This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52008IP0424
Alignment of legal acts to the new Comitology Decision European Parliament resolution of 23 September 2008 with recommendations to the Commission on the alignment of legal acts to the new Comitology Decision (2008/2096(INI))#ANNEX TO THE RESOLUTION: DETAILED RECOMMENDATIONS ON THE CONTENT OF THE PROPOSAL REQUESTED
Allinjament ta' atti legali mad-Deċiżjoni l-ġdida dwar il-Komitoloġija Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 23 ta' Settembru 2008 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-allinjament ta' atti legali mad-Deċiżjoni l-ġdida dwar il-Komitoloġija (2008/2096(INI))
ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI: RAKKOMANDAZZJONIJIET DETTALJATI DWAR IL-KONTENUT TAL-PROPOSTA MITLUBA
Allinjament ta' atti legali mad-Deċiżjoni l-ġdida dwar il-Komitoloġija Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 23 ta' Settembru 2008 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-allinjament ta' atti legali mad-Deċiżjoni l-ġdida dwar il-Komitoloġija (2008/2096(INI))
ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI: RAKKOMANDAZZJONIJIET DETTALJATI DWAR IL-KONTENUT TAL-PROPOSTA MITLUBA
ĠU C 8E, 14.1.2010, p. 22–25
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
14.1.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CE 8/22 |
It-Tlieta, 23 ta' Settembru 2008
Allinjament ta' atti legali mad-Deċiżjoni l-ġdida dwar il-Komitoloġija
P6_TA(2008)0424
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Settembru 2008 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-allinjament ta' atti legali mad-Deċiżjoni l-ġdida dwar il-Komitoloġija ((2008/2096(INI))
2010/C 8 E/05
Il-Parlament Ewropew,
wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (1), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/512/KE (2) (minn issa 'l quddiem imsejħa t-tnejn bħala d-Deċiżjoni dwar il-Komitoloġija'),
wara li kkunsidra l-Istqarrija tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta' Lulju 2006 li temenda d-Deċiżjoni 1999/468/KE li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (2006/512/KE) (3),
wara li kkunsidra l-Ftehima bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni dwar il-proċeduri għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni, kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (4),
wara li kkunsidra l-Artikolu 192, it-tieni subparagrafu, u l-Artikolu 202 tat-Trattat KE,
wara li kkunsidra l-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tiegħu tat-8 ta' Mejju 2008 dwar il-konklużjoni ta' ftehima interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni dwar il-proċeduri għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni, kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (5),
wara li kkunsidra l-Artikoli 39 u 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A6-0345/2008),
A. |
billi qed ikun hemm dejjem iżjed bżonn, għall-kwalità tal-leġiżlazzjoni, li jiġu ddelegati lill-Kummissjoni l-iżvilupp tal-aspetti mhux essenzjali u aktar tekniċi tal-leġiżlazzjoni u anke l-aġġustament immedjat tagħha biex jitqiesu l-progress teknoloġiku u l-bidla ekonomika; billi delegazzjoni ta' setgħat ta' dan it-tip trid tkun iffaċilitata billi lill-leġiżlatur jingħatawlu l-mezzi istituzzjonali biex jiskrutina l-eżerċitar ta' setgħat ta' dan it-tip, |
B. |
billi s'issa l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellu l-ebda għażla ħlief li juża l-Artikolu 202 tat-Trattat KE sabiex iwettaq delegazzjoni ta' dan it-tip; billi r-rikors li sar għal dik id-dispożizzjoni ma kienx sodisfaċenti għax tirreferi għas-setgħat ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni u għall-proċeduri ta' skrutinju li għalihom huma suġġetti setgħat ta' dan it-tip, peress li dawn il-proċeduri ġew deċiżi mill-Kunsill permezz ta' votazzjoni b'unanimità wara sempliċi konsultazzjoni tal-Parlament; billi dawn il-proċeduri ta' skrutinju huma essenzjalment ibbażati fuq l-azzjoni ta' kumitati magħmula minn uffiċjali tal-gvernijiet tal-Istati Membri, u l-Parlament Ewropew kien eskluż mill-proċeduri kollha bħal dawn sakemm ġiet adottata d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Ġunju 1999, kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE, |
C. |
billi l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni dwar il-Komitoloġija jintroduċi miżuri fejn strument legali bażiku adottat permezz ta' kodeċiżjoni jipprevedi miżuri b'qasam ta' applikazzjoni ġenerali mfasslin biex jiġu emendati l-elementi ta' dak l-istrument li ma jkunux essenzjali, inter alia, billi jitħassru wħud minn dawk l-elementi jew billi l-istrument jiġi ssupplimentat b'elementi ġodda li ma jkunux essenzjali; billi hija r-responsabilità tal-leġiżlatur tal-Unjoni biex jiddefinixxi, għal kull każ individwali, l-elementi essenzjali ta' kull att leġiżlattiv li jistgħu jiġu emendati biss permezz ta' proċedura leġiżlattiva, |
D. |
billi, permezz tad-Deċiżjoni dwar il-Komitoloġija, il-miżuri magħrufa bħala “kważi leġiżlattivi” saru suġġetti għal proċedura regolatorja bi skrutinju skond liema l-Parlament Ewropew hu kompletament assoċjat mal-kontroll ta' miżuri ta' dan it-tip u jista' jopponi l-abbozzi ta' miżuri proposti mill-Kummissjoni li jmorru lil hinn mis-setgħat ta' implimentazzjoni previsti fl-istrument bażiku jew abbozz li ma jkunx kumpatibbli mal-għan jew mal-kontenut tal-istrument bażiku jew ma jirrispettax il-prinċipji ta' sussidjarjetà jew ta' proporzjonalità, |
E. |
billi l-proċedura l-ġdida tiggarantixxi kontroll demokratiku ta' miżuri ta' implimentazzjoni meta jkunu kważi leġiżlattivi fin-natura tagħhom peress li tqiegħed liż-żewġ koleġiżlaturi, il-Parlament u l-Kunsill, f'livell ugwali, u b'hekk iġġib fi tmiemu wieħed mill-aktar aspetti serji tad-defisit demokratiku fl-Unjoni; billi d-Deċiżjoni dwar il-Komitoloġija tippermetti li l-aspetti l-aktar tekniċi tal-leġiżlazzjoni u l-aġġustament tagħha jiġu ddelegati lill-Kummissjoni, biex b'hekk jiġi żgurat li l-leġiżlatur jikkonċentra fuq l-aspetti essenzjali u fuq it-titjib tal-kwalità tal-liġi Komunitarja, |
F. |
billi l-proċedura regolatorja bi skrutinju l-ġdida mhijiex fakultattiva imma obbligatorja meta l-miżuri ta' implimentazzjoni jkollhom il-karatteristiċi speċifikati fl-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni dwar il-Komitoloġija, |
G. |
billi l-allinjament attwali tal-acquis mad-Deċiżjoni dwar il-Komitoloġija għadu mhux lest peress li għad hemm strumenti legali li jipprevedu miżuri ta' implimentazzjoni li għalihom għandha tiġi applikata l-proċedura regolatorja bi skrutinju l-ġdida, |
H. |
billi, apparti l-miżuri ta' implimentazzjoni li s'issa kienu suġġetti għall-proċedura regolatorja, anke wħud mill-miżuri suġġetti għall-proċeduri ta' mmaniġġjar jew konsultazzjoni jistgħu jaqgħu fil-qasam ta' applikazzjoni tar-rekwiżiti tal-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni dwar il-Komitoloġija, |
I. |
billi t-Trattat ta' Liżbona jintroduċi ġerarkija ta' normi u joħloq “l-att iddelegat”, jiġifieri meta “att leġiżlattiv … jiddelega lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti mhux leġiżlattivi ta' applikazzjoni ġenerali sabiex jissumplimentaw jew jemendaw ċerti elementi mhux essenzjali tal-att leġiżlattiv”; billi t-Trattat ta' Liżbona jittratta wkoll l-atti ta' implimentazzjoni b'mod ġdid u jaħseb b'mod partikulari għall-kodeċiżjoni bejn il-Parlament u l-Kunsill bħala l-proċedura għall-adozzjoni tar-regolament li se jistipula l-mekkaniżmi għall-kontroll mill-Istati Membri fuq l-atti ta' implimentazzjoni, |
J. |
billi l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tat-Trattat ta' Liżbona se teħtieġ proċess intens u kumpless ta' negozjar interistituzzjonali, u billi l-proċess ta' allinjament attwali għandu għalhekk jitlesta malajr kemm jista' jkun u fi kwalunkwe każ qabel ma jidħol fis-seħħ it-Trattat ta' Liżbona, |
K. |
billi, fil-każ li t-Trattat ta' Liżbona jidħol fis-seħħ, se jkun hemm bżonn li jinbeda allinjament ġdid — aktar kumpless — tal-acquis għal mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar id-delegazzjoni ta' leġiżlazzjoni; billi, għalkemm id-definizzjoni ta' “att iddelegat” fit-Trattat ta' Liżbona hija simili għall-kunċett ta' miżura “kważi leġiżlattiva” fid-Deċiżjoni reċenti dwar il-Komitoloġija, iż-żewġ kunċetti mhumiex l-istess u s-sistemi proċedurali stipulati f'dawk iż-żewġ strumenti huma kompletament differenti; konsegwentement, l-eżerċizzju ta' allinjament attwali ma jistax jitqies li jikkostitwixxi preċedent preċiż għall-ġejjieni, |
L. |
billi, għall-istess raġuni, ir-riżultati tal-allinjament attwalment għaddej f'dak li għandu x'jaqsam ma' kull istrument legali individwali ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala preċedent għall-ġejjieni, |
M. |
billi jidher utli li l-istituzzjonijiet jaqblu bejniethom dwar test standard għall-atti ddelegati li regolarment ikun inkluż fl-abbozz ta' att leġiżlattiv mill-Kummissjoni, għalkemm il-leġiżlaturi jibqgħu liberi li jemendawh; billi hemm bżonn li l-pass li jmiss ikun l-adozzjoni f'kodeċiżjoni tar-regolament li jistipula l-mekkaniżmi għall-kontroll mill-Istati Membri tal-atti ta' implimentazzjoni bi qbil mal-Artikolu 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, |
1. |
Jitlob lill-Kummissjoni biex, fuq il-bażi tal-Artikoli xierqa tat-Trattat KE, tippreżenta lill-Parlament proposti leġiżlattivi biex jitlesta l-allinjament ta' komitoloġija; jitlob li dawn il-proposti jitfasslu fid-dawl tad-diskussjonijiet interistituzzjonali u li jiġu ttrattati b'mod partikulari, l-atti leġiżlattivi elenkati fl-Anness li ġej; |
2. |
Jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq il-proposti leġiżlattivi korrispondenti sabiex l-atti legali li fadal isiru konformi mad-Deċiżjoni dwar il-Komitoloġija, b'mod partikulari dawk elenkati fl-Anness li ġej; |
3. |
Jitlob lill-Kummissjoni, f'każ li l-proċeduri attwali ta' allinjament ma jitlestewx qabel ma jidħol fis-seħħ it-Trattat ta' Liżbona, biex tressaq il-proposti leġiżlattivi relevanti li huma meħtieġa biex ikunu adattati dawk l-atti legali li għadhom ma ġewx allinjati f'dak iż-żmien mas-sistema l-ġdida stipulata fl-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; |
4. |
Jitlob lill-Kummissjoni biex, f'kull każ, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Liżbona, tippreżenta l-proposti leġiżlattivi meħtieġa biex l-acquis communautaire kollu jiġi allinjat ma' dik is-sistema l-ġdida; |
5. |
Jitlob lill-Kummissjoni biex, kemm jista' jkun malajr, tippreżenta l-abbozz ta' proposta leġiżlattiva għar-regolament li jistabbilixxi minn qabel ir-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-mekkaniżmu għal kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċitar tas-setgħat ta' implimentazzjoni mill-Kummissjoni, skond l-Artikolu 291(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; |
6. |
Jitlob li jingħataw aktar riżorsi fil-Parlament Ewropew għall-proċeduri kollha ta' komitoloġija, u mhux biss waqt il-perjodu tranżizzjonali attwali imma wkoll waqt il-preparazzjoni għall-każ li t-Trattat ta' Liżbona jidħol fis-seħħ, sabiex ikun żgurat li kull proċedura ta' komitoloġija bejn it-tliet istituzzjonijiet taħdem b'mod sodisfaċenti; |
7. |
Jikkonferma li r-rakkomandazzjonijiet jirrispettaw il-prinċipju ta' sussidjarjetà u d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini; |
8. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u l-lista li takkumpanjaha lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri. |
(1) ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.
(2) ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11.
(3) ĠU C 255, 21.10.2006, p. 1.
(4) ĠU C 143, 10.6.2008, p. 1.
(5) Testi Adottati, P6_TA(2008)0189.
It-Tlieta, 23 ta' Settembru 2008
ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI:
RAKKOMANDAZZJONIJIET DETTALJATI DWAR IL-KONTENUT TAL-PROPOSTA MITLUBA
Il-Parlament jitlob lill-Kummissjoni biex tippreżenta l-proposti leġiżlattivi korrispondenti biex l-atti legali li fadal jiġu allinjati mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/EC, anke b'mod partikulari:
— |
Id-Direttiva 2000/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' April 2000 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 64/432/KEE dwar il-problemi ta' saħħa li jaffettwaw kummerċ intra-Komunitarju f'annimali bovini u majjali (1); |
— |
Id-Direttiva 2000/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2000 dwar l-azzjoni li għandha tittieħed kontra l-emissjonijiet ta' inkwinanti ta' gass u partikolati minn magni għat-tmexxija ta' tratturi għall-agrikoltura jew għall-forestrija u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 74/150/KEE (2); |
— |
Ir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Lulju 2000 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-fart u dwar it-tikkettjar tal-laħam taċ-ċanga u tal-prodotti tal-laħam taċ-ċanga u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 820/97 (3); |
— |
Id-Direttiva 2001/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2001 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/23/KEE li tirrigwarda t-tyres ta' vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom kif ukoll għat-twaħħil tagħhom (4); |
— |
Id-Direttiva 2001/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 Lulju 2001 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 95/53/KE li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-ispezzjonijiet uffiċjali fl-oqsma tan-nutrizzjoni tal-annimali u d-Direttivi 70/524/KEE, 96/25/KE u 1999/29/KE dwar in-nutrizzjoni tal-annimali (5); |
— |
Id-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar qafas regolatorju għall-politika dwar l-ispettru tar-radju fil-Komunità Ewropea (Deċiżjoni dwar l-Ispettri tar-Radju) (6); |
— |
Id-Direttiva 2002/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2002 li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 90/425/KEE u 92/118/KEE rigward ħtiġiet ta' saħħa għal prodotti sekondarji ġejjin mill-annimali (7); |
— |
Id-Direttiva 2004/3/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Frar 2004 li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 70/156/KEE u 80/1268/KEE dwar il-kejl tal-emissjonijiet ta' diossidu tal-karbonju u konsum ta' karburanti minn vetturi N1 (8); |
— |
Id-Direttiva 2004/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 li tirrevoka ċerti direttivi rigward iġene tal-ikel u kondizzjonijiet ta' saħħa għall-produzzjoni u sabiex ikunu mqiegħda fis-suq ċerti prodotti li joriġinaw mill-annimali intżi li għall-konsum mill-bniedem u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE u 92/118/KEE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 95/408/KE (9); |
— |
Id-Direttiva 2005/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2005 li temenda d-Direttiva 1999/32/KE dwar il-kontenut ta' kubrit f'karburanti għal użu marittimu (10); |
— |
Id-Direttiva 2005/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2005 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur fir-rigward tal-possibbiltajiet tal-użu mill-ġdid, tar-riċiklaġġ u tal-irkupru tagħhom, u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE (11); |
— |
Id-Direttiva 2006/40/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2006 dwar emissjonijiet minn sistemi ta' kondizzjonament tal-arja f'vetturi bil-mutur li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE (12); |
— |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta' Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 (13); |
— |
Ir-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp (14). |
(1) ĠU L 105, 3.5.2000, p. 34.
(2) ĠU L 173, 12.7.2000, p. 1.
(3) ĠU L 204, 11.8.2000, p. 1.
(4) ĠU L 211, 4.8.2001, p. 25.
(5) ĠU L 234, 1.9.2001, p. 55.
(6) ĠU L 108, 24.4.2002, p. 1.
(7) ĠU L 315, 19.11.2002, p. 14.
(8) ĠU L 49, 19.2.2004, p. 36.
(9) ĠU L 157, 30.4.2004, p. 33.
(10) ĠU L 191, 22.7.2005, p. 59.
(11) ĠU L 310, 25.11.2005, p. 10.
(12) ĠU L 161, 14.6.2006, p. 12.