Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007AE0614

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 97/67/KE dwar it-tlestija kompleta tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità COM(2006) 594 finali — 2006/0196 (COD)

ĠU C 168, 20.7.2007, p. 74–77 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

20.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 168/74


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 97/67/KE dwar it-tlestija kompleta tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità”

COM(2006) 594 finali — 2006/0196 (COD)

(2007/C 168/16)

Nhar l-1 ta' Diċembru 2006, il-Kunsill iddeċiecda, b'konformità ma' l-Artikoli 47.2 55 u 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar il-“Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 97/67/KE dwar it-tlestija kompleta tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità”

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà ta' l-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-22 ta' Marzu 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur HENCKS.

Matul l-435 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-25 u fis-26 ta' April 2007 (seduta tas-26 ta' April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'131 vot favur, 26 vot kontra u 8 astensjonijiet.

1.   Rakkomandazzonijiet

1.1

Permezz ta' l-abbozz tad-direttiva taħt reviżjoni, il-Kummissjoni beħsieba tipproċedi għall-aħħar stadju tal-ftuħ tas-suq postali fl-1 ta' Jannar 2009, filwaqt li jinżammu l-aspetti prinċipali tas-servizz universali fil-livell attwali fl-Istati Membri kollha ta' l-Unjoni, u jitneħħew id-drittijiet esklussivi (settur riservat) sabiex jiffinanzjaw l-istess servizz universali.

1.2

L-isfida prinċipali ppreżentata mill-organizzazzjoni ta' dan l-aħħar stadju tikkonsisti fl-identifikazzjoni tat-triq 'il quddiem għal settur postali effettiv u kompetittiv li jibqa' jipprovdi servizzi universali ta' kwalità għolja b'tariffi li jistgħu jintlaħqu mill-individwi u l-intrapriżi fl-Ewropa, fl-interess tal-kompetittività ekonomika, tal-bżonnijiet taċ-ċittadini, tkun xi tkun is-sitwazzjoni ġeografika, finanzjarja jew oħra tagħhom, u fl-interess ta' l-impjiegi u ta' l-iżvilupp sostenibbli.

1.3

Il-KESE jħoss li l-ideat tal-Kummissjoni dwar dan il-proġett ma jippermettux il-livell neċessarju ta' sigurtà għall-finanzjament sostenibbli tas-servizz universali f'kull Stat Membru, b'mod partikolari fejn hemm diffikultajiet ikkawżati mill-ġeografija fiżika u umana, u għalhekk fil-mument mhumiex preferibbli għas-sistema ta' finanzjar permezz ta' settur riservat, li f'ħafna Stati Membri wriet li kienet effettiva u imparzjali.

1.4

Għall-KESE mhix aċċettabli li l-ispejjeż residwi ta' servizz universali jiġu kompensati bl-introduzzjoni ta' taxxa jew tariffi ogħla għall-utenti jew permezz ta' sussidji pubbliċi, meta s-servizz attwali ma jinkludix ħlasijiet speċifiċi għall-utenti/dawk li jħallsu t-taxxi.

1.5

F'dan l-istadju, il-KESE mhu konvint la minn sistema “play or pay”, sistema fejn kull operatur huwa obbligat jipprovdi servizz universali, li minnu jkun eżentat billi jipparteċipa fl-iffinanzjar tas-servizz universali, lanqas mill-użu ta' fond ta' kumpens.

1.6

Il-Kummissjoni trid tispeċifika l-qafas li fih ser isseħħ il-liberalizzazzjoni tas-servizzi postali. Dan huwa prerekwiżit sabiex jitneħħa s-settur riservat neċessarju għall-iffinanzjar tas-servizz universali.

1.7

Minħabba l-inċertezzi u r-riskji kollha assoċjati mal-liberalizzazzjoni totali tas-suq postali, l-iskadenza ta' l-01.01.2009 ma tidhirx realistika, speċjalment fid-dawl tal-fatt li l-operaturi postali fl-Istati Membri li ngħaqdu ma' l-Unjoni Ewropea fl-2004 mhux ser ikollhom biżżejjed ħin sabiex jadattaw għaċ-ċirkostanzi l-ġodda.

1.8

Il-KESE jitlob:

li tiġi estiża d-direttiva attwali;

li tkun ippjanata liberalizzazzjoni kompleta possibli tas-settur postali sa l-01.01.2012, bil-kundizzjoni li sa dak iż-żmien ikunu nstabu proposti ta' finanzjament kredibbli li jirrappreżentaw valur miżjud fuq is-settur riservat, b'konsultazzjoni mill-qrib mal-partijiet kollha kkonċernati.

li jiġu inkorporati fis-servizz univerali l-konsenji speċifiki mibgħuta jew indirizzati lill-persuni neqsin mid-dawl jew lill-persuni li jaraw parzjalment u lill-organizzazzjonijiet tagħhom.

2.   Introduzzjoni

2.1

Is-servizzi postali għandhom importanza soċjo-ekonomika konsidervoli għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u għall-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija ta' Lisbona. Huma jikkontribwixxu direttament għar-relazzjonijiet soċjali u għad-drittijiet fundamentali ta' kull persuna, waqt li jsaħħu s-solidarjetà u jintegraw il-popolazzjonijiet u r-reġjuni. Jikkontribwixxu wkoll għall-kompetittività ta' l-ekonomija Ewropea, u fl-aħħar, għall-iżvilupp sostenibbli.

2.2

Skond l-istimi tal-Kummissjoni, is-servizzi postali jimmaniġġjaw 135 biljun oġġett kull sena fl-UE, li jirrappreżentaw valur tal-bejgħ ta' madwar EUR 88 biljun, fi kliem ieħor madwar 1 % tal-Prodott Gross Domestiku (GDP) tal-Komunità. Iż-żewġ terzi tal-valur tal-bejgħ huma ġġenerati mis-servizzi ta' l-ittri, il-bqija jiġi minn pakketti, mis-servizz tal-posta express u minn servizzi relatati.

2.3

Servizz postali universali li jiggarantixxi l-aċċess liċ-ċittadini kollha, tkun xi tkun is-sitwazzjoni ġeografika, finanzjarja jew oħra tagħhom għal servizzi postali ta' kwalità, affidabbli u bi prezzijiet li jistgħu jintlaħqu, huwa element prinċipali tal-mudell soċjali Ewropew u ta' l-Istrateġija ta' Lisbona. Servizz universali ta' kwalità għolja huwa bżonn kemm għaċ-ċittadini kif ukoll għall-atturi ekonomiċi li huma l-klijenti prinċipali tas-servizzi postali u li għandhom bżonn li l-pakketti u l-ittri jintbagħtu lid-destinatarji, irrispettivament minn fejn jinsabu jew min huma.

2.4

Ir-riformi, l-iżviluppi teknoloġiċi kif ukoll iż-żjieda ta' l-awtomatizzazzjoni fis-settur postali wasslu għal titjib sostanzjali fil-kwalità, żjieda fl-effiċjenza u approċċ aktar orjentat lejn il-klijenti.

2.5

Dawn il-bidliet, kuntrarjament għat-tbassir pessimist li skondtu s-servizzi postali kienu mexjin lejn in-niżla, juru l-potenzjal tat-tkabbir li l-operaturi jaraw fl-iżvilupp ta' servizzi ġodda bħax-xiri mid-dar, il-kummerċ ekonomiku u l-posta ibrida.

2.6

Kuntrarjament għall-industriji oħrajn ta' network, ix-xogħol postali, speċjalment dawk tad-distribuzzjoni, għadu jinvolvi ammont sostanzjali ta' xogħol bl-idejn u kuntatt dirett mal-klijenti. Is-settur postali jikkostitwixxi settur importanti għall-impjiegi; huwa stmat li fl-Unjoni, aktar minn 5 miljun impjieg jiddependu direttament mis-settur postali jew huma marbutin miegħu mill-qrib. L-ispejjeż tax-xogħol, li ġeneralment humwa spejjeż fissi, jirrappreżentaw l-parti l-kbira (+/- 80 %) ta' l-ispiża totali u l-ħaddiema għalhekk huma partikolarment vulnerabbli għall-effetti tal-miżuri ta' razzjonalizzazzjoni fil-qafas tal-liberalizzazzjoni u tal-kompetittività.

2.7

Fl-aħħar, il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni li l-istħarriġ regolari ta' l-Eurobarometer jindikaw li hemm sodisfazzjoni ġenerali mill-maġġorparti ta' l-utenti fir-rigward tal-kwalità tas-servizzi postali.

3.   Sfond

3.1

Fil-11 ta' Ġunju 1992, il-Kummissjoni ppreżentat Green Paper dwar l-Iżvilupp tas-Suq Uniku għas-Servizzi Postali, li ġiet segwita minn komunikazzjoni fit-2 ta' Ġunju 1993 dwar il-linji gwida għall-iżvilupp tas-servizzi postali komunitarji. Kważi 10 snin ilu tnediet il-liberalizzazzjoni gradwali u kkontrollata tas-settur postali permezz tad-Direttiva 97/67/KE, b'mod komuni msejjħa d-“Direttiva Postali”.

3.2

Id-Direttiva Postali, li tiskadi fil-31.12.2008, stabbiliet regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali dwar:

is-servizz universali;

is-settur riservat (monopolju);

il-prinċipji ta' tariffi u t-trasparenza tal-kontijiet għall-fornituri tas-servizz univerali;

l-istandards ta' kwalità;

l-armonizzazzjoni ta' l-istandards tekniċi;

il-ħolqien ta' awtoritajiet regolatorji nazzjonali indipendenti.

3.3   Servizz Universali

3.3.1

Skond din id-direttiva, l-Istati Membri huma obbligati li jiggarantixxu servizz universali lill-utenti kollha bi prezz li jista' jintlaħaq, kull ġurnata ta' ħidma, u mhux inqas minn ħamest' ijiem fil-ġimgħa, lejn kull lokalità, bħala minimu:

il-ġbir, l-issortjar, it-trasport u t-tqassim tal-posta li jiżnu sa żewġ kilos u ta' pakketti li jiżnu sa 10 kilos;

is-servizzi relatati mal-posta reġistrata u mal-posta b'valur iddikjarat;

punti ta' aċċess xierqa għan-network postali fit-territorju kollu.

3.3.2

Ir-regoli komunitarji jiggarantixxu għalhekk li kull persuna li tgħix fl-Unjoni Ewropea jkollha aċċess għal servizz ġenwin ta' komunikazzjoni, ikunu xi jkunu l-karatteristiċi ta' ġeografija fiżika u umana tal-post tagħhom ta' residenza.

3.3.3

Is-servizz universali kif imfisser hawn fuq, li jinkludi kemm lis-servizzi nazzjonali kif ukoll lis-servizzi transkonfinali, għandu jirrispetta l-istandards ta' kwalità, fir-rigward ta' l-iskadenzi ta' tqassim kif ukoll tar-regolarità u l-kredibilità tas-servizzi, li huma stabbiliti mill-Istati Membri (servizzi nazzjonali) u mill-Parlament u mill-Kunsill (servizzi transkonfinali komunitarji).

3.4   Settur Riservat

3.4.1

Jekk Stat Membru jemmen li l-obbligi tas-servizz universali jirrappreżentaw piż finanzjarju inġust għall-fornitur ta' dan is-servizz, dan jista' jingħata l-monopolju fuq il-ġbir, l-issortjar, it-trasport u t-tqassim tal-posta domestika u, fejn huwa neċessarju li jinżamm servizz universali, tal-posta transkonfinali u tal-posta diretta:

li tiżen sa 50 gramma (jew bi spiża tal-postaġġ li mhix superjuri għal darbtejn u nofs tat-tariffa pubblika applikabbli għal oġġett ta' korrispondenza fl-ewwel grad ta' piż tal-kategorija l-aktar rapida).

4.   Abbozz ta' Direttiva tal-Kummissjoni

4.1

L-istudju ta' prospettiva, li l-Kummissjoni kkuntrattat lil konsulent internazzjonali (1) kkonkluda li t-tlestija tas-suq intern tas-servizzi postali fl-Istati Membri kollha fl-2009 hija kompatibbli maż-żamma ta' servizz universali ta' kwalità għolja. Dan l-istudju madankollu jippreċiża li r-riskji li jirriżultaw miż-żamma tas-servizz universali jimplikaw li għandhom jittieħdu “miżuri ta' sostenn” mill-maġġoranza ta' l-Istati Membri.

4.2

L-abbozz ta' direttiva taħt reviżjoni jipprevedi l-ftuħ totali tas-suq postali sa l-1 ta' Jannar 2009, filwaqt li jiġu ssalvagwardjati l-istandards komuni prinċipali tas-servizz universali fil-livelli attwali għall-utenti kollha fl-Istati Membri kollha ta' l-UE.

4.3

Mill-1 ta' Jannar 2009, l-Istati Membri mhux ser jibqgħu awtorizzati li jagħtu drittijiet esklużivi jew speċjali (settur riservat) għat-twaqqif u għall-provvista tas-servizzi postali.

4.4

L-Istati Membri mhux ser ikollhom għalfejn jaħtru l-fornitur(i) tas-servizz universali, iżda jistgħu jħallu l-provvista tat-tali servizz — għal-perjodu limitat — għall-forzi tas-suq; waqt li jistgħu jidentifikaw ukoll is-servizzi jew ir-reġjuni speċifiċi li fihom is-servizz universali ma jistax ikun garantit mill-forzi tas-suq, u joffru dawk is-servizzi b'mod li huwa effikaċi, f'termini ta' l-ispejjeż, permezz ta' kuntratti pubbliċi.

4.5

F'każijiet fejn hemm il-bżonn ta' finanzjament estern tas-settur universali, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu mill-possibilitajiet segwenti:

akkwist pubbliku;

kumpens pubbliku permezz ta' sussidji mill-Istat;

fond ta' kumpens li jista' jiġi ffinanzjat minn taxxa imposta fuq il-fornituri tas-servizz u/jew mill-utenti;

sistema tat-tip “play or pay” li torbot l-għotja ta' awtorizzazzjonijiet ma' l-obbligi ta' servizz universali jew mal-finanzjament ta' fond ta' kumpens.

4.6

Id-direttiva taħt reviżjoni tintroduċi wkoll dispożizzjoni ġdida li tobbliga lill-Istati Membri sabiex jevalwaw il-bżonn li jiġi garantit aċċess trasparenti u mhux diskriminatorju għall-operaturi kollha għall-elementi ta' l-infrastruttura postali u għas-servizzi segwenti: is-sistema tal-kodiċi postali, id-database ta' l-indirizzi, il-kaxxi postali, il-kaxxi ta' ġbir u ta' konsenja, l-informazzjoni dwar il-bidla ta' l-indirizz, is-servizz ta' konsenja f'indirizz ieħor, is-serviz ta' ritorn lill-mittenti. Dawn id-dispożizzjonijiet mhumiex intiżi sabiex jassiguraw l-aċċess downstream għall-partijiet li jissortjaw u li jibagħtu.

5.   Rimarki ġenerali

5.1

Il-KESE minn dejjem għaraf li, kontrarjament għal setturi oħrajn, il-liberalizzazzjoni tas-servizzi postali ma saritx b'għaġla kbira, iżda — s'issa — saret b'manjiera gradwali u kontrollata. Huwa jifraħ li l-abbozz ta' direttiva jikkonferma li l-aspetti prinċipali tas-servizz universali huma garantiti għall-utenti kollha. Madankollu, il-KESE jitlob li s-servizzi b'xejn relatati ma' konsenji speċifiċi mibgħuta jew indirizzati lill-persuni neqsin mid-dawl jew lil persuni li jaraw parzjalment jiġu inkorporati fis-servizz universali.

5.2

Għall-Kummissjoni, l-isfida prinċipali ppreżentata mill-organizzazzjoni ta' dan l-aħħar stadju ta' liberalizzazzjoni totali tas-swieq postali fl-Unjoni tikkonsisti fl-identifikazzjoni tat-triq 'il quddiem għal settur postali effettiv u kompetittiv li jibqa' jipprovdi servizzi universali ta' kwalità għolja b'tariffi li jistgħu jintlaħqu mill-individwi u l-intrapriżi fl-Ewropa.

5.3

Il-KESE jħoss li l-ideat tal-Kummissjoni ma jippermettux il-livell neċessarju ta' sigurtà għall-finanzjament sostenibbli tas-servizz universali f'kull Stat Membru, b'mod partikolari f'dawk fejn hemm diffikultajiet ikkawżati mill-ġeografija fiżika u umana, u għalhekk fil-mument mhumiex preferibbli għas-sistema ta' finanzjar permezz ta' settur riservat, li f'ħafna Stati Membri wriet li kienet effettiva u imparzjali.

5.4

Għall-KESE mhix aċċettabli li l-ispejjeż netti residwi ta' servizz universali jiġu kompensati bl-introduzzjoni ta' taxxa jew tariffi ogħla għall-utenti jew ta' finanzjament permezz ta' sussidji pubbliċi, fejn is-servizz attwali universali ma jinkludix ħlas speċifiku għall-utenti/dawk li jħallsu t-taxxi.

5.5

F'dan l-istadju, il-KESE mhux konvint minn sistema “play or pay”, sistema fejn kull operatur huwa obbligat jipprovdi servizz universali, li minnu jkun eżentat billi jipparteċipa fl-iffinanzjar tas-servizz universali. Fil-prattika, din it-tip ta' sistema ġiet ittestjata biss fil-Finlandja mingħajr riżultati sinjifikanti. Fl-istess waqt jidher li l-fond ta' kumpens mhux soluzzjoni; fil-fatt, sistema ta' dan it-tip ġiet ittestjata biss fl-Italja, fejn kienet falliment.

5.6

L-istess japplika għall-finanzjament tas-servizz universali permezz ta' sussidji pubbliċi, li jfissru li jitpoġġa piż fuq il-finanzi pubbliċi li diġà huma taħt pressjoni, li għal darb'oħra jkunu ta' piż fuq l-utenti/dawk li jħallsu t-taxxi.

5.7

Fl-aħħar, il-KESE jindika li l-proposti ta' finanzjament alternattiv tal-Kummissjoni ma ġewx analizzati fir-rigward tal-prattiċità jew ta' l-effikaċja tagħhom. L-implimentazzjoni ta' dawn il-kondizzjonijiet jesponu lill-Istati Membri għar-riskji li jispiċċaw f'sitwazzjoni li ma jistgħux joħorġu minnha fejn is-suq ikun kompletament liberalizzat u fejn is-servizz universali ma jibqax garantit.

5.8

Għalhekk, qabel kwalunkwe stadju ġdid ta' liberalizzazzjoni, iridu jiġu stabbiliti regoli u jiġi implimentat qafas ċar u stabbli. Jekk huwa neċessarju, is-settur riservat irid jitneħħa biss wara li l-qafas jiġi stabbilit, inklużi, b'mod partikolari, miżuri realment effettivi u sostenibbli għal finanzjament tas-servizz universali, identifikati b'mod ċar u analizzati għal kull Stat Membru. Dan għandu jkun prerekwiżit għat-tneħħija ta' l-uniku mezz ta' finanzjament li, s'issa, wera l-effiċjenza tiegħu, fi kliem ieħor settur riservat adattat.

5.9

Matul l-aħħar għaxar snin jew iktar, fis-settur postali diġà ntilfu għexieren ta' eluf ta' impjiegi (0.7 % skond il-Kummissjoni) filwaqt li numru ta' impjiegi oħrajn ġew sostitwiti minn impjiegi prekarji jew b'kondizzjonijiet ħżiena ta' xogħol, fiċ-ċentri ta' l-issortjar, fis-servizzi ta' tqassim u fl-uffiċċji postali.

5.10

Anke jekk diversi fatturi, bħal teknoloġiji ġodda, il-kompetizzjoni minn forom oħra ta' komunikazzjoni, bħall-email, jispjegaw parti minn din it-tendenza, il-ftuħ tas-suq għadha r-raġuni prinċipali.

5.11

Għalhekk, id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li t-tlestija tas-suq intern tas-servizzi postali jippermetti, grazzi għal kompetizzjoni akbar, li jiftaħ potenzjal ta' ħolqien ta' impjiegi bħala kumpens tat-telf ta' impjiegi mill-operaturi tradizzjonali għad trid tiġi ssostanzjata.

5.12

Fir-rigward tal-potenzjal ta' tkabbir tas-settur, l-abbozz ma jagħmel l-ebda proposta ħlief li jiġi ġestit dak li apparentament huwa irriversibbli fis-servizzi postali tradizzjonali, mingħajr ma jitqiegħdu fil-kuntest tal-bżonnijiet ta' komunikazzjoni implikati fl-Istrateġija ta' Lisbona u s-soċjetà ta' l-għerfien, u mingħajr ma jiġi analizzat l-impatt f'termini ta' effikaċja enerġetika.

5.13

Il-proposti tal-Kummissjoni jħallu lill-Istati Membri responsabbli sabiex jassiguraw ir-regolazzjoni essenzjali, li fl-aħħar mill-aħħar ikun ifisser li 27 organizzazzjoni u suq nazzjonali jkunu jeżistu flimkien fis-suq intern tas-servizzi postali, mingħajr koeżjoni komunitarja. Il-KESE jtenni l-appoġġ tiegħu għall-ħolqien ta' settur postali komunitarju, b'regoli valabbli fl-UE kollha kemm għall-kompetizzjoni kif ukoll għall-provvista ta' servizz universali.

5.14

Minħabba l-inċertezzi u r-riskji kollha assoċjati mal-liberalizzazzjoni totali tas-suq postali, il-KESE ma jistax jaqbel ma' l-urġenza li tiġi stabbilita issa l-iskadenza ta' l-01.01.2009, speċjalment fid-dawl tal-fatt li l-operaturi postali fl-Istati Membri li ngħaqdu ma' l-Unjoni Ewropea fl-2004 mhux ser ikollhom biżżejjed ħin sabiex jadattaw għaċ-ċirkostanzi l-ġodda.

5.15

Il-KESE jitlob l-estensjoni tad-Direttiva attwali u li tkun ippjanata liberalizzazzjoni kompleta possibli tas-settur postali sa l-01.01.2012, bil-kundizzjoni li sa dak iż-żmien ikunu nstabu proposti ta' finanzjament kredibbli li jirrappreżentaw valur miżjud fuq is-settur riservat, b'konsultazzjoni mill-qrib mal-partijiet kollha kkonċernati.

Brussel, is-26 ta' April 2007

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  The Impact on Universal Service of the Full Market Accomplishment of the Postal Internal Market fi 2009/ price Waterhouse & Coopers.


Top
  翻译: