This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52009IP0099
Commission Reports on Competition Policy 2006 and 2007 European Parliament resolution of 10 March 2009 on the Reports on competition policy 2006 and 2007 (2008/2243(INI))
Rapporti tal-Kummissjoni dwar il-politika tal-kompetizzjoni għall-2006 u l-2007 Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 10 ta' Marzu 2009 dwar ir-Rapporti dwar il-politika tal-kompetizzjoni għall-2006 u l-2007 (2008/2243(INI))
Rapporti tal-Kummissjoni dwar il-politika tal-kompetizzjoni għall-2006 u l-2007 Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 10 ta' Marzu 2009 dwar ir-Rapporti dwar il-politika tal-kompetizzjoni għall-2006 u l-2007 (2008/2243(INI))
ĠU C 87E, 1.4.2010, p. 43–48
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
1.4.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CE 87/43 |
It-Tlieta, 10 ta’ Marzu 2009
Rapporti tal-Kummissjoni dwar il-politika tal-kompetizzjoni għall-2006 u l-2007
P6_TA(2009)0099
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2009 dwar ir-Rapporti dwar il-politika tal-kompetizzjoni għall-2006 u l-2007 (2008/2243(INI))
2010/C 87 E/10
Il-Parlament Ewropew,
wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni għall-2006 tal-25 ta' Ġunju 2007 (COM(2007)0358) u r-Rapport tagħha dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni għall-2007 tas-16 ta' Ġunju 2008 (COM(2008)0368),
wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni għall-Għajnuna mill-Istat tas-7 ta' Ġunju 2005 dwar “Għajnuna mill-Istat imnaqqsa iżda mmirata aħjar: pjan direzzjonali għar-riforma tal-għajnuna mill-istat 2005-2009” (COM(2005)0107),
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2006 dwar ir-riforma tal-għajnuna mill-istat 2005-2009 (1),
wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru. 1998/2006 tal-15 ta' Diċembru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat dwar l-għajnuna de minimis (2),
wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 tas-6 ta' Awwissu 2008 li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni (Regolament Ġenerali għall-Eżenzjoni ta’ Kategorija) skont l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat (3),
wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1400/2002 tal-31 ta’ Lulju 2002 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat fuq kategoriji ta’ ftehimiet vertikali u prattika miftiehma fis-settur tal-karozzi (4) (Regolament dwar Eżenzjoni Sħiħa għall-Vetturi bil-Mutur),
wara li kkunsidra l-Linji Gwida għall-għajnuna nazzjonali għar-reġjuni għall-2007-2013 (5),
wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1627/2006 tal-24 ta' Ottubru 2006 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 794/2004 fir-rigward tal-formoli standard għan-notifikazzjoni tal-għajnuna (6),
wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1628/2006 tal-24 ta' Ottubru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat għall-għajnuna nazzjonali għall-investiment reġjonali (7),
wara li kkunsidra l-Qafas Komunitarju għall-għajnuna mill-Istat għar-Riċerka u l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni (8),
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta’ April 2006 dwar aspetti settorjali tal-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Għajnuna mill-Istat: għajnuna għall-innovazzjoni (9),
wara li kkunsidra l-Linji Gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-istat għall-ħarsien tal-ambjent (10),
wara li kkunsidra l-Linji Gwida Komunitarji dwar għajnuna mill-Istat għall-promozzjoni ta' investimenti ta' kapital ta' riskju f'intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (11),
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-estensjoni tal-Qafas dwar l-Għajnuna mill-Istat għall-bini tal-vapuri (12),
wara li kkunsidra l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta' garanziji (13),
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-metodu li jistabbilixxi r-rati ta' referenza u ta' skont (14),
wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/111/KE tas-16 ta’ Novembru 2006 dwar it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-intrapriżi pubbliċi kif ukoll dwar it-trasparenza finanzjarja f’ċerti intrapriżi (15),
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tiegħu tad-19 ta' Frar 2008 dwar l-investigazzjoni u r-rimedji kontra l-abbuż ta’ pożizzjoni ta’ saħħa mis-supermarkits il-kbar li jinsabu fl-Unjoni Ewropea (16),
wara li kkunsidra l-inkjesti settorjali tal-Kummissjoni fis-setturi tal-enerġija u tas-servizzi bankarji għall-pubbliku ġenerali (“retail banking”),
wara li kkunsidra l-linji gwida tal-Kummissjoni dwar il-metodu kif jiġu ffissati multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (17),
wara li kkunsidra l-Avviż tal-Kummissjoni dwar Immunità minn multi u tnaqqis f'multi f'każijiet ta' kartell (18),
wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni tat-2 ta' April 2008 dwar Azzjonijiet għall-irkupru tad-danni għal ksur tar-regoli tal-KE dwar l-antitrust (COM(2008)0165),
wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni tal-11 ta' Lulju 2007 dwar l-Isport (COM(2007)0391),
wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A6-0011/2009),
1. |
Jilqa' b'sodisfazzjon il-pubblikazzjoni tar-Rapporti tal-Kummissjoni dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni tal-2006 u l-2007; |
2. |
Ikompli jappoġġja rwol aktar proattiv għall-Parlament fl-iżvilupp tal-politika tal-kompetizzjoni permezz tal-introduzzjoni tal-proċedura ta' kodeċiżjoni; |
3. |
Jifraħ lill-Kummissjoni talli qed tisfida b'mod effettiv it-tħaddim ta' kartelli “hardcore” illegali u għall-multi rekord imposti fuq dawk responsabbli; |
4. |
Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex, fir-rigward tar-reviżjoni tal-Kummissjoni dwar il-Funzjonament tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (19), jinkludu l-prinċipji dwar l-għoti tal-multi fir-Regolament (KE) Nru 1/2003 u biex ikomplu jtejbu u jispeċifikaw dawk il-prinċipji sabiex jikkonformaw mal-istandards tal-prinċipji legali ġenerali; |
5. |
Jappoġġja l-użu tal-avviż u l-proċedura tal-klemenza riveduti biex jiġi inkoraġġit l-għoti ta' informazzjoni dwar l-operat ta' kartelli “hardcore” illegali; |
6. |
Jilqa' b'sodisfazzjon il-pubblikazzjoni tal-White Paper dwar azzjonijiet ta’ rkupru tad-danni għal ksur tar-regoli tal-KE dwar l-antitrust iżda jħeġġeġ sabiex ir-riforma titkompla b'mod li jiġi żgurat li l-effetti negattivi tas-sistema Amerikana ma jirripetux ruħhom fl-Unjoni Ewropea; |
7. |
Jitlob li l-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni aħjar fir-rapporti ġejjienin tagħha dwar l-irwol u l-involviment tal-Uffiċjal tal-Kummissjoni għar-Relazzjonijiet mal-Konsumaturi f'każijiet dwar il-kompetizzjoni; |
8. |
Jinsab imħasseb dwar il-ħtieġa li jiġu evitati l-abbuż ta’ pożizzjonijiet dominanti fis-suq mill-korporazzjonijiet il-kbar, u jistieden lill-Kummissjoni sabiex twettaq analiżi tal-effetti fuq il-kompetizzjoni ta’ rapporti mhux ugwali bejn il-fornituri, jiġifieri min jipproduċi l-prodotti tal-ikel, u d-distributuri, fid-dawl tal-probabbiltà ta’ abbużi ta’ pożizzjoni ta’ dominanza; jistenna r-rapport tal-grupp ta’ ħidma tal-Kummissjoni dwar is-saħħa tax-xerrej; |
9. |
Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra li tanalizza l-operazzjoni ta' prattika abbużiva fis-settur tas-servizzi, li tista' twaqqaf lin-negozji ż-żgħar milli jkunu jistgħu jagħmlu offerti għal xogħol; jinnota l-problema li l-persuni li jaħdmu għal rashom u l-ħaddiema freelance kultant jiġu mċaħħda mill-possibilità li japplikaw tariffi standard f’każijiet fejn huma jkunu kważi esklużivament jiddependu fuq wieħed jew ftit utenti kbar tar-riżorsi tagħhom, u jistieden lill-Kummissjoni sabiex tistudja modi kif dawn jistgħu jorganizzaw ruħhom, jinnegozjaw u jikkonkludu ftehimiet kollettivi li jkunu konformi mal-prinċipji tal-liġi tal-kompetizzjoni; |
10. |
Jistieden lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-proċeduri interni tagħha għall-għażla ta’ suġġetti għal inkjesti settorjali; |
11. |
Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra twettaq inkjesta settorjali dwar ir-riklamar fuq l-internet; |
12. |
Jistiden lill-Kummissjoni biex twettaq analiżi dwar id-differenzi nazzjonali li jista’ jkun hemm fl-applikazzjoni tar-regoli tal-akkwist pubbliku u l-probabbiltà tat-tagħwiġ tal-kompetizzjoni li tirriżulta minnhom; |
13. |
Jinnota li l-Kummissjoni tirrapporta attività rekord fir-rigward ta' dawn it-tliet setturi li ġejjin: multi tal-antitrust għall-kartelli, in-numru ta' każijiet ta' amalgamazzjonijiet notifikati lill-Kummissjoni, u n-numru ta' notifiki ta' għajnuna mill-Istat lill-Kummissjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex twettaq analiżi urġenti tar-riżorsi tal-persunal biex tiżgura li d-Direttorat Ġenerali tagħha għall-Kompetizzjoni għandu numru xieraq ta' ħaddiema biex ilaħħaq mal-ammont ta' xogħol tiegħu li qed jiżdied; |
14. |
Jenfasizza li l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni għall-mergers u l-akkwisti ta’ kumpaniji għandhom jiġu evalwati mill-perspettiva tas-suq intern kollu, mhux ta’ partijiet minnu biss; |
15. |
Jilqa' b'sodisfazzjon l-evidenza, fir-Rapporti tal-Kummissjoni għall-2006 u l-2007 dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni, tal-effettività tar-ristrutturar tal-unità għall-Kontroll tal-Megers fid-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni skont linji settorjali b'analiżijiet ekonomiċi msaħħa u evalwazzjoni bejn il-pari; |
16. |
Jilqa’ t-tħabbira tat-tnedija ta’ reviżjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet (20); itenni li jqis li d-dispożizzjonijiet attwali m'humiex biżżejjed fid-dawl ta’ swieq tal-UE dejjem aktar integrati u kumplessi u li għandha titwettaq reviżjoni bil-għan li jinstab approċċ konsistenti fl-evalwazzjoni ta’ operazzjonijiet ta’ meger komparabbli; |
17. |
Jinnota l-livell rekord ta' notifiki ta' għajnuna mill-Istat, u jilqa' b'sodisfazzjon il-pubblikazzjoni tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa biex ikunu koperti l-intrapriżi Żgħar u ta' daqs Medju (SMEs), l-għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp għall-benefiċċju tal-SMEs, l-għajnuna għall-impjiegi, l-għajnuna għat-taħriġ u l-għajnuna reġjonali; |
18. |
Jilqa’, b’mod partikulari, il-possibilità li min iħaddem jiġi ssussidjat fir-rigward tal-ispejjeż li l-impjegati tiegħu ikollhom fejn tidħol kura tat-tfal u tal-ġenituri; |
19. |
Huwa mħasseb dwar iż-żieda fil-konċentrazzjoni tas-suq u fil-konflitti ta’ interess fis-settur bankarju; iwissi kontra r-riskji sistematiċi globali li jistgħu jinħolqu mill-kunflitti ta’ interess u mill-konċentrazzjoni tas-suq; |
20. |
Jilqa' b'sodisfazzjon ir-reviżjoni tat-tabella ta' valutazzjoni tal-għajnuna mill-Istat iżda jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex twettaq analiżi tal-effettività tal-għajnuna mill-Istat u jħeġġeġ sabiex ir-reviżjoni tat-tabella ta' valutazzjoni tidentifika dawk l-Istati Membri li naqsu milli jfittxu b'mod adegwat li jerġgħu jiġbru għajnuna mill-Istat li kienet illegali; |
21. |
Jilqa' b'sodisfazzjon il-pubblikazzjoni tal-linji gwida Komunitarji riveduti dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien tal-ambjent, li jiggarantixxu li l-Istati Membri jistgħu jappoġġjaw il-produzzjoni tal-enerġija li tiġġedded u l-koġenerazzjoni effiċjenti tal-enerġija billi jagħtu għajnuna li tkopri b'mod sħiħ id-differenza bejn l-ispejjeż tal-produzzjoni u l-prezz tas-suq; |
22. |
Iġedded is-sejħa tiegħu għal progress akbar biex jiġu ċċarati kemm ir-regoli tal-kompetizzjoni fis-seħħ u kemm l-applikazzjoni prattika tagħhom b’rabta mas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, minħabba d-differenzi konsiderevoli li hemm fil-politika li jadottaw l-Istati Membri; |
23. |
Jiddispjaċih li l-konsumaturi tal-enerġija fl-Unjoni Ewropea għadhom qed ibatu minn żidiet sproporzjonati fil-prezzijiet u minn suq tal-enerġija li fih distorsjonijiet, u li l-inkjesta settorjali tal-Kummissjoni wriet li ma kienx qed jiffunzjona sewwa; jerġa’ jenfasizza l-importanza tat-tlestija ta’ suq intern tal-enerġija li jiffunzjona tajjeb; |
24. |
Jappoġġja lill-Kummissjoni fl-isforzi tagħha biex tkompli tiżviluppa s-swieq tal-UE tal-gass u l-elettriċità, fejn element kruċjali tagħhom huwa s-separazzjoni tan-netwerks ta' bgħit min-naħa, u l-attivitajiet ta’ produzzjoni u provvista (unbundling) min-naħa l-oħra; |
25. |
Juri t-tħassib tiegħu għan-nuqqas ta’ trasparenza fl-iffissar tal-prezzijiet tal-fjuwil fis-swieq Ewropej; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li jkun hemm viġilanza kif jixraq fuq l-imġiba kompetittiva f’dawn is-swieq; |
26. |
Jappella sabiex jitwaqqfu mekkaniżmi li jiżguraw li l-adozzjoni tal-Iskema għall-Iskambji tal-Kwoti tal-Emissjonijiet ma toħloqx tagħwiġ fil-kompetizzjoni kemm internament kif ukoll fir-rigward ta’ kompetituri barranin; |
27. |
Jinnota li sa mid-9 ta' Ottubru 2007 il-Kunsill kien stieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra proċeduri ta' simplifikazzjoni biex wieħed jiffoka fuq kif l-inkjesti tal-għajnuna mill-Istat ikunu jistgħu jiġu ttrattati malajr f'ċirkostanzi kritiċi; |
28. |
Jilqa’ b’sodisfazzjon il-kjarifika u r-reazzjonijiet urġenti min-naħa tal-Kummissjoni fir-rigward tal-immaniġġjar tal-kriżi finanzjarja u ekonomika u l-użu tal-għajnuna Statali; jinnota l-ammont li qed jikber ta' għajnuna statali u jilqa' b'sodidfazzjon il-linji gwida dettaljati ulterjuri bl-għan li jkun hemm għajnuna Statali ffukata aħjar; |
29. |
Jirrikonoxxi l-applikabilità tal-Artikolu 87(3)b tat-Trattat għaċ-ċirkostanzi li qed jaffaċċjaw bħalissa l-ekonomiji tal-Istati Membri b’konsegwenza tat-taqlib fis-swieq finanzjarji; madankollu, iħoss li jeħtieġ li l-Kummissjoni tibqa’ tagħmel sorveljanza stretta fir-rigward ta’ pakketti ta’ salvataġġ finanzjarju biex tiżgura li jkun hemm kompatibbiltà fl-azzjonijiet ta’ emerġenza mal-prinċipji tal-kompetizzjoni ġusta; |
30. |
Iwissi kontra s-sospensjoni effettiva tar-regoli tal-kompetizzjoni; jisħaq dwar il-ħtieġa li jiġu studjati fid-dettall l-operazzjonijiet ta’ salvataġġ biex jiġi żgurat li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tagħti rapport komprensiv ex post lill-Parlament u lill-parlamenti tal-Istati Membri dwar l-applikazzjoni ta’ regoli tal-kompetizzjoni f’kull każ individwali fir-Rapport annwali tagħha li jmiss dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni; |
31. |
Juri t-tħassib tiegħu dwar tnaqqis kontinwu fl-attività ekonomika fl-Unjoni Ewropea, li mistenni jkompli sal-2009; iqis li jkun xieraq li fil-qafas tar-regoli tal-kompetizzjoni, jiġu applikati mekkaniżmi ta’ rispons adegwati, bħall-għajnuna għar-ristrutturar jew il-fond tal-aġġustament għall-globalizzazzjoni, biex jaffrontataw l-impatt tal-kriżi tal-kreditu fuq it-tkabbir u l-impjiegi; |
32. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tagħraf il-ħtieġa li jibdew jitħaddmu mekkaniżmi li jimminimizzaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u l-abbuż potenzjali tas-sitwazzjonijiet preferenzjali tal-benefiċjarji kkawżati minn garanziji Statali; |
33. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tinforza r-restrizzjonijiet ta’ imġiba fuq l-istituzzjonijiet finanzjarji li qed jirċievu għajnuna mill-Istat sabiex jiġi żgurat li istituzzjonijiet bħal dawn ma jikbrux b'mod aggressiv billi jinqdew bil-garanzija, bi ħsara għall-kompetituri; |
34. |
Jilqa' b'sodisfazzjon it-tnaqqis sinifikanti fid-differenzi fil-prezzijiet ta' karozzi ġodda madwar l-Unjoni Ewropea li seħħ minn meta ġie implimentat ir-Regolament dwar l-Eżenzjoni Sħiħa għall-Vetturi bil-Mutur u jistenna bil-ħerqa l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-effettività ta' dak ir-regolament; |
35. |
Jilqa’ b’sodisfazzjon l-azzjoni tal-Kummissjoni biex tnaqqas il-ħlasijiet għar-“roaming” fit-telekomunikazzjoni; madankollu jinnota li l-prezzijiet qed jibqgħu eżatt taħt il-massimu tal-prezz permess; jitlob li jittieħdu miżuri li jaġevolaw il-kompetizzjoni fil-prezzijiet flok miżuri ta' kontroll tal-prezzijiet; |
36. |
Jilqa' b'sodisfazzjon il-kontribuzzjoni tad-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Kompetizzjoni għall-White Paper dwar l-Isport inkluż li, fost l-oħrajn, tiġbed l-attenzjoni għall-każistika stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, u l-prattika tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat KE għas-settur tal-isport; |
37. |
Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tagħti aktar importanza lid-dimensjoni internazzjonali tal-politika tagħha dwar il-kompetittività tal-Unjoni Ewropea fil-livell globali u biex titlob l-applikazzjoni u r-rispett tal-prinċipju tar-reċiproċità fin-negozjati kummerċjali; |
38. |
Iqis li hu kruċjali li l-politika tal-kompetizzjoni tkun indirizzata sew fil-qafas tan-negozjati għal ftehimiet ta’ kummerċ bilaterali; jistieden lid-Direttorat Ġenerali tal-Kompetizzjoni sabiex jinvolvi ruħu b’mod attiv f’dawk in-negozjati biex ikun żgurat li jinkiseb għarfien reċiproku tal-prattika kompetittiva, l-aktar fl-oqsma tal-għajnuniet tal-istat, l-akkwist pubbliku, is-servizzi, l-investiment u l-faċilitazzjoni tal-kummerċ; |
39. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tanalizza l-istruttura tal-parteċipazzjoni tagħha fin-Netwerk Internazzjonali tal-Kompetizzjoni u fil-Jum Ewropew tal-Kompetizzjoni sabiex jiġi żgurat li l-pubbliku ikun infurmat aħjar u b'mod aktar wiesa' dwar l-importanza kruċjali tal-politika tal-kompetizzjoni biex jissaħħu t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi; |
40. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. |
(1) ĠU C 290 E, 29.11.2006, p. 97.
(2) ĠU L 379, 28.12.2006, p. 5.
(4) ĠU L 203, 1.8.2002, p. 30.
(6) ĠU L 302, 1.11.2006, p. 10.
(7) ĠU L 302, 1.11.2006, p. 29.
(8) ĠU C 323, 30.12.2006, p. 1.
(9) ĠU C 296 E, 6.12.2006, p. 263.
(11) ĠU C 194, 18.8.2006, p. 2.
(12) ĠU C 173, 8.7.2008, p. 3.
(13) ĠU C 155, 20.6.2008, p. 10.
(14) ĠU C 14, 19.1.2008, p. 6.
(15) ĠU L 318, 17.11.2006, p.17.
(16) Testi Adottati, P6_TA(2008)0054.
(17) ĠU C 210, 1.9.2006, p. 2.
(18) ĠU C 298, 8.12.2006, p. 17.
(19) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta' Diċembru 2002 dwar l-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni stipulate fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1).
(20) Regolament tal-Kunsill (KE)139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (Regolament KE dwar kl-Amalgamazzjonijiet) (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1).