This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52007AE0615
Opinion of the European Economic and Social Committee on Transport in urban and metropolitan areas
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar It-trasport fiż-żoni urbani u metropolitani
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar It-trasport fiż-żoni urbani u metropolitani
ĠU C 168, 20.7.2007, p. 77–86
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
20.7.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
C 168/77 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar It-trasport fiż-żoni urbani u metropolitani
(2007/C 168/17)
Nhar id-19 ta' Jannar 2006, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar: “Is-sitwazzjoni tat-trasport pubbliku u s-servizzi ferrovjarji lokali fl-Ewropa u b'mod partikolari fl-Istati Membri ġodda”
Fis-7 ta' Novembru 2006, ftit qabel tmiem il-ħidmiet fuq din l-opinjoni fuq inizjattiva proprja, il-Presidenza Ġermaniża talbet lill-Kumitat sabiex iħejji opinjoni esploratorja dwar: It-trasport fiż-żoni urbani u metropolitani.
Il-Bureau tal-KESE iddeċieda li jħalli 5 kwistjonijiet mit-12 li tressqu f'idejn is-sezzjoni speċjalizzata TEN. Fil-fehma ta' din is-sezzjoni kien raġonevoli li dawn jiġu integrati fil-ħidma attwali dwar “Is-sitwazzjoni tat-trasport pubbliku u s-servizzi ferrovjarji reġjonali fl-Ewropa u b'mod partikolari fl-Istati Membri ġodda” u li tespandi s-suġġett skond dan.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà ta' l-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumita dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha fit-22 ta' Marzu 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Ribbe.
Matul l-435 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-25 u s-26 ta' April 2007 (seduta tal-25 ta' April 2007), il-Kumitat adotta din l-opinjoni fuq inizjattiva proprja b' 106 voti favur, 2 kontra u 30 astensjoni:
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
Il-KESE josserva bi tħassib it-tnaqqis kbir fis-sehem tat-trasport pubbliku fir-rigward tal-volum tat-trasport totali fil-bliet, u jinnota li dan mhux qiegħed iseħħ biss fl-UE-15, iżda wkoll u b'mod partikolari fl-Istati Membri l-ġodda, b'rata mgħaġġla ħafna. |
1.2 |
Il-piż li qiegħed jikber fuq il-bliet minħabba l-flussi tat-traffiku, speċjalment minħabba l-flussi tat-traffiku tal-karozzi, qiegħed joħloq numru kbir ta' problemi li fil-biċċa l-kbira tal-każijiet għadhom m'humiex solvuti, u minħabba f'hekk jeħtieġ li jkun hemm azzjoni konċentrata mill-Kummissjoni, mill-Istati Membri u mill-awtoritajiet lokali sabiex din it-tendenza titreġġa' lura. |
1.3 |
40 % ta' l-emissjonijiet tal-gassijiet tas-serra kollha marbutin mat-traffiku qegħdin jinħolqu fl-Ewropa. Il-politika tat-traffiku urban b'hekk għandha effetti li jmorru ferm lil hinn mill-istruttura ġeografika tal-bliet. |
1.4 |
Fl-opinjoni tal-KESE hemm ħtieġa doppja għat-titjib tal-kwalità tal-ħajja u tal-ħarsien ta' l-ambjent fil-bliet, biex jintlaħqu l-għanijiet għall-ħarsien tal-klima u għall-effiċjenza ta' l-enerġija; il-KESE jemmen li l-premessa ewlenija ta' kwalunkwe politika urbana dwar l-ippjanar u t-trasport għandha tkun, l-ewwelnett, li ma tħallix it-traffiku “jikber” jew li għall-inqas tillimitah, u t-tieni, li tagħmel mezz biex il-ħtieġa għaċ-ċaqliq minn post għall-ieħor tkun tista' tiġi ssodisfata, possibbilment permezz ta' mezzi ta' trasport li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, per eżempju t-trasport pubbliku, s-sewqan tar-roti u saħansitra l-mixi. |
1.5 |
Il-bliet għandhom jibqgħu adatti għall-għajxien; m'għandu jkun hemm l-ebda belt orjentata għas-sewqan tal-karozzi. Iż-żminijiet fejn seta' jingħata appoġġ indaqs lill-mezzi kollha ta' trasport spiċċaw, għaliex għal dan hemm nuqqas ta' finanzi u ta' spazju. Għalhekk, il-KESE jappella lill-awtoritajiet lokali kif ukoll lill-gvernijiet nazzjonali u lill-Kummissjoni, sabiex iqisu dan il-prinċipju fir-regolamenti u fil-programmi ta' appoġġ kollha. |
1.6 |
L-ippjanar urban u l-pjan regolatorju ta' l-awtoritajiet lokali fil-ġejjieni għandu jsir b'tali mod li jxekkel l-iżvilupp bla rażan u s-segregazzjoni funzjonali taż-żoni urbani, sabiex jiġi evitat kemm jista' jkun l-iżvilupp tat-traffiku. Għal dan iridu jintużaw ukoll strumenti ta' l-ippjanar reġjonali u nazzjonali ta' l-ogħla kalibru, sabiex, flimkien mal-koordinazzjoni tal-bini tad-djar fil-bliet u fl-inħawi ta' madwarhom, jiġi evitat it-traffiku mill-bidu nett. |
1.7 |
Barra minn hekk, il-Kumitat jitlob li jkun hemm ġerarkija ċara ta' l-għanijiet u prijoritizzazzjoni favur it-trasport pubbliku — kif ukoll favur is-sewqan tar-roti u l-mixi — b'konfront ma' l-infrastruttura għall-karozzi. B'dan il-mod biss tista' terġa' tittejjeb il-kwalità tad-djar, ta' l-għajxien u ta' l-ambjent fiż-żoni metropolitani. |
1.8 |
B'konsegwenza ta' l-iżvilupp ta' l-offerta tat-trasport pubbliku — għal raġunijiet ta' ħarsien tas-saħħa u ta' l-ambjent — kif ukoll biex jipprovdi livell bażiku ta' mobilità u jħares il-bżonnijiet kollha tal-popolazzjoni, b'mod partikolari dawk tal-persuni b'diżabilità, il-Kumitat jara li hemm żona ta' azzjoni importanti għall-Kummissjoni, għall-Parlament, għall-gvernijiet nazzjonali u għall-awtoritajiet lokali. |
1.9 |
“Jekk ... irridu nevitaw li jkun hemm aktar effetti negattivi fuq il-kwalità ta' l-għajxien u ta' l-ambjent, għandha tingħata prijorità ogħla lis-sistemi tat-trasport pubbliku fil-kuntest ta' politika integrata. Dan jolqot lill-familji Ewropej kollha, b'mod partikolari lil madwar 40 % minnhom li m'għandhomx karozza tagħhom.” Din l-istqarrija tal-Kummissjoni Ewropea, ifformulata kważi 10 snin ilu fil-komunikazzjoni “L-iżvilupp tan-netwerk taċ-ċittadin” (1), sfortunatament s'issa ftit li xejn kellha influwenza fuq il-politika konkreta. Fuq kollox il-KESE iħossu obbligat li jikkonkludi li bejn il-ħafna dikjarazzjonijiet pożittivi favur it-trasport pubbliku u l-azzjonijiet politiċi reali hemm baħar jaqsam. |
1.10 |
Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-Green Paper dwar it-Trasport Urban li tħabbret, sabiex tippreżenta pakkett adegwat ta' azzjonijiet, li fih ikunu ppreżentati programmi u linji gwida ċari, li jistimolaw it-twettiq ta' l-għanijiet korrispondenti. F'dan il-pakkett irid ukoll jiġi ċċarat għaliex ħafna punti pożittivi li ġew imħabbra fin-“netwerk taċ-ċittadin” ma ġewx implimentati. |
1.11 |
L-Istati Membri għandhom iħossu l-obbligu li jagħtu appoġġ finanzjarju għall-vantaġġi soċjali li huma jitolbu mingħand il-kumpaniji tat-trasport (eż. biljetti mraħħsa għat-tfal ta' l-iskola, il-pensjonanti, il-persuni b'diżabilità, eċċ.), u li jappoġġjaw lill-awtoritajiet lokali fil-proġetti ta' investiment. Il-muniċipalitajiet għandhom ifasslu inizjattivi għal mezzi ta' trasport li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent (it-trasport pubbliku, is-sewqan bir-roti, il-mixi), li s'issa għadhom jissodisfaw biss il-ħtiġijiet minimi ta' min jagħmel użu minnhom fl-Ewropa. Dan huwa l-għan impenjattiv li jrid jintlaħaq sabiex jitwettqu l-pjanijiet ta' trasport urban sostenibbli indirizzati fl-“Istrateġija Tematika għall-Ambjent Urban”. Biex dan iseħħ, irid ikun hemm fost l-oħrajn mira kollettiva li jintlaħaq l-għan li jiżdied is-sehem tat-trasport pubbliku kif ukoll is-sewqan bir-roti u l-mixi. Fejn dawn il-pjanijiet ma jitwettqux, l-Istati Membri għandhom jiġu esklużi mill-appoġġ finanzjarju tal-Komunità Ewropea. |
1.12 |
Għall-konformità ma' l-istandards u r-regolamenti relatati mal-miri ta' l-UE rigward il-kwalità ta' l-arja fil-bliet u t-tnaqqis ta' tniġġis minn ħsejjes u trabijiet, huwa wkoll meħtieġ li tingħata l-prijorità lil sistemi ta' trasport pubbliku attraenti b'teknoloġija u servizzi ġodda (eż. il-ksib ta' biljetti permezz tal-mowbajl, l-użu tal-karozzi tal-linja u tat-taksis b'telefonata) kif ukoll permezz ta' sistema ta' marketing u servizz konsultattiv dwar iċ-ċaqliq minn post għall-ieħor. Jeħtieġ li l-alleanza ambjentali, jiġifieri l-interazzjoni, per eżempju bejn il-karozzi tal-linja, il-ferroviji u r-roti, tiġi msaħħa b'urġenza. Irid ikun hemm aktar armonija bejn l-iskedi ta' dawn is-servizzi. |
1.13 |
Il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, u partikolarment lill-Kumitat tar-Reġjuni, sabiex janalizzaw liema kienu l-fatturi ta' suċċess fil-bliet kollha li fihom l-iżvilupp tat-trasport urban li m'huwiex ta' ħsara għall-ambjent kien pożittiv, u, bl-istess mod, biex jinstab għaliex f'ħafna bliet oħra komplew jitwettqu azzjonijiet negattivi. Il-KESE huwa żgur li m'hijiex biss kwistjoni ta' finanzi, iżda jiddependi wkoll b'mod qawwi ħafna mill-għarfien politiku u mid-deċiżjonijiet li jittieħdu minn min hu responsabbli għall-politika tat-trasport u ta' l-urbaniżmu. Din il-ħidma hija importanti daqs il-ġbir ta' eżempji ta' suċċess u d-disponibilità tagħhom. Eżempju tajjeb ta' dan huwa l-Proġett Civitas ta' l-UE. |
2. Elementi ewlenin u sfond ta' l-opinjoni
2.1 |
Fis-snin li għaddew, il-volum tat-traffiku fiż-żoni urbani u f'dawk ta' madwarhom b'mod ġenerali żdied ħafna u f'ħafna każijiet saret bidla drammatika fl-hekk imsejħa qasma modali (modal split): il-vjaġġi qegħdin isiru dejjem aktar bil-karozza, u b'mod relattiv jew assolut dejjem inqas bit-trasport pubbliku. Dan jikkonċerna l-biċċa l-kbira tal-bliet il-kbar b'mod assolut u taż-żoni ta' konurbazzjoni fl-Ewropa kollha. “Trasport pubbliku” ifisser dan li ġej: trasport bil-karozzi tal-linja, bil-ferroviji u bit-trammijiet, li jiġi ppjanat jew ikkummissjonat fuq ordni ta' l-awtoritajiet pubbliċi u li jitwettaq minn kumpaniji privati, lokali jew tal-gvern. |
2.2 |
Mill-ħamsinijiet sad-disgħinijiet l-istrateġija tal-politika dwar it-trasport tal-biċċa l-kbira tal-pajjiżi ta' l-Ewropa tal-Punent u ta' ħafna muniċipalitajiet kienet kważi biss immirata għall-iżvilupp ta' l-infrastruttura tat-toroq u tat-trasport bil-karozzi, filwaqt li t-trasport pubbliku fil-biċċa l-kbira kellu jġarrab tnaqqis sinifikanti. Għadd kbir ta' fatturi addizzjonali, bħal per eżempju l-varjazzjoni bejn il-prezzijiet ta' l-art f'żoni urbani u f'żoni rurali, l-ippjanar żbaljat, il-leġislazzjoni fiskali kif ukoll id-deċiżjonijiet tal-kumpaniji dwar iż-żoni industrijali u kummerċjali tagħhom fl-inħawi ta' barra l-bliet), taw lok għal żieda fit-traffiku kif ukoll għal żieda ġenerali fid-distanzi bejn il-postijiet tax-xogħol, l-iskejjel, is-servizzi u l-postijiet ta' divertiment. |
2.3 |
Dan l-iżvilupp għandu diversi konsegwenzi, kemm fil-qasam ekonomiku u soċjali kif ukoll fil-qasam tas-saħħa u ta' l-ambjent: intilfu xi impjiegi, persuni li ma jistgħux jew ma jridux ikollhom karozza tagħhom qiegħed ikollhom aktar problemi biex jiċċaqalqu, f'ħafna bliet Ewropej persuni b'diżabilità għadhom esklużi mit-trasport pubbliku, l-impatt fuq l-ambjent sar intollerabbli — dan jinkludi l-bidla klimatika fuq livell globali, li hija theddida għall-ambjent kif ukoll għall-ekonomija. |
2.4 |
Sitwazzjoni li tinħass b'mod partikulari f'ħafna bliet kbar u żoni metropolitani, fejn il-kondizzjonijiet ta' l-għajxien żviluppaw b'mod negattiv minħabba ż-żieda dejjem akbar tat-trasport bil-karozzi hija li r-residenti qegħdin jilmentaw minħabba l-ħsejjes u t-tniġġis ta' l-arja u l-fatt li qegħdin jintużaw meddiet ta' art kbar għall-infrastruttura tal-karozzi, bi ħsara għall-kwalità tad-djar u tal-bliet. Il-KESE ifakkar li madwar 80 % ta' l-Ewropej jgħixu f'żoni urbani, u għalhekk huma milquta bil-qawwi. Fil-fatt anke s-sewwieqa qegħdin igergru minħabba l-konġestjonijiet tat-traffiku li saru parti mill-ħajja ta' kuljum u l-problema ta' l-ipparkjar, biex inkunu semmejna żewġ problemi komuni biss. |
2.5 |
Il-bliet Ewropej huma ħatja ta' 40 % ta' l-emissjonijiet tal-gassijiet tas-serra marbutin mat-trasport (2), prinċipalment ikkawżati mill-karozzi. Fil-ħinijiet li l-aktar ikun hemm traffiku, meta fiż-żoni urbani jinqalgħu l-biċċa l-kbira tal-problemi tat-traffiku, it-trasport pubbliku huwa għaxar darbiet aktar effiċjenti fil-konsum ta' enerġija (u għalhekk b'anqas emissjonijiet) mit-trasport bil-karozzi (3). Konsegwentement, dawn il-piżijiet jistgħu jitnaqqsu b'mod drastiku permezz tal-bidla mit-trasport bil-karozzi għat-trasport pubbliku, għas-sewqan bir-roti u għall-mixi. Biss jekk it-traffiku jiġi evitat u ssir bidla mill-użu tat-trasport individwali għall-użu tat-trasport pubbliku, l-Istati Membri u l-UE jkunu jistgħu jwettqu l-impenji tagħhom biex inaqqsu l-emissjonijiet skond il-Protokoll ta' Kjoto u ftehimiet suċċessivi. |
2.6 |
Inkitbu bosta dokumenti uffiċjali u studji xjentifiċi f'dawn l-aħħar snin. Il-biċċa l-kbira tagħhom isostnu li l-belt għandha tibqa' abitabbli u li għalhekk ma jista' jkun hemm l-ebda belt orjentata b'mod ewlieni għas-sewqan tal-karozzi, anke jekk aħna konxji mit-tifsira tal-karozza fis-soċjetà tal-lum. It-trasport pubbliku u t-trasport individwali li m'huwiex ta' ħsara għall-ambjent (bħas-sewqan tar-roti jew il-mixi) għandhom ikunu s-sisien ta' l-ippjanar tat-trasport urban modern. |
2.7 |
“Sistema Ewropea tat-trasport li taħdem tajjeb teħtieġ trasport lokali u reġjonali attraenti u sostenibbli. Dan it-tip ta' trasport jikkontribwixxi għall-impjieg u għall-iżvilupp ekonomiku u jnaqqas il-konġestjoni tat-traffiku. Bis-saħħa tat-tnaqqis fil-konsum ta' l-enerġija, fil-ħsejjes u fl-emissjonijiet noċivi isir kontribut wkoll għar-riġenerazzjoni ta' l-ambjent. Dan inaqqas l-esklużjoni soċjali billi jagħti lin-nies l-opportunità li jaslu fil-postijiet tax-xogħol, tat-tagħlim, tax-xiri u fil-postijiet tal-kura u tad-divertiment mingħajr il-karozza; wieħed għandu jikkunsidra l-fatt illi n-nisa, iż-żgħażagħ, l-anzjani, il-qiegħda u dawk b'diżabilità jiddependu b'mod partikolari mit-trasport pubbliku. Trasport tal-passiġġieri attraenti u sostenibbli huwa (...) essenzjali fiż-żoni urbani.” Din id-dikjarazzjoni, li saret kważi għaxar snin ilu mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha “L-iżvilupp tan-netwerk taċ-ċittadin,” (4) tiġbor fiha dak kollu li kellu jintqal politikament dwar din it-tema. Dak iż-żmien il-KESE appoġġja lill-Kummissjoni f'din il-komunikazzjoni, u llum għadu favur il-messaġġ tagħha u jirrikonoxxi b'mod espliċitu l-importanza kbira tat-trasport pubbliku u ta' mezzi tat-trasport mingħajr emissjonijiet. |
2.8 |
Madankollu ftit li xejn sar tibdil. Għall-kuntrarju, it-tendenza li t-toroq jinbnew għall-karozzi, li ilha teżisti għexieren ta' snin, sadattant ħolqot ħafna strutturi fiżiċi u ekonomiċi ġewwa u barra l-bliet li huma adattati għat-trasport bil-karozzi u jiddependu ħafna minnu, u għalhekk huwa diffiċli li dan jinbidel. Minħabba dawn l-istrutturi li “rabbew l-għeruq” u li issa qed jinbnew ukoll fl-Istati Membri l-ġodda, u minħabba l-fatt li m'hemmx rieda politika sabiex issir ħidma għal bidliet strutturali fil-politika tat-trasport (5), teżisti sfida, li sal-lum għadha pendenti: dik li jitwaqqfu jew jinbidlu t-tendenzi negattivi ta' l-iżvilupp tat-traffiku. Il-bidla f'dawn it-tendenzi li rnexxiet fi ftit bliet (eż. fi Freiburg u f'Münster fil-Ġermanja jew f'Delft fl-Olanda) minħabba politika tat-trasport ċara li “timbotta u tiġbed”, madankollu turi, li l-iżviluppi jistgħu jiġu influwenzati u jistgħu jinbidlu permezz tal-politika. |
2.9 |
Fid-dokument “netwerk taċ-ċittadin” (6) il-Kummissjoni indikat li tixtieq tagħti prijorità lill-iżvilupp tat-trasport pubbliku u tat-trasport lokali bil-ferrovija u li tqis bħala indispensabbli li jkun hemm strateġija li “timbotta u tiġbed” li għandha l-għan, li deliberatament tneħħi l-karozzi miż-żoni ta' konurbazzjoni u tippromovi bis-sħiħ lit-trasport pubbliku. Fid-dawl ta' l-iżvilupp preżenti, li jidher li għad ikompli fiż-żmien, nistgħu naslu għall-konklużjoni li l-Kummissjoni ma rnexxilhiex timplimenta l-azzjoni li kienet talbet hija stess. Il-KESE jinnota b'dispjaċir li l-politika ma rnexxiliex twassal lil hinn mill-formulazzjoni ta' dikjarazzjonijiet u l-introduzzjoni ta' proġetti ta' riċerka u skemi pilota. |
3. Kummenti ġenerali
3.1 Il-qagħda preżenti tat-trasport pubbliku fl-Istati Membri ġodda ta' l-UE
3.1.1 |
Meta mqabbla ma' l-Ewropa tal-Punent, bosta pajjiżi ta' l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant illum jinsabu f'qagħda aħjar fir-rigward tal-ġestjoni tat-traffiku ekoloġikament kompatibbli u soċjalment aċċettabbli. Minħabba raġunijiet storiċi u politiċi, l-iżvilupp fil-qasam tat-trasport f'dawn il-pajjiżi ħa direzzjoni differenti minn dak fl-Ewropa tal-Punent. Għal żmien twil it-trasport pubbliku ġarr iktar passiġġieri mill-karozzi. Dan kien jgħodd ukoll għat-trasport urban u reġjonali, kif ukoll għat-trasport fuq distanzi twal. |
3.1.2 |
Għalkemm wara l-waqgħa tal-Purtiera tal-Ħadid kien hemm tendenza qawwija fid-direzzjoni ta' żvilupp ibbażat fuq il-mudell ta' l-Ewropa tal-Punent, ħafna fatturi ambjentali marbutin ma' l-użu ta' l-art u mat-traffiku juru li l-pajjiżi ta' l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant għadhom f'qagħda aħjar meta mqabbla mal-pajjiżi ta' l-Ewropa tal-Punent. |
3.1.3 |
Madankollu, it-tendenzi fil-qasam tat-trasport fil-pajjiżi ta' l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant qegħdin iqajmu ċertu tħassib: ir-rata ta' persuni li għandhom karozza qiegħda tiżdied b'mod kontinwu, l-iżvilupp bla rażan tal-bliet u tas-subborgi fid-dimensjoni tagħhom huma ta' theddida għat-trasport pubbliku u għall-preservazzjoni taċ-ċentri tal-bliet. Hawnhekk il-KESE jara li hemm ħtieġa kbira li tittieħed azzjoni mill-entitajiet reġjonali, mill-Istati Membri, mill-Kummissjoni kif ukoll mill-Parlament Ewropew sabiex jiġu mwaqqfa dawn l-iżviluppi negattivi fl-Istati ta' l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant ukoll. |
3.1.4 |
Il-politika dwar it-trasport tal-gvernijiet tal-pajjiżi ta' l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant hija prinċipalment immirata lejn il-bini ta' toroq li jippermettu sewqan veloċi u awtostradi. Dwar it-trasport urban jista' jingħad li l-biċċa l-kbira tal-gvernijiet ċentrali waqfu għal kollox milli jżommu t-trasport pubbliku ċentralment organizzat u operat mill-istat kif kien fil-passat, u issa fil-verità qegħdin iħossuhom ħielsa minn kull responsabilità. Għajnuna għall-investiment, bħalma tagħti fost l-oħrajn il-Ġermanja fil-kuntest tal-liġi ta' l-iffinanzjar tat-trasport muniċipali, fejn fondi mill-baġit federali jingħataw lill-awtoritajiet reġjonali sabiex jiġi żviluppat it-trasport pubbliku u biex dan ikun aktar attraenti, f'ħafna stati ta' l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant ma teżistix. Fl-opinjoni tal-KESE l-iżvilupp ta' dawn is-sistemi ta' appoġġ huwa wieħed għaqli. Meta mqabbla ma' l-UE-15, il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi ta' l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant għadhom lura ħafna fil-qasam ta' l-orjentament favur il-konsumatur, il-kumdità, l-informazzjoni u l-marketing tat-trasport pubbliku, u għal dan jeħtieġ li tinstab soluzzjoni. |
3.1.5 |
L-allokazzjoni ta' fondi Ewrepej limitati, bħalma huma dawk li jista' joffri l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF) għat-trasport lokali pubbliku, tista' toħloq aktar problemi. Il-gvernijiet ċentrali għandhom il-prijoritajiet tagħhom u jippreżentawhom fi Brussel fil-kuntest tal-programmi operattivi tagħhom; dawn mhux dejjem jaqblu mal-prijoritajiet tal-muniċipalitajiet. Barra minn hekk, il-grupp ta' studju sar jaf minn sorsi affidabbli, li l-proċeduri sabiex isiru l-applikazzjonijiet għall-proġetti marbutin mat-trasport lokali pubbliku u t-trasport bil-ferrovjia huma ħafna itqal u aktar ikkumplikati minn dawk marbutin mal-bini tat-toroq. Il-proġetti tat-trasport pubbliku huma żgħar fin-numru; barra minn hekk, hemm kompetizzjoni bejn proġetti kbar bħall-bini ta' sistemi ta' metro u proġetti relattivament irħas għall-iżvilupp ta' sistemi tat-tramm u tal-karozzi tal-linja. |
3.1.6 |
Il-KESE huwa ta' l-opinjoni, li hekk kif il-fondi pubbliċi qegħdin jonqsu, l-ispejjeż u l-benefiċċji tat-trasport pubbliku għandhom jiġu evalwati u l-fondi involuti għandhom jintużaw sabiex jassiguraw li jkun hemm l-akbar offerta possibbli għal servizz ta' trasport attraenti, b'numru tajjeb ta' waqfiet, b'netwerk ta' rotot sod li jgħaqqad ma' netwerks urbani u reġjonali. In-netwerks tat-tramm huma f'ħafna każijiet effiċjenti daqs is-sistema tal-metro, iżda jirrikjedu biss madwar 10 % ta' l-investimenti u jinvolvu ftit spejjeż ta' manutenzjoni. Saru żbalji f'ħafna bliet fl-Ewropa tal-Punent, bħal f'Nantes fi Franza, fejn żarmaw sistema eċċellenti tat-tramm u tat-trolley bus u issa reġgħu installaw sistema ta' tramm b'nefqa ta' miljuni ta' euro biex isolvu l-problemi tagħhom tat-trasport. Dawn l-iżbalji ma jridux jirrepetu ruħhom fil-pajjiżi ta' l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant. |
3.1.7 |
L-iżviluppi deskritti fil-pajjiżi ta' l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant qegħdin isiru jixbħu dejjem aktar lil dawk li fl-UE-15 ilhom is-snin li ġew rikonoxxuti bħala insostenibbli u irresponsabbli. |
3.2 L-iżviluppi fit-trasport urban f'dawn l-aħħar għexieren ta' snin
3.2.1 |
F'dawn l-aħħar għexieren ta' snin saret bidla radikali, li fil-bliet wasslet għal kompetizzjoni ikbar għat-trasport pubbliku:
|
3.2.2 |
Naturalment, għall-KESE huwa wkoll ċar li m'hemm l-ebda żvilupp effettiv li, b'mod ġenerali, japplika bl-istess mod għall-bliet Ewropej kollha. Bliet u reġjuni differenti jiżviluppaw b'modi differenti. Kien hemm u fil-fatt għad hemm bliet, li f'dawn l-aħħar snin, f'ċerti każijiet dawn l-aħħar għexieren ta' snin, kienu diġà taw appoġġ kbir lis-sistemi tat-trasport pubbliku, lis-sewqan tar-roti u lill-mixi fit-triq. B'hekk huwa evidenti, li per eżempju l-infrastruttura tar-roti fi Brussel hija differenti minn dik li hemm f'Amsterdam jew f'Münster, u dan jidher fin-numru ta' roti li wieħed jara fit-triq. Fi Freiburg, f'Mulhouse jew reċentement f'Pariġi, kif ukoll fi bliet oħra, twaqqfu linji ġodda tat-tramm u dawn ħajru lil bosta sewwieqa tal-karozzi sabiex jibdlu l-mod kif jivvjaġġaw. |
3.2.3 |
Hemm ukoll xi ftit eżempji pożittivi fl-Istati Membri l-ġodda, fejn ċerti muniċipalitajiet irnexxielhom jegħlbu l-bidla u stabbilixxew triq pożittiva fil-qasam tat-trasport pubbliku. Bla dubju ta' xejn il-belt ta' Krakovja fil-Polonja hija waħda minn dawn (7). Żjara ta' Krakovja mill-grupp ta' studju li huwa responsabbli għall-formolazzjoni ta' din l-opinjoni, uriet dan b'mod impressjonanti. Hemmhekk, għaqdiet non-governattivi (NGOs) għall-ambjent u proġettaturi indipendenti tat-traffiku irnexxielhom jikkonvinċu lill-awtoritajiet tal-belt biex jimmodernizzaw u jtejbu t-trasport pubbliku b'riżorsi finanzjarji limitati ħafna. Il-manutenzjoni, l-immodernizzar u l-iżvilupp parzjali ta' netwerk dens u attraenti tat-tramm, ix-xiri ta' vetturi tat-tramm ġodda, l-immodernizzar tal-karozzi tal-linja u tal-waqfiet tagħhom, l-introduzzjoni ta' rotot fejn it-trasport pubbliku għandu l-prijorità, passaġġi separati għall-karozzi tal-linja u għat-tramm, iżda wkoll l-organizzazzjoni mill-ġdid konsegwenti u l-orjentament ġdid tal-ġestjoni u tas-servizzi tat-trasport pubbliku s'issa jippuntaw lejn suċċess. Il-grad ta' kopertura ta' l-ispejjeż jilħaq kważi d-90 % u għalhekk huwa ferm ogħla mil-livelli li normalment jintlaħqu. Dan jista' saħansitra jkompli jittejjeb, li ma kienx għat-telf fid-dħul konsiderevoli li se jħabbtu wiċċhom miegħu l-kumpaniji tat-trasport muniċipali minħabba l-fatt li l-gvern ċentrali ddeċieda li jraħħas il-prezz tal-biljetti ta' l-ivvjaġġar għal gruppi ta' utenti partikolari (bħat-tfal ta' l-iskola, l-istudenti, il-pensjonanti, il-persuni b'diżabilità, eċċ.), mingħajr ma ta kumpens għat-telf fid-dħul li rriżulta minn dan. |
3.2.4 |
Naturalment il-KESE ma jargumentax kontra t-tnaqqis fil-prezz tal-biljetti ta' l-ivvjaġġar għal dawn il-gruppi ta' utenti, iżda hu tal-fehma li l-ispejjeż iġġenerati minn dan it-tnaqqis m'għandhomx ikunu ta' piż għall-kumpaniji tat-trasport. |
3.2.5 |
Madankollu, l-analiżi tal-każ ta' studju pożittiv ta' Krakovja turi wkoll il-problemi li jridu jissieltu magħhom l-awtoritajiet lokali u l-operaturi tat-trasport pubbliku: spiss in-nuqqas ta' għarfien politiku (u dan sfortunatament fil-livelli ġerarkiċi kollha), il-pożizzjoni soċjali differenti tal-mezzi tat-trasport (il-karozza hija meqjusa bħala moderna mentri t-trasport pubbliku m'għadux moda, huwa mezz ta' transport għall-persuni b'riżorsi finanzjarji limitati, li ma jaffordjawx karozza), in-nuqqas ta' konsiderazzjoni tal-konsegwenzi tekniċi tat-traffiku ta' l-iżvilupp urbanistiku, in-nuqqas ta' ftehim bejn it-trasport urban u dak ta' l-inħawi ta' madwar il-bliet. |
3.2.6 |
F'xi bliet, għall-inqas, jidher li l-mentalità qiegħda tinbidel xi ftit: qiegħed jiġi investit f'mezzi tat-trasport li m'humiex ta' ħsara għall-ambjent. Il-KESE jilqa' dan it-tibdil b'sodisfazzjon. Il-Kumitat iħoss li għandu jenfasizza li, fid-dawl ta' mezzi ta' trasport pubbliku limitati u tal-konsegwenzi negattivi ħafna tat-traffiku urban, jeħtieġ li ż-żmien fejn jingħata appoġġ ugwali lill-mezzi ta' trasport kollha jintemm. Hemm bżonn li tinbidel it-tifsira tal-karozza fil-bliet, fl-ispirtu ta' l-idea antika tan-“netwerk taċ-ċittadin” ta' kważi għaxar snin ilu, u għal dan m'huwiex biss meħtieġ li t-trasport pubbliku u l-infrastruttura għas-sewqan bir-roti u għall-persuni li jimxu fit-toroq isiru aktar attraenti, iżda wkoll li jkun hemm għarfien tad-diffikultajiet li jikkonċernaw il-karozzi stess. M'hemmx biżżejjed fondi u lanqas biżżejjed spazju sabiex tiġi żviluppata l-infrastruttura għall-karozzi u għat-trasport pubbliku fl-istess ħin. |
3.2.7 |
Għalhekk, il-kwalità tad-djar, ta' l-għajxien u ta' l-ambjent fiż-żoni metropolitani tista' tittejjeb biss permezz ta' ġerarkija ċara ta' l-għanijiet u ta' prijoritizzazzjoni favur it-trasport pubbliku, is-sewqan tar-roti u l-mixi, minflok l-infrastruttura tal-karozzi. Għaldaqstant, l-interessi tat-trasport pubbliku jridu jitqiesu kemm qabel id-deċiżjoni dwar l-ippjanar ta' l-art li trid tintuża, kif ukoll qabel id-deċiżjoni dwar l-iżvilupp tat-trasport li jkun għad irid isir skond il-proċess politiku u ta' żvilupp, kif ukoll rigward l-iffinanzjar. |
3.2.8 |
Il-miżuri li awtoritajiet lokali jridu japplikaw huma tant varji, li lista sħiħa tagħhom tmur lil hinn mill-iskop ta' l-opinjoni tal-KESE. Sabiex is-servizzi tat-trasport pubbliku jkunu aktar attraenti jeħtieġ mhux biss li jkunu aħjar kemm fir-rigward tal-kwalità kif ukoll tal-kwantità iżda wkoll li jkunu ta' standard għoli fir-rigward tal-frekwenza, il-veloċità, l-indafa, is-sigurtà, l-informazzjoni, eċċ. Id-disponibilità u l-aċċessibilità (li huma partikolarment rilevanti għal persuni b'diżabilità, ommijiet bit-tfal eċċ.) jridu jiġu inkorporati fl-ippjanar bħala rekwiżit preliminari indispensabbli; b'mod partikolari jrid jiġi meqjus l-aspett ta' aċċessibilità fir-rigward ta' ħolqien ta' faċilitajiet attraenti ta' skambju bejn mezzi tat-trasport differenti, sabiex ikun assigurat, li s-servizzi offruti għall-ġarr taċ-ċittadini kollha minn post għall-ieħor ikunu koerenti. Il-prezz ta' l-ivvjaġġar għandu ukoll rwol importanti x'jaqdi fl-għażla tal-mezz tat-trasport. Informazzjoni prattika u konkreta dwar kif il-kwalità tista' titjieb għandha tkun disponibbli għall-politiċi responsabbli b'mod aktar effiċjenti milli kienet s'issa. Miżuri ulterjuri sabiex ikun hemm tibdil rilevanti fl-użu tat-trasport huma li jkun hemm inqas faċilitajiet ta' ipparkjar fiċ-ċentri, u għalhekk il-ħlas għall-użu tagħhom ikun għoli, aktar faċilitajiet ta' ipparkjar, u orħos, fit-terminus tas-sistemi tat-trasport b'rabta mal-ferroviji, ikun hemm passaġġi separati għall-karozzi tal-linja u għat-tramm u għalhekk sa ċertu punt ikun hemm anqas spazju għall-karozzi. (B'konnessjoni ma' l-iskarsezza ta' spazju għall-ipparkjar fir-rigward ta' dan il-pjan irid ikun assigurat ukoll li jkun hemm biżżejjed postijiet ta' ipparkjar speċjali għall-persuni li l-mobilità tagħhom hija limitata ħafna, li jistgħu biss jiċċaqalqu permezz ta' karozza mgħammra b'mod speċjali għalihom). Londra u Stokkolma (wara votazzjoni pubblika) bdew jimponu ħlas fuq is-sewwieqa tal-karozzi, meta dawn ikunu jridu jsuqu fil-belt u meta jużaw ċerti toroq, u f'dan ir-rigward qegħdin ikollhom suċċessi kbar. F'Madrid u fi bliet kbar Ewropej oħra bħalissa qiegħda ssir prova ta' dan. |
3.2.9 |
F'Londra per eżempju, id-dħul mill-hekk imsejħa City-Maut qiegħed jiġi investit b'mod ewlieni fis-sistema urbana tax-xarabank. Dan waħdu wassal għal titjib notevoli fit-trasport pubbliku u għal tnaqqis ċar ta' l-emissjonijiet tal-gassijiet tas-serra (madwar 10 %), tal-konsum ta' l-enerġija (20 % inqas) kif ukoll ta' l-emissjonijiet ta' l-ossidu tan-nitroġenu u tal-partiċelli (16 % inqas) (8). |
3.2.10 |
Sfortunatament, minkejja dawn l-eżempji tajbin u minkejja d-disponibilità ta' eżempji ta' l-aħjar prattika, li fost l-oħrajn ġew promossi u dokumentati fil-proġett Civitas ta' l-UE, din it- tendenza m'hijiex miexja fid-direzzjoni ta' tiġdid ġenwin tal-politika tat-trasport urban. U preċiżament fil-pajjiżi ta' l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant attwalment qegħdin jerġgħu jsiru l-iżbalji kollha, li l-konsegwenzi gravi tagħhom jistgħu jiġu osservati jum wara l-ieħor fil-bliet ta' l-Ewropa tal-Punent. |
3.2.11 |
Fil-fehma tal-KESE, il-prijorità ewlenija ta' kwalunkwe politika urbana ta' l-ippjanar u tat-traffiku, għandha tkun li ma tħallix it-traffiku jiżviluppa jew li żżommu minimu kemm jista' jkun; it-tieni prijorità għandha tkun li l-ħtieġa għaċ-ċaqliq minn post għall-ieħor tkun tista' tiġi ssodisfata possibbilment b'mezzi tat-trasport li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, jiġifieri bit-trasport pubbliku, bis-sewqan tar-roti u saħansitra bil-mixi. |
3.2.12 |
Għal dan jeħtieġ li jittieħdu diversi miżuri ta' ippjanar u organizzazzjoni flimkien ma' deċiżjonijiet adegwati dwar l-investiment. Ħafna eżempji iżolati fi bliet Ewropej juru li ppjanar tat-trasport urban sostenibbli jista' jaħdem, u li dan itejjeb il-kondizzjonijiet ta' għajxien fil-belt mingħajr ma jdgħajjef is-saħħa ekonomika. Iżda jidher ukoll li f'ħafna postijiet dawn it-tipi ta' miżuri s'issa għadhom ma ttieħdux, u dan minħabba nuqqas ta' tagħrif speċjalizzat jew prijoritajiet politiċi oħrajn. |
3.2.13 |
Il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, u partikolarment lill-Kumitat tar-Reġjuni, sabiex janalizzaw liema kienu l-fatturi ta' suċċess fil-bliet kollha li fihom l-iżvilupp fil-qasam tat-trasport urban li m'huwiex ta' ħsara għall-ambjent kien pożittiv, u biex jaraw għaliex f'ħafna bliet oħra s-sitwazzjoni qiegħda dejjem tmur għall-agħar. Il-KESE huwa żgur li m'hijiex biss kwistjoni ta' finanzi, iżda jiddependi wkoll b'mod qawwi ħafna mill-għarfien politiku u mid-deċiżjonijiet li jittieħdu dwar il-politika tat-trasport fiż-żoni urbani. Din il-ħidma hija importanti daqs il-ġbir ta' eżempji ta' suċċess u t-tixrid ta' prattika tajba. |
3.3 Il-mistoqsijiet tal-presidenza Ġermaniża
3.3.1 Il-koordinazzjoni u l-ippjanar ta' strutturi residenzjali u tat-trasport (kif jistgħu jiġu rikonċiljati l-iżvilupp taż-żoni residenzjali u n-netwerk tat-trasport pubbliku?)
3.3.1.1 |
M'hemm l-ebda dubju li fil-biċċa l-kbira tal-każijiet jeħtieġ li jkun hemm koordinazzjoni aħjar fl-ippjanar. Huwa ċar li l-istruttura taż-żoni residenzjali u dik tat-trasport jiddependu minn xulxin. Dan il-fatt ilu magħruf għal ħafna żmien. L-ippjanar ta' l-użu ta' l-art u tal- kostruzzjoni li jaqa' taħt ir-responsabilità prinċipali tal-muniċipalitajiet huwa għalhekk wieħed mill-fatturi determinanti għal-livell u t-tip ta' trasport tal-ġejjieni. Ippjanar reġjonali ikkoordinat aħjar fil-ġejjieni għandu jinkoraġġixxi żvilupp aktar intens ta' ċentri ta' abitazzjoni bl-għan li jkun ta' impediment għat-traffiku u għall-iżvilupp bla rażan ta' siti industrijali u kummerċjali fil-periferija li huma ta' piż għaċ-ċentru tal-bliet. |
3.3.1.2 |
Konnessjonijiet ta' trasport tajbin, eż. permezz ta' netwerks tat-trasport pubbliku effiċjenti –jikkontribwixxu sabiex iż-żoni residenzjali jkunu iktar attraenti. Prova faċli ta' dan huwa ċ-ċaqliq fil-prezzijiet ta' l-art. Iżda l-konnessjonijiet tajbin huma wkoll importanti sabiex jiġi evitat impatt ambjentali ġdid eċċessiv. |
3.3.1.3 |
Għall-KESE m'hemm l-ebda dubju li r-reġjuni metropolitani, u mhux biss dawn iżda ż-żoni urbani kollha, fil-ġejjieni għandhom jagħtu aktar każ ta' l-hekk imsejjaħ “żvilupp intern” milli taw s'issa, għalhekk għandhom jisfruttaw l-art fiż-żoni urbani qabel ma jiżviluppaw artijiet ġodda fiż-żoni periferiċi u fl-inħawi ta' barra l-bliet. Dan il-kunċett huwa konformi ma' l-għanijiet ta' l-UE dwar l-istrateġija għall-ħarsien ta' l-art. |
3.3.1.4 |
Ir-riġenerazzjoni ta' żoni urbani residenzjali titlob ukoll li jiġu żviluppati strutturi residenzjali densi u b'inqas traffiku, li jaqdu ħafna funzjonijiet u li jinkludu siti industrijali u kummerċjali, u li jkun hemm aċċettazzjoni u żvilupp ta' traffiku ta' vetturi b'veloċità mnaqqsa li jirrispetta l-utenti ta' mezzi tat-trasport oħra. Għandu jkun hemm ukoll moderazzjoni tat-traffiku fiż-żoni kollha, toroq li fihom il-persuni mixjin u s-sewwieqa tar-roti jkollhom prijorità fuq it-traffiku tal-vetturi, u għandhom jiġu żviluppati wkoll iż-żoni riżervati għan-nies li jimxu fit-toroq. Kwartieri urbani rivalutati kulturalment u soċjalment b'faċilitajiet għar-rikreazzjoni u għax-xiri jikkontribwixxu b'mod partikolari għal tnaqqis fit-traffiku. |
3.3.2 L-assigurazzjoni ta' trasport pubbliku lokali effiċjenti u attraenti għas-serħan taż-żoni ta' konurbazzjoni mit-trasport individwali (l-organizzazzjoni tas-suq, l-iffinanzjar, is-sodisfazzjon tal-klijenti)
3.3.2.1 |
Is-serħan taż-żoni urbani mit-trasport individwali jkun biss possibbli, jekk it-trasport pubbliku disponibbli jkun aktar effiċjenti u attraenti. Li jkun “attraenti” u “effiċjenti” jfisser, li biex is-servizz offrut ikun kwantitattiv u kwalitattiv irid ikun kemm jista' jkun faċli u komdu biex tużah. |
3.3.2.2 |
Mhux id-dmir tal-KESE li f'opinjoni bħal din jispeċifika l-miżuri kollha meħtieġa fil-qasam ta' l-organizzazzjoni tas-suq, ta' l-iffinanzjar u tas-sodisfazzjon tal-klijenti. Iżda huwa ċar li mezz ta' trasport attraenti ma jfissirx biss li jkun ta' kwalità għolja u li jkun disponibbli fi kwantità ta' servizzi, iżda wkoll li l-ħlas biex tużah ikun baxx. L-internalizzazzjoni ta' l-ispejjeż esterni fil-qasam tat-trasport, li spiss tkun reklamata politikament, bla dubju ta' xejn tgħin biex ittejjeb il-pożizzjoni kompetittiva tat-trasport pubbliku. |
3.3.2.3 |
Il-passiġġieri jerġgħu jużaw aktar it-trasport pubbliku li huwa f'kompetizzjoni ma' l-użu tal-karozza, biss jekk ikun jaqblilhom, jiġifieri, jekk is-servizz offrut ikun ta' kwalità għolja bi prezz xieraq. Dan l-għan jista' biss jintlaħaq jekk l-effiċjenza tat-trasport pubbliku tiżdied kontinwament. Jekk hawn jintlaħaq livell mill-aqwa, il-grad ta' kopertura ta' l-ispejjeż jista' jogħla. Kopertura kompleta ta' l-ispejjeż ta' l-investimenti u dawk operattivi tat-trasport pubbliku mill-ħlas ta' l-ivvjaġġar jista' madankollu ma jkollha l-ebda mira politika. F'dawn it-tipi ta' spejjeż kummerċjali unilaterali fil-fatt ma titqiesx l-internalizzazzjoni ta' l-ispejjeż esterni fil-bliet. Skond il-KESE huwa għalhekk ta' importanza kbira, li min-naħa tal-politika finalment tinħoloq ir-realtà ta' l-infiq fit-trasport, li għal din l-internalizzazzjoni ta' l-ispejjeż esterni tkun indispensabbli. L-internalizzazzjoni ta' l-ispejjeż esterni fil-qasam tat-trasport, li spiss tkun reklamata politikament, bla dubju ta' xejn tgħin biex ittejjeb il-kompetittività tat-trasport pubbliku. |
3.3.2.4 |
Id-deċiżjonijiet dwar l-infrastruttura statali jew nazzjonali (eż. awtostradi, li jintużaw għat-trasport lokali jew reġjonali f'kompetizzjoni mat-trasport pubbliku) u l-oqsfa tat-taxxa (taxxa fuq id-distanza tas-sewqan tal-karozzi, taxxa fuq il-petrol, ekotaxxa għall-iffinanzjar tat-trasport pubbliku, eċċ.) sal-politika ta' l-UE għall-ġarr tal-passiġġieri (eż. fil-kuntest tan-netwerks trans-Ewropej) huma fatturi ta' influwenza importanti għall-għażla tal-mezz tat-trasport u biex tinħoloq l-opportunità li t-trasport pubbliku jkun vijabbli finanzjarjament u orjentat lejn il-klijent u ta' kwalità għolja b'netwerks densi u servizzi iktar frekwenti. |
3.3.2.5 |
Biex jiġi assigurat trasport pubbliku effiċjenti u attraenti kif ukoll is-serħan ta' żoni ta' konurbazzjoni mit-trasport individwali motorizzat u mit-trasport tal-merkanzija fit-triq (li mhux mixtieq mis-sewwieqa tar-roti u min-nies li jimxu fit-toroq) jeħtieġ li jsir ippjanar integrat ta' trasport u ta' spazju, li jkopri l-iskopijiet u t-tipi individwali ta' trasport u jevalwahom f'interkonnessjoni taż-żoni reġjonali ma' żoni periferiċi. Skond ġerarkija ta' għanijiet miftiehma u strateġiji rilevanti derivati minnhom, diversi miżuri imbagħad iridu jinbidlu fi proċess politiku u komunikattiv. Għal dan, l-integrazzjoni ta' l-awtorità ta' l-ippjanar u ta' l-awtorità tal-finanzi hija importanti. Ir-riġenerazzjoni ta' żoni urbani residenzjali titlob ukoll li jiġu żviluppati strutturi residenzjali densi u b'inqas traffiku, li jaqdu ħafna funzjonijiet u li jinkludu siti industrijali u kummerċjali, u li jkun hemm aċċettazzjoni u żvilupp ta' traffiku ta' vetturi b'veloċità mnaqqsa li jirrispetta l-utenti ta' mezzi tat-trasport oħra. |
3.3.2.6 |
Sabiex jiġu assigurati konnessjonijiet attraenti u konvenjenti bejn in-netwerks tat-trasport urban u t-traffiku individwali — kemm fuq distanza twila kif ukoll mill-kampanja ta' madwar il-bliet — possibilitajiet ekonomiċi u konvenjenti għall-ipparkjar għandhom jiġu pprovduti fil-postijiet adegwati ta' interkambju tat-trasport fil-periferija (Park and Ride). |
3.3.2.7 |
Bħala miżura għall-prevenzjoni tat-traffiku, il-KESE qiegħed jitlob ukoll l-allinjament gradwali tat-taxxa fuq il-petrol fl-UE fuq livell għoli, sabiex tinħoloq sitwazzjoni ta' kompetizzjoni uniformi u sabiex jiġu pprovduti sorsi finanzjarji għat-trasport pubbliku. |
3.3.3 L-appoġġ għas-sewqan tar-roti u għall-mixi fit-triq
3.3.3.1 |
Meta kkalkulat skond in-numru ta' vjaġġi (mhux skond it-tul tal-vjaġġi) vjaġġ minn kull tlieta qiegħed isir minn ċiklisti jew persuni mexjin. Huwa ċar li s-sewqan tar-roti u l-mixi fit-triq għandhom tifsira kbira fil-bliet Ewropej tagħna. Min-naħa l-oħra f'aktar min-nofs it-toroq taħt il-ħames kilometri qegħdin jgħaddu l-karozzi, għalkemm fuq distanza bħal din ir-rota ta' spiss hija l-aktar mezz ta' trasport veloċi. Permezz tat-titjib ta' l-aċċessibilità tal-waqfiet tat-trasport pubbliku u tal-faċilitajiet biex jinżlu u jirkbu l-passiġġieri, it-trasport interurban jista' jkopri distanzi itwal b'mezzi ta' trasport li m'humiex ta' ħsara għall-ambjent; b'dan il-mod tista' tinbidel il-qasma modali. (Il-kwistjoni dwar kif is-sewqan tar-roti fit-toroq tagħna jista' jiġi promoss fuq livell Ewropew hija ttrattata separatament fl-opinjoni esploratorja dwar “Il-promozzjoni tat-trasport transkonfinali bir-rota”, TEN/277, R/CESE 148/2007). |
3.3.3.2 |
Bħala mezz tat-trasport pubbliku is-“Citybike” toffri l-opportunità li wieħed jivvjaġġa f'kull parti tal-belt bir-rota. Dawn is-“Citybikes” jistgħu jinkrew minn stazzjonijiet tar-roti pubbliċi fil-belt u jingħataw lura fi kwalunkwe stazzjon. Tinħtieġ biss reġistrazzjoni, eż. b'karta ta' kreditu. Il-prezz tal-kiri għandu jkun raġonevoli. |
3.3.3.3 |
Is-sewqan tar-roti u l-mixi m'humiex biss ta' ġid kbir għall-ambjent, iżda wkoll għas-saħħa. Fis-soċjetà tagħna, fejn minħabba n-nuqqas ta' ċaqliq jintefqu flejjes kbar għas-saħħa, hemm argumenti validi favur il-promozzjoni taċ-ċikliżmu u l-mixi anke min-naħa tal-politika tas-saħħa. |
3.3.3.4 |
Wieħed jista' jifhem faċilment, li għal dan irid ikun hemm infrastruttura ta' kwalità għolja. Għas-sewqan tar-roti m'humiex biss il-mogħdijiet fit-toroq tal-bliet li huma importanti, iżda wkoll faċilitajiet siguri għall-ipparkjar tar-roti u servizzi relatati oħra (eż. faċilitajiet sabiex iċ-ċiklisti jirkbu l-mezzi tat-trasport pubbliku, inkluża l-ferrovija). L-Olandiżi juma l-aqwa eżempju ta' kif għandha tiġi żviluppata l-infrastruttura tar-roti. Għalhekk, iktar milli x'jistgħu jagħmlu l-muniċipalitajiet, il-mistoqsija li għandna nistaqsu hija għaliex il-faċilitajiet li huma komparattivament bi ħlas baxx biex jagħmlu s-sewqan tar-roti u l-mixi fit-triq aktar attraenti s'issa mhux qegħdin jintużaw. |
3.3.3.5 |
Huwa fiż-żoni urbani fejn hemm l-iktar bżonn li titjieb il-kwalità ta' djar u ta' residenza u fejn id-direttivi ta' l-UE dwar il-kwalità ta' l-arja u dwar il-ħsejjes fastidjużi jmisshom li ilhom li ġew implimentati, li s-sewqan tar-roti u l-mixi fit-triq għandhom jingħataw importanza partikolari. Meta nqabblu l-qasma modali li saret f'diversi bliet u żoni ta' konurbazzjoni Ewropej, huwa ċar li hemm fatturi li jiddeterminaw l-użu frekwenti ta' dawn il-mezzi tat-trasport fil-ħajja ta' kuljum, fatturi marbutin ma' infrastruttura attraenti u miżuri ta' marketing u appoġġ: il-moderazzjoni tat-traffiku u l-ispazji bla karozzi, netwerks konċentrati, prijorità għall-persuni li jaqsmu t-triq u għad-dwal tat-traffiku, twessigħ tal-bankini, sinjali tat-toroq, faċilitajiet ta' waqfien u ta' mistrieħ, faċilitajiet u stazzjonijiet għall-ipparkjar tar-roti, kampanji pubbliċi (ġranet iddedikati għall-mixi sa l-iskola, kompetizzjonijiet għal dawk li jmorru x-xogħol bir-rota, ġranet mingħajr karozzi, faċilitajiet biex tinġarr ir-rota fil-mezzi tat-trasport pubbliku). Huwa wkoll siewi li jkun hemm aġent inkarigat mill-mogħdijiet riżervati għar-roti u għall-mixi. |
3.3.4 L-applikazzjoni ta' teknoloġija moderna ta' informazzjoni, komunikazzjoni u kontroll
3.3.4.1 |
It-telematika tat-trasport tista' tikkontribwixxi għall-għażla ta' l-użu tat-trasport pubbliku u għal użu aħjar tal-kapaċitajiet li jeżistu. Permezz ta' dan, is-sigurtà tat-trasport tiżdied u l-ħsara lill-ambjent tonqos. Dan ta' l-aħħar kif ukoll it-tibdil fl-użu tat-trasport s'issa ma ngħatawx rwol ċentrali fl-iżvilupp u l-użu tat-telematika tat-trasport. Il-KESE qiegħed jara bi tħassib li l-miljuni ta' euro li ġew allokati lir-riċerka u l-iżvilupp u l-użu tat-telematika tat-trasport ntużaw pjuttost sabiex ma jkunx hemm konġestjoni tat-traffiku tal-karozzi u għalhekk ma għenux sabiex jitnaqqas il-piż fuq l-ambjent. Barra minn hekk, il-miżuri kontra l-konġestjoni tat-traffiku ma servewx sabiex jonqos il-bini ta' toroq ġodda u l-iżvilupp tan-netwerk tat-toroq attwali. Il-bidla mit-trasport bil-karozza f'sitwazzjonijiet ta' konġestjoni għat-trasport pubbliku ma kkontribwietx għal użu ikbar tal-mezzi pubbliċi u għalhekk mill-perspettiva tat-trasport pubbliku dan kien pjuttost kontroproduttiv. |
3.3.4.2 |
Il-KESE huwa favur l-applikazzjoni prijoritarja tat-telematika tat-trasport fil-qasam tat-trasport pubbliku għall-informazzjoni estensiva tat-trasport u tal-passiġġieri. Il-KESE jara wkoll possibbiltajiet ta' applikazzjoni fil-qasam tal-ġestjoni tal-vetturi u tal-loġistika (sabiex jiġu evitati vjaġġi battala u sabiex il-vjaġġi individwali jinġabru fi vjaġġ kollettiv). Fil-kuntest ta' l-ippjanar integrat tat-trasport, iż-żieda fl-effiċjenza permezz ta' sistemi telematiċi għandha tintuża wkoll biex ikun evitat l-iżvilupp ta' infrastrutturi stabbiliti u ġodda. Kollox ma' kollox, l-applikazzjoni tat-telematika fil-qasam tat-trasport tagħmel biss sens jekk permezz tagħha ikun hemm tnaqqis tal-vjaġġi bil-karozza. |
3.3.5 Tnaqqis ta' l-impatt ambjentali urban
3.3.5.1 |
L-impatt ambjentali urban, bħal per eżempju trabijiet, ħsejjes, u l-użu ta' art, jista' jonqos permezz ta' trasport mexxej u silenzjuż u permezz tal-miżuri proposti għal prijoritizzazzjoni ċara tal-mobilità faċli tat-trasport bis-sewqan tar-roti, bil-mixi u bl-użu tat-trasport pubbliku, u l-implimentazzjoni tad-direttivi rilevanti ta' l-UE għall-ħarsien tas-saħħa u għaż-żieda ta' bliet attraenti. Il-miżuri tekniċi bħall-użu ta' filtri għan-nugrufun eċċ., tajbin kemm huma tajbin, waħedhom ma jistgħux inaqqsu l-impatt ambjentali. L-awtoritajiet lokali ser ikollhom inevitabbilment jaffaċċjaw bidliet strutturali fil-qasam tal-politika tat-trasport. |
4. Proposti tal-Kumitat
It-trasport pubbliku jista' jiżviluppa b'mod siewi biss jekk il-Kummissjoni ta' l-UE, l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali flimkien jiżviluppaw politika attiva għat-trasport pubbliku fil-kuntest ta' azzjoni konċentrata, li ġġib fid-dubju lid-dominanza tal-karozza.
Rekwiżiti fuq livell Ewropew
4.1 |
Il-Kummissjoni għandha terġa' tirregola t-tqassim tal-fondi għall-miżuri ta' l-iżvilupp reġjonali. Il-KESE jipproponi li bħalma jsir għall-fond ta' koeżjoni, parti kbira mill-investimenti pprovduti mill-ERDF għall-proġetti tat-trasport tkun immirata lejn investimenti fi proġetti pubbliċi tat-trasport fuq livell reġjonali. |
4.2 |
Sakemm il-ħlas għat-trasport individwali motorizzat ma jkunx ġej milll-ħlas għall-użu tat-toroq u minn ħlas ieħor, l-ispejjeż marbutin mal-manutenzjoni tal-linji tal-ferroviji m'humiex iġġustifikati. |
4.3 |
L-internalizzazzjoni ta' spejjeż esterni fil-qasam tat-trasport, bħal tassazzjoni ta' l-għażla tal-mezz tat-trasport (taxxa fuq l-użu tal-karozza, taxxa fuq il-petrol, ħlas għall-ipparkjar, ħlas għall-użu tat-toroq), hija miżura neċessarja biex tintemm it-tendenza 'l isfel tat-trasport pubbliku u sabiex isseħħ bidla sħiħa bl-għan li jiġu estiżi s-servizzi offruti u n-netwerking, u sabiex ikun hemm domanda u grad ta' kopertura ta' spejjeż ogħla għat-trasport pubbliku. Il-KESE esprima ruħu kemm-il darba favur l-internalizzazzjoni ta' ħlas estern u l-Kummissjoni ħabbret kemm-il darba informazzjoni dwar dan. Madankollu għadu ma sar xejn. Fost affarijiet oħrajn, il-Kummissjoni għandha tadotta pożizzjoni adegwata u tieħu azzjoni immedjata fil-Green Paper pjanata dwar it-trasport urban. |
4.4 |
Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni, sabiex bħalma sar għall-programm Marco Polo, testendi programm konkret ta' l-UE għall-ġarr tal-passiġġieri li jippromovi bidla mit-trasport individwali motorizzat għat-trasport pubbliku, li bih jistgħu wkoll jiġu ffinanzjati proġetti pilota għat-trasport pubbliku lokali u reġjonali li huwa orjentat lejn il-ġejjieni, b'mod partikolari fil-pajjiżi ta' l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant. Proġetti pilota bħal dawn, f'rotot b'potenzjal qawwi ta' passiġġieri li s'issa mhux qegħdin jintużaw, għandhom jinkludu mmodernizzar infrastrutturali (inklużi miżuri ta' żvilupp raġonevoli), immodernizzar tal-vetturi u l-introduzzjoni ta' skedi attraenti u netwerking ta' l-aqwa kwalità mal-bqija tat-trasport pubbliku lokali u reġjonali. Fil-bliet ukoll inizjattivi pilota bħal dawn għandhom jingħataw appoġġ. |
4.5 |
Huwa xieraq ukoll li jiġi mfassal programm konkret ta' l-UE dwar il-mobilità u l-iżvilupp urban/l-ippjanar reġjonali. Hawn jistgħu jiġu promossi proġetti pilota li ma jwasslux għal żvilupp bla rażan u bla skop, iżda jippromovu ż-żoni residenzjali stabbiliti u l-organizzazzjoni strutturali tagħhom u jiddefinixxu ċ-ċentri residenzjali sabiex dawn ikunu jistgħu jiġu konnessi permezz ta' trasport lokali bil-ferrovija u servizzi tat-trasport pubbliku attraenti. |
4.6 |
Barra minn dan, għat-titjib tal-bażi tad-data għall-istatistika, il-KESE jirrakkomanda r-rapportar għall-parametri magħżulin tat-trasport pubbliku fil-pajjiżi individwali u t-tixrid sistematiku ta' eżempji ta' l-aħjar prattika fit-trasport pubbliku. Bażi tajba għal dan, b'inizjattiva tal-Kummissjoni, joffruha s-servizzi ta' informazzjoni Ewropej għat-trasport lokali u l-portal ta' l-Internet Ewropew tiegħu Eltis (www.eltis.org). Il-każijiet ta' studju għall-miżuri individwali mwettqa hemmhekk għandhom jiġu kompletati b'mod sistematiku, fuq kollox fir-rigward ta' eżempji mill-Istati Membri ġodda u mill-pajjiżi kandidati. |
4.7 |
Il-Kummissjoni ta' UE u l-Kunsill għandhom iqisu li jobbligaw lill-awtoritajiet lokali, sabiex iwettqu pjanijiet tat-traffiku urban sostenibbli bl-għan impenjattiv li l-bliet jaqilbu għal mezzi tat-trasport li m'humiex ta' ħsara għall-ambjent (it-trasport pubbliku, is-sewqan tar-roti u l-mixi fit-triq). Il-miżuri f'dan il-qasam għandhom għall-inqas jissodisfaw il-ħtiġijiet minimi Ewropej, li għad iridu jiġu stabbiliti. Jekk il-muniċipalitajiet ma jwettqux pjanijiet ta' din ix-xorta, dawn għandhom jiġu esklużi mill-appoġġ finanzjarju tal-fondi Komunitarji. |
Rekwiżiti għall-Istati Membri
4.8 |
Il-KESE jitlob lill-Istati Membri ġodda sabiex ikunu konxji mir-responsabilità tagħhom għat-trasport lokali bil-ferrovija u għat-trasport pubbliku u biex jappoġġjaw it-trasport pubbliku, per eżempju permezz tal-liġi dwar l-iffinanzjar tat-trasport muniċipali. Dawn ma jistgħux iħallu l-muniċipalitajiet neqsin mill-fondi u mingħajr appoġġ fil-qasam ta' l-organizzazzjoni. |
4.9 |
L-operaturi m'għandhomx iġorru l-piż finanzjarju li jirriżulta minn deċiżjonijiet soċjo-politiċi, huma kemm huma raġonevoli dawn id-deċiżjonijiet (eż. biljetti mraħħsa għall-gruppi tal-popolazzjoni li jinsabu f'qagħda soċjali żvantaġġata). Il-KESE iqis li tali attitudni tal-gvernijiet lejn it-trasport pubbliku tkun irresponsabbli. |
4.10 |
L-Istati Membri għandhom jagħrfu l-obbligu li jagħtu appoġġ finanzjarju għall-benefiċċji soċjali li huma jitolbu mill-kumpaniji tat-trasport (eż. biljetti mraħħsa għat-tfal ta' l-iskola, il- pensjonanti, il-persuni b'diżabilità, eċċ.). |
4.11 |
L-Istati Membri għandhom jinsistu dwar l-internalizzazzjoni ta' l-ispejjeż esterni tat-trasport individwali motorizzat, sabiex mill-fondi li jdaħħlu jiżviluppaw b'mod estensiv is-servizzi tat-trasport pubbliku u jippromovu l-bdil fl-użu tal-mezzi tat-trasport. |
4.12 |
Jekk hemm bżonn, l-Istati Membri flimkien mal-Kummissjoni Ewropea għandhom jipprovaw ikabbru l-għarfien ta' eżempji ta' l-aħjar prattika bl-aktar mod estensiv sabiex ikun hemm żvilupp pożittiv tat-trasport pubbliku. Huwa minnu li hemm nuqqas ta' fondi għat-trasport pubbliku, iżda jeżistu wkoll problemi oħra: mingħajr għarfien, ideat u benchmarking, anke ammont kbir ta' fondi ma jwassal għal imkien. |
Rekwiżiti għall-muniċipalitajiet
4.13 |
Biex jiġi assigurat trasport pubbliku effiċjenti u attraenti u biex jintlaħaq is-serħan ta' żoni ta' konurbazzjoni mit-trasport individwali motorizzat u mit-trasport tal-merkanzija jeħtieġ li jsir ippjanar integrat tat-trasport u ta' l-ispazju, li min-naħa jkollu l-għan li jiġi evitat it-traffiku u min-naħa l-oħra jkun orjentat lejn mezzi tat-trasport xierqa għal ambjent sostenibbli. Għal dan il-għan, għandhom jiġu reġistrati d-diversi tipi ta' trasport u l-użu tagħhom u għandha ssir evalwazzjoni fil-kuntest ta' kooperazzjoni reġjonali maż-żoni periferiċi. |
4.14 |
Ladarba l-ġerarkija ta' l-għanijiet u l-istrateġiji rilevanti jkunu ġew stabbiliti, tkun tista' tiġi implimentata firxa wiesgħa ta' miżuri fil-kuntest ta' proċess politiku u komunikattiv fuq livell lokali. |
4.15 |
L-awtoritajiet lokali għandhom ifasslu miri ċari sabiex jiddefinixxu kif u b'kemm iridu jgħollu l-persentaġġ tat-trasport pubbliku u tas-sewqan tar-roti u l-mixi fit-triq u għalhekk b'kemm iridu jnaqqsu l-persentaġġ assolut ta' trasport individwali motorizzat. Għalhekk, huwa importanti li jiġu involuti l-awtoritajiet finanzjarji u ta' l-ippjanar. |
4.16. |
Ippjanar prospettiv għat-trasport pubbliku bħala parti mis-servizzi lokali ta' interess ekonomiku ġenerali irid ukoll jikkunsidra politika ta' ksib ta' l-art għal per eżempju rotot u stazzjonijiet tat-trasport pubbliku. |
4.17. |
Il-parteċipazzjoni taċ-ċittadin kif ukoll ta' l-assoċjazzjonijiet ta' l-utenti fil-proċessi ta' ippjanar hija ta' importanza kbira għas-suċċess tas-sistemi tat-trasport pubbliku. Għalhekk il-KESE jirrakkomanda lill-awtoritajiet lokali sabiex ikun hemm parteċipazzjoni estensiva miċ-ċittadini fl-iżvilupp tas-sistemi tat-trasport pubbliku lokali tagħhom. |
Brussel, il-25 ta' April 2007
Il-President
tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Dimitris DIMITRIADIS
(1) “L-iżvilupp tan-netwerk taċ-ċittadin — għaliex trasport pubbliku lokali u reġjonali attraenti huwa importanti u b'liema mod il-Kummissjoni Ewropea tikkontribwixxi għall-ħolqien ta' dan” — COM(1998) 431, finali, 10/7/1998.
(2) DĠ TEN Roadmap 2006/TREN/029.
(3) Ara UITP, “Ir-rwol tat-trasport pubbliku fit-tnaqqis ta' l-emissjonijiet tal-gassijiet tas-serra u t-titjib fl-effiċjenza ta' l-enerġija”, Marzu 2006.
(4) COM(1998) 431, 10/7/1998.
(5) Fost l-oħrajn b'referenza għall-importanza ta' l-industrija tal-karozzi għall-ekonomija sħiħa.
(6) Ara wkoll COM(1998) 431, finali.
(7) Għall-implimentazzjoni tal-miżuri fi Krakovja ngħatat għajnuna mill-Kummissjoni Ewropea permezz tal-programm Caravelle fil-kuntest ta' l-inizjattiva Civitas.
(8) S. UITP (FN2).