Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-Programm Ewropew tal-Metroloġija għall-Innovazzjoni u r-Riċerka (EMPIR)

Il-Programm Ewropew tal-Metroloġija għall-Innovazzjoni u r-Riċerka (EMPIR)

L-EMPIR huwa programm konġunt li jiffoka fuq il-metroloġija u t-teknoloġiji tal-kejl. Dan għandu l-għan li joħloq sistema Ewropea tar-Riċerka fil-Metroloġija.

ATT

Deċiżjoni Nru 555/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-15 ta’ Mejju 2014 dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni fil-Programm Ewropew tal-Metroloġija għall-Innovazzjoni u r-Riċerka (EMPIR) li bosta Stati Membri jwettqu b’mod konġunt

SOMMARJU

L-EMPIR, li jsegwi l-programm Ewropew ta’ riċerka dwar il-metroloġija (EMRP), huwa kkofinanzjat mill-Programm Orizzont 2020 tal-Unjoni Ewropea u mill-baġits nazzjonali tal-pajjiżi parteċipanti. L-UE tipparteċipa f’dan il-programm konġunt fuq il-bażi tal-Artikolu 185 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (Sħubija Pubblika-Privata).

Objettivi

L-EMPIR huwa mmirat sabiex jappoġġa l-ħolqien ta’ sistema Ewropea tar-Riċerka fil-Metroloġija integrata li hija attiva fil-livelli reġjonali, nazzjonali, dak Ewropew u internazzjonali.

Għan ieħor huwa li jipprovdi soluzzjonijiet tal-metroloġija adatti u integrati li jappoġġaw il-kompetittività, kif ukoll teknoloġiji tal-kejl li jindirizzaw sfidi tas-soċjetà (eż. is-saħħa, l-ambjent u l-enerġija).

Fokus

L-EMPIR jinkludi attivitajiet b’rabta mal-aspetti segwenti:

l-innovazzjoni u l-esplojtazzjoni industrijali,

ir-riċerka għal standards,

standardizzazzjoni u finijiet regolatorji,

il-bini tal-kapaċità.

Parteċipazzjoni u finanzjament

Il-parteċipazzjoni fi proġetti tal-EMPIR isseħħ b’konformità mar-(regoli għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni tal-Orizzont 2020 (Regolament (UE) Nru 1290/2013) u d-derogi speċifiċi li jinsabu f’din id-Deċiżjoni dwar l-EMPIR.

Lista tal-Istituti Nazzjonali tal-Metroloġija (NMIs) tal-EURAMET u l-Istituti Magħżula (DIs) li huma eliġibbli biex jieħdu sehem fil-proġetti tal-EMPIR tinsab fuq il-Portal għall-Parteċipanti fl-EMPIR.

Implimentazzjoni

Il-EURAMET, l-Organizzazzjoni Reġjonali Ewropea tal-Metroloġija, intgħażlet mill-pajjiżi parteċipanti biex timplimenta l-EMPIR. Il-EURAMET torganizza sejħiet għal proposti, l-evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari, u l-għażla u l-monitoraġġ tal-proġetti, kif ukoll l-allokazzjoni tal-kontribuzzjoni tal-UE.

L-EMPIR huwa implimentat fuq il-bażi ta’ programmi ta’ ħidma annwali. L-appoġġ finanzjarju prinċipalment ikun fl-għamla ta’ għotjiet lil proġetti magħżula.

Il-EURAMET tistieden lill-individwi jew l-organizzazzjonijiet interessati mill-komunità tar-riċerka fil-metroloġija u lill-utenti sabiex jissuġġerixxu suġġetti ta’ riċerka potenzjali qabel tidentifika s-suġġetti għal kull sejħa għal proposta.

Il-Baġit

Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-UE għall-programm hija sa EUR 300 miljun. Din tkopri l-perjodu 2014-24. Din il-kontribuzzjoni hija ekwivalenti għal dik imħallsa mill-pajjiżi parteċipanti lil proġetti tal-EMPIR, esklużi l-kontribuzzjonijiet tal-pajjiżi parteċipanti għal spejjeż amministrattivi li jaqbżu l-5 % tal-baġit tal-EMPIR.

Il-kontribuzzjoni tal-pajjiżi parteċipanti tikkonsisti minn pagamenti magħmula permezz ta’ finanzjament istituzzjonali mill-NMIs fl-UE u l-pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles, kif ukoll mid-DIs li jipparteċipaw fl-EMPIR.

Għal aktar informazzjoni, ara:

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

Deċiżjoni Nru 555/2014/UE

27.6.2014

-

ĠU L 169, 7.6.2014, p. 27-37.

ATTI RELATATI

Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (Ġurnal Uffiċjali L 347, 20.12.2013, p. 104-173).

Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/743/UE tat-3 ta’ Diċembru 2013 li tistabbilixxi l-programm speċifiku li jimplimenta Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li tħassar id-Deċiżjonijiet 2006/971/KE, 2006/972/KE, 2006/973/KE, 2006/974/KE u 2006/975/KE (Ġurnal Uffiċjali L 347, 20.12.2013, p. 965-1041).

Regolament (UE) Nru 1290/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi r-regoli għal parteċipazzjoni u disseminazzjoni f’ “Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020)” u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1906/2006 (Ġurnal Uffiċjali L 347, 20.12.2013, p. 81-103).

L-aħħar aġġornament: 06.08.2015

Top
  翻译: