Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007AE0600

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Iż-żoni metropolitani Ewropej: Implikazzjonijiet Soċjo-Ekonomiċi għall-futur ta' l-Ewropa

ĠU C 168, 20.7.2007, p. 10–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

20.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 168/10


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Iż-żoni metropolitani Ewropej: Implikazzjonijiet Soċjo-Ekonomiċi għall-futur ta' l-Ewropa”

(2007/C 168/02)

Nhar is-7 ta' Novembru 2006, il-Ministeru Federali għat-trasport, il-kostruzzjoni u l-iżvilupp urban talab lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, f'isem il-Presidenza Ġermaniża, sabiex ifassal opinjoni dwar: “Iż-żoni metropolitani Ewropej: implikazzjonijiet soċjo-ekonomiċi għall-futur ta' l-Ewropa”.

Is-Sezzjoni speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-20 ta' Marzu 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur van Iersel.

Matul l-435 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-25 u s-26 ta' April 2007(seduta tal-25 ta' April 2007), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni mingħajr voti kontra u 125 voti favur 5 astensjonijiet.

Din l-opinjoni hija segwitu ta' l-opinjoni ECO/120 dwar “Iż-żoni metropolitani: implikazzjonijiet soċjo-ekonomiċi għall-futur ta' l-Ewropa” (1). Iż-żewġ opinjonijiet jiffurmaw totalità koerenti.

1.   Konklużjonijiet

1.1

Matul l-aħħar 50 sena, l-Ewropa nbidlet u l-globalizzazzjoni qiegħda taċċellera dan it-tibdil b'konsegwenzi konsiderevoli għaċ-ċentri ta' gravità ta' l-Ewropa li huma ż-żoni metropolitani. (2) Dawn iż-żoni huma fl-aħjar pożizzjoni sabiex jilqgħu l-isfidi u jisfruttaw l-opportunitajiet li huma r-riżultat ta' dan it-tibdil.

1.2

Il-KESE jemmen li l-evoluzzjoni taż-żoni metropolitani kif ukoll l-inizjattivi nazzjonali f'dan il-qasam għandhom ikunu s-suġġett ta' studju u ta' linji gwida fil-Kunsill u fil-Kummissjoni. Diskussjoni strutturata sew fil-livell Ewropew għandha tqiegħed l-approċċi nazzjonali f'perspettiva komuni, li tista' tħeġġeġ ukoll lill-atturi reġjonali.

1.3

Il-KESE huwa tal-fehma li dibattitu strutturat aħjar dwar u bejn iż-żoni metropolitani fl-Ewropa għandu jikkontribwixxi sabiex iħeġġeġ lil dawn ir-reġjuni sabiex jinvolvu lilhom infushom b'suċċess fl-aġenda ta' Lisbona-Gothenburg, li jista' jiġi rifless fil-Programmi Nazzjonali ta' Riforma.

1.4

Il-KESE jinnota li dawn l-aħħar snin kienu xhieda ta' dibattitu intens. Ir-rabta bejn il-metropoli l-kbar u l-istrateġija ta' Lisbona tqiegħed l-enfasi aktar minn qatt qabel fuq l-implikazzjonijiet soċjo-ekonomiċi ta' dawn il-metropoli l-kbar. Dan huwa pass 'il quddiem.

1.5

F'bosta pajjiżi u reġjuni, l-awtoritajiet pubbliċi, is-settur privat u s-soċjetà ċivili qegħdin jippruvaw joħolqu l-kondizzjonijiet neċessarji għall-iżvilupp sostenibbli taż-żoni metropolitani u sabiex jiżguraw il-kompetittività tagħhom fl-Ewropa u fid-dinja. B'mod partikolari għandu jingħata attenzjoni l-iżvilupp li sar fil-Ġermanja. Studji universitarji u oħrajn imwettqa fil-livell federali jikkontribwixxu għall-oġġettività tad-diskussjoni. Konferenzi interministerjali dwar iż-żoni metropolitani involvew lill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali.

1.6

Il-politika urbana tal-Kummissjoni kif ukoll l-abbozz ta' Aġenda Territorjali tal-Kunsill huma sinjali ta' progress. Huma joffru qafas għal politika urbana ambizzjuża. L-Aġenda tenfasizza ċerti karatteristiċi speċifiċi tal-metropoli l-kbar. Il-KESE jinnota madankollu li l-abbozz ta' Aġenda Territorjali għadu inċert wisq f'dan il-qasam.

1.7

Minkejja li jeżistu strutturi u approċċi differenti minn pajjiż għal ieħor l-isfidi u l-ambizzjonijiet tar-reġjuni urbani l-kbar huma fil-biċċa l-kbira l-istess.

1.8

Il-punti dgħajfin ta' żvilupp ekwilibrat taż-żoni metropolitani huma n-nuqqas ta' identità u ta' gvernanza xierqa. L-entitajiet amministrattivi eżistenti spiss huma antiki ħafna u jfixklu aġġustament progressiv.

1.9

Sabiex iż-żoni metropolitani jkollhom suċċess l-impenji f'diversi livelli — nazzjonali, reġjonali u urban — huma indispensabbli. Dan ifisser li l-awtoritajiet diċentralizzati jeħtieġu leġitimazzjoni, li tħaffef ukoll l-inizjattivi tas-settur privat u tal-korpi mhux governattivi.

1.10

Il-KESE jinnota mill-ġdid in-nuqqas ta' data soċjo-ekonomika u ambjentali komparabbli fil-livell Ewropew dwar iż-żoni metropolitani. Iqis li, minħabba li dan irid isir fil-livell Ewropew u nazzjonali, il-monitoraġġ annwali tal-prestazzjonijiet tar-reġjuni metropolitani Ewropej, mil-lat ekonomiku, soċjali u ambjentali, huwa neċessarju għat-titjib ta' l-għarfien dwar is-sitwazzjoni dwar kull waħda minnhom u sabiex titħaffef il-mobilizzazzjoni ta' l-atturi metropolitani kkonċernati.

2.   Rakkomandazzjonijiet

2.1

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tħejji Green Paper dwar iż-żoni metropolitani bħala komplement għall-Aġenda Territorjali u l-Linji Gwida Strateġiċi dwar il-koeżjoni sabiex jitħeġġeġ id-dibattitu Ewropew abbażi ta' analiżi objettiva.

2.2

Il-KESE jitlob li l-isfidi u l-ambizzjonijiet tal-metropoli l-kbar kif ukoll l-għarfien u l-esperjenzi ta' l-Istati Membri jiġu amalgamati sabiex jipprovdu perspettiva komuni u Ewropea u li l-prattiki tajba għandhom jixxerdu.

2.3

Il-KESE huwa tal-fehma li huwa neċessarju li l-Kummissjoni tieħu deċiżjoni politika sabiex l-Eurostat jiġi inkarigat mill-produzzjoni annwali ta' data affidabbli u komparabbli dwar iż-żoni metropolitani kollha ta' l-Unjoni Ewropea u li jiġu allokati finanzi supplementari lill-Eurostat sabiex ikun jista' jwettaq dan il-kompitu ġdid.

2.4

Sabiex l-Eurostat ikun jista' jwettaq dan il-kompitu kemm jista' jkun malajr, il-KESE jissuġġerixxi li jitwettaq studju pilota minn ESPON jew organizzazzjoni oħra kompetenti bil-għan li jiġu ttestjati l-metodi differenti maħsuba għad-delimitazzjoni taż-żoni metropolitani bi kriterji komuni u sabiex tiġi proposta lista ristretta ta' data li tista' tiġi prodotta mingħajr dewmien għaż-żoni metropolitani b'aktar minn miljun abitant għall-perijodu 1995-2005, b'mod partikolari permezz tad-data dettaljata li teżisti mis-sondaġġi Ewropej dwar il-forza tax-xogħol (3).

3.   Raġunijiet

3.1

Fl-opinjoni tiegħu ta' l-2004, il-KESE ġibed l-attenzjoni għall-implikazzjonijiet soċjo-ekonomiċi taż-żoni metropolitani (4) li, skondtu, kienu fil-biċċa l-kbira sotto-valutati.

3.2

L-għan ta' dik l-opinjoni kien li l-istituzzjonijiet komunitarji jiġu sensibilizzati għall-iżvilupp kontinwu, u xi drabi impressjonanti, tal-konċentrazzjoni tal-popolazzjoni u l-attivitajiet ekonomiċi fiż-żoni metropolitani fl-Ewropa u fid-dinja.

3.3

Fl-opinjoni ta' l-2004, il-KESE kien talab sabiex l-iżvilupp tal-metropoli Ewropej jidher fuq l-aġenda komunitarja. Il-KESE kien minn ta' l-ewwel li enfasizza r-rabta diretta bejn ir-rwol tal-metropoli u l-implimentazzjoni ta' l-istrateġija ta' Lisbona. Iż-żoni metropolitani huma l-laboratorji ta' l-ekonomija dinjija. Huma l-muturi ta' l-ekonomija u ċ-ċentri tal-kreattività u l-innovazzjoni.

3.4

Fl-istess waqt, il-metropoli jiġbru konċentrazzjoni ta' l-isfidi ewlenin li l-Ewropa trid tegħleb fis-snin li ġejjin. B'mod partikolari huma jesperjenzjaw il-fenomeni tal-faqar u l-esklużjoni soċjali u tas-segregazzjoni territorjali b'effetti fuq l-impjiegi u l-kriminalità (internazzjonali) (5).

3.5

L-importanza tal-metropoli hija msaħħa bin-numru ta' skambji ta' tipi differenti bejniethom, fl-Ewropa u fil-livell dinji. In-netwerks li fihom jipparteċipaw il-metropoli jikkontribwixxu għat-tisħiħ ta' l-intergazzjoni Ewropea.

3.6

Fl-opinjoni ta' l-2004, il-KESE nnota li hemm nuqqas ta' studji komparattivi li jippreżentaw b'mod sodisfaċjenti s-saħħiet, id-dgħjufijat, ix-xkiel u l-opportunitajiet tagħhom.

3.7

Huwa għalhekk li fl-2004, il-KESE saħaq dwar il-ħtieġa ta' definizzjoni taż-żoni metropolitani Ewropej u dwar il-produzzjoni ta' data rilevanti u komparabbli, kif ukoll l-evalwazzjoni ta' l-indikaturi ewlenin ta' l-Istrateġija ta' Lisbona, għal kull metropoli

3.8

L-ekonomija ta' l-għarfien u s-soċjetà f'netwerk ikabbru l-faxxinu tal-metropoli għall-persuni u l-attivitajiet. F'ċerti Stati Membri hemm dibattitu ħaj fil-livell nazzjonali u reġjonali dwar il-politika li għandha tiġi implimentata fir-rigward tal-metropoli l-kbar u l-gvernanza tagħhom. Dawn id-diskussjonijiet huma ġieli segwiti minn xi azzjoni konkreta mill-aktar livell baxx jew mill-ogħla livell.

4.   Ir-reazzjoni tal-Kummissjoni fl-2004

4.1

Fl-2004, il-KESE stieden lill-Kummissjoni sabiex twettaq studji integrati bil-parteċipazzjoni tal-Kummissarji kollha kkonċernati u sabiex tippreżenta regolarment rapporti dwar is-sitwazzjoni soċjo-ekonomika taż-żoni metropolitani u l-pożizzjoni tagħhom fil-livell Ewropew. B'hekk tkun possibbli evalwazzjoni aħjar tas-saħħiet u d-dgħjufijat tal-metropoli l-kbar sabiex jitfissru aħjar il-politiki u jkun iffaċilitat it-tixrid tal-prattiċi tajbin.

4.2

Fir-reazzjoni tagħha għas-suġġerimenti tal-KESE, il-Kummissjoni ddikjarat li taqbel mal-kostatazzjoni doppja magħmula mill-KESE dwar ir-rwol ċentrali taż-żoni metropolitani għat-twettiq ta' l-objettivi ta' l-Istrateġija ta' Lisbona u dwar in-nuqqas ta' data affidabbli u komparabbli fil-livell Ewropew dwar dawn l-entitajiet territorjali (6).

4.3

Minkejja din l-opinjoni konġunta, approċċ aktar immirat u integrat fir-rigward taż-żoni metropolitani mill-Kummissjoni għadu ma ġiex implimentat. Politika urbana qiegħda tiġi gradwalment implimentata, iżda f'dan il-qafas m'hemmx distinzjoni bejn “bliet u żoni metropolitani”. L-informazzjoni mogħtija mill-Istituti ta' l-istatistika hija inkompleti u, peress li tinħareġ skond definizzjonijiet nazzjonali, mhiex komparabbli fil-livell Ewropew.

5.   Dibattiti u inizjattivi fil-livell nazzjonali

5.1

Riċentament ġew imnedija bosta inizjattivi fil-livell nazzjonali u reġjonali li jirriflettu sew l-evoluzzjoni tal-metropoli. Dawn l-inizjattivi spiss jinkludu firxa ta' miżuri għall-appoġġ ta' żvilupp aktar armonjuż fir-rigward ta' l-infrastrutturi, l-organizzazzjoni tat-territorju, l-ekonomija u l-aspetti soċjali kif ukoll l-iżvilupp ta' l-infrastrutturi tat-trasport u tat-telekomunikazzjoni bejn il-metropoli nfushom. Xi eżempji ta' l-inizjattivi meħuda f'diversi pajjiżi jidhru hawn taħt. Din id-deskrizzjoni mhix eżawstiva.

5.1.1

Mill-1993 fil-Ġermanja hemm għaddejja diskussjoni approfondita dwar iż-żoni metropolitani. Saru studji u dibattiti universitarji bl-għan li titfassal, b'mod xieraq u oġġettiv, lista ta' funzjonijiet li għandhom il-metropoli l-kbar u li jidentifikawhom b'referenza għal din il-lista.

5.1.1.1

L-analiżi Ġermaniża wasslet għal qabża mill-approċċ tradizzjonali, bil-mappa nazzjonali tal-bliet, muniċipalitajiet u Länder għal approċċ differenti li jippreżenta mappa ġdida tal-Ġermanja b'“Leitbilder” jew immaġini prinċipali ġodda. Abbażi tal-linji gwida u tal-programmi ta' azzjoni fil-qasam tal-politika ta' l-organizzazzjoni territorjali (datati mill-1992 u mill-1995), li kienu enfasizzaw l-importanza u r-rwoli taż-żoni metropolitani, il-Ġermanja, permezz tad-deċiżjoni tat-30 ta' Ġunju 2006 tal-Konferenza Interministerjali tal-Ministri tal-Bund u tal-Länder għall-organizzazzjoni tat-territorju, għandha ħdax-il reġjun metropolitan. L-ewwel Konferenza Interministerjali f'dan il-qasam seħħet fl-2003.

5.1.1.2

Il-mappa tar-reġjuni metropolitani Ġermaniżi turi nuqqas bejn l-organizzazzjoni amministrattiva eżistenti u l-limiti ġeografiċi tar-reġjuni metropoli. Per eżempju, ir-reġjun metropoli ta' Nürnberg fih il-belt ta' Nürnberg u serje ta' muniċipalitajiet urbani u rurali ġirien. Oħrajn ikopru, parzjalment, bosta Länder, per eżempju Frankfurt/Rhin/Main u Ħamburg. Oħrajn huma parti minn Land, bħal per eżempju Munich u Ruhrgebeit. F'numru ta' każijiet teżisti diġà reġjonalizzazzjoni skond temi, per eżempju fil-qasam tal-kultura, ta' l-isport, tas-sostenibbiltà, tal-pajsaġġi. Fil-każijiet kollha, it-territorju jinkludi bliet, importanti jew żgħar, u żoni rurali. B'hekk huwa possibbli li ssir delimitazzjoni tajba tat-territorju taż-żoni metropolitani in kwistjoni.

5.1.1.3

M'hemmx miżuri speċifiċi nazzjonali previsti (għalissa). Iż-żoni metropolitani ġew mistiedna jiddefinixxu l-ispeċifitajiet proprji għalihom u sabiex jenfasizzawhom. L-objettiv huwa l-iżvilupp ta' żoni metropolitani Ġermaniżi li jkunu entitajiet awtonomi fil-kuntest Ewropew u internazzjonali. Huwa minnu li l-politiki nazzjonali bħal, per eżempju, il-politika ferrovjarja jew ta' l-ajru, jistgħu jappoġġaw l-ambizzjonijiet ta' dawn iż-żoni.

5.1.1.4

Sabiex jingħata appoġġ lill-leġittimità ta' dan l-approċċ il-ġdid, iż-żoni metropolitani huma mistiedna sabiex jistabbilixxu sistemi ta' rappreżentazzjoni demokratika, kull waħda skond l-ispeċifitajiet u l-viżjoni tagħhom. Huma ħielsa li jiddefinixxu l-proċeduri, permezz ta' elezzjonijiet diretti bħal fil-każ tar-reġjun ta' Stuttgart, jew permezz ta' rappreżentazzjoni indiretta tal-bliet u tal-muniċipalitajiet bħal fil-każ tar-reġjun ta' Nürnberg.

5.1.1.5

L-objettivi politiċi li għandhom jiġu diskussi u mwettqa fil-qafas ta' dawn iż-żoni metropolitani — li għandhom karatteristiċi differenti — huma dawn li ġejjin: il-garanzija tal-massa kritika neċessarja għall-kompetittività, il-ħolqien tal-kondizzjonijiet għal gvernanza effettiva, il-kjarifika tad-diviżjoni tar-responsabbiltajiet, l-iżvilupp ta' organizzazzjoni territorjali poliċentrika, is-sejbien ta' bilanċ sodisfaċenti bejn l-urbanizzazzjoni u l-protezzjoni ta' l-ispazji rurali, l-iżvilupp ta' l-infrastrutturi tat-trasport u l-assigurazzjoni tal-mobilità, l-appoġġ għall-innovazzjoni u r-raggruppamenti ekonomiċi, il-ġestjoni tar-'riskji' teknoloġiċi u r-riskji naturali, il-kisba tar-riżorsi neċessarji għall-investimenti pubbliċi, it-titjib ta' l-aċċessibbiltà internazzjonali, l-assigurazzjoni tal-promozzjoni tar-reġjun.

5.1.2

Fir-Renju Unit, l-interess għat-tisħiħ ta' l-iżvilupp tal-metropoli beda fil-bidu tas-seklu. Fl-2004 ġiet ippubblikata memorandum tal-Gvern dwar il-kompetittività taż-żoni metropolitani għajr Londra (7). L-għan kien li jinħolqu l-kondizzjonijiet għat-tisħiħ ta' l-awtonomija tas-“city-regions” f'kuntest internazzjonali. Iżda l-proċess previst ġie mwaqqaf, b'mod partikolari minħabba referendum negattiv dwar il-ħolqien ta' assembleja reġjonali fir-reġjun ta' Newcastle.

5.1.2.1

Attwalment id-diskussjoni fir-Renju Unit hija dwar it-tqassim tal-kompetenzi bejn il-livell nazzjonali u l-livell reġjonali u minn naħa l-oħra bejn il-bliet u l-muniċipalitajiet fir-reġjuni l-aktar popolati li ġew identifikati bħala żoni metropolitani futuri. L-idea li jinħolqu xi “city-regions” għad għandha rilevanza. Minkejja l-ambigwità tad-dibattitu li għaddej, dalwaqt ser tiġi ppubblikata White Paper dwar is-suġġett u qiegħda titħejja forma ġida ta' organizzazzjoni territorjali bbażata fuq kriterji rikonoxxuti, simili għal dik fil-Ġermanja.

5.1.2.2

Għandha ssir distinzjoni bejn politika ta' diċentralizzazzjoni u l-appoġġ għall-iżvilupp tal-metropoli. Ta' l-aħħar huwa kkaratterizzat minn flessibbiltà u alleanzji bejn muniċipalitajiet bil-ħsieb li jittejbu l-opportunitajiet u jiġu ffaċċjati l-isfidi flimkien. Eżempju tajjeb huwa l-iżvilupp fit-tramuntana ta' l-Ingilterra (Manchester, Liverpool, Leeds, Sheffield, Newcastle u York) ta' inizjattiva li tibda mill-aktar livell baxx li jisimha n-“Northern Way”. Dan l-iżvilupp huwa kkarratterizzat minn numru ta' ftehimiet fi ħdan iż-żona metropolitana.

5.1.2.3

Approċċ mill-aktar livell għoli b'risposta għal inizjattivi lokali u reġjonali huwa kkunsidrat bħala indispensabbli għaliex bosta deċiżjonijiet strateġiċi jistgħu jittieħdu biss bi ftehim komuni. Dawn id-deċiżjonijiet jistgħu jidhru fi tliet Aġendi: Aġenda tal-Kompetittività bl-għan li jingħata appoġġ lir-reġjuni bl-aħjar prestazzjoni u liar-reġjuni bl-inqas prestazzjoni, Aġenda tal-Koeżjoni Soċjali favur il-popolazzjonijiet żvantaġġati, u Aġenda ta' l-Ambjent li tinkludi b'mod partikolari l-miżuri għat-titjib tal-kwalità tal-ħajja u għall-konservazzjoni tar-riżorsi naturali. F'dawn it-tliet oqsma, iż-żoni metropolitani huma kkunsidrati bħala l-aħjar livell ġeografiku sabiex jiġu implimentati dawn il-politiki.

5.1.3

Fi Franza, id-dibattitu ilu għaddej mill-1960. Sa reċentement ttieħdu ftit wisq miżuri konkreti għaliex id-dimensjoni politika tad-dibattitu kienet sotto-valutata. B'mod aktar ġenerali, dan in-nuqqas ta' dimensjoni politika kien jidher ċar madwar l-Ewropa kollha.

5.1.3.1

Fl-2004, id-DIACT (8) nieda talba għal proġetti metropolitani bl-għan li tiġi stimulata l-kooperazzjoni bejn il-bliet il-kbar u jingħata appoġġ lill-iżvilupp ekonomiku tar-reġjuni metropolitani. Ħmistax-il proġett metropolitan, imħejjija mill-awtoritajiet lokali, intgħażlu minn ġurija magħmula mid-diretturi tal-ministeri kkonċernati u esperti. Il-proġetti ġew ikkomunikati fl-2006. Fl-2007, kuntratti metropolitani ser jibbenefikaw mill-għajnuna finanzjarja ta' l-Istat għall-implimentazzjoni ta' miżuri strutturali. Permezz ta' din l-inizjattiva, id-DIACT jagħraf l-importanza tar-reġjuni metropolitani bħala li jaqdu rwol importanti fil-kompetittività tar-reġjuni.

5.1.4

Fl-Italja kif ukoll fi Spanja, ir-reġjonalizzazzjoni qiegħda tagħmel progress. Dan l-iżvilupp li ma jikkonċernax direttament liż-żoni metropolitani joħloq għaldaqstant opportunitajiet (legali) ġodda għall-gvernanza tal-metropoli.

5.1.4.1

Fl-Italja, liġi li għaddiet fl-1990 stabbiliet approċċ li jibda mill-ogħla livell li jidentifika 14-il żona metropolitana. Din ma ġietx implimentata. Liġi ġdida fl-1999 awtorizzat inizjattivi mill-aktar livell baxx għall-ħolqien ta' żoni metropolitani. Assembleja waħda biss li tiġbor 20 muniċipalità u li għandha baġit ġiet stabbilita fir-reġjun ta' Bolonja. Fl-aħħar nett, riforma kostituzzjonali fl-2001 awtorizzat l-istabbiliment ta' tliet żoni metropolitani madwar Ruma, Napli u Milan. L-implimentazzjoni ta' din ir-riforma tnediet mill-ġdid dan l-aħħar.

5.1.4.2

Fi Spanja, id-dibattitu territorjali huwa kondizzjonat mill-awtonomija reġjonali. Il-komunitajiet awtonomi għandhom kompetenzi esklużivi f'dan il-qasam. B'hekk, huma responsabbli għaż-żoni metropolitani. Fl-istess waqt, għaddej proċess ta' tisħiħ ta' l-ibliet il-kbar flimkien ma' prova ta' saħħa bejn il-gvern ċentrali, il-muniċipalitajiet awtonomi u ż-żoni metropolitani bħal Madrid, Barċellona u Valenzja. Mudell differenti huwa Bilbao li huwa suċċess mil-lat tal-metropolitanizzazzjoni bi sħubija pubblika-privata.

5.1.4.3

L-identifikazzjoni taż-żoni metropolitani mhix limitata biss għall-pajjiżi l-kbar u lanqas għall-pajjiżi nfushom. L-eżempji taż-żoni metropolitani taċ-ċentru ta' l-Ewropa, jiġifieri Vjenna-Bratislava-Brnö-Gjör, reġjuni li jinsabu f'erba' pajjiżi(!), u Kopenħagen-Malmö (id-Danimarka u l-Isvezja) huma fost dawk l-aktar magħrufa. It-tnejn li huma sejrin 'il quddiem. Fl-Olanda bħalissa għaddejja diskussjoni approfondita dwar il-gvernanza l-aktar xierqa għar-Randstad sabiex titneħħa l-frammentazzjoni amministrattiva li qiegħda timblokka l-iżvilupp infrastrutturali, spazjali u soċjo-ekonomiku tiegħu.

5.1.5

Fl-Istati Membri l-ġodda hemm żviluppi komparabbli għal dawk fil-pajjiżi msemmija hawn fuq. Fil-Polonja, il-gvern identifika numru ta' żoni metropolitani jew “city-regions”. Eżempju ta' dan huwa r-reġjun ta' Katowice li dan l-aħħar kiseb l-istatut speċifiku ta' żona metropolitana. Madankollu, l-iżvilupp urbanistiku u metropolitan bħala regola qiegħed isir b'mod mhux ikkontrollat u, b'hekk, b'mod arbitrarju minħabba n-nuqqas ta' gvernanza reġjonali xierqa. Huwa għalhekk li ċerti metropoli qegħdin iduru lejn il-prattiki u l-għarfien tal-pajjiżi b'tradizzjoni ta' politika deċentralizzata.

5.1.6

Il-Kmamar tal-Kummerċ u ta' l-Industrija bħala rappreżentanti viżibbli u attivi fid-dinja ta' l-intrapriża fil-livell lokali u reġjonali huma wkoll involuti fil-proċess tal-metropolitanizzazzjoni, b'mod partikolari il-Kmamar tal-kapitali u tas-“city-regions”. Huma jipparteċipaw f'kull qasam għall-faxxinu u għall-iżvilupp ekonomiku u kulturali tat-territorji tagħhom b'konsiderazzjoni tal-ħtiġiet tal-kwalità tal-ħajja u tar-rispett għall-ambjent.

6.   Tendenzi fil-livell Ewropew

6.1

Fil-livell ta' l-UE l-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija ta' Lisbona hija l-objettiv prinċipali tal-Kummissjoni Barroso. Il-Kummissarji kollha huma involuti. Id-DĠ REGIO poġġa l-Istrateġija ta' Lisbona fiċ-ċentru tal-“istil ġdid” tal-politika reġjonali, bl-iżvilupp urban fuq quddiem nett.

6.1.1

“Lisbona” u l-iżvilupp urban saru prijoritajiet fir-reġjuni kollha li jibbenefikaw minn programmi komunitarji. Dawn il-programmi mhumiex indirizzati espliċitament għaż-żoni metropolitani. Għal dawn iż-żoni, il-programm URBACT huwa fost l-aktar programmi rilevanti (9).

6.1.2

Apparti d-DĠ REGIO jeżistu programmi speċifiċi, amministrati minn Direttorati-Ġenerali oħra, per eżempju id-DĠ Riċerka, id-DĠ Ambjent u d-DĠ Trasport, li spiss huma importanti għall-metropoli, minħabba li, huma wkoll jinsabu bbażati aktar minn qatt qabel fuq l-objettivi ta' “Lisbona”. Il-metropoli nfushom mhumiex ikkonċernati direttament, iżda l-programmi kollha li għandhom l-għan li jsaħħu l-prestazzjoni tal-bliet japplikaw ukoll għall-metropoli.

6.1.3

F'Ġunju 2006, grupp ta' ħidma tal-Kunsill ippubblika l-ewwel abbozz għal aġenda territorjali (10). It-tendenzi fl-urbanizzazzjoni tas-soċjetà Ewropea huma deskritti sew f'dan id-dokument. Madankollu għad mhemmx distinzjoni ċara bejn l-ibliet u ż-żoni metropolitani.

6.2

Bosta laqgħat informali tal-Kunsill tal-Ministri għall-Organizzazzjoni tat-Territorju kienu dedikati għall-isfidi ta' l-ibliet (il-kbar) (11). L-organizzazzjoni tat-territorju hija kompetenza ta' l-Unjoni skond it-Trattat attwali fil-qafas tat-Titolu dwar l-Ambjent fl-Artikolu 175(2) (12).

6.3

Il-Parlament Ewropew  (13) jenfasizza li l-ibliet u l-agglomerazzjonijiet jew iż-żoni urbani jiġbru 78 % tal-popolazzjoni ta' l-Unjoni u jirrappreżentaw post fejn huma kkonċentrati d-diffikultajiet kif ukoll post fejn wieħed jibni l-futur. Huwa jikkunsidra li dawn huma atturi ċentrali ta' l-iżvilupp reġjonali u tat-twettiq ta' l-objettivi ta' Lisbona u ta' Gothenburg.

6.3.1

Il-Parlament Ewropew jitlob li d-Direttorati Ġenerali kollha tal-Kummissjoni li jaħdmu direttament jew indirettament fuq il-kwistjonijiet urbani sabiex jikkoordinaw l-isforzi tagħhom sabiex jiġu identifikati l-problemi konkreti tar-realtà urbanistika f'kull qasam ta' azzjoni u jippreżentaw flimkien l-effetti pożittivi tal-politiki implimentati. Huwa jipproponi l-ħolqien ta' task-force bejn is-servizzi u jitlob li jiġi stabbilit djalogu territorjali.

6.4

Il-Kumitat tar-Reġjuni jiġbed l-attenzjoni ta' l-istituzzjonijiet Ewropej b'aktar insistenza fuq l-isfidi li huma kkonfrontati minnhom r-reġjuni urbani. Il-konklużjonijiet huma bbażati fuq l-istess tħassib u l-istess prinċipji ta' dawk tal-PE u tal-KESE.

6.4.1

Il-Kumitat tar-Reġjuni jenfasizza r-realtajiet tar-“reġjuni funzjonali” u tal-kooperazzjoni bejn l-imsieħba lil hinn mill-fruntieri amministrattivi — nazzjonali, reġjonali u lokali — li għandhom ikunu favorizzati mill-politiki komunitarji permezz ta' inċentivi speċjali, bħall-promozzjoni ta' proġetti ta' żvilupp strateġiku ta' żoni kbar. Huwa partikolarment importanti li jinħolqu netwerks ġodda ta' kooperazzjoni u li jissaħħu n-netwerks eżistenti bejn iż-żoni metropolitani u ż-żoni urbani, b'mod partikolari permezz tal-kooperazzjoni li teżisti bħalissa permezz ta' l-inizjattiva Interreg III, li ser tidħol fis-seħħ matul il-perijodu 2007-2013 permezz ta' l-objettiv tal-kooperazzjoni territorjali. (14)

6.5

Fid-dikjarazzjonijiet tiegħu ta' Marzu u ta' Settembru 2006, in-netwerk METREX (15) enfasizza li huwa neċessarju li ż-żoni metropolitani jiġu definiti u jiġu rikonoxxuti bħala elementi ċentrali ta' l-Aġenda Territorjali ta' l-Unjoni Ewropea. Huwa talab għall-produzzjoni ta' data komparabbli fil-livell Ewropew dwar iż-żoni metropolitani kif ukoll li titħejja Green Paper mill-Kummissjoni bbażata fuq tliet elementi ewlenin: il-kompetittività ekonomika, il-koeżjoni soċjali u l-protezzjoni ta' l-ambjent. Huwa jikkunsidra li bosta problemi importanti, bħall-bidla fil-klima, it-tixjiħ demografiku jew l-immigrazzjoni, li l-Ewropa trid tiffaċċja, ma jistgħux jiġu riżolti b'mod effettiv u integrat, ħlief bl-għajnuna tal-metropoli. Fl-aħħar, huwa jikkunsidra li ż-żoni metropolitani jistgħu jaqdu rwol ewlieni fit-twettiq ta' l-objettivi ta' Lisbona, b'mod partikolari sabiex tkun żgurata l-kompetittività ta' l-Ewropa fix-xena dinjija.

6.6

In-numru ta' reġjuni rappreżentati fi Brussel kiber sostanzjalment fl-aħħar 15-il sena (16). Fil-konferenzi organizzati minnhom, l-iżvilupp u l-prestazzjoni taż-żoni metropolitani spiss huma fost is-suġġetti l-aktar diskussi.

6.7

Filfatt, grupp ta' reġjuni, rappreżentat fi Brussel, twaqqaf taħt l-isem “Ir-Reġjuni ta' Lisbona”.

6.8

Matul dawn l-aħħar snin ġew prodotti numru importanti ta' informazzjoni, data, indikaturi u rapporti dwar ir-reġjuni Ewropej fil-qafas tal-programm ESPON. Madankollu, minħabba l-fatt li l-limiti amministrattivi reġjonali huma differenti ħafna minn dawk taż-żoni metropolitani, ir-riżultati ta' din il-ħidma ta' kwalità għolja ma jipprovdux lil dawk responsabbli mill-iżvilupp, mill-organizzazzjoni u mill-ġestjoni taż-żoni metropolitani bl-informazzjoni u l-analiżi neċessarji għat-tfassil ta' politiki l-aktar adattati sabiex jintuża l-potenzjal kollu disponibbli fil-metropoli.

6.9

Id-DĠ għall-politika reġjonali u l-Eurostat nedew il-proġett Audit urban sabiex jipprovdu indikaturi affidabbli u komparabbli dwar ċertu numru ta' bliet (17). Il-KESE jilqa' l-isforzi li saru sabiex tiġi prodotta data dwar iż-żoni urbanistiċi. Madankollu, il-karatteristiċi ta' l-informazzjoni prodotta ma jippermettux użu wiesa' tagħha (18).

7.   Dibattitu intens li għaddej attwalment

7.1

Il-KESE jinnota li d-dibattitu dwar iż-żoni metropolitani sar ħafna aktar intens fis-snin riċenti għal żewġ raġunijiet. Min-naħa waħda, il-multiplikazzjoni tal-metropoli madwar id-dinja wriet li organizzazzjoni urbana ġdida kienet qiegħda tiġi stabbilita b'rittmu mgħaġġel ħafna (19). Min-naħa l-oħra, ir-rikonoxximent tar-rabta bejn l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali tal-metropoli l-kbar u l-Istrateġija ta' Lisbona kkontribwixxa għal dan id-dibattitu.

7.2

Fl-Istati Membri kollha, kbar u żgħar, avvanzati u inqas avvanzati, seħħew diskussjonijiet politiċi u soċjali dwar l-aħjar approċċ.

7.3

Dawn id-diskussjonijiet seħħew l-ewwel f'kuntest nazzjonali. Madankollu, f'bosta każijiet, l-awtoritajiet jirrikonoxxu li d-dimensjoni ta' ċerti metropoli mhix limitata għat-territorju nazzjonali. L-eżempji ta' Kopenħagen-Malmö u ta' Vjenna-Bratislava diġà ssemmew, iżda għandhom jissemmew xi żoni metropolitani identifikati mill-awtoritajiet Franċiżi bħal Metz-Lussemburgu-Saarbrücken u Lille-Kortrijk. Madwar l-Unjoni kollha qiegħed jiżdied in-numru ta' reġjuni transkonfinali li għandhom potenzjal li jsiru żona metropolitana.

7.4

Minkejja l-intensifikazzjoni tad-dibattitu matul isnin, il-KESE jinnota li dawn l-istrutturi ġodda għadhom fil-bidu tagħhom.

7.5

Il-maġġoranza l-kbira ta' l-ibliet u ż-żoni metropolitani li jridu juru l-importanza tagħhom fil-livell Ewropew u globali jippreżentaw is-sitwazzjoni tagħhom bl-użu ta' ċifri nazzjonali jew reġjonali mingħajr ma huma stess ikunu konxji tad-daqs veru tat-territorju li għalih huma jirreferu. Din hija waħda mill-konsegwenzi tad-differenza bejn iż-żona metropolitana u r-reġjun(i) amministrattiv(i) li tiegħu/tagħhom huma jagħmlu parti.

7.6

Minkejja d-differenzi fl-approċċi u fl-istrutturi nazzjonali u reġjonali, il-KESE jinnota konverġenza ċara fir-rigward tal-problemi. Fost is-suġġetti l-aktar diskussi huma:

il-massa kritika ta' żona metropolitana, jew city region jew netwerk ta' bliet u muniċipalitajiet;

il-bilanċ bejn l-ispazji urbani u l-ispazji rurali li jiffurmaw iż-żona metropolitana;

il-funzjonijiet metropolitani;

l-edukazzjoni u t-tagħlim;

il-kreattività, ir-riċerka u l-innovazzjoni;

ir-raggruppamenti u l-kompetittività ta' l-impriżi fis-swieq internazzjonali;

il-kisba ta' investiment internazzjonali;

l-infrastrutturi l-kbar, il-finanzjament tagħhom u s-sħubija publika-privata;

in-netwerk tat-trasport u tat-telekommunikazzjoni li jgħaqqdu l-metropoli l-kbar fl-Ewropa u fid-dinja;

l-iżvilupp kulturali;

is-soċjetà multi-kulturali (l-immigrazzjoni) u l-isfidi konnessi mal-faqar u l-esklużjoni;

l-impjegar tal-forza tax-xogħol u l-ħolqien ta' impjiegi;

il-produzzjoni tal-manifattura u l-attivitajiet ta' servizzi b'valur miżjud għoli;

il-bidla klimatika, il-kontroll ta' l-enerġija, it-tnaqqis ta' l-istorbju u l-ġestjoni ta' l-iskart;

it-tindif mit-tniġġis u l-organizzazzjoni mill-ġdid ta' l-artijiet meqruda minn żvilupp industrijali b'konnessjoni mar-ristrutturar ta' l-attivitajiet ta' produzzjoni;

it-tnaqqis ta' l-insigurtà, tal-kriminalità u tar-riskji tat-terroriżmu internazzjonali;

it-tnaqqis ta' l-inugwaljanzi bejn territorji infra-reġjonali u sħubija bejn iċ-ċentru u l-periferija;

il-problema tal-gvernanza.

7.7

Il-popolazzjonijiet mhux dejjem għandhom is-sensazzjoni li jappartjenu għal metropoli. Iż-żoni metropolitani Ewropej għandhom nuqqas ta' leġittimità politika. L-istrutturi amminstrattivi ta' dari m'għadhomx biżżejjed — huma għandhom l-għeruq f'eri storiċi tal-passat — iżda l-gvernijiet nazzjonali huma sensittivi ħafna għar-reżistenza kontra strutturi ġodda mill-atturi kkonċernati, b'mod partikolari l-entitajiet politiċi u amministrattivi territorjali eżistenti. B'kuntrast, l-isfidi li huma kkonfrontati minnhom iż-żoni metropolitani huma enormi. Sabiex dawn jintgħelbu u jiġu ġestiti sew l-iżviluppi, jeħtieġ kważi kullimkien organizzazzjoni ġdida tal-gvernanza, bl-għan ta' strateġija integrali.

Brussel, il-25 ta' April 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  ĠU C 302, 7.12.2004, p. 101.

(2)  Huwa importanti li ssir distinzjoni bejn “metropoli” u “żoni metropolitani”: ġeneralment “metropoli” tinftiehem bħala belt jew agglomerazzjoni kbira ħafna. Min-naħa l-oħra “żona metropolitana” hija t-totalità ta' belt kbira ħafna jew ta' bliet importanti poliċentriċi mdawwra minn muniċipalitajiet u żoni rurali oħra. B'hekk, iż-żoni metropolitani għandhom superfiċi ħafna akbar minn dik ta' metropoli.

(3)  L-ewwel studju ta' suċċess dwar l-14-il żona metropolitana fil-Majjistral ta' l-Ewropa. Referenza ssir għall-istudju GEMACA li diġà twettaq fil-qafas tal-programm INTERREG II C fl-2000.

(4)  Opinjoni dwar “Iż-żoni metropolitani: implikazzjonijiet soċjo-ekonomiċi għall-futur ta' l-Ewropa”, ĠU C 302, 7.12.2004, pġ. 101.

(5)  Opinjoni tal-KESE dwar “L-immigrazzjoni fi ħdan l-UE u l-politiki dwar l-integrazzjoni: il-kollaborazzjoni bejn il-gvernijiet nazzjonali u lokali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili”, ĠU C 318, 23.12.2006, pġ. 128.

(6)  Referenza għar-reazzjoni tal-Kummissjoni, DG REGIO, dwar l-Inizjattiva għal Opinjoni tal-KESE dwar “Iż-żoni metropolitani: implikazzjonijiet soċjo-ekonomiċi għall-futur ta' l-Ewropa”ĠU C 302, 7.12.2004, pġ. 101.

(7)  Competitive Cities: Where do the core cities stand? (“Bliet kompetittitivi: fejn jinsabu l-ibliet prinċipali?”“Core cities” tfisser il-metropoli 'l barra minn Londra, b'mod partikolari dawk tal-Majjistral tal-pajjiż).

(8)  DIACT: Délégation Interministérielle à l'Aménagement et à la Compétitivité des Territoires (Delegazzjoni Interministerjali għall-Ippjanar Territorjali u għall-Kompetittività Reġjonali) (eż DATAR).

(9)  Il-Kummissjoni qiegħda tfassal gwida dwar kwistjonijiet urbani.

(10)  The Territorial State and Perspectives of the European Union Document, towards a stronger European Territorial cohesion in the light of the Lisbon and Gothenburg ambitions, (“L-Istat u l-Perspettivi Territorjali ta' l-Unjoni Ewropea: lejn koeżjoni msaħħa tat-territorju Ewropew fid-dawl ta' l-għanijiet ta' Lisbona u ta' Gotheburg), abbozz preliminari, 26 ta' Ġunju 2006.

(11)  L-ewwel Kunsill informali tal-ministri għall-ippjanar territorjali u għall-affarijiet interni, fejn l-isfidi li qegħdin jiffaċċjaw l-ibliet ġew diskussi fil-fond, inżamm f'Rotterdam f'Novembru 2004. Dan kien segwit mill-Kunsill Informali tal-Lussemburgu f'Mejju 2005 dwar” L-Istat u l-Perspettivi Territorjali ta' l-UE. Il-Kunsill informali li jmiss ser jinżamm f'Leipzig f'Mejju 2007.

(12)  

“Artikolu 175

1.   Il-Kunsill, li jaġixxi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 wara li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni, għandu jiddeċiedi dwar liema azzjoni għandha tittieħed mill-Komunità sabiex tilħaq l-objettivi imsemmija fl-Artikolu 174.

2.   B'deroga għall-proċedura ta' teħid ta' deċiżjonijiet prevista fil-paragrafu 1 u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 95, il-Kunsill, li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni u wara li jikkonsulta lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni, għandu jadotta:

a)

dispożizzjonijiet ta' natura primarjament fiskali;

b)

miżuri li jolqtu:

l-ippjanar territorjali;

l-immaniġġjar kwantitattiv tar-riżorsi idrawliċi, jew dak kollu li jaffettwa, direttament jew indirettament, id-disponibbiltà ta' dawn ir-riżorsi;

l-użu ta' l-art, bl-eċċezzjoni tal-ġestjoni ta' l-iskart;

ċ)

miżuri li jaffettwaw b'mod sinifikanti l-għażla ta' Stat Membru bejn fonti differenti ta' enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista ta' l-enerġija.”

(13)  Parlament Ewropew: Riżoluzzjoni tat-13.10.2005 dwar id-dimensjoni urbana fil-kuntest tat-tkabbir — ĠU C 233E, 28.9.2006, pġ. 127.

(14)  Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-politika ta' koeżjoni u l-ibliet: il-kontribuzzjoni ta' l-ibliet u l-agglomerazzjonijiet għat-tkabbir u għall-impjiegi fir-reġjuni”, ĠU C 206, 29.08.2006, pġ. 17.

(15)  METREX, The Network of European Metropolitan Regions and Areas, (In-Netwerk tar-Reġjuni u ż-Żoni Metropolitani ta' l-Ewropa) hija assoċjazzjoni li tiġbor fiha kważi ħamsin reġjun urban kbir.

(16)  Minn 20 fl-1990 għal 199 fl-2006.

(17)  B'distinzjoni bejn 3 livelli ġeografiċi: iċ-ċentru tal-belt, iż-żona urbana usa' u l-kwartieri infra-urbani. Skond dawk responsabbli għall-proġett, iż-żona urbana usa' tikkorrispondi bejn wieħed u ieħor għar-reġjun urbani funzjonali.

(18)  Fil-fatt, huma relattivament ftit l-indikaturi li huma provduti għaż-żona urbana usa' għall-istess sena. Il-limiti ġeografiċi taż-żoni urbana usa' huma definiti skond kriterji nazzjonali; dan iwassal sabiex il-komparabbiltà ta' l-indikaturi fil-livell Ewropew ma tkunx tista' tiġi garantita. Dawn il-limitazzjonijiet għadhom qatt ma ġew ippubblikati. L-indikaturi ma jirreferux għas-snin riċenti (l-2001 hija s-sena l-aktar reċenti). Il-mezzi li attwalment jiddisponi minnhom l-Eurostat sabiex iwettaq dan il-proġett importanti li jkopri 27 pajjiż, 258 belt, 260 żona urbana usa' u 150 indikatur huma insuffiċjenti ħafna.

(19)  Il-popolazzjoni urbana tad-dinja taqbeż it-3 biljun persuna. Il-popolazzjoni ta' 400 metropoli hija akbar minn miljun persuna filwaqt li seklu ilu kien hemm biss 16-il metropola b'popolazzjoni b'aktar minn miljun.


Top
  翻译: