Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Metodi ta’ teħid ta’ kampjuni u analiżi għall-kontroll tal-livelli ta’ ċerti elementi fl-oġġetti tal-ikel

Metodi ta’ teħid ta’ kampjuni u analiżi għall-kontroll tal-livelli ta’ ċerti elementi fl-oġġetti tal-ikel

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/644 li jistabbilixxi metodi ta’ teħid ta’ kampjuni u analiżi għall-kontroll tal-livelli ta’ diossini, PCBs simili għad-diossini u PCBs mhux simili għad-diossini f’ċerti oġġetti tal-ikel

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/705 li jistabbilixxi metodi ta’ teħid tal-kampjuni u kriterji ta’ rendiment għall-metodi ta’ analiżi għall-kontroll uffiċjali tal-livelli ta’ aċidu eruċiku f’oġġetti tal-ikel

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 333/2007 tat-28 ta’ Marzu li jistabbilixxi l-metodi ta’ teħid ta’ kampjuni u analiżi għall-kontroll uffiċjali ta’ livelli ta’ ċomb, kadmju, merkurju, landa inorganika, 3-MCPD u benzo(a)pyrene fl-oġġetti ta’ l-ikel

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 401/2006 li jistabbilixxi l-metodi tat-teħid ta’ kampjuni u l-metodi ta’ analiżi għall-kontroll uffiċjali tal-livelli ta’ mikotossini fl-oġġetti tal-ikel

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENTI?

Huma stabbilew metodi ta’ teħid ta’ kampjuni u analiżi biex jiċċekkjaw il-livelli ta’ kontaminanti fl-ikel.

PUNTI EWLENIN

  • Kontaminanti huma sustanzi preżenti fl-ikel bħala riżultat tad-diversi stadji tal-produzzjoni, l-imballaġġ, it-trasport u l-ħżin tiegħu, jew mill-ambjent. Billi l-kontaminazzjoni ġeneralment għandha impatt negattiv fuq il-kwalità tal-ikel u timplika riskju għas-saħħa tal-bniedem, l-Unjoni Ewropea (UE) ħadet miżuri biex timminimizza l-kontaminanti fl-ikel. Il-livelli massimi huma stabbiliti għall-kontaminanti tal-ikel li huma l-aktar ta’ tħassib għall-konsumaturi tal-UE.
  • L-erba’ regolamenti jirreferu għar-Regolament (KE) Nru 882/2004 dwar il-kontrolli uffiċjali li l-Artikolu 11(4) tagħhom jistabbilixxu l-metodi ta’ teħid ta’ kampjuni u analiżi. Minn dak iż-żmien ’l hawn dan ir-regolament tħassar u ġie sostitwit bir-Regolament (UE) 2017/625 (ara s-sommarju), li l-Artikolu 34 tiegħu jittratta metodi ta’ teħid ta’ kampjuni u analiżi.

Ir-Regolament (UE) 2017/644

Id-diossini u l-komposti simili għad-diossini huma sustanza niġġiesa ambjentali persistenti, l-aktar prodotti sekondarji minuri ta’ proċessi ta’ ħruq jew industrijali. Il-PCBs intużaw biex isiru t-tagħmir elettriku, il-linek, l-adeżivi, ir-ritardanti tal-fjammi u ż-żebgħa. Dawn huma persistenti ħafna u solubbli ħafna fix-xaħam, u dan jispjega għaliex il-PCBs għadhom preżenti u jistgħu jakkumulaw fix-xaħam tal-annimali u tul il-katina alimentari.

  • It-Taqsima 5 tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1881/2006 tistabbilixxi l-livelli massimi permissibbli (ara s-sommarju).
  • Il-metodi tat-teħid ta’ kampjuni huma deskritti fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2017/644.
  • Il-preparazzjoni u l-analiżi ta’ kampjuni jitwettqu permezz tal-metodi u l-applikazzjoni tal-kriterji ta’ prestazzjoni fl-Annessi III u IV tar-Regolament (UE) 2017/644.
  • Ir-Regolament (UE) Nru 589/2014 huwa mħassar u kwalunkwe referenza għalih issa hija relatata mar-Regolament (UE) 2017/644.

Ir-Regolament (UE) 2015/705

L-aċidu eruċikud huwa kostitwent normali ta’ ċerti żjut taż-żerriegħa li jkun intwera li għandhom effetti detrimentali fuq is-saħħa jekk jiġu kkunsmati fi kwantitajiet kbar.

  • It-Taqsima 8 tal-anness tar-Regolament (KE) Nru 1881/2006 tistabbilixxi l-livelli massimi permissibbli.
  • It-teħid ta’ kampjuni u l-analiżi jitwettqu permezz ta’ metodi u l-applikazzjoni tal-kriterji ta’ prestazzjoni deskritti fl-anness tar-Regolament (UE) 2015/705.
  • Id-Direttiva 80/891/KEE hija mħassra u kwalunkwe referenza għaliha issa hija relatata mar-Regolament (UE) 2015/705.

Ir-Regolament (KE) Nru 333/2007

Ir-Regolament (KE) Nru 333/2007 jistabbilixxi l-metodi ta’ teħid ta’ kampjuni u analiżi ta’ livelli ta’ elementi ta’ traċċa u kontaminanti tal-ipproċessar fl-oġġetti tal-ikel.

  • Elementi ta’ traċċa u kontaminanti tal-ipproċessar jistgħu jinstabu fl-ikel bħala riżultat tal-kontaminazzjoni ambjentali jew il-migrazzjoni mill-imballaġġ u jista’ wkoll jidħol fil-katina tal-ikel waqt l-ipproċessar, u jista’ jakkumula fit-tessut tal-bniedem.
  • L-idrokarburi poliċikliċi aromatiċi (PAH) u perklorat jinstabu fl-ikel bħala riżultat tal-kontaminazzjoni ambjentali jew il-migrazzjoni mill-imballaġġ u jista’ wkoll jidħol fil-katina tal-ikel permezz tal-ipproċessar.
  • Iċ-ċomb, l-arseniku, il-kadmju, il-merkurju u l-perklorat jinsabu prinċipalment fl-ikel b’riżultat tal-kontaminazzjoni ambjentali u proċessi industrijali, iżda jidħlu wkoll fl-ikel permezz ta’ ċertu tipi ta’ materjali li jiġu f’kuntatt mal-ikel. Il-landa tinsab fl-ikel fil-laned permezz tal-migrazzjoni tal-landa mill-bott għall-ikel.
  • L-esteri tal-aċidi grassi ta’ 3-MCPD u l-esteri tal-aċidi grassi tal-gliċidol jinsabu fiż-żjut veġetali raffinati, u fl-ikel li fih dawn iż-żjut, bħala riżultat tal-proċess tal-irfinar taż-żjut.
  • L-akrilammid huwa fformat f’ikel rikk fil-karboidrati waqt il-ħami, ix-xiwi, l-iggriljar, il-qali u l-broiling. Il-benżo(a)piren u idrokarburi aromatiċi poliċikliċi oħra jirriżultaw minn kombustjoni mhux kompluta ta’ materja organika u jinsabu f’ħafna tipi ta’ ikel, speċjalment laħam mixwi.
  • It-Taqsimiet 3, 4, 6 u 9 tal-anness tar-Regolament (KE) Nru 1881/2006 jistabbilixxu l-livelli massimi permissibbli.
  • It-teħid ta’ kampjuni u l-analiżi jitwettqu permezzz ta’ metodi deskritti fl-anness għar-Regolament (KE) Nru 333/2007.
  • Ir-rikonoxximent tal-prezz għoli tal-kampjuni għal supplimenti tal-ikel, ħxejjex aromatiċi u ħwawar imnixxfin, fungi, algi jew likeni mnixxfin, li għandhom prezz għoli għal kull unità ta’ piż, att ta’ implimentazzjoni, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/705 jemenda r-Regolament (KE) Nru 333/2007, li jistabbilixxi metodi ta’ kampjunar għal dawn il-komoditajiet. Ilu japplika mid-19 ta’ Mejju 2021.
  • Mill-15 ta’ Diċembru 2022, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/685 jemenda l-anness għar-Regolament (KE) Nru 333/2007 rigward ir-rekwiżiti tal-kampjunar għall-ħut u l-annimali terrestri.
  • Id-Direttivi 2001/22/KE, 2004/16/KE u 2005/10/KE huma mħassra u kwalunkwe referenza għalihom issa hija relatata mar-Regolament (KE) Nru 333/2007.

Ir-Regolament (KE) Nru 401/2006

Il-mikotossini huma sustanzi tossiċi prodotti minn fungi li potenzjalment jikkontaminaw l-ikel u l-għalf fl-istadji kollha tal-katina tal-provvista alimentari. Ċerti mikotossini jista’ jkollhom effetti karċinoġeniċi fuq il-fwied u l-kliewi.

  • Taqsima 2 tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1881/2006 tistabbilixxi l-livelli massimi permissibbli ta’ ċerti mikotossini f’ċerti oġġetti tal-ikel.
  • Il-metodi tat-teħid ta’ kampjuni huma deskritti fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 401/2006.
  • Il-preparazzjoni u l-analiżi ta’ kampjuni jitwettqu permezz tal-metodi u l-applikazzjoni tal-kriterji ta’ prestazzjoni fl-Annessi III u IV tar-Regolament (KE) Nru 401/2006.
  • Id-Direttivi 98/53/KE, 2002/26/KE, 2003/78/KE u 2005/38/KE huma mħassra u kwalunkwe referenza għalihom issa huma relatati mar-Regolament (KE) Nru 401/2006.

MINN META JAPPLIKAW IR-REGOLAMENTI?

  • Ir-Regolament (UE) 2017/644 (diossini u PCBs) ilu japplika mis-26 ta’ April 2017.
  • Ir-Regolament (UE) 2015/705 (aċidu eruċiku) ilu japplika mill-21 ta’ Mejju 2015.
  • Ir-Regolament (KE) Nru 333/2007 (mikroelementi u kontaminanti tal-ipproċessar) ilu japplika mill-1 ta’ Ġunju 2007.
  • Ir-Regolament (KE) Nru 401/2006 (mikotossini) ilu japplika mill-1 ta’ Lulju 2006.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENTI PRINĊIPALI

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/644 tal-5 ta’ April 2017 li jistabbilixxi metodi ta’ teħid ta’ kampjuni u analiżi għall-kontroll tal-livelli ta’ diossini, PCBs simili għad-diossini u PCBs mhux simili għad-diossini f’ċerti oġġetti tal-ikel u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 589/2014 (ĠU L 92, 6.4.2017, pp. 9-34).

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 2015/705 tat-30 ta’ April 2015 li jistabbilixxi metodi ta’ teħid tal-kampjuni u kriterji ta’ rendiment għall-metodi ta’ analiżi għall-kontroll uffiċjali tal-livelli ta’ aċidu eruċiku f’oġġetti tal-ikel u li jħassar id-Direttiva 80/891/KEE (ĠU L 113, 1.5.2015, pp. 29-37).

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 333/2007 tat-28 ta’ Marzu 2007 li jistabbilixxi l-metodi ta’ teħid ta’ kampjuni u analiżi għall-kontroll uffiċjali ta’ livelli ta’ mikroelementi u kontaminanti tal-ipproċessar fl-oġġetti tal-ikel (ĠU L 88, 29.3.2007, pp. 29-38).

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 333/2007 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 401/2006 tat-23 ta’ Frar 2006 li jistabbilixxi l-metodi tat-teħid ta’ kampjuni u l-metodi ta’ analiżi għall-kontroll uffiċjali tal-livelli ta’ mikotossini fl-oġġetti ta’ l-ikel (ĠU L 70, 9.3.2006, pp. 12-34).

Ara l-verżjoni konsolidata.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/685 tat-28 ta’ April 2022 li jemenda r-Regolamen ta’ Implimentazzjoni (UE) 333/2007 fir-rigward tar-rekwiżit tat-teħid tal-kampjuni għall-ħut u l-annimali terrestri (ĠU L 126, 29.4.2022, pp. 14-17).

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2093 tad-29 ta’ Novembru 2019 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 333/2007 fir-rigward tal-analiżi tal-esteri tal-aċidi xaħmin tat-3-monokloropropan-1,2-diol (3-MCPD), tal-esteri tal-aċidi xaħmin tal-gliċidil, tal-perklorat u tal-akrilammid (ĠU L 317, 9.12.2019, pp. 96-101).

Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (ĠU L 95, 7.4.2017, pp. 1-142).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 tad-19 ta’ Diċembru 2006 li jiffissa l-livelli massimi ta’ ċerti kontaminanti fl-oġġetti tal-ikel (ĠU L 364, 20.12.2006, pp. 5-24).

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 16.06.2022

Top
  翻译: