This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52008IP0459
Concentration and pluralism in the media in the European Union European Parliament resolution of 25 September 2008 on concentration and pluralism in the media in the European Union (2007/2253(INI))
Konċentrazzjoni u l-pluraliżmu tal-media fl-Unjoni Ewropea Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 25 ta' Settembru 2008 dwar il-konċentrazzjoni u l-pluraliżmu tal-media fl-Unjoni Ewropea (2007/2253(INI))
Konċentrazzjoni u l-pluraliżmu tal-media fl-Unjoni Ewropea Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 25 ta' Settembru 2008 dwar il-konċentrazzjoni u l-pluraliżmu tal-media fl-Unjoni Ewropea (2007/2253(INI))
ĠU C 8E, 14.1.2010, p. 85–94
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
14.1.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CE 8/85 |
Il-Ħamis, 25 ta' Settembru 2008
Konċentrazzjoni u l-pluraliżmu tal-media fl-Unjoni Ewropea
P6_TA(2008)0459
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Settembru 2008 dwar il-konċentrazzjoni u l-pluraliżmu tal-media fl-Unjoni Ewropea (2007/2253(INI))
2010/C 8 E/16
Il-Parlament Ewropew,
wara li kkunsidra l-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
wara li kkunsidra l-protokoll tat-Trattat ta' Amsterdam dwar is-sistema ta' xandir pubbliku fl-Istati Membri (1) (Protokoll tat-Trattat ta' Amsterdam),
wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni dwar il-pluraliżmu tal-media fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (SEC(2007)0032),
wara li kkunsidra d-Direttiva 2007/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2007 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta' attivitajiet ta' xandir bit-televiżjoni (2)
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Novembru 2002 dwar il-konċentrazzjoni tal-media (3)
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Unesco tal-2005 dwar il-Ħarsien u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali (il-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar id-Diversità Kulturali),
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 t' April 2004 dwar ir-riskji ta' ksur, fl-UE u b'mod partikolari fl-Italja, tal-liberta' tal-espressjoni u l-informazzjoni (Artikolu 11 (2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali) (4)
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-2001 dwar l-applikazzjoni ta' regoli dwar l-għajnuna mill-istat lix-xandir pubbliku (5)
wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-25 ta' Jannar 1999 dwar ix-xandir pubbliku (6)
wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni Rec(2007)3 tal-31 ta' Jannar 2007 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa lill-Istati Membri dwar il-mandat tal-media pubbliċi fis-soċjetà tal-informazzjoni,
wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni Rec1466(2000) tas-27 ta' Ġunju 2000 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa rigward l-edukazzjoni dwar il-media,
wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni Rec(2007)2 tal-31 ta' Jannar 2007 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-pluraliżmu fil-media u d-diversità tal-kontenut fil-media,
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Novembru 2007 dwar l-interoperabilità tas-servizzi diġitali interattivi tat-televiżjoni (7)
wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A6-0303/2008),
A. |
billi l-Unjoni Ewropea kkonfermat l-impenn tagħha għall-ħarsien u l-promozzjoni tal-pluraliżmu tal-media, bħala pilastru essenzjali tad-dritt għall-informazzjoni u l-libertà tal-espressjoni, imħaddna fl-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li jibqgħu prinċipji fundamentali għaż-żamma tad-demokrazija, tal-pluraliżmu ċiviku u tad-diversità kulturali, |
B. |
billi l-Parlament Ewropew ħafna drabi esprima l-fehma tiegħu li l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi qafas legali stabbli, kemm fil-media u kemm fis-soċjetà tal-informazzjoni b'mod ġenerali, bil-għan li tiżgura livell ekwivalenti ta' ħarsien tal-pluraliżmu fl-Istati Membri u tagħti l-opportunità lill-operaturi sabiex jibbenefikaw mill-opportunitajiet maħluqa mis-suq waħdieni, |
C. |
billi, kif enfasizzat il-Kummissjoni fid-dokument ta' ħidma tal-istaff tagħha msemmi hawn fuq, il-kunċett tal-pluraliżmu tal-media ma jistax ikun limitat għall-kwistjoni tal-konċentrazzjoni tas-sjieda tal-impriżi, iżda jinkludi wkoll kwistjonijiet relatati mas-servizzi tax-xandir pubbliku, mas-setgħa politika, mal-kompetizzjoni fl-ekonomija, mad-diversità kulturali, mal-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda, mat-trasparenza, u mal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ġurnalisti fl-Unjoni, |
D. |
billi s-servizzi tax-xandir pubbliku għandu jkollhom ir-riżorsi u l-istrumenti meħtieġa biex ġenwinament ikunu jistgħu jkunu indipendenti mill-pressjoni politika u mill-forzi tas-suq, |
E. |
billi bħalissa servizzi tax-xandir pubbliku jinsabu taħt pressjoni, b'mod mhux ġustifikat u għad-detriment tal-kwalità tal-kontenut, biex jikkompetu għall-udjenza mal-istazzjonijiet kummerċjali, li l-għan aħħari tagħhom mhix il-kwalità iżda li jissodisfaw il-gosti tal-parti l-kbira tal-pubbliku, |
F. |
billi l-Konvenzjoni tal-Unesco dwar id-diversità kulturali tagħti importanza konsiderevoli, fost affarijiet oħra, lill-ħolqien tal-kundizzjonijiet li jwasslu għad-diversità fil-media, |
G. |
billi l-istess Konvenzjoni tal-Unesco dwar id-diversità kulturali tirrikonoxxi d-dritt tal-istati kontraenti tagħha li jieħdu miżuri mmirati għat-titjib tad-diversità tal-media, inkluż permezz ta' xandir mis-servizz pubbliku, |
H. |
billi l-irwol importanti tal-media awdjoviżivi pubbliċi biex ikun żgurat il-pluraliżmu huwa rikonoxxut fil-Konvenzjoni tal-Unesco dwar id-diversità kulturali u fil-protokoll tat-Trattat ta' Amsterdam, li jistipula li s-sistema tax-xandir pubbliku fl-Istati Membri hija relatata direttament mal-ħtiġijiet demokratiċi, soċjali u kulturali ta' kull soċjetà u l-bżonn li jkun ippreservat il-pluraliżmu tal-media, waqt li l-Istati Membri huma responsabbli milli jiddeterminaw il-mandat tax-xandir televiżiv pubbliku u li jipprovdu l-fondi għalih, |
I. |
billi l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2001 msemmija hawn fuq tirrikonoxxi bis-sħiħ l-irwol ċentrali li għandhom il-korpi tax-xandir pubbliku fil-promozzjoni tal-pluralità u d-diversità kulturali u lingwistika u tenfasizza li, waqt l-eżami tal-għajnuniet mill-Istat in kwistjoni, il-Kummissjoni se tapplika kriterji bħall-importanza tal-promozzjoni tad-diversità kulturali u s-sodisfazzjon tal-ħtiġijiet demokratiċi, soċjali u kulturali ta' kull soċjetà, |
J. |
billi r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-25 ta' Jannar 1999 msemmija hawn fuq ittenni l-irwol vitali tax-xandir pubbliku fl-iżgurar tal-pluraliżmu u titlob li l-Istati Membri jagħtuh mandat wiesa' li jirrifletti l-irwol tiegħu li jagħti lill-pubbliku l-benefiċċji ta' servizzi awdjoviżivi u ta' informazzjoni ġodda u ta' teknoloġiji ġodda, |
K. |
billi l-protokoll tat-Trattat ta' Amsterdam kien adottat biex jiżgura l-kompetenzi tal-Istati Membri biex jorganizzaw is-sistema nazzjonali ta' xandir pubbliku tagħhom b'mod li jkun imfassal biex jissodisfa l-ħtiġijiet demokratiċi u kulturali tas-soċjetà tagħhom, sabiex ikun moqdi bl-aħjar mod l-għan tal-preservazzjoni tal-pluraliżmu tal-media, |
L. |
billi r-Rakkomandazzjoni Rec(2007)3 msemmija hawn fuq tenfasizza l-irwol speċifiku tax-xandir pubbliku bħala sors ta' informazzjoni u kummenti imparzjali u indipendenti, u ta' kontenut innovattiv u varjat li jikkonforma ma' standards għoljin ta' etika u ta' kwalità, u bħala forum għad-diskussjoni pubblika u bħala mezz għall-promozzjoni tal-parteċipazzjoni demokratika iktar wiesgħa tal-individwi, u b'hekk titlob li l-Istati Membri jżommu s-setgħa li jaddattaw dak il-mandat biex jissodisfa l-għan tiegħu f' ambjent tal-media ġdid; |
M. |
billi l-pluraliżmu tal-media jista' jkun garantit biss permezz ta' bilanċ politiku kif suppost fil-kontenut tax-xandir tat-televiżjoni pubblika, |
N. |
billi l-esperjenza turi li l-konċentrazzjoni mingħajr restrizzjonijiet tas-sjieda tipperikola l-pluraliżmu u d-diversità kulturali u billi sistema bbażata purament fuq il-kompetizzjoni tas-suq ħieles biss ma tistax tagħti garanzija li jkun hemm il-pluraliżmu fil-media, |
O. |
billi fl-Ewropa l-mudell ibbażat fuq żewġ pilastri, għat-televiżjoni privata u pubblika u s-servizzi tal-media awdjoviżivi, wera kemm jiswa fil-konsolidazzjoni tal-pluraliżmu fil-media u għandu jkun żviluppat iktar, |
P. |
billi l-konċentrazzjoni tas-sjieda qed tiġġenera iktar dipendenza tal-professjonisti tal-media fuq is-sidien ta' impriżi kbar tal-media, |
Q. |
billi t-teknoloġiji ġodda, u b'mod partikulari l-bidla għat-tekonoloġija diġitali għall-produzzjoni u t-tixrid tal-kontenut awdjoviżiv u d-dħul fis-suq ta' servizzi ġodda ta' komunikazzjoni u informazzjoni influwenzaw b'mod sinifikanti l-kwantità ta' prodotti u mezzi ta' tixrid disponibbli; billi, madankollu, żieda kwantitattiva fil-media u fis-servizzi ma tagħtix garanzija awtomatika ta' diversità fil-kontenut; billi mezzi ġodda u aġġornati biex ikunu żgurati l-pluraliżmu fil-media u d-diversità kulturali u l-forniment ta' informazzjoni f'waqtha u objettiva lill-pubbliku għalhekk huma neċessarji, |
R. |
billi l-qafas regolatorju attwali tat-telekomunikazzjonijiet, li jirrifletti r-relazzjoni u l-interdipendenza diretti bejn l-infrastruttura u r-regolamentazzjoni tal-kontenut, jipprovdi lill-Istati Membri bl-istrumenti tekniċi adatti għall-ħarsien tal-pluraliżmu tal-media u tal-kontenut, bħar-regoli dwar l-aċċess u l-kontenut li jrid jixxandar bilfors (must-carry rules), |
S. |
billi, madankollu, ir-rispett għall-pluraliżmu tal-informazzjoni u d-diversità tal-kontenut mhux awtomatikament garantit mill-avvanzi teknoloġiċi, iżda jrid jirriżulta minn politika attiva, konsistenti u viġilanti min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali u Ewropej, |
T. |
billi, filwaqt li l-Internet żied bil-kbir l-aċċess għal sorsi ta' informazzjoni, perspettivi u fehmiet varji, dan għadu ma ħax post il-media tradizzjonali bħala mezz deċiżiv għall-formazzjoni tal-opinjoni pubblika, |
U. |
billi bis-saħħa tal-iżviluppi teknoloġiċi, min jippubblika l-gazzetti qiegħed dejjem aktar ixerred il-kontenut permezz tal-Internet u għaldaqstant huwa dipendenti fil-parti l-kbira fuq id-dħul mir-reklamar (online), |
V. |
billi l-media tibqa' għodda ta' influwenza politika, u billi hemm riskju konsiderevoli fir-rigward tal-abilità tal-media li twettaq il-funzjonijiet tagħha bħala l-gwardjan tad-demokrazija, minħabba li l-impriżi privati tal-media huma motivati mill-profitt finanzjarju; billi dan iġib il-periklu ta' telfien tad-diversità, tal-kwalità tal-kontenut u tal-multipliċità ta' opinjonijiet, u li għalhekk is-salvagwardja tal-pluraliżmu m'għandhiex titħalla biss f'idejn il-mekkaniżmi tas-suq, |
W. |
billi l-impriżi l-kbar tal-media bnew pożizzjonijiet sostanzjali u ta' spiss dominanti f'xi Stati Membri, u billi l-eżistenza ta' gruppi tal-istampa f'idejn impriżi li jistgħu jagħtu kuntratti ta' akkwist pubbliku tirrappreżenta theddida għall-indipendenza tal-media, |
X. |
billi l-kontribut tal-impriżi tal-media multinazzjonali f'xi Stati Membri huwa essenzjali biex il-panorama tal-media terġa' tingħata l-ħajja, iżda billi ċertu titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-ħlas huwa wkoll meħtieġ, |
Y. |
billi l-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-kwalità tax-xogħol tal-professjonisti tal-media trid titjieb u billi, fin-nuqqas ta' garanziji soċjali, numru dejjem ikbar ta' ġurnalisti qed ikunu impjegati b'kundizzjonijiet prekarji, |
Z. |
billi l-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-UE hija limitata fil-kapaċità tagħha li tindirizza kwistjonijiet ta' konċentrazzjoni tal-media minħabba li l-attivitajiet li joħolqu l-konċentrazzjoni tas-sjieda tal-media fil-livelli vertikali u orizzontali fl-Istati Membri l-ġodda ma laħqux il-livell finanzjarju li fih tibda tapplika l-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-UE, |
AA. |
billi l-introduzzjoni ta' regoli restrittivi żżejjed dwar is-sjieda tal-media toħloq ir-riskju tat-tnaqqis fil-kompetittività tal-impriżi Ewropej fis-suq dinji u taż-zieda tal-influwenza ta' gruppi tal-media li mhumiex Ewropej, |
AB. |
billi l-konsumaturi tal-media għandu jkollhom aċċess għal għażla kbira ta' kontenut, |
AC. |
billi dawk li joħolqu l-media jagħmlu l-almu tagħhom biex jipproduċu kontenut tal-ogħla kwalità possibbli iżda l-kundizzjonijiet biex dan l-għan jintlaħaq mhumiex sodisfaċenti b'mod uniformi fl-Istati Membri kollha, |
AD. |
billi l-proliferazzjoni tal-media ġodda (l-Internet broadband, l-istazzjonijet televiżi bis-satellita, it-televiżjoni diġitali terrestri, eċċ.) u l-forom varjati ta' sjieda tal-media mhumiex biżżejjed fihom infushom biex jiggarantixxu l-pluraliżmu f'termini ta' kontenut tal-media, |
AE. |
billi r-regoli dwar il-kwalità tal-kontenut u l-ħarsien tal-minorenni għandhom ikunu applikati kemm fil-livell pubbliku u kemm fil-livell kummerċjali, |
AF. |
billi l-impriżi tal-media huma indispensabbli f'dak li għandu x'jaqsam mal-pluraliżmu tal-media u l-preservazzjoni tad-demokrazija u għaldaqstant għandhom ikunu kkonċernati b'mod iktar attiv mill-prattiki relatati mal-etika tan-negozju u r-responsabilità soċjali, |
AG. |
billi l-ħwienet tal-media kummerċjali qed jużaw dejjem iktar kontenut prodott mill-utenti privati, speċjalment kontenut awdjoviżiv, għal ħlas żgħir jew mingħajr l-ebda ħlas, u dan joħloq problemi ta' etika u ta' ħarsien tal-privatezza, prattika li qiegħda tpoġġi lill-ġurnalisti u lill-professjonisti oħra tal-media taħt pressjoni kompettitiva mhux f'lokha, |
AH. |
billi l-weblogs jirrappreżentaw kontribut importanti ġdid għall-pluraliżmu tal-media u huma mezz dejjem iktar komuni għall-espressjoni tal-individwu kemm mill-professjonisti tal-media u kif ukoll mill-persuni privati; |
AI. |
billi x-xandara pubbliċi iridu jingħataw fondi b'mod stabbli, iridu jġibu ruħhom b'mod ġust u bbilanċjat u jridu jingħataw il-mezzi li jippromwovu l-interess pubbliku u l-valuri soċjali, |
AJ. |
billi l-Istati Membri għandhom kamp ta' applikazzjoni wiesa' għall-interpretazzjoni tal-kompetenza tal-media tas-servizz pubbliku u l-finanzjament tagħha, |
AK. |
billi l-media tas-servizz pubbliku għandha preżenza tas-suq notevoli biss fl-oqsma awdjoviżivi u non-lineari, |
AL. |
billi l-mudell awdjoviżiv Ewropew irid jibqa' bbażat fuq il-bilanċ bejn servizz pubbliku b'saħħtu, indipendenti u pluralista u settur kummerċjali dinamiku; billi l-kontinwità ta' dan il-mudell hija essenzjali għall-vitalità u l-kwalità tal-ħolqien, il-pluraliżmu tal-media u r-rispett għad-diversità kulturali u għall-promozzjoni tagħha, |
AM. |
billi kultant is-servizz pubbliku jsofri kemm minn finanzjament mhux adegwat u kemm minn pressjoni politika, |
AN. |
billi l-ħidma li ngħatat lix-xandir pubbliku minn kull Stat Membru titlob finanzjament għal perjodu twil ta' żmien u indipendenza garantita, li żgur mhux il-każ fl-Istati Membri kollha, |
AO. |
billi f'ċerti Stati Membri l-media tas-servizz pubbliku jista' jkollha rwol ewlieni f'termini kemm ta' kwalità u kemm ta' udjenza, |
AP. |
billi l-aċċess pubbliku universali għall-kontenut ta' kwalità għolja u divers qed isir terġa' aktar kruċjali f'dan il-kuntest ta' bidliet teknoloġiċi u konċentrazzjoni akbar u f'ambjent dejjem aktar kompetittiv u globalizzat; billi s-servizzi awdjviżivi pubbliċi huma essenzjali biex tkun iffurmata l-opinjoni pubblika f'demokrazija, sabiex in-nies jiffamiljarizzaw ruħhom mad-diversità kulturali u biex ikun garantit il-pluraliżmu; u billi dawn is-servizzi jridu jkunu jistgħu jużaw il-pjattaformi l-ġodda tax-xandir biex iwettqu l-ħidma li tingħatalhom, jiġifieri li jilħqu l-gruppi kollha li jiffurmaw is-soċjetà, ikun x'ikun il-mezz ta' aċċess użat, |
AQ. |
billi l-media tas-servizz pubbliku jeħtieġ li jkollhom biżżejjed fondi pubbliċi biex ikunu jistgħu jikkompetu mal-media kummerċjali, f'termini li joffru standard għoli ta' kontenut kulturali u tal-aħbarijiet, mal-media kummerċjali, |
AR. |
billi tul dawn l-aħħar għaxar snin tfaċċaw kanali ġodda tal-media u billi s-sehem li qed jiżdied ta' dħul mir-reklamar li jmur għall-bejgħ minn fuq l-Internet huwa sors ta' tħassib għall-mezzi tal-media tradizzjonali, |
AS. |
billi x-xandara tas-servizz pubbliku u x-xandara kummerċjali se jibqa' jkollhom rwoli komplementari, flimkien mal-atturi l-ġodda, fil-panorama awdjoviżiva l-ġdida kkaratterizzata minn multipliċità ta' pjattaformi għax-xandir, |
AT. |
billi l-UE m'għandha l-ebda kompetenza intrinsika biex tirregola l-konċentrazzjoni tal-media, madankollu l-kompetenza tagħha f'oqsma varji tal-politika tippermettilha li tieħu rwol attiv fis-salvagwardja u l-promozzjoni tal-pluraliżmu tal-media; billi l-liġi dwar il-kompetizzjoni u l-għajnuna mill-istat, ir-regolamentazzjoni tat-telekomunikazzjoni kif ukoll ir-relazzjonijiet (kummerċjali) esterni li fihom l-UE tista' u għandha ssegwi attivament politika biex issaħħaħ u trawwem il-pluraliżmu tal-media, |
AU. |
billi hemm numru dejjem jiżdied ta' kunflitti dwar il-libertà tal-espressjoni, |
AV. |
billi, fis-soċjetà tal-informazzjoni, l-edukazzjoni bil-media hija mezz essenzjali biex iċ-ċittadini jingħataw l-għodda biex jagħtu kontribut attiv u infurmat għad-demokrazija, |
AW. |
billi l-kwantità ikbar ta' informazzjoni li wieħed jirċievi (grazzi għall-Internet b'mod partikulari) qed iżżid l-importanza tal-interpretazzjoni u l-evalwazzjoni tagħha, |
AX. |
billi jeħtieġ li l-promozzjoni tal-livell ta' litteriżmu tal-media fost iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea tingħata ħafna iktar appoġġ, |
AY. |
billi l-media Ewropej issa qed joperaw f'suq globalizzat li jfisser li r-restrizzjonijiet komprensivi li jirrigwardaw is-sjieda tagħhom se jnaqqsu b'mod konsiderevoli mill-kapaċità tagħhom li jikkompetu ma' impriżi ta' pajjiżi terzi li mhumiex marbuta b'restrizzjonijiet simili; billi għaldaqstant huwa meħtieġ li jinstab bilanċ bejn l-implimentazzjoni konsistenti tar-regoli tal-kompetizzjoni ġusta u d-dispożizzjonijiet ta' ħarsien għall-pluraliżmu fuq naħa u l-iżgurar li n-negozji jkollhom il-flessibilità meħtieġa biex jikkompetu fis-suq internazzjonali tal-media fuq in-naħa l-oħra, |
AZ. |
billi ngħixu f'soċjetà li fiha li l-ħin kollu qed niġu nondati bl-informazzjoni, komunikazzjonijiet immedjati u messaġġi mhux iffiltrati, filwaqt li l-għażla tal-informazzjoni titlob ċerti kapaċitajiet, |
BA. |
billi miżuri biex ikun ikkonsolidat u promoss il-pluraliżmu fil-media jridu jkunu fundamentali għar-relazzjonijiet barranin tal-UE (fil-qasam tal-kummerċ u bnadi oħra) b'mod partikulari fil-kuntest tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, tal-istrateġija tat-tkabbir u tal-ftehimiet ta' sħubija bilaterali, |
1. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jissalvagwardaw il-pluraliżmu tal-media, biex jiżguraw li ċ-ċittadini tal-UE kollha jkunu jistgħu jaċċessaw media b'xejn u diversifikata fl-Istati Membri kollha u biex jirrakkomandaw titjib fejn meħtieġ; |
2. |
Jemmen bis-sħiħ li sistema ta' media pluralistika hija rekwiżit fundamentali biex jiġi ppreservat mudell soċjali u demokratiku Ewropew; |
3. |
Jinnota li l-panorama Ewropea tal-media hija suġġetta għal konverġenza kontinwa, kemm fir-rigward tal-media kif ukoll tas-swieq; |
4. |
Jenfasizza li l-konċentrazzjoni tas-sjieda tas-sistema tal-media toħloq ambjent li jiffavorixxi l-monopolizzazzjoni tas-suq tar-reklami, tintroduċi ostakoli għall-aċċess ta' parteċipanti ġodda fis-suq u twassal ukoll għall-uniformità tal-kontenut tal-media; |
5. |
Jinnota li l-iżvilupp tas-sistema tal-media kull ma jmur qed jitmexxa mill-interess tal-profitti u li, għalhekk, il-proċessi politiċi, ekonomiċi jew dawk relatati mas-soċjetà, jew il-valuri espressi fil-kodiċi ta' kondotta tal-ġurnalisti, mhumiex salvagwardjati biżżejjed; jikkunsidra, għalhekk, li l-liġi tal-kompetizzjoni u l-liġi tal-media għandhom ikunu interkonnessi, sabiex ikunu garantiti l-aċċess, il-kompetizzjoni u l-kwalità u biex jiġu evitati kunflitti ta' interess bejn il-konċentrazzjoni tas-sjieda tal-media u l-poter politiku, li huma ta' ħsara għall-kompetizzjoni ħielsa, għal kundizzjonijiet indaqs u għall-pluraliżmu; |
6. |
Ifakkar lill-Istati Membri li dejjem għandu jsir sforz biex ikun hemm bilanċ, fid-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, bejn id-dmirijiet tagħhom u l-libertà tal-espressjoni, li l-protezzjoni tagħha fl-aħħar mill-aħħar hija r-responsabilità tal-qrati; |
7. |
7 Jistieden lill-Kummissjoni biex timpenja ruħha għall-promozzjoni ta' qafas legali stabbli b'livell għoli iggarantit ta' ħarsien tal-pluraliżmu fl-Istati Membri kollha; |
8. |
Jitlob, għalhekk, għal bilanċ kemm bejn ix-xandara pubbliċi u privati — f'dawk l-Istati Membri fejn jeżisti xandir pubbliku fil-preżent — u sabiex ir-rabta reċiproka bejn il-liġi tal-kompetizzjoni u l-liġi tal-media tkun iggarantita sabiex tissaħħaħ il-pluralità tal-media; |
9. |
Jemmen li l-objettivi prinċipali tal-awtoritajiet pubbliċi għandhom ikunu li joħolqu kundizzjonijiet li jiżguraw livell għoli ta' kwalità tal-media (inklużi fil-media pubblika), li jiżguraw id-diversità tal-media u jiggarantixxu l-indipendenza sħiħa tal-ġurnalisti; |
10. |
Jitlob għal miżuri li jtejbu l-kompetittività tal-kumpaniji tal-media Ewropej sabiex jagħtu kontribut sinifikattiv lit-tkabbir ekonomiku, li għandu jitrawwem ukoll permezz ta' żieda fil-livell ta' kuxjenza u għarfien tal-aspetti ekonomiċi u finanzjarji fost iċ-ċittadini; |
11. |
Jenfasizza l-influwenza dejjem tiżdied ta' investituri tal-media minn pajjiżi terzi fl-Unjoni Ewropea speċjalment fl-Istati Membri ġodda; |
12. |
Jitlob għal applikazzjoni konsistenti tal-leġiżlazzjoni dwar il-kompetizzjoni fil-livell tal-UE u nazzjonali, sabiex ikun iggarantit livell għoli ta' kompetizzjoni u aċċess għas-suq għal kompetituri ġodda; |
13. |
Huwa tal-fehma li l-liġi Ewropea tal-kompetizzjoni għenet biex tkun limitata l-konċentrazzjoni tal-media; madankollu jenfasizza l-importanza ta' media indipendenti bis-superviżjoni tal-Istat Membru u jħeġġeġ, għal dan il-għan, li r-regolazzjoni tal-media fil-livell nazzjonali tkun effettiva, ċara, trasparenti u ta' standard għoli; |
14. |
Jilqa' b'sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tiżviluppa indikaturi speċifiċi biex ikun evalwat il-pluraliżmu tal-media; |
15. |
Jitlob li jitfasslu indikaturi oħra, apparti l-pluraliżmu tal-media, bħala kriterji biex tkun analizzata l-media, inklużi l-orjentazzjoni tagħha rigward lejn id-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tal-minoranzi u l-kodiċijiet ta' kondotta professjonali għall-ġurnalisti; |
16. |
Jikkunsidra li r-regoli dwar il-konċentrazjoni tal-media għandhom jirregolaw mhux biss is-sjieda u l-produzzjoni tal-kontenut tal-media, iżda wkoll il-kanali u l-mekkaniżmi (elettroniċi) għall-aċċess u t-tixrid tal-kontenut fuq l-Internet, bħalma huma l-magni ta' tiftix. |
17. |
Jenfasizza l-ħtieġa li jkun żgurat l-aċċess għall-informazzjoni għan-nies b'diżabilità; |
18. |
Jirrikonoxxi li l-awtoregolazzjoni għandha rwol importanti fl-iżgurar tal-pluraliżmu tal-media; jilqa' b'sodisfazzjoni l-inizjattivi eżistenti tal-industrja f'dan il-qasam; |
19. |
Jinkoraġġixxi l-ħolqien ta' karta għal-libertà tal-media biex ikunu ggarantiti l-libertà tal-espressjoni u l-pluraliżmu; |
20. |
Jitlob li l-libertà tal-media tkun irrispettata u biex ir-rappurtar tal-media jkun konsistentement konformi mal-kodiċi tal-etika; |
21. |
Jenfasizza l-bżonn li jitwaqqfu sistemi ta' monitoraġġ u ta' implimentazzjoni għall-pluraliżmu tal-media bbażati fuq indikaturi affidabbli u imparzjali; |
22. |
Jenfasizza l-ħtieġa li l-awtoritajiet tal-UE u l-Istati Membri jiżguraw l-indipendenza ġurnalistika u editorjali b'garanziji legali u soċjali xierqa u speċifiċi, u jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tal-ħolqien u l-applikazzjoni uniformi ta' statuti editorjali fl-Istati Membri, u fis-swieq kollha fejn joperaw il-kumpaniji tal-media bbażati fl-UE, sabiex jimpedixxu lis-sidien, lil dawk li għandhom l-ishma, jew lil korpi esterni bħall-gvernijiet, milli jindaħlu fil-kontenut tal-aħbarijiet; |
23. |
Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw, permezz ta' mezzi adegwati, bilanċ xieraq bejn is-sensibilitajiet politiċi u soċjali, b'mod partikulari fil-kuntest ta' programmi tal-aħbarijiet u ta' ġrajjiet kurrenti; |
24. |
Jilqa' d-dinamika u d-diversità li ddaħħlu fil-panorama tal-media mill-media ġodda u jinkoraġġixxi l-użu responsabbli tat-teknoloġija l-ġdida kollha bħat-televiżjoni mobbli bħala pjattaforma għall-media kummerċjali, pubblika u tal-komunità; |
25. |
Jinkuraġġixxi diskussjoni miftuħa dwar il-kwistjonijiet kollha marbuta mal-istejtus tal-weblogs; |
26. |
Jappoġġja l-ħarsien tad-drittijiet tal-awtur fil-livell ta' media online, bil-partijiet terzi obbligati li jsemmu s-sors tad-dikjarazzjonijiet li jiċċitaw; |
27. |
Jirrakkomanda li l-litteriżmu tal-media jiġi inkluż fost il-kompetenzi Ewropej ewlenin u jappoġġja l-iżvilupp tal-kurrikulum ċentrali Ewropew għal-litteriżmu tal-media waqt li jenfasizza l-irwol tagħhom biex tingħeleb kwalunkwe forma ta' qasma diġitali; |
28. |
Isostni li l-għan tal-edukazzjoni medjatika irid ikun, kif stipulat fir-Rakkomandazzjoni Rec1466 (2000) msemmija hawn fuq dwar l-edukazzjoni dwar il-media, li jipprovdi liċ-ċittadini bil-mezzi biex jinterpretaw b'mod kritiku, u jużaw, il-volum dejjem jikber ta' informazzjoni li qed tingħatalhom; jikkunsidra li dan il-proċess ta' tagħlim se jippermetti liċ-ċittadini li jifformulaw il-messaġġi u jagħżlu l-media l-iktar adegwati biex jikkomunikawhom, u b'hekk jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom bis-sħiħ f'dak li għandu x'jaqsam mal-libertà ta' informazzjoni u espressjoni; |
29. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, fl-adozzjoni ta' approċċ Ewropew għal-litteriżmu medjatiku, tagħti biżżejjed attenzjoni lill-istandards tal-evalwazzjoni kritika tal-kontenut u għall-iskambji tal-aħjar prattiċi f'dan ir-rigward; |
30. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jikkonsolidaw qafas oġġettiv għall-għoti ta' liċenzji tax-xandir fl-oqsma tat-televiżjoni bil-kejbil u bis-satellita u s-swieq tax-xandir analogu u diġitali, fuq bażi ta' kriterji trasparenti u ġusti, sabiex tkun stabbilita sistema ta' kompetizzjoni pluralistika u jkunu evitati l-abbużi minn kumpaniji li jgawdu monopolji jew pożizzjonijiet dominanti; |
31. |
Ifakkar lill-Kummissjoni li f'diversi okkażżjonijiet, intalbet tfassal direttiva bl-għan li tiżgura l-pluraliżmu, tinkoraġixxi u tippreserva d-diversità kulturali kif definita fil-Konvenzjoni tal-Unesco dwar id-Diversità Kulturali, kif ukoll tissalvagwardja l-aċċess għall-kumpaniji kollha tal-media għall-elementi tekniċi li jistgħu jgħinuhom biex jilħqu l-pubbliku kollu kemm hu; |
32. |
Jistieden lill-Istati Membri biex jappoġġaw xandir pubbliku ta' kwalità għolja li jista' joffri alternattiva reali għall-programmi tal-istazzjonijiet kummerċjali u li jista', mingħajr ma neċessarjament ikollu jikkompeti għas-sehem mill-udjenza jew għad-dħul mir-reklamar, igawdi pożizzjoni ta' profil aktar għoli fix-xena Ewropea bħala pilastru taż-żamma tal-pluraliżmu tal-media, tad-djalogu demokratiku u tal-aċċess għaċ-ċittadini kollha għal kontenut ta' kwalità; |
33. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġjaw koperazzjoni akbar bejn l-awtoritajiet regolatorji Ewropej u biex jintensifikaw id-diskussjonijiet u l-iskambji ta' fehmiet formali u informali bejn l-awtoritajiet regolatorji fil-qasam tax-xandir; |
34. |
Jirrakkomanda li, fejn ikun xieraq, is-servizzi pubbliċi tax-xandir fl-Istati Membri jirrifletti n-natura multikulturali tar-reġjuni; |
35. |
Iħeġġeġ l-iżvelar tas-sjieda tal-mezzi tal-media kollha sabiex ikun hemm iktar trasparenza rigward l-għanijiet u l-esperjenza tax-xandar u tal-pubblikatur; |
36. |
Jinkuraġġixxi lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni għall-media kif ukoll għas-settur tal-Internet u tat-teknoloġija tal-komunikazzjoni tiffaċilita u tippromwovi l-pluraliżmu tal-media; jistieden lill-Kummissjoni biex, waqt l-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni tal-UE, tqis l-impatt tagħhom fuq il-pluraliżmu tal-media; |
37. |
Jirrakkomanda li r-regolamenti li jirregolaw l-għajnuna mill-istat ikunu mfassla u implimentati b'mod li jippermettu lill-media tas-servizz pubbliku u tal-komunità biex jirrealizzaw il-funzjoni tagħhom f'ambjent dinamiku, waqt li jiżguraw li x-xandir pubbliku jwettaq il-funzjoni li fdawlu l-Istati Membri b'mod trasparenti u responsabbli, u jevita l-abbuż ta' fondi pubbliċi għal raġunijiet ta' konvenjenza politika jew ekonomika; |
38. |
Jitlob lill-Kummissjoni biex tieħu kont xieraq tal-Konvenzjoni tal-Unesco dwar id-diversità kulturali u r-Rakkomandazzjoni Rec(2007)3 msemmija hawn fuq, meta tieħu d-deċiżjoni dwar il-ħtieġa ta' reviżjoni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2001 msemmija hawn fuq; f'każ li l-Kummissjoni tiddeċiedi li tirrevedi l-linji gwida eżistenti, jitlob li kwalunkwe miżura jew kjarifika proposta tkun evalwata f'dak li għandu x'jaqsam mal-impatt tagħha fuq il-pluraliżmu tal-media u tken tirrispetta kif dovut il-kompetenzi tal-Istati Membri; |
39. |
Jirrakomanda li l-Kummissjoni tuża l-proċess ta' reviżjoni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2001 msemmija hawn fuq — jekk tqis li din tkun meħtieġa — bħala mod kif issaħħaħ ix-xandir pubbliku bħala garanti importanti tal-pluraliżmu tal-media fl-UE; |
40. |
Jikkunsidra li, sabiex il-media awdjoviżiva pubblika tissodisfa l-kompitu tagħha fl-era tat-teknoloġija diġitali, huwa meħtieġ li hija tiżviluppa servizzi ta' informazzjoni u media ġodda, apparti l-programmi tradizzjonali, sabiex tkun tista' tinteraġixxi ma' kull network u pjattaforma diġitali; |
41. |
Jilqa' b'sodisfazzjon l-implimentazzjoni f'ċerti Stati Membri ta' dispożizzjonijiet li jirrikjedu li l-fornituri tat-televiżoni bil-kejbil jinkludu kanali tax-xandir pubbliku u jallokaw sezzjoni tal-ispettru diġitali għall-fornituri pubbliċi; |
42. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tapplika ftehim wiesgħa dwar il-mandat tax-xandir pubbliku konformi ma' interpretazzjoni dinamika u li tibqa' tgħodd fil-futur tal-protokoll tat-Trattat ta' Amsterdam, b'mod partikulari rigward il-parteċipazzjoni mingħajr restrizzjonijiet tax-xandir pubbliku fl-iżviluppi tekonoloġiċi u l-forom ta' produzzjoni u preżentazzjoni tal-kontenut li joħorġu minnhom (fil-forma ta' servizzi kemm lineari u kemm non-lineari); billi dan għandu jinkludi wkoll finanzjament adegwat għas-servizzi ġodda bħala parti mill-mandat tas-servizz pubbliku; |
43. |
Itenni li r-regolamentazzjoni tal-użu tal-ispettru trid tqis l-għanijiet tal-interess pubbliku bħall-pluraliżmu tal-media u għaldaqstant ma tistax tkun suġġetta għal reġim ibbażat purament fuq is-suq; jikkkunsidra barra minn hekk, li l-Istati Membri għandhom jibqgħu responsabbli li jiddeċiedu l-allokazzjoni tal-frekwenzi biex jaqdu l-ħtiġijiet speċifiċi tas-soċjetajiet tagħhom, b'mod partikulari rigward is-salvagwardja u l-promozzjoni tal-pluraliżmu tal-media; |
44. |
Jirrakkomanda li waqt ir-reviżjoni tal-Pakkett Telecom jinżammu, u, fejn ikun meħtieġ, ikunu estiżi, ir-regoli dwar il-kontenut li jrid jixxandar bilfors (must-carry rules), |
45. |
Jaqbel mar-Rakkomandazzjoni Rec(2007)2 msemmija hawn fuq li l-aċċess ġust tal-fornituri tal-kontenut għan-networks elettroniċi tal-komunikazzjoni għandu jkun żgurat; |
46. |
Jiġbed l-attenzjoni għar-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Novembru 2007 msemmija hawn fuq, billi l-interoperabilità hija ta' importanza fundamentali għall-pluraliżmu tal-media; |
47. |
Jitlob għal approċċ bilanċjat fir-rigward tal-allokazzjoni tad-dividend diġitali biex jiġi żgurat aċċess ekwu għall-atturi kollha, biex b'hekk ikun issalvagwardjat il-pluraliżmu tal-media; |
48. |
Huwa mħasseb dwar id-dominanza ta' ftit atturi online kbar, dominanza li tillimita l-parteċipanti li daħlu fis-suq dan l-aħħar u b'hekk toħnoq il-kreattività u l-imprenditorija f'dan is-settur; |
49. |
Jitlob aktar trasparenza fir-rigward tad-data u l-informazzjoni personali dwar l-utenti maħżuna mill-magni tat-tiftix tal-Internet, il-fornituri tas-servizzi tal-email u s-siti tan-networking soċjali; |
50. |
Jikkunsidra li r-regolamentazzjoni fil-livell tal-UE tħares biżżejjed l-aċċessibilità ta' gwidi ta' programmi elettroniċi u ta' faċilitajiet ta' riċerka u navigazzjoni simili, iżda tista' tiġi kkunsidrata aktar azzjoni fir-rigward tal-mod kif l-informazzjoni dwar il-programmi disponibbli hija ppreżentata sabiex jiġi żgurat li s-servizzi ta' interess ġenerali jkunu aċċessibbli b'mod faċli; jistieden lill-Kummissjoni biex taċċerta, permezz ta' proċeduri konsultattivi, jekk hemmx bżonn ta' linji gwida minimi jew ta' regolamentazzjoni speċifika għas-settur biex jiġi salvagwardjat il-pluraliżmu tal-media; |
51. |
Jitlob li jiġi ssalvagwardjat il-bilanċ bejn ix-xandara regolati mil-liġi pubblika u x-xandara privati, u l-applikazzjoni koerenti tal-liġi dwar il-kompetizzjoni u l-media, biex jissaħħaħ il-pluraliżmu tal-media; |
52. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, u lill-Kummissjoni u kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri. |
(1) ĠU C 340, 10.11.1997, p. 109.
(2) ĠU L 332, 18.12.2007, p. 27.
(3) ĠU C 25 E, 29.1.2004, p. 205.
(4) ĠU C 104 E, 30.4.2004, p. 1026.
(5) ĠU C 320, 15.11.2001, p. 5.
(7) Testi Adottati, P6_TA(2007)0497.