This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52008IP0451
Common approach to the use of the spectrum released by the digital switchover European Parliament resolution of 24 September 2008 on reaping the full benefits of the digital dividend in Europe: a common approach to the use of the spectrum released by the digital switchover (2008/2099(INI))
Approċċ komuni għall-użu tal-ispettru rilaxxat mill-bidla diġitali Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 24 ta' Settembru 2008 dwar “Naħsdu l-benefiċċji kollha tad-dividend diġitali Ewropew” : Approċċ komuni għall-użu tal-ispettru rilaxxat mill-bidla diġitali (2008/2099(INI))
Approċċ komuni għall-użu tal-ispettru rilaxxat mill-bidla diġitali Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 24 ta' Settembru 2008 dwar “Naħsdu l-benefiċċji kollha tad-dividend diġitali Ewropew” : Approċċ komuni għall-użu tal-ispettru rilaxxat mill-bidla diġitali (2008/2099(INI))
ĠU C 8E, 14.1.2010, p. 60–66
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
14.1.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CE 8/60 |
L-Erbgħa, 24 ta' Settembru 2008
Approċċ komuni għall-użu tal-ispettru rilaxxat mill-bidla diġitali
P6_TA(2008)0451
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Settembru 2008 dwar Naħsdu l-benefiċċji kollha tad-dividend diġitali Ewropew: Approċċ komuni għall-użu tal-ispettru rilaxxat mill-bidla diġitali (2008/2099(INI))
2010/C 8 E/11
Il-Parlament Ewropew,
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Novembru 2007 bl-isem “Naħsdu l-benefiċċji kollha tad-dividend diġitali Ewropew: Approċċ komuni għall-użu tal-ispettru rilaxxat mill-bidla diġitali” (COM(2007)0700) (Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar approċċ komuni għall-użu tal-ispettru),
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-14 ta' Frar 2007 ntitolata “Lejn politika barranija Ewropea komuni dwar l-ispettru tar-radju” (1),
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Settembru 2005 ntitolata “Prijoritajiet tal-politika tal-ispettru ta'l-UE għall-bidla diġitali fil-kuntest tal-Konferenza Reġjonali 2006 tal-ITU dwar ir-Radjukomunikazzjoni (RRC-06)” (COM(2005)0461),
wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Grupp tal-Poltika dwar l-Ispettru tar-Radju fl-14 ta' Frar 2007 bit-titolu “L-Implikazzjonijiet tad-Dividend Diġitali fuq il-Politika tal-UE dwar l-Ispettru”,
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Novembru 2005 dwar l-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjoni minn xandir analogu għal xandir diġitali (2),
wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A6-0305/2008),
A. |
billi l-bidla minn televiżjoni terrestri li jxandar b'sinjal analogu għal dak li jxandar b'sinjal diġitali sa l-aħħar tal-2012 ser twassal, minħabba l-effiċjenza superjuri fit-trażmissjoni tat-teknoloġija diġitali, għar-rilaxx ta' ammont ta' spettru mingħajr preċedent fl-Unjoni Ewropa, u għalhekk ser toffri l-possibiltà tar-rijallokazzjoni tal-ispettru u tippreżenta opportunitajiet ġodda għal tkabbir tas-suq u għal tkabbir fil-kwalità u fl-għażla tas-servizzi għall-konsumatur, |
B. |
billi l-benefiċċji tal-użu ta' spektrum tar-radju se jiġi massimizzat permezz ta' azzjoni koordinata fuq il-livell tal-UE sabiex jiġi żgurat l-aħjar użu f'termini ta' effiċjenza, |
C. |
billi l-ispettru tar-radju huwa essenjzali għall-provvista ta' firxa sħiħa ta' servizzi u għall-iżvilupp ta' swieq immexxija mit-teknoloġija li l-valur tagħhom huwa stmat li huwa 2,2 % tal-PGD tal-UE, u għalhekk huwa fattur ewlieni għat-tkabbir, il-produttività u l-iżvilupp tal-industrija Ewropea skond l-Istrateġija ta' Liżbona, |
D. |
billi l-ispettru tar-radju huwa riżors naturali skars u beni pubbliku, u l-użu effiċjenti tiegħu huwa essenzjali sabiex jiġi żgurat li l-partijiet varji interessati li jridu joffru servizzi kkollegati jkollhom aċċess għall-ispettru, |
E. |
billi parti kbira tal-ispettru hi attwalment użata għal skopijiet militari permezz ta' teknoloġija ta' sinjal analogu u għalhekk l-akbar żieda fl-ammont totali tal-ispettru disponibbli għal-komunikazzjonijiet eletroniċi pubbliċi se tinkludi wkoll din il-parti wara l-bidla diġitali, |
F. |
billi l-Istati Membri m'għandhomx kalendarju komuni għall-bidla diġitali; billi f'ħafna Stati Membri l-pjanijiet għall-bidla diġitali humafi stat avvanzat, filwaqt li f'xi oħrajn il-bidla diġà seħħet, |
G. |
billi l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar approċċ komuni għall-użu tal-ispettru hija parti integrali tal-pakkett dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi adottat mill-Kummissjoni f'Novembru 2007 li jikkonċerna r-riforma fil-qafas regolatorju għall-komunikazzjonijiet elettroniċi, |
H. |
billi bħalissa hemm għaddejja r-(ri-)allokazzjoni tal-frekwenzi tax-xandir lix-xandara diġitali f'ħafna Stati Membri bil-konsegwenza li dawn il-frekwenzi jiġu allokati u għalhekk jiġu bblukkati għal ħafna snin, |
I. |
billi n-newtralità teknoloġika hija element ta' qofol fil-promozzjoni tal-interoperabilità u essenzjali sabiex ikun hemm politika ta' bidla lejn id-diġitali aktar flessibbli u trasparenti li tieħu kont tal-interess pubbliku, |
J. |
billi l-Kunsill appella lill-Istati Membri sabiex, kemm jista' jkun possibbli, ilestu l-bidla diġitali qabel l-2012, |
K. |
billi l-Istati Membri kollha ppubblikaw il-proposti tagħhom rigward il-bidla diġitali, |
1. |
Jirrikonoxxi l-importanza tal-inizzjattiva i2010 bħala parti mill-Istrateġija ta' Liżbona mġedda, u jenfasizza l-importanza ta' aċċess effiċjenti għall-ispettru u tal-użu effiċjenti tiegħu fil-kisba tal-miri ta' Liżbona; f'dan il-kuntest jenfasizza l-ħtieġa għal aċċess għal servizzi broadband sabiex tingħeleb il-“qasma digitali”; |
2. |
Jenfasizza l-ħtieġa ta' bidla diġitali li, flimkien mal-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u mad-dividend diġitali, tgħin biex iċċekken il-qasma diġitali u tikkontribwixxi għall-kisba tal-għanijiet ta' Liżbona; |
3. |
Jinnota d-diverġenza fl-iskemi nazzjonali rigward l-allokazzjoni u l-isfruttament ta' spettru; jinnota l-fatt li dawn id-differenzi jistgħu jirrappreżentaw ostakoli għall-kisba ta' suq intern li jaħdem b'mod effettiv; |
4. |
Jisħaq li d-daqs tad-dividend diġitali ser ivarja minn pajjiż għall-ieħor, minħabba ċ-ċirkustanzi nazzjonali u minħabba li jirrifletti l-politiki nazzjonali tal-media u tal-awdjoviżjoni; |
5. |
Jirrikonoxxi li aktar effiċjenza tal-ispettru tat-televiżjoni diġitali terrestri għandha tippermetti li madwar 100MHz ta' dividend diġitali jiġi allokat mill-ġdid lil servizzi tal-mowbajl broadband u lil servizzi oħra (bħas-servizzi ta' sikurezza pubblika, sistemi ta' identifikazzjoni tal-frekwenzi tar-radju u applikazzjonijiet ta' sikurezza fit-toroq) filwaqt li jiżguraw li s-servizzi ta' xandir jistgħu jkomplu jiġu żviluppati; |
6. |
Jinnota li llum il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri għadhom lura meta mqabbla ma' pajjiżi żviluppati oħra fejn jidħol l-investiment f'infrastrutturi tal-komunikazzjoni tal-ġenerazzjoni l-ġdida, u jenfasizza li l-kisba ta' pożizzjoni lider fl-iżvilupp tal-broadband u tal-Internet hija kruċjali għall-kompetittività u l-koeżjoni tal-Unjoni Ewropea fl-arena internazzjonali, speċjalment fir-rigward tal-iżvilupp ta' pjattaformi diġitali interattivi u l-provvista ta' servizzi ġodda bħalma huma s-servizzi elettroniċi tal-e-kummerċ, tal-e-saħħa, tal-e-tagħlim u tal-e-gvern; jenfasizza li għandu jkun hemm aktar investiment fuq livell nazzjonali u tal-UE sabiex jinkoraġġixxi l-ħolqien ta' prodotti u servizzi innovattivi; jenfasizza li l-isforzi biex ikun assigurat l-aċċess għas-servizzi broadband m'għandhomx ikunu ffukati biss fuq id-dividend diġitali; |
7. |
Jinsab konvint li l-pakketti “multiplay” ġodda, li jkun fihom teknoloġiji u servizzi innovattivi, jista' jkun li dalwaqt se jibdew jiġu offruti minħabba ż-żieda fil-konverġenza teknoloġika, u jinnota, fl-istess ħin, li l-ħruġ ta' dawk l-offerti jiddependi b'mod kruċjali mid-disponibilità ta' spettru li hu ta' siwi kbir kif ukoll mid-disponibilità ta' teknoloġiji interattivi li jippermettu l-interoperabilità, il-kollegabilità u l-kopertura mingħajr interruzzjoni, bħalma huma t-teknoloġiji tal-multimedia mobbli u t-teknoloġiji ta' aċċess wireless għall-broadband; |
8. |
Jinnota li l-konverġenza teknoloġika hija realtà, li toffri mezzi u opportunitajiet ġodda lis-servizzi tradizzjonali; jenfasizza li l-aċċess għall-partijiet tal-ispettru li qabel kienu rriservati għax-xandir jistgħu jgħinu biex jinħolqu servizzi ġodda kemm-il darba l-ispettru jkun immaniġġjat b'mod kemm jista' jkun effiċjenti u effettiv sabiex ikun evitat li t-twassil ta' programmi ta' xandir diġitali ta' kwalità għolja jiġi mfixkel; |
9. |
Jistieden sabiex ikun hemm koperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri sabiex jinkiseb suq intern tal-komunikazzjoni elettronika li jkun effiċjenti, miftuħ u kompetittiv u li jippermetti li jkun hemm użu ta' teknoloġiji ġodda tan-network; |
10. |
Jisħaq fuq l-importanza strateġika ta' ambjent fl-Unjoni Ewropea fejn ikun iggarantit spazju għall-innovazzjoni, teknoloġiji ġodda, servizzi ġodda u parteċipanti ġodda sabiex tissaħħaħ il-kompetittività u l-koeżjoni Ewropea; jenfasizza li hija ħaġa kruċjali li l-utenti finali jingħataw il-libertà tal-għażla f'dak li jirrigwarda prodotti u servizzi sabiex jintlaħaq l-iżvilupp dinamiku tas-swieq u tat-teknoloġiji fl-Unjoni Ewropea; |
11. |
Jenfasizza li d-dividend diġitali jipprovdi lill-Unjoni Ewropea b'opportunitajiet uniċi biex tiżviluppa servizzi ġodda bħat-televiżjoni mobbli u l-aċċess għall-Internet “wireless” u biex tibqa' l-mexxejja dinjija fir-rigward tat-teknoloġiji tal-multimedia mobbli filwaqt li tnaqqas id-differenzi fil-qasma diġitali, tipprovdi opportunitajiet ġodda għaċ-ċittadini, għas-servizzi, għall-media u għad-diversità kulturali fl-Unjoni Ewropea kollha; |
12. |
Jistieden lill-Istati Membri, b'rispett sħiħ għas-sovranità tagħhom f'dan ir-rigward, biex janalizzaw l-impatt tal-bidla diġitali fl-ispettru użat għal skopijiet militari, u, fejn xieraq, biex jallokaw mill-ġdid parti mid-dividend diġitali speċifiku għal applikazzjonijiet ċivili ġodda; |
13. |
Jagħraf li l-koordinazzjoni fuq livell tal-UE għandha tinkoraġġixxi l-iżvilupp, tagħti spinta lill-ekonomija diġitali u tippermetti li ċ-ċittadini kollha jkollhom aċċess ugwali, u li jista' jintlaħaq mill-but ta' kulħadd, għas-soċjetà tal-informazzjoni; |
14. |
Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jirrilaxxaw id-dividendi diġitali tagħhom kemm jista' jkun malajr, sabiex iċ-ċittadini Ewropej jibbenefikaw mit-tnedija ta' servizzi ġodda, innovattivi u kompetittivi; jenfasizza li għal dan il-għan tinħtieġ il-koperazzjoni attiva bejn l-Istati Membri sabiex jingħelbu l-ostakoli li jeżistu fuq livell nazzjonali għar-riallokazzjoni effiċjenti tad-dividend diġitali; |
15. |
Jisħaq li x-xandara huma parteċipanti essenzjali fid-difiża tal-prinċipji pluralistiċi u demokratiċi u jemmen bis-sħiħ li l-opportunitajiet offruti mid-dividend diġitali jippermettu lix-xandara pubbliċi u lil dawk privati li jipprovdu numru ħafna akbar ta' programmi li jaqdu objettivi ta' interess ġenerali — stipulati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali — bħall-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingiwstika; |
16. |
Jemmen li d-dividend diġitali għandu jagħti l-opportunità lix-xandara sabiex jiżviluppaw u jespandu s-servizzi tagħhom u fl-istess waqt jieħdu kont ta' applikazzjonijiet potenzjali soċjali, kulturali u ekonomiċi oħrajn, bħat-teknoloġiji broadband ġodda u miftuħa u s-servizzi ta' aċċess maħsuba sabiex jegħlbu l-qasma diġitali, filwaqt li ma jitħallewx l-ostakoli għall-interoperabilità; |
17. |
Jenfasizza l-benefiċċji potenzjali ta' approċċ koordinat għall-użu tal-ispettru fl-Unjoni Ewropea f'termini ta' ekonomiji tal-iskala, l-iżvilupp ta' servizzi interoperabbli “wireless”, u li tiġi evitata l-frammentazzjoni li twassal li dan ir-riżors skars ma jintużax bl-aħjar mod; jikkunsidra li, filwaqt li jeħtieġ li jkun hemm koordinazzjoni aktar mill-qrib u aktar flessibilità sabiex l-ispettru jkun sfruttat b'mod effiċjenti, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom bżonn isibu bilanċ bejn il-flessibilità u l-grad ta' armonizzazzjoni, bil-għan li jinkiseb l-akbar benefiċċju mid-dividend diġitali; |
18. |
Josserva li tista' tintlaħaq allokazzjoni effiċjenti tad-dividend diġitali mingħajr ma tiġi mfixkla l-ebda waħda mill-partijiet li fil-preżent għandhom liċenzji tal-ispettru fil-faxxa tal-frekwenzi ultra-għolja (UHF), u li t-tkomplija u l-espansjoni tas-servizzi attwali ta' xandir jistgħu jinkisbu b'mod effettiv, u fl-istess ħin ikun żgurat li t-teknoloġiji l-ġodda tal-multimedia mobbli u tal-aċċess “wireless” għall-broadband ikunu allokati riżorsi ta' spettru sostanzjali fil-faxxa UHF sabiex liċ-ċittadini Ewropej jitwasslulhom servizzi interattivi ġodda; |
19. |
Jikkunsidra li, fejn irkantijiet jiġu wżati għall-allokazzjoni ta' frekwenzi, l-Istati Membri għandhom jadottaw approċċ komuni fir-rigward tal-kundizzjonijiet u l-modalitajiet tal-irkantijiet u l-allokazzjoni tar-riżorsi ġġenerati; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta linji gwida skond dawk l-istess ħsibijiet; |
20. |
Jenfasizza li l-priniċipju gwida ewlieni fl-allokazzjoni tad-dividend diġitali għandu jkun li jiġi moqdi l-interess ġenerali billi jkun żgurat l-aħjar valur soċjali, kulturali u ekonomiku fis-sens ta' provvista msaħħa u ġeografikament mifruxa ta' servizzi u ta' kontenut diġitali liċ-ċittadini, u mhux biss li jiżdied kemm jista' jkun id-dħul pubbliku, filwaqt li jitħarsu wkoll id-drittijiet tal-utenti attwali tas-servizzi tal-media awdjoviżivi, u tkun riflessa d-diversità kulturali u lingwistika; |
21. |
Jenfasizza li d-dividend diġitali jagħti opportunità unika biex l-Unjoni Ewropea tiżviluppa l-irwol tagħha bħala l-mexxejja dinjija fit-teknoloġiji tal-multimedia mobbli u fl-istess ħin biex tnaqqas id-differenzi fil-qasma diġitali bi fluss akbar ta' informazzjoni, tagħrif u servizzi li jikkollegaw ma' xulxin liċ-ċittadini Ewropej kollha u li jipprovdu opportunitajiet ġodda għall-media, għall-kultura u għad-diversità fl-inħawi kollha tat-territorju tal-Unjoni Ewropea; |
22. |
Jenfasizza li mod potenzjali li permezz tiegħu d-dividend diġitali jista' jgħin fil-kisba tal-miri ta' Liżbona huwa billi tiżdied id-disponibilità ta' servizzi ta' aċċess broadband għaċ-ċittadini u l-partijiet ekonomiċi involuti madwar l-Unjoni Ewropea, u b'hekk tiġi indirizzata l-qasma diġitali billi inħawi anqas privileġġjati, rurali jew remoti jingħatawlhom benefiċċji u jiġi żgurat li jkun hemm kopertura totali fl-Istati Membri; |
23. |
Jiddeplora l-aċċess mhux uniformi taċ-ċittadini tal-Unjoni għas-servizzi diġitali, partikularment fix-xandir; jinnota li r-reġjuni rurali u periferiċi għandhom żvantaġġ speċjali (f' termini ta'disponibilità immedjata, għażla u kwalità) f'dak li jirrigwarda t-tixrid ta' servizzi diġitali; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali biex jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jiżguraw li l-bidla għad-diġitali ssir malajr u b'mod ġust għaċ-ċittadini kollha tagħhom; |
24. |
Jenfasizza li l-qasma diġitali mhux biss kwistjoni rurali; jenfasizza d-diffikultà li f' xi wħud mill-bini għoli antik tiġi installata l-infrastruttura għal networks ġodda; jenfasizza l-benefiċċju li l-ispettru jista' jkollu sabiex tingħeleb il-qasma diġitali kemm fiż-żoni urbani u kemm f'dawk rurali; |
25. |
Jenfasizza l-kontribut li d-dividend diġitali jista' jagħti fir-rigward tal-provvista ta' servizzi soċjali interoperabbli msaħħa, bħall-gvern elettroniku (e-government), is-saħħa elettronika (e-health), it-taħriġ vokazzjonali elettroniku (e-vocational training), u l-edukazzjoni elettronika (e-education) liċ-ċittadini, b'mod partikolari dawk li jgħixu f'żoni anqas privileġġjati jew iżolati, bħal inħawi rurali u anqas żviluppati u gżejjer; |
26. |
Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex iżidu l-miżuri li jippermettu lill-utenti b'diżabilità jew anzjani u dawk bi bżonnijiet soċjali speċjali li jiksbu l-benefiċċju kollu provdut mid-dividend diġitali; |
27. |
Jikkonferma l-valur soċjali tas-servizzi tas-sikurezza pubblika u l-ħtieġa li jiddaħħal appoġġ għar-rekwiżiti ta' tħaddim tagħhom fl-arranġamenti għall-ispettru li jirriżultaw mill-organizzazzjoni mill-ġdid tal-faxxa ta' frekwenza UHF li tirriżulta mill-waqfa fl-użu tas-servizzi analogi; |
28. |
Jenfasizza li l-prijorità ewlenija tal-politika dwar il-ksib tal-benefiċċji kollha tad-dividend diġitali fl-Ewropa hija li tiżgura li d-drittijiet tal-konsumatur ikunu rispettati bis-sħiħ filwaqt li jkun possibbli għalihom li jgawdu minn medda wiesgħa ta' servizzi ta' kwalità għolja, billi jittieħed kont tal-bżonn li jsir użu effiċċjenti tal-ispettru rilaxxat mill-bidla diġitali; |
29. |
Jisħaq fuq il-punt li d-dividend diġitali jipprovdi opportunitajiet ġodda għall-objettivi tal-politiki tal-qasam awdjoviżiv u dak tal-media; għalhekk, jinsab konvint li d-deċiżjonijiet dwar l-immaniġġjar tad-dividend diġitali għandhom jippromwovu u jħarsu l-objettivi ta' interess ġenerali marbuta ma' politiki awdjoviżivi u tal-media bħalma huma l-libertà tal-espressjoni, il-pluraliżmu tal-media, id-diversità kulturali u lingwistika, u d-drittijiet tal-minorenni; |
30. |
Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jagħrfu l-valur soċjali, kulturali u ekonomiku li utenti mhux liċenzjati jingħataw aċċess għad-dividend, b'mod partikolari intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u s-settur li ma jaħdimx għall-profitt, u b'hekk titkabbar l-effiċjenza tal-użu tal-ispettru billi dawn l-użi bla liċenzja jiġu kkonċentrati fil-frekwenzi li bħalissa mhux qed jiġu użati (“spazji bojod”); |
31. |
Jappella sabiex ikun hemm approċċ pass pass f'dan il-qasam; huwa tal-opinjoni li l-effetti għal networks iżgħar — speċjalment networks “wireless” lokali — li għalihom bħalissa ma japplikaw l-ebda rekwiżiti ta' liċenzja, għandhom jiġu meqjusa u li għandu jiġi promoss l-aċċess universali għall-broadband, speċjalment f'inħawi rurali; |
32. |
Jistieden lill-Istati Membri biex jappoġġjaw miżuri ta' koperazzjoni mtejba bejn l-awtoritajiet tal-immaniġġjar tal-ispettru biex jiġu kkunsidrati oqsma fejn l-allokazzjoni ta' spettru ta' “l-ispazju abjad” mhux liċenzjat tippermetti li jkun hemm teknoloġiji u servizzi ġodda sabiex titħeġġeġ l-innovazzjoni; |
33. |
Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex, fil-kuntest tal-allokazzjoni ta' “l-ispazju abjad”, jikkunsidraw il-ħtieġa ta' aċċess miftuħ bla liċenzja għall-ispettru għall-fornituri ta' servizzi mhux kummercjali u edukattivi u komunitajiet lokali b' ethos ta' servizz pubbliku; |
34. |
Jenfasizza li wieħed mill-elementi prinċipali fl-għoti tal-aċċess għad-divided diġitali għal utenti mhux liċenzjati huwa l-bżonn li jittieħed kont tar-rekwiżiti ta' gruppi soċjali mhedda mill-esklużjoni, partikularment l-utenti b'diżabilità u anzjani u l-utenti bi bżonnijiet soċjali speċjali; |
35. |
Jagħraf il-benefiċċju ta' teknoloġiji ġodda, bħall-WiFi u l-Bluetooth, li jeżistu fil-faxxa ta' frekwenza bla liċenzja 2.4 GHz; jirrikonoxxi li ċerti frekwenzi partikulari huma l-aktar xierqa għal ċerti servizzi partikulari; jemmen li l-allokazzjoni ta' ammont żgħir ta' spettru bla liċenzja fi frekwenzi baxxi oħra tista' tinkuraġġixxi aktar innovazzjoni f'servizzi ġodda; |
36. |
Jenfasizza, għaldaqstant, li l-frekwenzi għandhom jiġu assenjati b'mod trasparenti, filwaqt li jittieħed kont tal-użi potenzjali kollha tal-ispettru l-ġdid u l-benefiċċji tagħhom għas-soċjetà; |
37. |
Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri sabiex jevalwaw fid-dettall il-valur soċjali u ekonomiku ta' kull spettru li jinħeles fis-snin li ġejjin permezz tal-bidla minn xandir analogu għal xandir diġitali; |
38. |
Jagħraf l-importanza tal-Ftehim tal-ITU ta' Ġinevra-06 (Konferenza Reġjonali dwar il-Komunikazzjoni bir-Radju 2006) u tal-pjanijiet tal-allokazzjoni ta' frekwenzi nazzjonali kif ukoll tad-deċiżjonijiet tal-Konferenza Dinjija dwar il-Komunikazzjoni bir-Radju 2007 (WRC-07) għar-riorganizzazzjoni tal-faxxa tal-frekwenza UHF; |
39. |
Jistieden lill-Istati Membri sabiex jiżviluppaw strateġiji nazzjonali dwar id-dividend diġitali sa l-aħħar tal-2009, filwaqt li jsegwu metodoloġija komuni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tappoġġja lill-Istati Membri fl-iżvilupp tal-istrateġiji nazzjonali dwar id-dividend diġitali tagħhom u sabiex tippromwovi l-aħjar prattika fil-livell tal-UE; |
40. |
Jenfażizza li l-fatt li l-bidla f'ċerti Stati Membri hija imminenti kif ukoll id-differenzi fil-pjanijiet nazzjonali għall-bidla jirrikjedu reazzoni fil-livell Komunitarju li ma tistax tistenna sakemm id-direttivi tar-riforma jidħlu fis-seħħ; |
41. |
Jagħraf id-dritt tal-Istati Membri li jiddeterminaw l-użu tad-dividend diġitali, iżda jafferma wkoll li approċċ koordinat fil-livell Komunitarju itejjeb ferm il-valur tad-dividend u huwa l-aktar mod effiċjenti sabiex tiġi evitata interferenza li tagħmel il-ħsara bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi; |
42. |
Itenni li, fl-interess taċ-ċittadini tal-Unjoni, id-dividend diġitali għandu jiġi mmaniġġjat bl-aktar mod effiċjenti u effettiv possibbli sabiex tiġi evitata interferenza fil-provvista ta' programmi tat-TV diġitali ta' kwalità għolja lil numru ta' ċittadini li dejjem qed jikber u sabiex id-drittijiet u l-interessi tal-konsumaturi u l-investiment tagħhom fit-tagħmir jiġi rispettat. |
43. |
Jenfasizza li l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw irkantijiet li jkunu teknoloġikament newtrali bil-għan li jiġu allokati frekwenzi li jkunu inħelsu minħabba d-dividend digitali u bil-għan li dawk il-frekwenzi jsiru kummerċjabbli; jikkunsidra, madankollu, li din il-proċedura għandha tkun konformi għal kollox mar-regolamenti tar-radju tal-ITU, mal-ippjanar nazzjonali tal-frekwenzi u mal-objettivi tal-politiki nazzjonali sabiex tkun evitata interferenza ta' ħsara bejn is-servizzi pprovduti; iwissi dwar il-frammentazzjoni tal-ispettru li twassal biex riżorsi skarsi ma jkunux użati bl-aħjar mod; jistieden lill-Kummissjojni biex tiżgura li pjan koordinat tal-ispettru għall-ġejjieni ma joħloqx ostakoli ġodda għall-innovazzjoni tal-ġejjieni; |
44. |
Jappoġġja approċċ komuni u bbilanċjat lejn l-użu tad-dividend diġitali, li jippermetti kemm li x-xandara jkomplu joffru u jespandu s-servizzi tagħhom u kif ukoll li l-operaturi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi jużaw dan ir-riżors biex iniedu servizzi ġodda li jissodisfaw użi soċjali u ekonomiċi importanti oħra, iżda jisħaq li fi kwalunkwe każ id-dividend diġitali għandu jkun allokat b'mod newtrali fil-konfront tat-teknoloġija; |
45. |
Jenfasizza li l-politika dwar l-ispettru trid tkun dinamika u trid tippermetti lix-xandara u lill-operaturi tal-komunikazzjonijiet li japplikaw teknoloġiji ġodda u jiżviluppaw servizzi ġodda li jippermettulhom li jkomplu jaqdu rwol prinċipali fil-kisba ta' objettivi ta' politika kulturali u tal-media, filwaqt li jipprovdu wkoll servizzi ġodda ta' komunikazzjoni ta' kwalità għolja; |
46. |
Jisħaq dwar il-benefiċċji potenzjali, fir-rigward ta' ekonomiji fil-kobor, innovazzjoni u interoperabilità u l-provvista ta' servizzi pan-Ewropej potenzjali ta' ppjanar ta' spettru aktar koerenti u integrat fil-livell Komunitarju; jinkuraġġixxi lill-Istati Membri sabiex jaħdmu flimkien u mal-Kummissjoni sabiex jidentifikaw faxex sekondarji komuni tal-ispettru tad-dividend diġitali għal “clusters” differenti ta' applikazzjoni li jkunu jistgħu jiġu armonizzati fuq bażi ta' newtralità fil-konfront tat-teknoloġija; |
47. |
Jemmen li l-iggruppar fi ħdan il-frekwenza UHF għandu jkun ibbażat fuq metodu minn isfel għal skond l-ispeċifiċitajiet tas-swieq nazzjonali filwaqt li tkun żgurat li jkun hemm armonizzazzjoni fil-livell Komunitarju kull meta din toħloq valur miżjud ċar; |
48. |
Sabiex jinkiseb użu aktar effiċjenti tal-ispettru u sabiex jiġi ffaċilitat il-ħolqien ta' servizzi nazzjonali, transkonfinali u pan-Ewropej li jkunu innovattivi u ta' suċċess, jappoġġja approċċ koordinat fuq livell Komunitarju, ibbażat fuq ġabriet differenti tal-ispettru tal-frekwenza UHF għal servizzi unidirezzjonali jew bidirezzjonali rispettivament, filwaqt li jitqiesu l-potenzjal għall-interferenza dannuża li tirriżulta mill-koeżistenza ta' tipi differenti ta' networks fl-istess faxxa, l-eżiti tal-RRC 06 u l-WRC 07 tal-ITU ta' Ġinevra, u l-awtorizzazzjonijiet eżistenti; |
49. |
Jikkunsidra li l-parti tal-ispettru armonizzat fuq il-livell Komunitarju ddedikata għas-servizzi ta' emerġenza għandha tkun tista' tipprovdi aċċess għat-teknoloġiji broadband tal-futur għall-ksib u t-trasmissjoni ta' informazzjoni meħtieġa għall-ħarsien tal-ħajja tal-bniedem permezz ta' reazzjoni aktar effiċjenti min-naħa tas-servizzi tal-emerġenza; |
50. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex twettaq, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, l-istudji tekniċi, soċjo-ekonomiċi, u l-analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji xierqa sabiex jiġu determinati d-daqs u l-karatteristiċi tal-faxex sekondarji li jistgħu jiġu kkoordinati jew armonizzati fil-livell Komunitarju; ifakkar li dawn l-istudji għandhom jikkunsidraw li d-dividend mhux statiku, imma li l-iżvilupp teknoloġiku dejjem għaddej u l-implimentazzjoni ta' teknoloġiji ġodda għandha tippermetti l-użu tal-faxxa ta' frekwenza UHF għal tipi ġodda ta' servizzi soċjali, kulturali u ekonomiċi innovattivi li jmorru 'l hinn mix-xandir u mill-“wireless” broadband; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li l-Istati Membri jikkontribwixxu għal dawn l-istudji sabiex jidentifikaw il-faxex komuni li għandom ikunu armonizzati fuq livell Ewropew għal servizzi pan-Ewropej interoperabbli u definiti b'mod ċar, kif ukoll għall-allokazzjoni ta' dawn il-faxex; |
51. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tfittex li tikopera mal-pajjiżi ġirien tal-Istati Membri sabiex jadottaw mapep tal-frekwenzi simili jew jikkoordinaw l-allokazzjoni tal-frekwenzi tagħhom mal-Unjoni Ewropea sabiex ikun evitat tfixkil fit-tħaddim tal-applikazzjonijiet tat-telekomunikazzjoni; |
52. |
Jitlob lill-Kummissjoni sabiex twettaq studju dwar il-kunflitti bejn l-utenti ta' Open Source Software u l-awtoritajiet ta' ċertifikazzjoni rigward radji definiti mis-software; |
53. |
Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tipproponi passi għat-tnaqqis tar-responsabilità legali fil-kuntest tal-provvista ta' network wireless tat-tip mesh; |
54. |
Jistieden lill-Kummissjoni sabiex, hekk kif dawn l-istudji msemmija hawn fuq jitlestew u wara li tkun ikkonsultat kemm lill-Grupp dwar il-Politika tal-Ispettru tar-Radju u kif ukoll lill-Konferenza Ewropea tal-Amministrazzjonijiet tal-Posta u t-Telekomnnikazzjoni u wara li tieħu kont xieraq tal-ispeċifiċitajiet nazzjonali tippreżenta proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għal miżuri mtejba ta' koordinazzjoni fil-livell Komunitarju tal-użu tad-dividend diġitali skond il-pjanijiet rigward il-frekwenzi mifthiema fil-livell internazzjonali; |
55. |
Jagħti istruzzjoni lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri. |
(1) ĠU C 287 E, 29.11.2007, p. 364.
(2) ĠU C 280 E, 18.11.2006, p. 115.