This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52009AE0624
Opinion of the European Economic and Social Committee on the Proposal for a Decision of the European Parliament and of the Council establishing an audiovisual cooperation programme with professionals from third countries MEDIA Mundus
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi programm ta’ kooperazzjoni fil-qasam awdjoviżiv ma’ nies professjonisti minn pajjiżi terzi msejjaħ MEDIA Mundus
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi programm ta’ kooperazzjoni fil-qasam awdjoviżiv ma’ nies professjonisti minn pajjiżi terzi msejjaħ MEDIA Mundus
ĠU C 228, 22.9.2009, p. 100–102
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
22.9.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 228/100 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi programm ta’ kooperazzjoni fil-qasam awdjoviżiv ma’ nies professjonisti minn pajjiżi terzi msejjaħ “MEDIA Mundus”
COM(2008) 892 finali – 2008/0258 (COD)
2009/C 228/19
Nhar it-2 ta’ Frar 2009, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ddeċieda, b’konformità mal-Artikoli 150(4) u 157(4) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
“il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi programm ta’ kooperazzjoni fil-qasam awdjoviżiv ma’ nies professjonisti minn pajjiżi terzi msejjaħ ‘MEDIA Mundus’”
Nhar l-24 ta’ Frar 2009, il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastrutturi u s-Soċjetà tal-Informazzjoni sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.
Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-452 sessjoni plenarja tiegħu tal-24 u l-25 ta’ Marzu 2009 (seduta tal-25 ta’ Marzu 2009) li jaħtar lis-Sur HERNÁNDEZ BATALLER bħala rapporteur ġenerali, u adotta din l-opinjoni b’79 vot favur, 5 voti kontra u 3 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet
1.1 Il-KESE jappoġġja l-proposta għal Deċiżjoni u jaqbel li hemm bżonn li jinxterdu l-valuri u l-prinċipji tas-soċjetà demokratika u tal-Istat tad-Dritt, billi l-Unjoni Ewropea nbniet fuq il-prinċipji tal-libertà, id-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali.
1.2 Il-KESE jqis li huwa adegwat u pertinenti li, għall-applikazzjoni tal-programm, il-Kummissjoni tiġi inkarigata tiddefinixxi l-orjentazzjonijiet ġenerali ta’ applikazzjoni u l-kriterji ta’ għażla, billi dawn huma elementi li ma jimmodifikawx l-elementi essenzjali tal-proposta għal Deċiżjoni, dejjem sakemm isibu posthom fil-qafas tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.
1.3 Il-Kumitat japprova l-objettivi ġenerali tal-programm (kompetittività tal-industrija awdjoviżiva Ewropea, il-possibbiltajiet ta’ għażla tal-konsumaturi u d-diversità kulturali), iżda jemmen li għandhom jiġu spjegati aħjar l-għanijiet tal-objettivi speċifiċi tal-programm li huma ġenerali wisq, b’enfasi fuq l-aspetti transkonfinali u transnazzjonali.
1.3.1 Għandu jingħata appoġġ speċjali lill-inklużjoni tat-teknoloġiji l-ġodda fil-produzzjoni, id-distribuzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tax-xogħlijiet awdjoviżivi fid-diversi applikazzjonijiet diġitali tagħhom, kif ukoll liċ-ċirkulazzjoni ta’ xogħlijiet awdjoviżivi (inklużi pjattaformi ġodda bħall-video-on-demand u t-televiżjoni bl-IP).
1.4 Il-qafas finanzjarju propost, ta’ EUR 15-il miljun, huwa ferm insuffiċjenti biex jintlaħqu l-objettivi ġenerali ambizzjużi tal-programm, u għalhekk għandu jiżdied b’mod sustanzjali sabiex jappoġġja aħjar lill-industrija awdjoviżiva Ewropea, mingħajr ħsara għall-applikazzjoni stretta tad-dixxiplina baġitarja u għall-prinċipji tal-ġestjoni finanzjarja tajba.
1.5 Il-Kummissjoni, b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, għandha tiżgura li l-implimentazzjoni tal-programm tkun koerenti u tikkumplementa politiki, programmi u azzjonijiet Komunitarji rilevanti oħra.
2. Sfond
2.1 |
Fid-9 ta’ Jannar il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament u tal-Kunsill li tistabbilixxi programm ta’ kooperazzjoni fil-qasam awdjoviżiv ma’ professjonisti minn pajjiżi terzi msejjaħ MEDIA Mundus. |
2.2 |
Din il-proposta tikkunsidra r-rwol fundamentali li jaqdi s-settur awdjoviżiv Ewropew fit-twettiq tal-objettivi tal-Aġenda ta’ Liżbona u fl-inizjattiva i2010 ta’ din l-Aġenda. Issemmi wkoll il-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-ħarsien u l-promozzjoni tad-diversità tal-espressjonijiet kulturali, irratifikata mill-Komunità Ewropea u 13-il Stat Membru fit-18 ta’ Diċembru 2006. ta’ min jinnota li din l-industrija timpjega mill-inqas 5.8 miljun persuna, jiġifieri 3.1 % tal-popolazzjoni totali tal-UE-25. |
2.3 |
Id-dokument jindirizza n-nuqqasijiet strutturali li għadhom qed jaffettwaw iċ-ċirkolazzjoni tax-xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej fis-swieq ta’ pajjiżi terzi, minkejja l-isforzi li saru favur it-tisħiħ ta’ din l-industrija (l-iżvilupp teknoloġiku, iż-żieda fin-numru ta’ atturi u pjattaformi ġodda, l-ispinta li ngħatat lill-produzzjoni mil-lat tal-kontenut). |
2.4 |
L-għan tal-programm MEDIA Mundus huwa li jikkomplementa l-azzjonijiet imwettqa fil-qafas ta’ inizjattivi oħra li jiffokaw iktar fuq il-kooperazjoni fi ħdan l-UE stess (Media 2007, Euromed Audiovisual II, Programm UE-AKP) u l-limiti tal-fondi internazzjonali eżistenti għaċ-ċinematografija. |
3. Il-Proposta għal Deċiżjoni
3.1 Il-karatteristiċi ewlenin tal-proposta għal Deċiżjoni li tistabbilixxi programm ta’ kooperazzjoni fil-qasam awdjoviżiv ma’ professjonisti minn pajjiżi terzi msejjaħ “MEDIA Mundus” huma dawn li ġejjin:
3.1.1 |
Huwa programm għall-finanzjament ta’ proġetti ta’ kooperazzjoni internazzjonali ma’ pajjiżi terzi għall-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2011 u l-31 ta’ Diċembru 2013. Il-baġit previst għall-implimentazzjoni tal-programm tul dan il-perijodu huwa ta’ EUR 15-il miljun. |
3.1.2 |
L-objettivi ewlenin tal-programm huma l-promozzjoni tal-ħolqien ta’ netwerks fil-livell internazzjonali, bil-għan li jissaħħaħ ir-rwol tal-Ewropa mill-perspettiva industrijali, kulturali u politika fil-qasam awdjoviżiv, it-titjib tal-kompetittività u taċ-ċirkolazzjoni u l-wiri tax-xogħlijiet awdjoviżivi. |
3.1.3 |
Kull proġett għandu jkollu mill-inqas 3 imsieħba u jkun ikkoordinat minn professjonist Ewropew li jkun responsabbli għall-preżentazzjoni tal-proposta, il-ġestjoni tal-proġett u l-amministrazzjoni u l-implimentazzjoni tal-fondi. |
3.1.4 |
Aspett importanti tal-programm jirreferi għat-taħriġ kontinwu u l-kwalifiki tal-professjonisti Ewropej u dawk mill-pajjiżi involuti l-oħra, b’attenzjoni speċjali għall-produzzjoni, id-distribuzzjoni, il-wiri, it-tqassim, il-kummerċjalizzazzjoni u l-arkivjar tax-xogħlijiet awdjoviżivi, kif ukoll għall-oqsma legali u s-sistemi finanzjarji. |
3.1.5 |
Bl-istess mod, il-programm għandu l-għan li jiżviluppa azzjonijiet u inizjattivi mmirati lejn il-promozzjoni tal-għarfien awdjoviżiv tal-pubbliku, b’mod speċjali taż-żgħażagħ, b’enfasi speċjali fuq iż-żieda fid-domanda pubblika għal kontenut awdjoviżiv kulturalment divers. |
3.1.6 |
Wieħed mill-aspetti l-iktar sinifikanti tal-programm, mill-perspettiva taċ-ċirkolazzjoni tax-xogħlijiet, huwa l-promozzjoni kemm tal-programmazzjoni u l-wiri ta’ xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej f’pajjiżi terzi kif ukoll ta’ xogħlijiet minn dawn il-pajjiżi fl-Istati Membri. Dan jinkludi l-konklużjoni ta’ ftehimiet ma’ operaturi taċ-ċinema li għandhom swali fl-UE u fil-pajjiżi terzi, li jħeġġuhom itejbu l-kundizzjonijiet ta’ programmazzjoni u wiri mill-perspettiva tal-għadd ta’ projezzjonijiet, iżda wkoll mil-lat tat-tul u tal-viżibbiltà tagħhom. |
3.1.7 |
Huwa wkoll ippjanat appoġġ għal sħubiji bejn ix-xandara (jew pjattaformi ta’ “video-on-demand” jew VOD) u d-detenturi tad-drittijiet, bil-għan li jinħolqu katalogi ta’ xogħlijiet li jkunu jistgħu jinxterdu permezz tal-pjattaformi tal-VOD. |
3.1.8 |
Waħda mill-miżuri ta’ appoġġ tal-programm hija dik għad-dubbing u s-sottotitoli għad-distribuzzjoni u x-xandir tax-xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej u minn pajjiżi terzi, bil-mezzi disponibbli kollha, għall-benefiċċju tal-produtturi, id-distributuri u x-xandara. |
3.2 Fi kwalunkwe każ, il-finanzjament allokat mill-programm ma jistax jaqbeż il-50 % tal-ispejjeż finali tal-proġett iffinanzjat ħlief f’każijiet eċċezzjonali speċifiċi fejn din iċ-ċifra tista’ tiżdied sa 80 %.
3.2.1 Il-kofinanzjament jista’ jiġi pprovdut, għal kollox jew parzjalment, u mhux bil-flus kontanti, sakemm il-valur tal-kontribut ma jaqbiżx l-ispejjeż realment mġarrba u sakemm ikun iġġustifikat kif jixraq. Dan jinkludi l-bini li jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-programm għat-taħriġ u l-promozzjoni.
3.2.2 Il-Kummissjoni għandha tippreżenta Komunikazzjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-kontinwazzjoni tal-programm mhux iktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2012 u rapport ta’ evalwazzjoni ex post qabel il-31 ta’ Diċembru 2015.
3.2.3 Id-Deċiżjoni ssemmi espliċitament id-diversi politiki orizzontali tal-Komunità Ewropea li ser jissaħħu permezz tal-programm MEDIA Mundus:
— |
id-dibattitu u l-informazzjoni dwar l-UE bħala żona ta’ paċi, prosperità u sikurezza; |
— |
il-promozzjoni tal-libertà ta’ espressjoni bħala prinċipju fundamentali; |
— |
il-promozzjoni tat-tqajjim ta’ kuxjenza fir-rigward tal-importanza tad-diversità kulturali u l-multikulturaliżmu fid-dinja; |
— |
it-titjib tal-bażi tal-għarfien dwar l-ekonomija Ewropea u t-tisħiħ tal-kompetittività tal-UE fid-dinja; |
— |
l-appoġġ għall-ġlieda kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni għal raġunijiet ta’ sess, oriġini razzjali jew etnika, reliġjon jew twemmin, diżabilità, età u orjentazzjoni sesswali. |
Brussell, il-25 ta’ Marzu 2009.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI