviluppi ekonomiċi u tekniċi.'

(e) Għandu jiżdied il-paragrafu 6 li ġej:

'6. Meta tkun qed teżerċita s-setgħa tagħha skont dan il-paragrafu, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-atti ddelegati adottati ma jimponux piż amministrattiv addizzjonali sinifikanti fuq l-Istati Membri u fuq dawk li jwieġbu.'

(3) Fl-Artikolu 5(2), il-punt b huwa mibdul b'dan li ġej:

'(b) id-dejta amministrattiva, li tinkludi d-dejta miġbura mill-awtoritajiet regolatorji, b'mod partikolari l-polza tat-tagħbija tal-merkanzija ferrovjarja jekk tkun disponibbli'.

(4) L-Artikolu 7 huwa mibdul b'dan li ġej:

‘Artikolu 7

Tixrid

L-istatistika bbażata fuq id-dejta speċifikata fl-Annessi A, C, E, F, G u L għandha tinxtered mill-Kummissjoni (Eurostat).

(5) Fl-Artikolu 8, jiżdiedu l-paragrafi 3 u 4:

'3. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-kriterji ta' kwalità li jridu jiġu applikati għad-dejta li se tiġi trażmessa, huma dawk imsemmija fl-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009.

4. Il-Kummissjoni għandha, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tispeċifika l-modalitajiet, l-istruttura, il-perjodiċità u l-elementi ta' komparabbiltà għar-rapporti ta' kwalità standard. Dawn l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 11.'

(6) Jitħassar l-Artikolu 9.

(7) L-Artikolu 10 huwa mibdul b'dan li ġej:

‘Artikolu 10

Eżerċizzju tad-delega

1.      Il-Kummissjoni b'dan tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati suġġetti għall-kundizzjonijiet stipulati f’dan l-Artikolu.

2.      Is-setgħa ta’ adozzjoni tal-atti ddelegati msemmija fl-Artikoli 3(2) u 4(5) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien indeterminat minn (Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet: jekk jogħġbok daħħal id-data preċiża tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta' emenda].

3.      Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 3(2) u 4(5) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-publikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att iddelegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.      Hekk kif tadotta att iddelegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifika simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.      Att iddelegat adottat skont l-Artikoli 3(2) u 4(5) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk l-ebda oġġezzjoni ma tkun ġiet espressa mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta' dak il-perjodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.'

(8) L-Artikolu 11 huwa mibdul b'dan li ġej:

'Artikolu 11

Kumitat

1.      Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni.

2.      Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.'

(9) Jitħassar l-Artikolu 12.

(10) Jitħassru l-Annessi B, D, H u I.

(11) L-Anness C huwa mibdul kif stabbilit fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(12) L-Anness L jiżdied kif stabbilit fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President ANNESS

'Anness C'

STATISTIKA ANNWALI DWAR IT-TRASPORT TAL-PASSIĠĠIERI - RAPPURTAR IDDETTALJAT

Lista ta' varjabbli u unitajiet ta' kejl || Passiġġieri ttrasportati fi: – għadd ta’ passiġġieri – kilometri tal-passiġġieri Movimenti tat-trejns tal-passiġġieri fi: – kilometri tat-trejns

Perjodu ta’ referenza || Sena

Frekwenza || Kull sena

Lista ta' tabelli b'rendikont għal kull tabella || Tabella C3: passiġġieri ttrasportati skont it-tip ta' trasport Tabella C4: passiġġieri internazzjonali ttrasportati, skont il-pajjiż ta' imbark u l-pajjiż ta' żbark Tabella C5: movimenti tat-trejns tal-passiġġieri

Skadenza għat-trażmissjoni tad-dejta || Tmien xhur wara t-tmiem tal-perjodu ta' referenza.

L-ewwel perjodu ta' referenza || 2012

Noti || 1. It-tip ta' trasport huwa maqsum kif ġej: – nazzjonali – internazzjonali 2. Għat-Tabelli C3 u C4, l-Istati Membri għandhom jirrappurtaw dejta li tinkludi l-informazzjoni minn bejgħ ta' biljetti barra l-pajjiż ta' rappurtar. Din l-informazzjoni tista' tinkiseb direttament mill-awtoritajiet nazzjonali ta' pajjiżi oħra jew permezz ta' arranġamenti internazzjonali ta' kumpens għall-biljetti

‘Anness L’

Tabella L.1

LIVELL TA' ATTIVITÀ TA' TRASPORT F'MERKANZIJA TTRASPORTATA

Lista ta' varjabbli u unitajiet ta' kejl || Merkanzija ttrasportata fi: - tunnellati totali - tunnellata-km totali Movimenti tat-trejns tal-merkanzija fi: - km-trejns totali

Perjodu ta’ referenza || Sena waħda

Frekwenza || Kull sena

Skadenza għat-trażmissjoni tad-dejta || Ħames xhur wara t-tmiem tal-perjodu ta' referenza

L-ewwel perjodu ta' referenza || 201X

Noti || Għall-impriżi biss li għandhom volum totali ta' trasport ta' merkanzija ta' inqas minn 200 miljun tunnellata-km u inqas minn 500 000 tunnellata u li ma jirrappurtawx skont l-Anness A (rappurtar iddettaljat)

Tabella L.2

LIVELL TA' ATTIVITÀ TA' TRASPORT F'PASSIĠĠIERI TTRASPORTATI

Lista ta' varjabbli u unitajiet ta' kejl || Passiġġieri ttrasportati fi: - passiġġieri totali - kilometri tal-passiġġieri totali Movimenti tat-trejns tal-passiġġieri fi: - km-trejns totali

Perjodu ta’ referenza || Sena waħda

Frekwenza || Kull sena

Skadenza għat-trażmissjoni tad-dejta || Tmien xhur wara t-tmiem tal-perjodu ta' referenza

L-ewwel perjodu ta' referenza || 201X

Noti || Għall-impriżi biss li għandhom volum totali ta' trasport ta' passiġġieri ta' inqas minn 100 miljun kilometru tal-passiġġieri u li ma jirrappurtawx skont l-Anness C (rappurtar iddettaljat)

[1]               ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

[2]               ĠU L 55, 28.2.2011, p. 19.

[3]               Ir-Regolament (KE) Nru 91/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2002 dwar l-istatistika tat-trasport bil-ferrovija, ĠU L 14, 21.1.2003, p. 1.

[4]               ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

Top
  翻译: