Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Tnaqqis fl-emissjonijiet tas-CO2 tal-karozzi ġodda tal-passiġġieri u tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda

Tnaqqis fl-emissjonijiet tas-CO2 tal-karozzi ġodda tal-passiġġieri u tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) 2019/631 — li jistabbilixxi standards ta’ rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ CO2 tal-karozzi ġodda tal-passiġġieri u tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Ir-Regolament (UE) 2019/631 għandu l-għan li jikkontribwixxi għad-dekarbonizzazzjoni tat-trasport bit-triq, biex jilħaq il-miri tal-Unjoni Ewropea (UE) dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (ara s-sommarju) għall-2030 u lil hinn u biex jikkontribwixxi għall-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi.

PUNTI EWLENIN

  • Ir-regolament jistabbilixxi r-rekwiżiti tar-rendiment għall-emissjonijiet (tas-CO2) għal karozzi ġodda tal-passiġġieri u għal vetturi kummerċjali ħfief ġodda (jiġifieri vannijiet).
  • Il-miri tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 tal-UE għal karozzi u vannijiet ġodda huma alinjati mal-objettivi klimatiċi riveduti tal-UE, elenkati fil-Leġiżlazzjoni dwar il-Klima tal-UE (ir-Regolament (UE) 2021/1119), li jonqox l-objettiv biex tintlaħaq n-newtralità klimatika sal-2050 f’leġiżlazzjoni u li jisabbilixxi wkoll mira għat-tnaqqis domestiku fl-UE għal emissjonijiet nett tal-gassijiet serra ta’ tal-inqas 55% sal-2030, meta mqabbla mal-livelli tal-1990.
  • Dawn ir-rekwiżiti jikkontribwixxu wkoll sabiex tintlaħaq il-mira li, sal-2030, jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra fis-setturi mhux koperti mis-sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet b’40 % meta mqabbel mal-2005.

Miri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet

  • Meta mqabbel mal-2021, ir-regolament jirrikjedi li l-emissjonijiet tas-CO2 medji annwali tal-flotta tal-UE kollha, kemm mill-karozzi l-ġodda kif ukoll mill-vannijiet il-ġodda, jitnaqqsu:
    • bi 15 % għall-perjod 2025–2029;
    • b’55% għall-karozzi l-ġodda u b’50% għall-vannijiet il-ġodda, għall-perjodu 2030–2034;
    • b’100 % mill-1 ta’ Jannar 2035 ’il quddiem.
  • Kull sena, il-Kummissjoni Ewropea, f’att ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi l-mira nedja tal-emissjonijiet tas-CO2 u l-mira speċifika tas-CO2 għal kull manifattur sabiex tevalwa r-rendiment tagħhom biex jissodisfaw il-miri tagħhom (għall-2022, ara d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/865).
  • Il-manifatturi li jaqbżu l-miri speċifiki tagħhom ta’ emissjonijiet ser ikollhom iħallsu premium ta’ emissjoni eċċessiva ta’ €95 għal kull g/km żejda għal kull vettura ġdida rreġistrata.

Inċentivi għall-adozzjoni ta’ vetturi b’emissjonijiet żero jew baxxi

  • Mill-1 ta’ Jannar 2025 sal-31 ta’ Diċembru 2029, ser japplika inċentiv ta’ vetturi b’emissjonijiet żero jew baxxi (ZLEVs), fejn il-mira speċifika tal-emissjonijiet tas-CO2 għal manifattur ser tkun imtaffija jekk is-sehem tiegħu ta’ ZLEVs (vetturi b’emissjonijiet minn 0 sa 50 g/km) irreġistrata f’sena partikolari taqbeż il-livelli ta’ parametraġġi referenzjarji li ġejjin:: 25% għall-karozzi u 17% għall-vannijiet.
  • Għall-kalkolu tas-sehem ZLEV fi flotta ta’ manifattur, regola ta’ kontabilità tapplika li tagħti iktar piż lil ZLEV b’emissjonijiet tas-CO2 iktar baxxi.

Ġbir, derogi u innovazzjonijiet ekoloġiċi

  • Dawn huma miżuri li jagħmluha aktar faċli għall-manifatturi biex jilħqu l-miri tagħhom.
  • Il-manifatturi jistgħu jiffurmaw ġabra, f’liema każ tapplika mira konġunta għall-ġabra kollha.
  • Il-manifatturi li jirreġistraw kull sena inqas minn 1,000 karozza jew vann ġdid huma eżentati milli jissodisfaw miri ta’ emissjonijiet speċifiċi, sakemm ma jkunux applikaw għal deroga.
  • Il-manifatturi li jirreġistraw inqas minn 10,000 karozza jew 22,000 vann jistgħu japplikaw għal deroga għal “manifattur ta’ volum żgħir”. Id-deroga mhux se tibqa’ teżisti mill-2036 ’il quddiem.
  • Il-manifatturi li jirreġistraw bejn 10 000 u 300 000 karozza jistgħu japplikaw għal “deroga speċjalizzata”. Id-deroga mhux se tibqa’ teżisti mill-2029 ’il quddiem.
  • Il-manifatturi jistgħu jirċievu wkoll krediti ta’ “eko innovazzjoni” għal teknoloġiji innovattivi. Il-limitu massimu għal tali krediti se jitniżżel gradwalment mill-2025. Dawn il-krediti mhux se jibqgħu jeżistu mill-2035 ’il quddiem.

Data robusta dwar l-emissjonijiet

Ir-regoli japplikaw biex jiżguraw ir-robustezza u r-rappreżentattività fl-użu reali tad-data rreġistrata dwar l-emissjonijiet billi jeħtieġu:

  • il-Kummissjoni tissorvelja l-emissjonijiet tas-CO2 f’sewqan reali u d-data dwar il-konsum ta’ fjuwil jew ta’ enerġija tal-vetturi (ara r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/392);
  • awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip biex jivverifikaw li l-valuri tal-emissjonijiet tas-CO2 u tal-konsum tal-fjuwil irrekordjati mill-manifatturi fiċ-ċertifikati ta’ konformità jikkorrispondu mal-valuri ta’ dawk il-vetturi meta jkunu fis-servizz (ara r-Regolament Delegat (UE) 2023/2867 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2866).

Emissjonijiet tas-CO2 tul iċ-ċiklu tal-ħajja

  • Sal-2025, il-Kummissjoni se tippreżenta metodoloġija biex tivvaluta u tirrapporta l-emissjonijiet tas-CO2 tul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tal-karozzi u l-vannijiet mibjugħa fis-suq tal-UE.
  • Mill-1 ta’ Ġunju 2026, il-manifatturi jistgħu jibdew jirrappurtaw l-emissjonijiet tas-CO2 taċ-ċiklu tal-ħajja tal-vetturi tagħhom abbażi ta’ din il-metodoloġija komuni tal-UE.

Rapport ta’ progress

  • Sal-31 ta’ Diċembru 2025, u kull sentejn wara, il-Kummissjoni trid tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar il-progress lejn il-mobbiltà tat-triq b’emissjonijiet żero. Ir-rapport għandu b’mod partikolari jissorvelja u jivvaluta l-ħtieġa għal miżuri addizzjonali possibbli biex tiġi ffaċilitata tranżizzjoni ġusta, inkluż permezz ta’ mezzi finanzjarji. Fir-rapport, il-Kummissjoni ser tikkunsidra l-fatturi kollha li jikkontribwixxu għal progress kosteffiċjenti lejn in-newtralità tal-klima sal-2050.
  • Flimkien mal-ewwel rapport ta’ progress, il-Kummissjoni għandha tissottometti analiżi biex tidentifika kwalunkwe lakuna fil-finanzjament biex tiżgura tranżizzjoni ġusta fil-katina tal-provvista tal-karozzi, b’attenzjoni partikolari għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u r-reġjuni li huma l-aktar affettwati mit-tranżizzjoni. Dan, fejn xieraq, ikun akkumpanjat minn proposti għal miżuri finanzjarji adegwati biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet identifikati.

Rieżami

Fl-2026, il-Kummissjoni ser tirrevedi l-effettività u l-impatt tar-regolament u ser tippreżenta rapport lill-Parlament u lill-Kunsill.

MINN META BEDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mit-1 ta’ Jannar 2020.

Ir-Regolament (UE) 2019/631 irreveda u ssostitwixxa r-Regolamenti (KE) Nru 443/2009 u (UE) Nru 510/2011 u l-emendi sussegwenti tagħhom.

Ir-Regolament kien emendat mir-Regolament (UE) 2023/851 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ April 2023.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT PRINĊIPALI

Ir-Regolament (UE) 2019/631 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 li jistabbilixxi standards ta’ rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-karozzi l-ġodda tal-passiġġieri u tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 443/2009 u (UE) Nru 510/2011 (riformulazzjoni) (ĠU L 111, 25.4.2019, pp. 13–53).

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) 2019/631 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2866 tal-15 ta’ Diċembru 2023 li jimplimenta r-Regolament (UE) 2019/631 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jiddetermina l-proċeduri għat-twettiq tal-verifika tal-valuri tal-emissjonijiet tas-CO2 u tal-konsum tal-fjuwil tal-karozzi tal-passiġġieri u tal-vetturi kummerċjali fis-servizz (verifika fis-servizz) (ĠU L.,2023/2866 18.12.2023).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/2867 tal-5 ta’ Ottubru 2023 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2019/631 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi l-prinċipji ta’ gwida u l-kriterji biex jiġu definiti l-proċeduri għall-verifika tal-valuri tal-emissjonijiet tas-CO2 u tal-konsum tal-fjuwil tal-karozzi tal-passiġġieri u tal-vetturi kummerċjali fis-servizz (verifika waqt is-servizz) (ĠU L.,2023/2867, 18.12.2023).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) 2023/1804 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Settembru 2023 dwar il-varar ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi, u li jħassar id-Direttiva 2014/94/UE (ĠU L 234, 22.9.2023, pp. 1–47).

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/392 tal-4 ta’ Marzu 2021 dwar il-monitoraġġ u r-rapportar ta’ data relatata mal-emissjonijiet tas-CO2 minn karozzi tal-passiġġieri u vetturi kummerċjali ħfief skont ir-Regolament (UE) 2019/631 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1014/2010, (UE) Nru 293/2012, (UE) 2017/1152, u (EU) 2017/1153 (OJ L 77, 5.3.2021, pp. 8–25).

Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”) (ĠU L 243, 9.7.2021, pp. 1–17).

Ir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 (ĠU L 156, 19.6.2018, pp. 26–42).

Ara l-verżjoni konsolidata.

r-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2007 u (KE) Nru 595/2009 u li jħassar id-Direttiva 2007/46/KE (ĠUJ L 151, 14.6.2018, pp. 1–218).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi (ĠU L 171, 29.6.2007, pp. 1–16).

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 16.10.2024

Top
  翻译: