This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52018IE4753
Opinion of the European Economic and Social Committee on ‘Gender equality issues’(own-initiative opinion)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Kwistjonijiet dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri”(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Kwistjonijiet dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri”(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)
EESC 2018/04753
ĠU C 240, 16.7.2019, p. 3–9
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
16.7.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 240/3 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Kwistjonijiet dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri”
(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)
(2019/C 240/02)
Relatur: Indrė VAREIKYTĖ
Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja |
20.9.2018 |
Bażi legali |
Artikolu 32(2) tar-Regoli ta’ Proċedura Opinjoni fuq inizjattiva proprja |
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza |
Adottata fis-sezzjoni |
24.4.2019 |
Adottata fil-plenarja |
15.5.2019 |
Sessjoni plenarja Nru |
543 |
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
200/4/7 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1. |
Il-Kumitat jemmen li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija kwistjoni tas-soċjetà u li hija biss soċjetà li tħaddan l-ugwaljanza bejn il-ġeneri li tista’ tkun ekonomikament u soċjalment b’saħħitha. Għalhekk huwa obbligu ekonomiku u soċjali li n-nisa u l-irġiel jiġu trattati b’mod ugwali u jingħataw opportunitajiet indaqs. |
1.2. |
Filwaqt li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija għan ewlieni tal-UE, il-KESE jiddispjaċih li din se tieħu aktar minn 100 sena biex tinkiseb bir-rata attwali, speċjalment jekk il-progress jiġi ostakolat aktar b’reazzjoni negattiva fil-parti l-kbira tal-oqsma kruċjali tal-iżvilupp u tnaqqis ġenerali fir-ritmu tat-tkabbir ekonomiku. |
1.3. |
Il-Kumitat jemmen li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jagħmlu kull sforz biex jiksbu l-SDG 5 dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri sal-2030. Għalhekk, huwa jitlob li jkun hemm strateġija tal-UE integrata u ambizzjuża ta’ ħames snin fir-rigward tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri (1), li tkopri t-terminu li jmiss tal-Kummissjoni u tal-PE, u impenn qawwi favur l-ugwaljanza bejn il-ġeneri mill-istituzzjonijiet tal-UE, il-gvernijiet, is-soċjetà ċivili u s-settur privat biex jindirizzaw b’mod olistiku l-aspetti kollha tal-ugwaljanza b’mod effettiv fl-istess ħin u b’miżuri ta’ impatt ugwali. |
1.4. |
Il-KESE jitlob li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri tibqa’ għan awtonomu fl-oqfsa finanzjarji futuri, b’impenn ċar lejn l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri u l-inklużjoni ta’ indikaturi tal-ġeneri, valutazzjoni tal-impatt tal-ġeneri u bbaġitjar tal-ġeneri fil-programmi u l-oqsma ta’ politika kollha. Id-dimensjoni tal-ġeneru għandha tiġi integrata wkoll fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. |
1.5. |
Il-Kumitat jappella lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tniedi pakkett dwar is-servizzi ta’ kura ħalli tingħata spinta lill-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u biex tirrevedi l-miri ta’ Barċellona dwar il-kura tat-tfal. |
1.6. |
Il-KESE jikkundanna l-forom kollha ta’ vjolenza fuq in-nisa u jħeġġeġ lill-Istati Membri li għadhom ma rratifikawx il-Konvenzjoni ta’ Istanbul biex iqisu mill-ġdid il-pożizzjoni tagħhom. Il-KESE jistieden ukoll lill-Kummissjoni żżid il-fastidju u l-fastidju morali online fil-konfront tan-nisa mad-definizzjoni ta’ diskors ta’ mibegħda illegali. Għandhom jiġu stabbiliti indikaturi fl-UE kollha għall-ġbir ta’ data komparabbli dwar il-vjolenza kontra n-nisa, peress li dan jgħin fl-iżvilupp ta’ miżuri effettivi ta’ politika. |
1.7. |
Il-Kumitat jinnota li d-diskussjoni dwar id-Direttiva dwar in-Nisa fuq il-Bordijiet tibqa’ fuq l-aġenda tal-Presidenza Rumena tal-Kunsill tal-UE bil-għan li tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-korpi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet. Huwa jistieden lill-Kunsill ikompli bl-isforzi tiegħu u jipproċedi bid-diskussjoni fir-rigward tad-Direttiva dwar in-Nisa fuq il-Bordijiet. Il-Kumitat jappella wkoll li l-industrija tassumi rwol ewlieni u żżid il-parteċipazzjoni tan-nisa f’pożizzjonijiet għoljin tat-teħid ta’ deċiżjonijiet. |
1.8. |
Il-KESE jappella li għandhom jittieħdu miżuri effettivi biex jiġu żgurati opportunitajiet indaqs għan-nisa u l-irġiel fis-suq tax-xogħol, speċjalment miżuri biex titnaqqas id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa, kif ukoll biex tiġi indirizzata s-segregazzjoni tal-ġeneri orizzontali u vertikali fl-okkupazzjonijiet. |
1.9. |
Il-KESE jipproponi li jiġi stabbilit fond legali ta’ emerġenza fil-livell tal-UE, li jipprovdi appoġġ lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jikkontestaw il-leġislazzjoni nazzjonali jew lokali li tikser id-drittijiet tan-nisa fil-qrati. |
1.10. |
Il-Kumitat jirrikonoxxi r-rwol li jaqdu l-midja, ir-reklamar u l-mudelli eżemplari pubbliċi fil-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u jappella sabiex jittieħdu miżuri ħalli jkun żgurat li r-reklamar iħalli impatt pożittiv, pjuttost milli negattiv, fir-rigward tar-rappreżentanza u l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-soċjetà. |
1.11. |
Il-KESE jistieden lill-istituzzjonijiet pubbliċi u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili madwar l-UE biex jippromovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri bil-politiki u l-azzjonijiet esterni tagħhom u jintroduċu miżuri interni eżemplari, bħall-promozzjoni tan-nisa fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-politiki u l-proċessi kollha tagħhom. |
1.12. |
Filwaqt li jirreferi għall-Artikolu 300(5) tat-TFUE, il-Kumitat jistieden lill-Kunsill jirrevedi l-linji gwida tiegħu għall-ħatra tal-membri tal-KESE u jirrakkomanda li l-Istati Membri jressqu membri fuq bażi ta’ parità bejn il-ġeneri. Il-Kumitat se jagħmel ħiltu biex jiżgura l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-operazzjonijiet tiegħu, jintegra l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-proċessi ta’ ħidma kollha tiegħu u jistabbilixxi grupp ta’ segwitu sabiex ifassal linji gwida adegwati. |
2. Kunsiderazzjonijiet ġenerali
2.1. |
L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija valur u għan fundamentali tal-Unjoni Ewropea, imnaqqxa fit-trattati Ewropej u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u aktar reċentement ġiet affermata mill-ġdid fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Minbarra l-qafas leġislattiv u ta’ politika tagħha biex tikseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-UE tappoġġja l-implimentazzjoni tal-Pjattaforma ta’ Azzjoni ta’ Beijing u l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, kif ukoll il-Programm ta’ Azzjoni tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp u l-eżiti tal-konferenzi ta’ reviżjoni tagħhom. |
2.2. |
Filwaqt li hemm bosta inizjattivi pożittivi fi ħdan l-Ewropa biex jiġu indirizzati diversi aspetti tal-inugwaljanzi bejn il-ġeneri, l-ixpruni għall-ugwaljanza vera, speċjalment fi ħdan l-Istati Membri u r-reġjuni, huma kumplessi u multidimensjonali. Minkejja l-progress ġenerali li sar, il-KESE jiddispjaċih li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-UE se tieħu aktar minn 100 sena biex tinkiseb bir-rata attwali. Il-KESE appella għal strateġija globali għas-sostenibbiltà fl-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli. F’dan il-kuntest, il-Kumitat jemmen li l-UE u l-Istati Membri tagħha jeħtiġilhom jagħmlu kull sforz biex jiksbu l-SDG 5 dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri sal-2030. |
2.3. |
Il-KESE huwa mħasseb ukoll dwar il-fatt li l-progress futur dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri jista’ jiġi mxekkel mir-reazzjoni negattiva f’xi Stati Membri fl-oqsma tat-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tan-nisa (impjieg, bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, drittijiet soċjali, kura), edukazzjoni, drittijiet tas-saħħa sesswali u riproduttiva, vjolenza fuq in-nisa, l-NGOs tan-nisa u l-oqsma ewlenin tal-qafas istituzzjonali u tal-politika fi ħdan l-UE u l-Istati Membri tagħha. |
2.4. |
Barra minn hekk, huwa previst tnaqqis fit-tkabbir ekonomiku ta’ għadd ta’ pajjiżi Ewropej, u għalhekk hemm riskju li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri tista’ taqa’ aktar lura fl-aġenda tal-Istati Membri u l-kumpaniji b’konsegwenza ta’ dan. Huwa importanti li l-effetti tal-ġeneru tal-politiki makroekonomiċi jiġu vvalutati bis-sħiħ u jitqiesu fit-tfassil ta’ politiki fiskali u ta’ protezzjoni soċjali u ta’ politiki dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, fost l-oħrajn, sabiex jiġi evitat li l-inugwaljanzi eżistenti tal-ġeneru jiġu aggravati aktar. |
2.5. |
Il-Kumitat jemmen li sabiex l-implimentazzjoni effettiva tal-politiki tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri titmexxa ’l quddiem u tiġi żgurata, din tirrikjedi strateġija ġdida tal-UE ta’ ħames snin dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, li tinfirex fuq il-mandat tal-Kummissjoni u l-PE li jmiss, u impenn imġedded lejn l-ugwaljanza bejn il-ġeneri mill-gvernijiet, mis-soċjetà ċivili, mis-settur privat u mill-istituzzjonijiet Ewropej. Din mhijiex meħtieġa biss biex tiġi żgurata soċjetà ġusta u ugwali, iżda hija wkoll l-aħjar rispons kollettiv biex jiġu miġġielda l-movimenti populisti diskriminatorji u misoġinistiċi li attwalment qegħdin jisfidaw is-soċjetajiet demokratiċi. |
2.6. |
F’dan ir-rigward, l-opinjoni pubblika tappoġġja l-fehma tal-KESE, peress li l-maġġoranza tal-Ewropej taħseb li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija kruċjali għal soċjetà ġusta u demokratika (91 %), għall-ekonomija (87 %) u għalihom personalment (84 %). Barra minn hekk, il-proporzjon ta’ ċittadini tal-UE li jixtiequ li l-UE tintervjeni aktar f’dan il-qasam ta’ politika żdied b’10 % (minn 55 % għal 65 %) f’sentejn biss (2016-2018). |
2.7. |
F’dan id-dawl, il-Kumitat jiddispjaċih li l-finanzjament globali tal-UE li ġie allokat għal miżuri tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-perjodu 2014-2020 huwa biss EUR 6,17 biljun, jew madwar 0,6 % tal-approprjazzjonijiet globali. Il-KESE jitlob li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri tibqa’ għan awtonomu fl-oqfsa finanzjarji futuri, li għandhom juru wkoll impenn ċar lejn l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-integrazzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri u jinkludu indikaturi tal-ġeneri, valutazzjoni tal-impatt fir-rigward tal-ġeneri u bbaġitjar għal kwistjonijiet ta’ ġeneru kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak nazzjonali. L-attenzjoni lejn l-integrazzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-għoti ta’ fondi speċifiċi għal miżuri tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri għandha tkun preżenti mhux biss fi programmi li jindirizzaw kwistjonijiet tal-impjieg u l-inklużjoni soċjali jew drittijiet tal-bniedem fundamentali (eż. il-fondi FSE, REC, AMIF, EaSI), iżda wkoll fl-oqsma ta’ politika li ma jidhrux immedjatament bħala relatati mal-ugwaljanza bejn il-ġeneri iżda li jista’ jkollhom effetti konsiderevoli fuq il-ġeneri bħall-ICT, it-trasport, l-iżvilupp urban u rurali, in-negozju, l-appoġġ għall-investiment, l-iżvilupp sostenibbli u l-politiki ambjentali. Id-dimensjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, ivvalutata abbażi tal-indiċi tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri għandha ssir parti integrali mill-proċess tas-semestru tal-UE, inklużi rapporti tal-pajjiżi u rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi. |
2.8. |
Fid-dawl taż-żieda reċenti fl-iskoperturi #MeToo, il-Kumitat ifaħħar lill-Ombudsman Ewropew talli rrakkomanda Kodiċi ta’ Kondotta aktar b’saħħtu fl-istituzzjonijiet kollha tal-UE, u jemmen li dan għandu jiġi adattat u adottat malajr mill-istituzzjonijiet pubbliċi fl-Istati Membri. |
2.9. |
Il-KESE jistieden lill-istituzzjonijiet pubbliċi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex mhux biss jippromovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri permezz tal-politiki u l-azzjonijiet esterni tagħhom, iżda wkoll biex jintroduċu miżuri interni eżemplari, bħal li jippromovu lin-nisa fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u jintegraw l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-politiki u l-proċessi kollha tagħhom, li attwalment huma limitati, iżda jistgħu jistabbilixxu eżempju pożittiv b’saħħtu għall-istituzzjonijiet pubbliċi u n-negozji tal-madwar u jkomplu d-djalogu dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-livelli kollha tas-soċjetà Ewropea. |
3. L-ekonomija
3.1. |
L-aċċess ugwali għar-riżorsi ekonomiċi mhuwiex biss kwistjoni ta’ indipendenza ekonomika tan-nisa iżda prerekwiżit għall-ilħuq tal-għanijiet tal-UE dwar it-tkabbir ekonomiku sostenibbli, l-impjiegi ta’ kwalità, il-koeżjoni soċjali, il-prosperità u l-kompetittività. It-tħeġġiġ tal-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol huwa kruċjali għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv u għall-PDG b’mod aktar ġenerali, biex jiġi żgurat li l-UE tagħmel użu sħiħ mit-talent disponibbli. |
3.2. |
Fis-suq tax-xogħol, in-nisa Ewropej għadhom qed jiffaċċjaw inugwaljanzi persistenti bejn il-ġeneri, segregazzjoni u differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa, li waħedhom huma stmati li jiswew lill-UE EUR 240 biljun fil-PDG sal-2030 u għandhom kemm effett immedjat fuq il-paga li jaqilgħu n-nisa kif ukoll effett fit-tul fuq l-intitolamenti tas-sigurtà soċjali u tal-pensjoni tagħhom. Għalhekk, il-KESE jilqa’ l-konsultazzjoni tal-Kummissjoni għall-evalwazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/54/KE li timplimenta l-prinċipju tat-Trattat dwar “paga ugwali”bil-għan li jiġi żgurat infurzar aħjar fil-prattika tal-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ta’ valur ugwali. |
3.3. |
Filwaqt li ħinijiet tax-xogħol imnaqqsa jistgħu jkunu għażla, aktar minn kwart tal-popolazzjoni tal-Ewropa tinsab f’impjieg part-time b’mod involontarju. Hemm preżenza qawwija ta’ nisa f’impjiegi part-time u l-għażla tagħhom tax-xogħol part-time ta’ spiss hija influwenzata mir-responsabbiltajiet tal-indukrar. Is-sehem ta’ xogħol part-time involontarju naqas biss bi ftit (0,1 %) f’dawn l-aħħar snin. Raġuni waħda għax-xogħol part-time involontarju hija n-nuqqas ta’ infrastruttura ta’ kura xierqa u arranġamenti ta’ xogħol flessibbli li jistgħu joffru opportunitajiet aħjar għal bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. B’mod ġenerali, in-nisa huma wkoll esposti aktar għall-faqar u possibbiltajiet ta’ karriera limitati. Barra minn hekk, in-nisa li jistabbilixxu n-negozji tagħhom stess fl-UE huma n-nofs tal-irġiel. |
3.4. |
Il-KESE għalhekk jitlob li għandhom jittieħdu miżuri effettivi biex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni ugwali tan-nisa u l-irġiel fis-suq tax-xogħol, kif ukoll biex tiġi indirizzata s-segregazzjoni tal-ġeneri orizzontali u vertikali fl-okkupazzjonijiet. Il-ħolqien ta’ aktar opportunitajiet għan-nisa biex jiksbu aċċess għal impjieg full-time ta’ kwalità b’arranġamenti ta’ xogħol flessibbli għandu jkun prijorità ewlenija. |
3.5. |
Il-Kumitat jemmen li l-promozzjoni ta’ politiki tax-xogħol favur il-familja u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-implimentazzjoni ta’ miżuri trasformattivi u mmirati, li jistgħu jibbilanċjaw mill-ġdid id-distribuzzjoni mhux ugwali tal-indukrar u l-kompiti domestiċi bejn in-nisa u l-irġiel, huma essenzjali (2), speċjalment peress li l-kundizzjonijiet ekonomiċi qed ipoġġu pressjoni dejjem akbar fuq il-ħaddiema. Il-monitoraġġ tat-traspożizzjoni tad-Direttiva tal-UE dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata se jkun essenzjali biex jiġu żgurati riformi ’l fuq lejn liv xieraq bi ħlas u arranġamenti tax-xogħol flessibbli u biex jiġi vvalutat l-impatt tal-miżuri ġodda dwar it-teħid tal-liv tal-ġenituri u tal-paternità mill-missirijiet. |
3.6. |
Miżuri xierqa, bħall-forniment ta’ servizzi aċċessibbli u affordabbli għall-indukrar tat-tfal u tal-kura fit-tul, kif ukoll miżuri li jippromovu t-teħid tal-liv għall-irġiel, huma kruċjali biex il-ġenituri u l-persuni li jindukraw jitħallew jidħlu, jibqgħu jew jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tniedi pakkett dwar is-servizzi ta’ kura ħalli jagħti spinta lill-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u jikkomplementa d-Direttiva dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja Privata, li jkun fih taħlita ta’ rakkomandazzjonijiet ta’ politika, ta’ finanzjament u ta’ mira; u biex tirrevedi l-miri ta’ Barċellona dwar l-indukrar tat-tfal. |
3.7. |
In-negozjar kollettiv jista’ jaqdi rwol importanti biex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri fis-suq tax-xogħol. Ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Globali tal-ILO dwar il-Futur tax-Xogħol fir-rigward tal-aġenda trasformattiva għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri għandha tiggwida lill-imsieħba soċjali, lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE fl-azzjonijiet tagħhom. |
4. L-edukazzjoni u t-taħriġ
4.1. |
Minkejja diversi tibdiliet inkuraġġanti fil-kisbiet tal-edukazzjoni tan-nisa u tal-irġiel, għad hemm xejriet ta’ segregazzjoni sterjotipiċi fl-Istati Membri. L-irġiel jibqgħu sottorappreżentati ferm f’setturi assoċjati ma’ rwoli femminili tradizzjonali, bħas-saħħa u s-servizzi soċjali, ix-xjenzi umanistiċi u l-arti jew it-taħriġ tal-għalliema u x-xjenza tal-edukazzjoni, filwaqt li hemm għadd ikbar ta’ rġiel milli nisa fi STEM u ICT fl-Istati Membri kollha. Dan joħloq sfidi addizzjonali għan-nisa, peress li l-ħiliet ta’ STEM, ICT u IA diġà huma kruċjali llum il-ġurnata u se jsiru indispensabbli fil-futur (3). |
4.2. |
Nisa b’livelli baxxi ta’ ħiliet u kwalifiki jeħtieġu appoġġ addizzjonali biex itejbu l-pożizzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol, peress li d-disparità bejn il-ġeneri fl-impjieg hija l-usa’ għal nies mingħajr l-ebda kwalifika jew b’livell baxx ta’ kwalifiki u għal dawk li jiffaċċjaw diskriminazzjoni intersezzjonali. Il-miżuri tal-politika li jimmiraw speċifikament gruppi vulnerabbli ta’ nisa, speċjalment dawk li jiffaċċjaw diżabilitajiet (4) u bosta żvantaġġi, jgħinu jżidu l-livelli ta’ ħiliet tagħhom. |
4.3. |
In-nisa jkomplu jżidu l-parteċipazzjoni tagħhom fl-edukazzjoni għolja u jaqbżu lill-irġiel fl-għadd f’bosta oqsma tal-edukazzjoni terzjarja. Madankollu, is-segregazzjoni kemm fl-edukazzjoni terzjarja kif ukoll f’dik vokazzjonali għadha tippersisti, li tillimita l-għażliet tal-karriera f’setturi mhux tradizzjonali u l-aċċess għall-istess opportunitajiet ta’ karriera. |
4.4. |
Għalhekk huwa kruċjali li jkomplu jiġu indirizzati l-istereotipi bbażati fuq il-ġeneri u s-segregazzjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ billi jiġu appoġġjati kurrikuli sensittivi għall-ġeneri fl-edukazzjoni, il-karriera, il-konsulenza, kampanji tal-midja li jħeġġu lill-ġuvintur u lit-tfajliet, lin-nisa u lill-irġiel biex isegwu karrieri skont il-ħiliet u l-abbiltajiet tagħhom; biex jitrawmu opportunitajiet ta’ karriera u żviluppi kemm għal nisa kif ukoll għal irġiel li jagħżlu setturi mhux tradizzjonali; biex jinħolqu opportunitajiet għan-nisa biex jieħdu vantaġġ mill-kisbiet fl-edukazzjoni għolja tagħhom sal-istess livell tal-irġiel, biex jindirizzaw is-saqaf tal-ħġieġ eżistenti għan-nisa fid-dinja akkademika (5), u biex jiżdiedu l-opportunitajiet ta’ appoġġ għal intraprendituri nisa (6), speċjalment f’setturi mhux tradizzjonali. Huwa rrakkomandat ukoll li tiżdied is-sensibilizzazzjoni ġenerali dwar il-kwistjonijiet relatati mal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-ħiliet b’rabta mal-ugwaljanza tal-uffiċjali pubbliċi u l-professjonisti. |
5. In-nisa u l-faqar
5.1. |
In-nisa jinsabu f’riskju akbar ta’ faqar, parzjalment minħabba li għandhom paga fis-siegħa aktar baxxa, preżenza qawwija fost dawk li jaqilgħu paga minima u f’setturi li għandhom livelli aktar baxxi ta’ remunerazzjoni, u huma aktar probabbli li jkunu f’xogħol part-time, arranġamenti ta’ xogħol mhux flessibbli jew li jkollhom aktar assenzi mix-xogħol relatati mar-responsabbiltajiet tal-indukrar. Il-femminilizzazzjoni tal-faqar hija l-konsegwenza ta’ għadd ta’ fatturi, inklużi s-sottovalutazzjoni tax-xogħol tan-nisa u d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa. Id-disparità fl-impjiegi bejn il-ġeneri tikber b’mod sostanzjali ladarba l-familji jkollhom it-tfal, li tirrifletti d-diffikultajiet li n-nisa jiffaċċjaw biex jirrikonċiljaw ir-responsabbiltajiet tat-trobbija u tal-indukrar tat-tfal max-xogħol tagħhom, kif ukoll it-trattament diskriminatorju u inġust li jiffaċċjaw in-nisa tqal jew dawk li jirritornaw mil-liv tal-maternità. |
5.2. |
Huwa kruċjali li jiġi rikonoxxut li n-nisa mhumiex kategorija omoġenja u li huma meħtieġa miżuri speċifiċi għal nisa li jiffaċċjaw diskriminazzjoni jew żvantaġġi lil hinn mill-ġeneru, jiġifieri nisa b’diżabilità, nisa ddiskriminati minħabba r-razza, LGBTIQ+, nisa f’żoni rurali, immigranti, rifuġjati jew dawk li jfittxu asil, nisa żgħażagħ u anzjani. |
5.3. |
Il-Kumitat għalhekk jirrakkomanda li jittieħdu miżuri ta’ tisħiħ li jappoġġjaw l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-attività ekonomika:
|
6. Id-drittijiet tal-bniedem
6.1. |
L-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija prinċipju fundamentali, li jikkostitwixxi parti integrali tad-drittijiet tal-bniedem u prerekwiżit biex id-drittijiet tal-bniedem isiru applikabbli għal kulħadd u kulħadd ikun jista’ jeżerċitahom. |
6.2. |
Il-KESE jikkundanna kull forma ta’ vjolenza fuq in-nisa u jħeġġeġ lill-Istati Membri li għadhom ma rratifikawx il-Konvenzjoni ta’ Istanbul biex iqisu mill-ġdid li jagħmlu dan mingħajr aktar dewmien. Għandhom jiġu stabbiliti indikaturi fl-UE kollha għall-ġbir ta’ data komparabbli dwar il-vjolenza kontra n-nisa, peress li dan jgħin fl-iżvilupp ta’ miżuri effettivi ta’ politika. Għal dan il-għan, l-esperjenza miksuba f’xi pajjiżi tal-UE tista’ tipprovdi indikazzjoni fir-rigward tal-approċċ li għandu jiġi adottat. Il-KESE jistieden ukoll lill-Kummissjoni taġġorna r-Rakkomandazzjoni dwar miżuri biex jiġi indirizzat b’mod effettiv il-kontenut illegali online u l-Kodiċi ta’ kondotta dwar il-ġlieda kontra d-diskors ta’ mibegħda illegali online, li ġie miftiehem mill-KE u minn kumpaniji tal-IT globali, billi żżid il-fastidju u l-fastidju morali online fil-konfront tan-nisa mad-definizzjoni tad-diskors ta’ mibegħda illegali. |
6.3. |
Il-Kumitat jiddispjaċih ħafna bir-reazzjoni negattiva attwali kontra d-drittijiet tas-saħħa sesswali u riproduttiva tan-nisa fl-Ewropa, b’implikazzjonijiet serji għad-drittijiet tal-bniedem tan-nisa u theddida ġenerali għall-universalità tad-drittijet tal-bniedem. Barra minn hekk, għalkemm ir-retroattivitajiet leġislattivi speċifikament immiraw l-aċċess tan-nisa għal servizzi ta’ abort legali f’xi kuntesti Ewropej (anki meta l-evidenza turi li l-edukazzjoni sesswali komprensiva tista’ tnaqqas tqaliet mhux mixtieqa b’50 %), aspetti oħra tas-saħħa sesswali u riproduttiva u tad-drittijiet tan-nisa ġew affettwati wkoll, eż. rekwiżiti legali biex jinkisbu riċetti mediċi għal kontraċezzjoni ta’ emerġenza. Barra minn hekk, daħlu fis-seħħ serje ta’ liġijiet u politiki retrogressivi b’medda wiesgħa ta’ implikazzjonijiet ta’ ħsara għad-drittijiet tan-nisa, li jinkludu liġijiet li għandhom l-effett li jxekklu l-edukazzjoni sesswali, jipprevjenu t-tixrid ta’ informazzjoni dwar l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru, inkluż għal skopijiet ta’ edukazzjoni, jew jiddekriminalizzaw ċerti forom ta’ vjolenza domestika. |
6.4. |
Il-KESE jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lis-soċjetà ċivili biex jaħdmu flimkien biex jieħdu azzjoni immedjata, b’saħħitha kontra liġijiet bħal dawn. Il-Kumitat jipproponi wkoll li jiġi stabbilit fond legali ta’ emerġenza fil-livell tal-UE, li jipprovdi appoġġ lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jikkontestaw il-leġislazzjoni li tikser id-drittijiet tan-nisa fil-qrati. |
6.5. |
Il-KESE jenfasizza wkoll l-importanza tal-indirizzar tal-ostakoli li n-nisa u, speċifikament, il-vittmi tal-vjolenza jiffaċċjaw meta jitolbu rimedju meta jkunu nkisru d-drittijiet tagħhom, u l-iżgurar ta’ aċċess ugwali għal ġustizzja għan-nisa kollha, billi jitneħħew l-ostakoli ekonomiċi, kulturali u istituzzjonali (tal-ġeneri) bħala prekundizzjoni meħtieġa għad-drittijiet tal-bniedem tan-nisa. Barra minn hekk, il-Kumitat jiddispjaċih dwar il-fatt li għad m’hemmx indikaturi biex jiġi vvalutat il-progress tal-Istati Membri fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem tan-nisa; u li b’mod ġenerali huwa aktar probabbli li l-irġiel jiffaċċjaw sentenzi mhux oġġettivi u jiġu mċaħħda mid-drittijiet tal-ġenituri u mid-drittijiet għall-aċċess. |
7. In-nisa fil-poter u fit-teħid ta’ deċiżjonijiet
7.1. |
Minkejja l-progress li sar fis-snin reċenti, is-sottorappreżentanza tan-nisa fit-teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi u ekonomiċi għadha sfida għall-UE u l-Istati Membri tagħha. Fil-livelli kollha tal-gvern, in-nisa jokkupaw biss terz tal-pożizzjonijiet ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi u biss kwart tal-pożizzjonijiet ministerjali superjuri u inferjuri. L-istituzzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji pubbliċi/privati għadhom kważi kollha ddominati mill-irġiel. |
7.2. |
Il-KESE jiddispjaċih li anke wara sejħiet kontinwi mill-Unjoni Ewropea kollha u mill-Kumitat innifsu (7), il-livell limitu li 40 % tal-bordijiet tal-kumpaniji sal-2020 ikunu nisa mhuwiex se jintlaħaq. Huwa jinnota d-diskussjoni dwar id-Direttiva dwar in-Nisa fuq il-Bordijiet tibqa’ fuq l-aġenda tal-Presidenza Rumena tal-Kunsill tal-UE bil-għan li tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-korpi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet. Huwa jistieden lill-Kunsill ikompli bl-isforzi tiegħu u jipproċedi bid-diskussjoni fir-rigward tad-Direttiva dwar in-Nisa fuq il-Bordijiet. Il-Kumitat jappella wkoll li l-industrija tassumi rwol ewlieni u żżid b’mod sinifikanti l-parteċipazzjoni tan-nisa f’pożizzjonijiet għoljin tat-teħid ta’ deċiżjonijiet. |
7.3. |
Il-Kumitat ripetutament (8) jirrakkomanda li jitqiesu strateġiji u għodod effettivi (pereżempju miżuri legali, baġitarji u volontarji, kwoti tal-ġeneru) biex jinkiser is-saqaf tal-ħġieġ u jinkiseb bilanċ bejn il-ġeneri f’karigi eletti u nominati fi strutturi politiċi ewlenin. L-indirizzar tan-normi, l-attitudnijiet u l-istereotipi tal-ġeneri li jxekklu r-rappreżentazzjoni ugwali tan-nisa fil-pożizzjonijiet ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fid-dominji politiċi, ekonomiċi u soċjali huwa importanti aktar minn qatt qabel. |
7.4. |
Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tmexxi inizjattiva biex tattira aktar nisa biex jipparteċipaw fil-politika u tivvota għal kandidati nisa kwalifikati billi toħloq miżuri biex tinvesti fil-ħiliet tagħhom, fondazzjonijiet tar-riżorsi u netwerks ta’ mentoring. |
7.5. |
Il-KESE jilqa’ l-mira stabbilita mill-President tal-Kummissjoni Jean-Claude Juncker li jiġi żgurat li, sa tmiem il-mandat attwali, tal-anqas 40 % tal-maniġers intermedji u superjuri tiegħu jkunu nisa u, f’dan id-dawl, jirrikonoxxi li, peress li l-KESE huwa korp tal-UE li jirrappreżenta lis-soċjetà ċivili tal-UE u jaġixxi bħala l-pont bejn is-soċjetà u l-istituzzjonijiet tal-UE, huwa ta’ dispjaċir li 30 % biss tal-membri tiegħu huma nisa. Għalhekk, il-Kumitat jistieden lill-Kunsill jirrevedi l-linji gwida tiegħu għall-ħatra tal-membri tal-KESE sabiex jitqiesu l-iżviluppi ekonomiċi, soċjali u demografiċi fi ħdan l-Unjoni, kif iddikjarat fl-Artikolu 300(5) tat-TFUE. Il-Kumitat se jagħmel ħiltu biex jiżgura l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-operazzjonijiet tiegħu. |
7.6. |
Fir-Regoli ta’ Proċedura tiegħu li għadhom kemm ġew adottati, il-KESE ħa l-impenn li jiżgura l-konformità mal-prinċipju tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u n-nondiskriminazzjoni fil-politiki kollha tiegħu. Għal dan il-għan, il-KESE se jadotta politika kontra l-fastidju u jistabbilixxi grupp ta’ segwitu sabiex ifassal linji gwida għall-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-ħidma kollha tiegħu, b’mod partikolari fl-Opinjonijiet tiegħu. |
8. Midja
8.1. |
Il-midja għandha rwol essenzjali fl-iffurmar ta’ opinjonijiet, attitudnijiet u preġudizzji ta’ soċjetà. In-nisa huma produtturi u konsumaturi, kif ukoll parti mill-kontenut tal-midja, minkejja li l-kontenut tal-midja mhux dejjem ikun sensittiv għall-ġeneru, u jista’ juri immaġnijiet degradanti tan-nisa u jipperpetwa rwoli, stereotipi u normi tal-ġeneri. Iż-żieda tat-teknoloġiji diġitali u l-forom ġodda ta’ komunikazzjoni kompliet tikkumplika r-relazzjoni bejn ir-rwoli tan-nisa fil-midja u l-mod kif il-produtturi, il-konsumaturi u l-kontenut huma relatati magħhom. |
8.2. |
Filwaqt li l-impjieg tan-nisa fis-settur tal-midja fl-UE żdied għal kważi nofs (44 %) il-forza tax-xogħol u n-nisa jirrappreżentaw l-ikbar grupp (68 %) ta’ gradwati fil-korsijiet tal-ġurnaliżmu u l-informazzjoni, in-nisa f’organizzazzjonijiet tal-midja jokkupaw l-aktar biss pożizzjonijiet b’influwenza limitata fuq il-kontenut u l-istrateġija tal-organizzazzjonijiet. |
8.3. |
Biex titjieb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-industrija tal-midja, huwa kruċjali li jiġi mmirat is-saqaf tal-ħġieġ, li tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fl-aħjar pożizzjonijiet ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, li jiġu kkomplementati miżuri volontarji adottati minn organizzazzjonijiet tal-midja b’miżuri ta’ politika li jappoġġjaw it-trasformazzjoni tas-settur tal-midja u l-kontenut tiegħu. Huwa tal-akbar importanza li nibdew nirrikonoxxu l-konsegwenzi tal-istereotipi tal-ġeneri prodotti mill-kontenut tal-midja, kif ukoll li nivvalutaw kif l-irġiel u n-nisa jiġu rrappreżentati fil-midja. |
8.4. |
L-industrija tar-reklamar għadha qed titħabat biex tiddeskrivi kemm in-nisa kif ukoll l-irġiel b’mod proporzjonat u realistiku. Is-soċjetà għadha tara li n-nisa u l-irġiel jidhru b’modi skaduti u inaċċettabbli, minkejja li l-istereotipi tal-ġeneri issa ta’ spiss jiġu ppreżentati b’mod aktar sottili. Il-KESE jemmen li wasal iż-żmien li nneħħu kwalunkwe perċezzjonijiet anakronistiċi u li l-industrija jkollha rwol ewlieni biex jiġi żgurat li r-reklamar ikollu impatt pożittiv aktar milli negattiv f’termini ta’ rappreżentanza u promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-soċjetà, speċjalment f’termini ta’ kummerċjalizzazzjoni stereotipata tal-ġeneri għat-tfal. |
Brussell, il-15 ta’ Mejju 2019.
Il-President
tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Luca JAHIER
(1) ĠU C 110, 22.3.2019, p. 26.
(2) ĠU C 129, 11.4.2018, p. 44
(3) ĠU C 173, 31.5.2017, p. 45.
(4) ĠU C 367, 10.10.2018, p. 20.
(5) ĠU C 12, 15.1.2015, p. 10.
(6) ĠU C 299, 4.10.2012, p. 24.