This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52009IP0100
Small Business Act European Parliament resolution of 10 March 2009 on the Small Business Act (2008/2237(INI))
Att tan-Negozji Żgħar Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 10 ta’ Marzu 2009 dwar l-Att tan-Negozji Żgħar (2008/2237(INI))
Att tan-Negozji Żgħar Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 10 ta’ Marzu 2009 dwar l-Att tan-Negozji Żgħar (2008/2237(INI))
ĠU C 87E, 1.4.2010, p. 48–59
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
1.4.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CE 87/48 |
It-Tlieta, 10 ta’ Marzu 2009
Att tan-Negozji Żgħar
P6_TA(2009)0100
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Marzu 2009 dwar l-Att tan-Negozji Żgħar (2008/2237(INI))
2010/C 87 E/11
Il-Parlament Ewropew,
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Ġunju 2008 bl-isem “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” - “Att dwar in-Negozji ż-Żgħar” għall-Ewropa (COM(2008)0394) u magħha d-dokumment ta’ ħidma tal-istaff tal-Kummissjoni dwar l-evalwazzjoni tal-impatt (SEC(2008)2102),
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-30 ta’ Novembru 2006 dwar ’Wasal iż-żmien li ningranaw - Noħolqu Ewropa ta’ intrapreditorija u tkabbir’ (1) tad-19 ta’ Jannar 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-Karta Ewropea għall-Intrapriżi Żgħar (2),
wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-2 715-il Kunsill dwar il-Kompetittività tat-13 ta’ Marzu 2006 dwar il-politika għat-tkabbir u l-impjiegi għall-SMEs u l-Konklużjonijiet tal-2 891-il Kunsill tal-1 u 2 ta’ Diċembru 2008,
wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tad-12 ta’ Frar 2009,
wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-14 ta’ Jannar 2009,
wara li kkunsidra l-għażla ta’ prattika tajba tal-2008 tal-Karta Ewropea għal Intrapriżi Żgħar,
wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma tas-Servizzi tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Ġunju 2008 intitolat kodiċi Ewropea tal-aħjar prattika li tiffaċilita l-aċċess ta’ SMEs għal kuntratti ta’ akkwisti pubbliċi (SEC(2008)2193),
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-8 ta’ Ottubru 2007 intitolata Żgħar, nodfa u kompetittivi – Programm biex jgħin intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni ambjentali (COM(2007)0379),
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-16 ta’ Lulju 2008 dwar il-Pjan ta’ Azzjoni għal Konsum u Produzzjoni Sostenibbli u Politika Industrijali Sostenibbli (COM(2008)0397),
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-16 ta’ Lulju 2008 bl-isem Strateġija għall-Ewropa dwar id-Drittijiet tal-Proprjetà Industrijali (COM(2008)0465),
wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Group ta’ Esperti ta’ Livell Għoli ta’ Partijiet Interessati Indipendenti dwar it-Tnaqqis tal-Piżijiet Amministrattivi tal-10 ta’ Lulju 2008 dwar it-tnaqqis tal-piż amministrattiv fil-qasam prijoritarju tal-liġi tal-kumpaniji, u tat-22 ta’ Ottubru 2008 dwar ir-riforma tar-regoli dwar il-fatturar fid-Direttiva 2006/112/KE (Direttiva tal-VAT),
wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A6-0074/2009),
A. |
billi t-23 miljun intrapriża żgħira u ta’ daqs medju (SMEs) fl-UE, li jirrappreżentaw madwar 99 % tal-intrapriżi kollha u li jipprovdu iktar minn 100 miljun impjieg, għandhom irwol fundamentali b’rabta mal-għoti ta’ kontribuzzjoni għall-iżvilupp ekonomiku, il-koeżjoni soċjali u l-ħolqien tal-impjiegi, huma sors maġġuri ta’ innovazzjoni u huma vitali għaż-żamma u t-tkabbir tal-impjiegi, |
B. |
billi l-SMEs iridu jitqiegħdu fiċ-ċentru tal-linji politiċi kollha tal-Komunità dwar il-kompetittività sabiex ikunu jistgħu jiżviluppaw u jadattaw ruħhom għat-talbiet tal-globalizzazzjoni, jipparteċipaw fit-trijangolu tal-għarfien u jadattaw ruħhom għal sfidi ambjentali u tal-enerġija, |
C. |
billi fil-qasam tan-negozju tal-SMEs ftit intwera titjib, jew titjib li bil-kemm huwa evidenti, minkejja inizjattivi li ttieħdu iktar kmieni mill-Unjoni Ewropea sa mis-sena 2000, |
D. |
billi l-maġġoranza assoluta tal-SMEs huma mikrointrapriżi, negozji tal-familja, ta’ ħaddiema tas-snajja’ u koperattivi li huma l-inkubaturi naturali tal-kultura intraprenditorjali u, għaldaqstant, iwettqu rwol importanti fit-tisħiħ tal-inklużjoni soċjali u tal-impjiegi indipendenti, |
E. |
billi l-SMEs m’għandhomx biżżejjed appoġġ biex jiddefendu ruħhom minn prattika kummerċjali transkonfinali mhux ġusta, bħal ma hija dik ta’ kumpaniji tad-direttorji kummerċjali qarrieqa, |
F. |
billi, minkejja d-differenzi tagħhom, l-SMEs tal-Ewropa jaffrontaw ħafna mill-istess sfidi fil-ksib tal-potenzjal sħiħ tagħhom, f’oqsma bħall-ispejjeż amministrattivi u ta’ konformità li huma relattivament ogħla minn ta’ impriżi ikbar minnhom, aċċess għall-finanzi u s-swieq, l-innovazzjoni u l-ambjent, |
G. |
billi, bħala kontribuzzjoni ewlenija għall-ksib ta’ ambjent li jħares l-SMEs, il-perċezzjoni tal-irwol tal-intraprendituri u t-teħid tar-riskju trid tinbidel: l-intraprenditorija u d-disponibiltà ta’ teħid ta’ riskju assoċjata magħha għandhom ikunu mfaħħra mill-mexxejja politiċi u l-mezzi ta’ komunikazzjoni, u appoġġjati mill-amministrazzjonijiet, |
H. |
billi l-SMEs, meta jibdew il-proċessi tal-internazzjonalizzazzjoni tagħhom, ikollhom jittrattaw problemi speċifiċi, bħan-nuqqas ta’ esperjenza internazzjonali, l-iskarsezza ta’ riżorsi umani b’esperjenza, qafas regolatorju internazzjonali kumpless ħafna u l-ħtieġa li jdaħħlu tibdiliet fl-organizzazzjoni u l-kultura tan-negozju, |
I. |
billi l-Parlament ta’ spiss innota b’sogħba n-nuqqas ta’ saħħa ġuridika li torbot tal-Karta Ewropea għall-Impriżi ż-Żgħar li xejjnet l-implimentazzjoni ġenwina tagħha u tal-għaxar rakkomandazzjonijiet tagħha li fil-maġġoranza tagħhom baqgħu injorati; billi għalhekk talab lill-Kunsill biex jistħarreġ dik il-kwistjoni fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Jannar 2006, hawn fuq imsemmija, |
Ġenerali
1. |
Jappoġġja bil-qalb il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq msemmija hawnhekk tal-25 ta’ Ġunju 2008, bil-għan ta’ ġestjoni ta’ aġenda politika ambizzjuża għall-promozzjoni tat-tkabbir tal-SMEs permezz tal-għaxar prinċipji ta’ gwida u ta’ stabbiliment tal-approċċ “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” fit-tfassil tal-politika fil-livelli kollha; |
2. |
Jisgħobbih, madankollu, li l-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar (Small Business Act - SBA) mhuwiex strument li jorbot b’mod ġuridiku; iqis li l-aspett tabilħaqq innovattiv tiegħu jinsab fl-intenzjoni li jqiegħed fil-qalba tal-politika Ewropea il-prinċipju ta’ “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir”; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jingħaqdu mal-Parlament fl-isforzi tiegħu biex jistabbilixxi dan il-prinċipju bħala regola li torbot, f’xi forma li għad trid tiġi stabbilita, sabiex jiżgura l-implimentazzjoni tiegħu fil-leġiżlazzjoni Komunitarja kollha tal-ġejjieni; |
3. |
Jenfasizza l-ħtieġa assoluta li jiġu implimentati l-għaxar prinċipji gwida fil-livelli Ewropej, nazzjonali u reġjunali; jitlob għalħekk lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jimpenjaw ruħhom bil-qawwa sabiex jiżguraw implimentazzjoni xierqa; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jaħdmu f’koperazzjoni mill-qrib mal-partijiet interessati kollha relevanti sabiex jiddefinixxu l-prijoritajiet u jimplimentaw b’urġenza, b’mod partikulari fil-livell nazzjonali, il-Pjan ta’ Azzjoni tal-SBA adottat mill-Kunsill għall-Kompetittività fl-1 ta’ Diċembru 2008, sabiex jiġi żgurat li l-partijiet kollha involuti jiksbu pussess effettiv ta’ dawn il-prinċipji ta’ gwida; |
4. |
Jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli ssaħħaħ il-viżibiltà u l-għarfien ta’ azzjonijiet politiċi relatati mal-SMEs billi jinġabru flimkien l-istrumenti u l-fondi Komunitarji eżistenti għall-SMEs taħt titolu separat fil-baġit tal-UE; |
5. |
Huwa konvint bis-sħiħ li huwa vitali li jkun introdott mekkaniżmu ta’ segwitu għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni korretta u ta’ malajr ta’ dawk l-inizjattivi politiċi li diġà tnedew; għalhekk, jistieden lill-Kunsill sabiex idaħħal l-azzjonijiet li jridu jittieħdu fil-livell tal-Istati Membri bħala parti mil-proċess ta’ Liżbona u biex jinforma kull sena lill-Parlament dwar il-progress li jkun sar; |
6. |
Jistieden lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi sistema ta’ eżaminanazzjoni għall-monitoraġġ tal-progress li jsir wara l-implimentazzjoni tal-10 prinċipji gwida mill-Kummissjoni u l-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi kriterji standard ta’ evalwazzjoni biex jiġi evalwat il-progress li jsir; jistieden lill-Istati Membri biex jinkorporaw l-ewwel rapport dwar il-progress magħmul fir-rapporti annwali li jmiss dwar il-programmi ta’ riforma nazzjonali; |
7. |
Jenfasizza l-ħtieġa li ssir enfasi partikolari fuq l-impriżi tas-snajja, tal-familja, impriżi mikro u individwali fil-livell tal-UE u dak nazzjonali u reġjonali u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iwettqu miżuri regolatorji, amministrattivi, fiskali u ta’ tagħlim għal tul il-ħajja li jkunu mmirati speċifikament għal dawn l-impriżi; jitlob ukoll li jkun hemm għarfien tal-karatteristiċi speċifiċi tal-professjonijiet liberali u tal-ħtieġa li dawn jiġu ttrattati bl-istess mod bħal SMEs oħra ħlief meta dan jikkontradixxi l-liġi eżistenti li tirregola dawn il-professjonijiet; jenfasizza l-irwol importanti tal-assoċjazzjonijiet tal-SMEs għan-negozjanti, il-ħaddiema tas-snajja’ u l-membri ta’ professjonijiet liberali oħrajn; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jaħdmu flimkien biex itejbu l-ambejnt tan-negozju għall-dawn l-industriji u l-qafas legali għall-assoċjazzjonijiet professjonali u industrijali tagħhom; |
8. |
Iqis li l-proposti tal-Kummissjoni jonqoshom strateġija ċara għall-persuni li jaħdmu għal rashom biex dawn ikunu jistgħu jtejbu l-istatus u d-drittijiet legali tagħhom, b’mod partikolari jekk il-pożizzjoni tagħhom titqabbel ma’ dik tal-impjegati salarjati; jitlob lill-Kummissjoni biex tiggarantixxi lill-persuni li jaħdmu għal rashom id-dritt li jiftiehmu dwar tariffi standard, li jorganizzaw irwieħhom, li jikkonkludu ftehimiet kollettivi, jekk il-kontroparti tagħhom tkun prinċipal kbir b’pożizzjoni dominanti, sakemm dan ma jkunx ta’ ħsara għal klijenti potenzjali anqas b’saħħithom u ma jġibx distorsjonijiet fis-suq; |
9. |
Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, biex jipprovdu miżuri selettivi u mmirati u appoġġ individwali bħal informazzjoni, pariri u l-possibiltà ta’ aċċess għall-kapital riskjuż minn negozji li għadhom qed jibdew fis-settur tal-SMEs; |
10. |
Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żviluppat mudell soċjali u ekonomiku li joħloq netwerk ta’ sikurezza adegwata għal impriżi innovattivi li huma żgħar jew ta’ daqs medju fejn ta’ spiss jinstabu kundizzjonijiet ta’ xogħol li mhumiex stabbli. |
11. |
Jinnota b’dispjaċir li n-nisa jħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet biex jiftħu u jżommu negozji minħabba fatturi bħal nuqqas ta’ tagħrif, nuqqas ta’ kuntatti u ta’ aċċess għan-netwerks, id-diskriminazzjoni u l-isterjotipi rigward is-sess, id-disponibilità fqira jew inflessibbli ta’ faċilitajiet għall-kura tat-tfal, id-diffikultajiet biex jinstab bilanċ bejn l-obbligi tan-negozju u dawk tal-familja, kif ukoll id-differenzi fl-approċċ lejn l-intraprenditorija bejn in-nisa u l-irġiel; |
12. |
Japprova l-introduzzjoni proposta ta’ netwerk ta’ rappreżentanti intraprendituri nisa, skemi ta’ istruzzjoni għan-nisa sabiex jistabbilixxu n-negozji tagħhom stess, u l-promozzjoni tal-intraprenditorija fost nisa gradwati; madankollu, jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li ħafna impriżi għadhom segregati mill-aspett ta’ ġens, li hija, u se tibqa’ għal medda twila ta’ żmien, problema serja ħafna, minħabba li sakemm in-nisa jibqgħu ddiskriminati fis-suq tax-xogħol, l-UE tkun qed titlef ħaddiema u intraprendituri kapaċi u bħala konsegwenza, titlef il-flus; għaldaqstant, jemmen li għandhom ikunu investiti saħansitra aktar fondi fi proġetti favur intraprendituri nisa; |
13. |
Jenfasizza li l-intraprenditorija fost in-nisa tgħin biex tiġbed lin-nisa lejn is-suq tax-xogħol kif ukoll biex jitjieb l-istatus ekonomiku u soċjali tagħhom; jiddispjaċih madankollu, li f’dan is-settur għad hemm distakk bejn in-nisa u l-irġiel, b’mod speċjali fil-ħlas, minkejja l-interess qawwi muri għan-nisa, u li n-numru ta’ intraprendituri nisa fl-Unjoni Ewropea għadu baxx, sa ċertu punt minħabba l-kontribut mhux rikonoxxut (pereżempju, mhux imħallas) għalkemm importanti tan-nisa fit-tmexxija ta’ kuljum tal-SMEs tal-familja; |
14. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iqisu s-settur kulturali u kreattiv bħala l-mutur tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali fl-UE - b’sehem ta’ 2.6 % għall-PGD u b’2.5 % tal-ħaddiema tal-UE; jenfasizza l-importanza tal-SMEs biex jistimulaw is-settur tal-ICT u l-industrija kreattiva; |
15. |
Jenfasizza li s-settur kulturali u ekonomiku huwa dominat minn SMEs u huwa importanti b’mod partikolari għall-protezzjoni tal-impjiegi sostenibbli fil-livell reġjonali; |
16. |
Jilqa’ b’sodisfazzjon l-introduzzjoni ta’ direttiva mill-Kummissjoni rigward ir-rati mnaqqsa tal-VAT għal servizzi li jinvolvu xogħol qawwi u fornuti lokalment, li primarjament huma fornuti mill-SMEs; jenfasizza madankollu li dan m’għandux iwassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni u ma jridx ikun hemm ambigwità dwar liema servizzi huma koperti; |
17. |
Jinnota l-ħtieġa li jkun żgurat li l-SMEs ikollhom il-kapaċità li jixtru “żgħir”, jixtru “aħdar” u jixtru lokalment, biex b’hekk jipproteġu aktar il-klima u jsiru aktar effiċjenti; |
18. |
Jilqa’ l-adozzjoni mgħaġġla tal-eżenzjoni ġenerali sħiħa fir-rigward tal-għajnuna mill-istat, u tal-miżuri dwar l-istatut għal kumpanija privata Ewropea u dwar ir-rati tal-VAT imnaqqsa; |
19. |
Jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni li jitnaqqsu r-rati tal-VAT għal servizzi fornuti lokalment; jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu aktar passi biex trattab ir-regoli ta’ għajnuna mill-istat biex tinkoraġġixxi l-forniment ta’ opportunitajiet ta’ akkwist pubbliku lil kumpaniji lokali, b’mod partikolari lill-SMEs lokali; |
20. |
Jappoġġja l-idea li tkun estiża sal-2012 l-eżenzjoni attwali mir-regoli ta’ kompetizzjoni tal-KE għall-għajnuna statali għall-produzzjoni tal-films u jqis li dan huwa appoġġ qawwi għal SMEs kreattivi; |
21. |
Jappoġġja r-regoli l-ġodda tal-għajnuna statali stabbiliti mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 tas-6 ta’ Awwissu 2008 li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni fl-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat (Regolament ta’ Eżenzjoni Sħiħa Ġenerali) (3) li jeżentaw, taħt ċerti kundizzjonijiet, lill-SMEs mir-regoli ta’ notifika; |
22. |
Jinnota li, minkejja l-impenn ċar magħmul fil-Karta Ewropea għall-Impriżi ż-Żgħar, il-vuċi tal-SMEs għadha siekta fl-ambitu tad-djalogu soċjali; iħeġġeġ li dan in-nuqqas ikun formalment ikkoreġut bi proposti adattati fl-ambitu tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar; |
23. |
Jara l-bżonn li fil-qafas tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar isir iktar enfasi fuq il-qasam tal-liġi tax-xogħol, speċjalment b’kunsiderazzjoni tal-kunċett tal-flessigurtà, li jgħin b’mod partikulari lill-SMEs biex jirreaġixxu aktar malajr għat-tibdiliet fis-suq u, għalhekk, biex jiġi garantit livell ogħla ta’ impjieg u l-kompetittività tal-kumpaniji, inkluża l-kompetittività internazzjonali, filwaqt li titqies il-protezzjoni soċjali meħtieġa; f’dan l-ambitu jirreferi għar-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta’ Novembru 2007 dwar il-prinċipji komuni ta’ flessigurtà (4); |
24. |
Jenfasizza, barra minn hekk, l-importanza tal-liġi tax-xogħol, u speċjalment kif l-applikazzjoni tagħha tista’ tiġi ottimizzata, pereżempju permezz ta’ pariri aħjar jew permezz tas-simplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi, u jitlob lill-Istati Membri biex jiddedikaw attenzjoni speċjali lill-SMEs b’rabta mal-approċċi speċifiċi li jadottaw għall-flessigurtà, anke permezz ta’ politika attiva dwar is-suq tal-impjiegi, peress li l-SMEs kapaċi jkollhom flessibilità interna u esterna ikbar minħabba l-livelli baxxi tagħhom ta’ persunal, imma għandhom bżonn ukoll ta’ sigurtà ikbar għalihom u għall-ħaddiema tagħhom; iqisha ħaġa essenzjali li l-liġi tax-xogħol, bħala waħda mill-pilastri tal-flessigurtà, tipprovdi bażi legali li l-SMEs ikunu jistgħu joqogħdu fuqha, minħabba l-fatt li dawk in-negozji spiss ma jkunux jistgħu jaffordjaw li jkollhom dipartament legali jew dipartament għall-immaniġġjar tar-riżorsi umani; jinnota l-fatt li skont l-Eurostat, 91.5 % tal-kumpaniji Ewropej kienu jimpjegaw anqas minn 10 persuni fl-2003; |
25. |
Iqis li jeħtieġ li jiddaħħlu miżuri li jikkumbattu x-xogħol mhux iddikjarat, li bla dubju hu sors ta’ kompetizzjoni inġusta għall-SMEs li x-xogħol tagħhom jiddependi ħafna fuq il-ħaddiema; |
26. |
Jistieden lill-Istati Membri biex iżidu fl-ekonomija prinċipali l-inklużjoni ta’ SMEs li s-sidien tagħhom huma l-minoritajiet etniċi sottorappreżentati permezz tal-iżvilupp ta’ programmi favur id-diversità tal-fornituri li jkollhom l-għan li jiggarantixxu opportunitajiet ugwali għan-negozji sottorappreżentati li qed jikkompetu għall-kuntratti ma’ intrapriżi akbar; |
27. |
Jenfasizza l-importanza li jkun hemm Statut għal Kumpanija Privata Ewropea bħala forma legali ġdida u addizzjonali, basta dan ikun iffokat fuq l-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju li jkollhom il-ħsieb li jidħlu f’attivitajiet transkonfinali u ma jkunx jista jiġi abbużat minn kumpaniji akbar biex jevitaw id-dispożizzjonijiet legali fl-Istati Membri li jħaddnu sistema ta’ governanza korporattiva li tqis l-interessi ta’ kulmin hu mdaħħal fis-settur; |
28. |
Jistieden lill-awtoritajiet pubbliċi, abbażi tal-prinċipju li l-aċċess għat-tagħrif huwa prekundizzjoni għall-ksib tat-tagħrif innifsu u - meta wieħed jikkunsidra l-importanza tal-Internet bħala mezz għal dan - biex ikunu ssimplifikati kemm jista’ jkun il-websajts istituzzjonali biex jippermettu li utenti jsibu u jifhmu aħjar il-mekkaniżmi ta’ appoġġ li jiġu offruti; |
Żieda fl-R&D u fl-innovazzjoni
29. |
Jenfasizza l-importanza tal-innovazzjoni għall-SMEs u d-diffikultajiet biex jiksbu vantaġġ minn opportunitajiet ta’ riċerka; iqis li akkademji nazzjonali tax-xjenza u istituti tar-riċerka jistgħu jkollhom sehem biex jixprunaw l-innovazzjoni u jnaqqsu l-ostakoli għar-riċerka għall-SMEs; jemmen li l-mira m’għandhiex tkun biss fuq l-innovazzjoni tat-teknoloġija avvanzata, iżda għandha tkun ikkunsidrata wkoll teknoloġija u innovazzjoni informali ta’ livell baxx u medju; iqis li l-Istitut Ewropew għall-Innovazzjoni u t-Teknoloġija jista’ jkollu rwol importanti biex tingħata spinta lir-R&D u l-innovazzjoni għall-SMEs; jistieden lill-Istati Membri biex jimmultiplikaw l-inizjattivi li jbaxxu l-limitu għall-SMEs biex ikollhom aċċess għar-riċerka; huwa konvint li l-programmi kollha tal-Komunità għar-riċerka u t-teknoloġija għandhom ikunu mfassla b’mod li jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni transkonfinali tal-SMEs; |
30. |
Jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni li ttejjeb l-aċċess għas-Seba’ Programm ta’ Qafas għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku u attivitajiet ta’ dimostrazzjoni (2007-2013) (5); |
31. |
Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni sabiex jimplimentaw kondizzjonijiet ta’ qafas aħjar li jkunu mmirati lejn il-ħolqien ta’ ambjent favorevoli għall-innovazzjoni mill-SMEs, b’mod partikolari permezz tal-introduzzjoni ta’ mezzi għat-titjib tal-protezzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u għall-ġlieda aktar effetiva kontra l-iffalsifikar u l-frodi fl-Unjoni Ewropea kollha; jemmen li regoli bilanċjati tajjeb dwar drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, filwaqt li jiżguraw il-fluss u l-iskambju ta’ informazzjoni u idejat, jistgħu joffru protezzjoni; jenfasizza li l-SMEs jeħtieġu għajnuna biex ikollhom aċċess għall-protezzjoni tad-drittijiet ta’ proprijetà intellettwali, biex jiddefendu dawn id-drittijiet bl-għajnuna tal-awtoritajiet relevanti tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, kif ukoll biex jużaw id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali tagħhom biex jattiraw finanzi; |
32. |
Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jitolbu li l-imsieħba kummerċjali tagħhom japplikaw b’mod aktar strett il-Ftehima tad-WTO dwar l-Aspetti relatati mal-Kummerċjalizzazzjoni tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intelletwali (TRIPS), kif ukoll biex jagħmlu l-isforzi kollha neċessarji għall-adozzjoni ta’ ftehimiet bilaterali, reġjonali u multilaterali biex jiġġieldu l- falsifikazzjoni u l-piraterija, bħalma hi l-Ftehima ACTA (Anti-Counterfeiting Trade Agreement); |
33. |
Huwa tal-fehma li l-potenzjal sħiħ tal-kummerċ elettroniku għall-SMEs għadu mhux sfruttat b’mod sħiħ u għad baqa’ ħafna xi jsir biex jinkiseb Suq Elettroniku Uniku Ewropew għall-prodotti u s-servizzi fejn l-SMEs jistgħu jkollhom irwol ewlieni għal aktar integrazzjoni tas-swieq Ewropej; |
34. |
Iqis li l-parteċipazzjoni tal-SMEs fi gruppi jrid ikun promoss biex tingħata spinta lill-innovazzjoni u tiżdied il-kompetittività tal-ekonomija tal-UE; għaldaqstant, jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti appoġġ lit-titjib tal-ġestjoni tal-gruppi, l-aktar permezz tal-iskambju tal-aħjar prattiċi u programmi ta’ taħriġ, biex ikunu ddisinjati u mxerrda l-għodda għall-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tal-gruppi, biex tkun promossa l-koperazzjoni bejn il-gruppi, u biex ikunu ssimplifikati aktar il-proċeduri amministrattivi għall-parteċipazzjoni tal-gruppi fil-programmi tal-UE; |
35. |
Jitlob li l-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar iqis l-arranġamenti kooperattivi fost l-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju (il-gruppi ta’ xiri u ta’ tqegħid fis-suq), peress li gruppi bħal dawn urew li għandhom anqas riskju ta’ insolvenza minn intrapriżi individwali; |
36. |
Huwa konvint bis-sħiħ li l-privattivi għandhom irwol importanti fl-innovazzjoni u fil-prestazzjoni ekonomika minħabba li jippermettu li innovaturi jiksbu profitt minn investimenti innovattivi u jipprovdu s-sigurtà neċessarja għall-investiment, l-ishma u s-self; għaldaqstant huwa tal-opinjoni li għandha ssir mingħajr dewmien ftehima dwar il-Privattiva Komunitarja li jiżgura protezzjoni ġuridika li ma tkun għolja ħafna, li tkun effiċjenti u ta’ kwalità għolja, kif ukoll dwar sistema Ewropea armonizzata ta’ tilwim dwar il-privattivi; |
37. |
Jenfasizza l-ħtieġa ta’ promozzjoni ta’ akkwist pubbliku innovattiv u ta’ qabel il-kummerċjalizzazzjoni minħabba li dan iwassal għal valur miżjud għall-awtoritajiet kontraenti, għaċ-ċittadini, u għall-intrapriżi parteċipattivi; jistieden lill-Istati Membri biex iżiedu s-sehem tagħhom fl-akkwist pubbliku innovattiv u l-parteċipazzjoni ta’ proċeduri innovattivi ta’ akkwist pubbliku ta’ SMEs; jistieden lill-Kummissjoni biex tiffaċilita t-tixrid tal-aħjar prattika f’dan il-qasam, pereżempju dwar il-kriterji għat-tfigħ ta’ offerti u l-proċeduri u l-arranġamenti biex jinqasam ir-riskju u l-għarfien; |
38. |
Huwa tal-fehma li għall-akkwist pubbliku internazzjonali - fejn teknoloġiji ġodda jippermettu l-kummerċ elettroniku transkonfinali - forom ġodda ta’ pereżempju irkanti kombinati għal konsorzja ta’ SMEs u l-pubblikazzjoni u r-riklamar fuq l-Internet ta’ sejħiet għall-offerti. jippermettu żidiet sinifikanti fil-kummerċ ta’ akkwist mhux biss fl-Unjoni Ewropea imma globalment biex ikun inkoraġġit il-kummerċ elettroniku transkonfinali; |
39. |
Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jkun hawn biżżejjed persunal tekniku u tas-sengħa; għaldaqstant, jemmen li huwa meħtieġ li jsir iktar investiment fl-edukazzjoni u li għandhom jissaħħu r-rabtiet bejn istituzzjonijiet edukattivi u SMEs, sabiex il-promozzjoni tax-xogħol li wieħed jagħmlu għal rasu, tal-kultura tal-intraprenditorija u tal-għarfien tad-dinja tan-negozju jkunu inklużi fil-livelli kollha tar-kurrikula nazzjonali tal-edukazzjoni; jinkoraġġixxi iktar estensjoni ta’ skemi ta’ mobiltà individwali bħall-“Erasmus għal intraprendituri żgħażagħ” u l-“Erasmus għall-apprendisti”, b’mod partikolari fir-rigward tal-parteċipazzjoni tan-nisa; appoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni biex testendi l-ambitu tal-programm Leonardo da Vinci u l-ħolqien ta’ Sistema Ewropea ta’ Krediti għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ECVET); iħeġġeġ lill-Istati Membri, f’kollaborazzjoni mal-imsieħba soċjali u l-fornituri tat-taħriġ, biex jistabbilixxu programmi vokazzjonali bbażati fuq ix-xogħol u t-taħriġ vokazzjonali (mill-ġdid) u programmi ta’ tagħlim tul il-ħajja mfassla speċifikament għall-ħtiġijiet tal-SMEs li jkunu kkofinanzjati mill-Fond Soċjali Ewropew; jistieden lill-Kummissjoni biex tiffaċilità l-iskambju tal-aħjar prattika fit-taħriġ innovattiv u miżuri favur is-sejba ta’ bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u l-ħajja tal-familja u sabiex tippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi; |
40. |
Jenfasizza l-importanza li l-intraprendituri żgħażagħ u l-intraprendituri nisa jiġu mħeġġa permezz ta’, fost affarijiet oħra, l-introduzzjoni ta’ programmi ta’ taħriġ individwali u ta’ gwida personali u pariri; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li numru dejjem jikber ta’ intraprendituri nisa u żgħażagħ jaħdmu fl-SMEs, anke jekk dawn jinsabu l-aktar fin-negozji ż-żgħar (il-mikronegozji), u huma vulnerabbli għall-effetti negattivi tal-istereotipi u l-preġudizzji rigward trasferiment u s-suċċessjoni fin-negozju, partikolarment fil-każ ta’ negozji tal-familja; jitlob għalhekk lill-Istati Membri biex, filwaqt li jqisu l-impatt tal-popolazzjoni li qed tixjiħ, jimplimentaw politika u mekkaniżmi adatti, partikolarment billi jintroduċu għodod dijanjostiċi, informattivi, konsultattivi u ta’ appoġġ għat-trasferimenti tan-negozju; |
41. |
Jenfasizza li s-Seba’ Programm ta’ Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp fih mekkaniżmu ta’ kondiviżjoni tar-riskju finanzjarju li għandu jippermetti li jitħaffef l-aċċess għal self mill-Bank Ewropew tal-Investiment (EIB) għal proġetti kbar ħafna; jistieden lill-Kummissjoni biex tevalwa l-użu mill-SMEs ta’ dak il-mekkaniżmu u konsegwentement tintroduċi kwalunkwe proposti meħtieġa; |
42. |
Jilqa’ b’sodisfazzjon it-tnedija ta’ netwerk Ewropew uniku li jintegra s-servizzi attwalment fornuti miċ-Ċentri ta’ Tagħrif dwar l-Ewro u ċ-Ċentri Relay għall-Innovazzjoni biex jingħata appoġġ lill-SMEs fil-ħidmiet kollha tagħhom ta’ innovazzjoni u kompetittività permezz ta’ firxa wiesgħa ta’ servizzi; |
43. |
Jistieden lill-Kummissjoni biex tevalwa l-parteċipazzjoni tal-SMEs fil-Programm ta’ Qafas tal-Innovazzjoni u l-Kompetittività (6) u biex tressaq kwalunkwe proposti meħtieġa; |
Żgurar tal-finanzjament u tal-aċċess għall-finanzi
44. |
Jinnota li s-sors ewlieni ta’ finanzjament għall-SMEs fl-Ewropa ġej mill-attività tagħhom stess u mill-kreditu u self mogħtija lilhom mill-istituzzjonijiet finanzjarj; jinnota li l-SMEs huma kkunsidrati bħala li huma ta’ riskju akbar li jfixkel l-aċċess tagħhom għall-finanzjament; għaldaqstant, jitlob li jkun hemm sforz konġunt mill-istituzzjonijiet finanzjarji, il-Kummissjoni u l-Istati Membri sabiex jiżguraw l-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament u biex joffrulhom il-possibbiltà li jikkonsolidaw il-kapital tagħhom billi jinvestu mill-ġdid il-qligħ tagħhom fil-kumpanija; jemmen li m’għandux jintalab il-ħlas ta’ tariffi qabel ma l-SMEs jibdew l-attività, biex ikun żgurat li huma jkunu kapaċi jiżviluppaw il-fondi u r-riżorsi tagħhom stess; f’dan il-kuntest, jindika l-urġenza tas-sitwazzjoni finanzjarja attwali u l-bżonn li tittieħed azzjoni immedjata; |
45. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iżidu l-isforzi tagħhom ħalli jippromwovu u jfornu tagħrif dwar l-eżistenza ta’ fondi Ewropej u għajnuniet tal-Istat maħsuba għall-SMEs u sabiex jagħmlu dawn iż-żewġ strumenti aktar aċċessibbli kif ukoll li jinftiehmu aktar faċilment; |
46. |
Jistieden lill-Istati Membri biex joħolqu kundizzjonijiet aħjar li jipperemettu lill-SMEs li jinvestu fit-taħriġ tas-snajja’, mhux anqas permezz ta’ tnaqqis fit-taxxi diretti u arranġamenti ta’ kumpens bejn l-awtoritajiet tat-taxxa u l-Unjoni Ewropea; |
47. |
Jirrikonoxxi li s-sistema tat-tassazzjoni tal-Istati Membri tista’ tkun ħaġa li tiskoraġġixxi t-trasferiment ta’ negozji, b’mod partikolari negozji ta’ familji, filwaqt li żżid ir-riskju ta’ likwidazzjoni jew għeluq tal-kumpanija; għaldaqstant, jistieden lill-Istati Membri sabiex jirrivedu b’attenzjoni l-qafas legali u fiskali tagħhom sabiex itejbu l-kondizzjonijiet għat-trasferiment ta’ negozji, b’mod specjali f’każijiet fejn is-sidien jirtiraw jew jimirdu; huwa konvint li titjib bħal dan jiffaċilita l-kontinwazzjoni tal-attivitajiet tan-negozji, partikolarment in-negozji tal-familja, il-ħarsien tal-impjiegi u l-investiment mill-ġdid tal-profitt; |
48. |
Huwa sodisfatt ħafna bl-allinjament reċenti bejn il-politika ta’ koeżjoni u l-Istrateġija ta’ Liżbona’; jemmen li billi l-fondi reġjonali jkunu mmirati iktar lejn l-intraprenditorija, ir-riċerka u l-innovazzjoni, jistgħu jkunu disponibbli fondi konsiderevoli f’livell lokali għat-tisħiħ tal-potenzjal ta’ negozji; |
49. |
Jisħaq li s-swieq finanzjarji dinamiċi huma essenzjali għall-finanzjament ta’ intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju u jenfasizza l-bżonn li s-swieq Ewropej tal-kapital ta’ riskju jinfetħu billi tittejjeb id-disponibilità tal-kapital ta’ riskju, tal-kapital intermedjarju u tal-mikrokreditu u l-aċċess għalihom; iqis, għal din ir-raġuni, li f’ċirkostanzi normali l-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju għandu jkollhom aċċess għall-krediktu provdut mill-atturi fis-swieq kapitali li jkunu jistgħu jevalwaw il-prospetti tagħhom u jkopru l-bżonnijiet tagħhom b’mod iktar effettiv; |
50. |
Jappoġġja d-deċiżjoni meħuda mill-Kunsill u mill-Bank Ewropew għall-Investiment li tiġi adottata sensiela ta’ riformi biex jitwessgħu l-prodotti finanzjarji għall-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju mill-grupp tal-BEI kif ukoll li jiġi offrut żvilupp sostanzjali tas-self globali tiegħu lill-imsieħba bankarji tiegħu, kemm f’termini kwantitattivi kif ukoll f’termini kwalitattivi; |
51. |
Jenfasizza li l-abiltà limitata tal-SMEs b’rabta mal-aċċess għall-finanzi hija ostaklu maġġuri għall-ħolqien u t-tkabbir tagħhom; f’dan ir-rigward jilqa’ d-deċiżjoni tal-BEI li jżid b’ EUR 30 000 miljun il-finanzjament disponibbli għal garanziji u għal strumenti finanzjarji oħrajn għall-SMEs; jistieden lill-EIB biex joħloq forom godda ta’ strumenti finanzjarji u soluzzjonijiet ġodda tanġibbli biex jingħelbu l-ostakli li jippreżenta l-kollateral għall-aċċess għall-kreditu, jistieden lill-Istati Membri, fid-dawl tal-kriżi ekonomika attwali, biex jinkoraġġixxu lill-banek biex jassiguraw l-aċċess tal-SMEs għal kreditu b’kundizzjonijiet raġjonevoli; |
52. |
Ifaħħar l-inizjattiva reċenti tal-Azzjoni Konġunta għall-Appoġġ tal-Istituzzjonijiet ta’ Mikro-finanza fl-Ewropa (JASMINE) li se tkun ta’ benefiċċju għall-fażijiet ta’ bidu tan-negożji u se tippromwovi b’mod partikulari l-intraprenditorija fost żgħażagħ u nisa; jistieden lill-Istati Membri biex, b’koperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet tal-SMEs u istituzzjonijiet ta’ self, jassumu rwol proattiv fl-għoti ta’ informazzjoni dwar aċċess u applikazzjoni għall-mikrokrediti u possibiltajiet oħrajn ta’ finanzjament; |
53. |
Jenfasizza l-irwol importanti tal-EIB u l-Fond Ewropew tal-Investiment (EIF) għat-titjib tal-finanzjament disponibbli għall-SMEs, b’mod partikolari, minħabba l-inkwiet finanzjarju attwali u r-riperkussjonijiet tiegħu fuq is-suq tal-kreditu; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex ikomplu jinvestigaw kif jistgħu jittejbu r-regoli bankarji attwali u regolamenti finanzjarji oħrajn, inkluża t-trasparenza ta’ klassifikazzjonijiet ta’ kredtu, sabiex ikun faċilitat l-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament; jistieden lill-Kummissjoni biex bil-koperazzjoni tal-Istati Membri u l-EIB jistabbilixxu kondizzjonijiet ta’ qafas aħjar għall-iżvilupp ta’ suq pan-Ewropew tal-kapital ta’ riskju; |
54. |
Isostni li l-falliment ta’ waħda minn kull erba’ SMEs hu dovut għal ħlas tard, ħafna drabi min-naħa tal-amministrazzjoni pubblika; jenfasizza li l-’credit cruch’ attwali jista’ jeffettwa b’mod disproporzjonat lill-SMES billi l-klijenti l-kbar jeżerċitaw pressjoni fuq fornituri iżgħar sabiex jikkonċedu kundizzjonijiet itwal ta’ pagament; f’dan ir-rigward jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tirrevedi d-Direttiva 2000/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Ġunju 2000 dwar il-ġlieda kontra ħlasijiet tard fi tranżazzjonijiet kummerċjali (7) u jistieden lill-Istati Membri biex itejbu l-kultura tal-ħlas fl-amministrazzjonijiet pubbliċi tagħhom; iħeġġeġ il-ħolqien fil-livell Komunitarju ta’ limitu ta’ żmien armonizzat għall-ħlasijiet li, jekk ikun possibbli, ikun iqsar għal ħlasijiet għall-SMEs, u multi għal meta jinqabeż dan il-limitu; |
55. |
Jilqa’ b’sodisfazzjon il-miżuri proposti fl-SBA li jippruvaw itejbu l-forniment ta’ kapital għall-SMEs; jistieden, b’mod partikolari fid-dawl tal-kriżi finanzjarja, biex jiżdiedu u/jew jitkomplewi l-programmi kredibbli ta’ appoġġ statali għall-SMEs u biex l-appoġġ tagħhom ikun estiż għall-intermedjarji finanzjarji; |
56. |
Jinnota l-potenzjal enormi tal-Programm għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni tal-UE biex ikunu kkoreġuti l-fallimanenti tas-suq fil-finazjament tal-SMEs, fil-promozzjoni tal-ekoinnovazzjoni u fl-appoġġ għall-kultura ta’ intraprenditorija; |
Titjib tal-aċċess għas-suq
57. |
Jenfasizza li l-istandardizzazzjoni tista’ twassal għall-innovazzjoni u l-kompetittività billi tiffaċilita l-aċċess għas-swieq u billi tippermetti l-interoperabiltà; jistieden lill-Kummissjoni biex ittejjeb l-aċċess għal standards għall-SMEs u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċess ta’ standardizzazzjoni; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni sabiex tkompli tippromwovi standards Komunitarji b’mod internazzjonali; |
58. |
Jenfasizza l-importanza tal-involviment, bl-aktar mod sħiħ possibbli, tan-Netwerk Impriża Ewropa, l-awtoritajiet ta’ tmexxija ta’ proġetti nazzjonali, il-kmamar tal-kummerċ u tal-industrija u l-awtoritajiet pubbliċi fil-promozzjoni fil-livell lokali tal-opportunitajiet offruti mill-programmi tal-UE għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni u mill-Fondi Strutturali tal-UE, inkluża l-inizjattiva Komunitarja rigward l-Azzjoni Konġunta għall-Appoġġ tal-Istituzzjonijiet ta’ Mikro-finanza fl-Ewropa (JEREMIE); |
59. |
Jinnota li l-akkwist pubbliku jkopri madwar 17 % tal-GDP tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex isaħħu l-aċċess tal-SMEs għall-akkwist pubbliku u l-parteċipazzjoni tagħhom fih permezz tal-opportunitajiet ippreżentati fil-kodiċi tal-aħjar prattiċi msemmi hawn fuq li jiffaċilita l-aċċess tal-SMEs għall-kuntratti għall-akkwisti pubbliċi billi, inter alia;
|
60. |
Iħeġġeġ barra minn hekk lill-Istati Membri biex jieħdu dawn il-passi:
|
61. |
Jinnota li hemm il-ħtieġa ta’ sistema ta’ servizz ta’ konsulenza li jgħin l-operat ta’ kuljum tal-SMEs matul iċ-ċiklu tal-ħajja kollha tagħhom bil-għan li jottimizzaw l-investimenti tagħhom; |
62. |
Jikkunsidra li applikazzjonijiet avvanzati tan-negozju elettroniku, ibbażati fuq l-implimentazzjoni ta’ firem u ċertifikati ta’ awtentifikazzjoni elettroniċi interoperabbli, huma forza kruċjali għall-kompetittività tal-SMEs u għandhom ikunu inkoraġġiti mill-Kummissjoni u l-Istati Membri; |
63. |
Jenfasizza l-importanza tas-suq intern għall-SMEs u jgħid li l-promozzjoni tal-aċċess tal-SMEs għas-suq intern għandha tkun prijorità; |
64. |
Jirrikonoxxi li għad hemm ċerti restrizzjoniijiet fil-possibbiltà tal-SMEs li jagħmlu użu sħiħ mill-vantaġġi li joffri s-Suq Intern; għalhekk iqis li kemm il-qafas legali kemm dak politiku tas-Suq Intern iridu jitjiebu biex jiffaċilitaw l-operazzjonijiet transkonfinali tal-SMEs; jgħid ukoll li ambjent regolatorju ċar jkun jista’ joffri lill-SMEs aktar inċentivi għall-kummerċ fis-Suq Intern; iqis li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu punti ta’ kuntatt uniċi u portali web; |
65. |
Jenfasizza li informazzjoni msaħħa dwar l-aċċess għas-suq u l-opportunitajiet tal-esportazzjoni fis-Suq Uniku hija essenzjali kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fl-UE; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex isaħħu l-informazzjoni u s-servizzi konsultattivi, b’mod partikolari, in-netwerk li jsolvi l-problemi SOLVIT; |
66. |
Jappoġġja t-talba għall-provediment ta’ servizzi ta’ konsulenza minn Stati Membri biex jgħinu lill-SMEs jiddefendu rwieħhom minn prattika kummerċjali inġusta, bħal dawk ta’ kumpaniji ta’ direttorju kummerċjali qarrieqa, liema servizzi jinkoraġġixxu l-SMEs fil-kummerċ transkonfinali tagħhom; jenfasizza l-importanza tal-irwol tal-Kummissjoni kemm biex jiffaċilitaw il-koordinazzjoni ta’ dawn is-servizzi ta’ konsulenza kemm biex jikkoperaw magħhom biex jiġi żgurat li l-ilmenti transkonfinali jiġu ttrattati b’mod adegwat u effiċjenti; jinsisti, minkejja dan, li fil-każ li dawn il-miżuri ħfief ma jagħtux riżultati, il-Kummissjoni għandha tkun lesta tagħti l-bidu għall-modifiki leġiżlattivi neċessarji li jipprovdu lill-SMEs bi protezzjoni simili għall-konsumaturi meta jkunu l-parti d-dgħajfa f’dawn it-tranżazzjonijiet; |
67. |
Jenfasizza li 8 % biss tal-SMEs kollha huma involuti f’attivitajiet transkonfinali, fattur li jillimita l-possibiltajiet ta’ tkabbir; iqis li huwa essenzjali li tingħata spinta lis-suq intern; jemmen li l-Istati Membri għandhom jikkoperaw fl-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti amministrattivi li jaffettwaw attivitajiet intra-Komunitarji; jistieden lill-Istati Membri sabiex jittrasponu u jimplimentaw malajr id-Direttiva tas-Servizzi (8) filwaqt li jagħtu attenzjoni speċjali lill-interessi tal-SMEs u jinkoraġġixxi l-adozzjoni mħeffa tal-istatut għal Kumpanija Privata Ewropea; |
68. |
Jemmen li għandu jkun hemm bażi kkonsolidata komuni għat-tassazzjoni tal-kumpaniji; jitlob li tiġi stabbilita vetrina unika (one-stop-shop) għall-VAT sabiex ikun possibbli għall-intraprendituri li jissodisfaw ir-responsabilitajiet tagħhom fil-pajjiż tal-oriġini tan-negozju; |
69. |
Jistieden lill-Kummissjoni sabiex issaħħaħ b’mod kontinwu r-rekwiżiti ta’ qafas għall-aċċess tal-SMEs għas-swieq barranin u sabiex tappoġġja l-provvista ta’ informazzjoni; jinkoraġġixxi l-istabbiliment ta’ ċentri Ewropej ta’ appoġġ għan-negozji fiċ-Ċina u fl-Indja, u fis-swieq kollha li qed jitfaċċaw, b’koperazzjoni mill-qrib ma’ ċentri nazzjonali ta’ appoġġ għan-negozji li diġà joperaw hemmhekk; minħabba li parteċipazzjoni baxxa mill-SMEs fl-attivitajiet transkonfinali tista’ tkun spjegata wkoll min-nuqqas ta’ ħiliet fil-lingwi u kompetenzi multikulturali, huma meħtieġa mezzi ta’ azzjoni akbar biex tingħeleb din l-isfida; madankollu, ifakkar li l-SMEs jeħtieġu aċċess aħjar għat-tagħrif u l-pariri kwalifikati fil-pajjiż tagħhom stess; |
70. |
Jenfasizza l-importanza li jsir progress fin-negozjati kummerċjali li jistgħu jnaqqsu aktar ostakoli regolatorji għall-kummerċ, ħaġa li taffettwa lill-SMEs b’mod sproporzjonat; |
71. |
Jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi fil-programm tax-xogħol tagħha l-inkorporazzjoni ta’ trattamment ugwali għall-SMEs fir-regoli tal-WTO dwar l-aċċess għall-kuntratti ta’ akkwist pubbliku; jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti attenzjoni partikolari lill-problemi li jiltaqgħu magħhom l-SMEs minħabba l-formalitajiet tad-dwana, b’mod partikolari billi tħaffef l-adattament tas-sistemi tal-informatika tagħhom, bi prezz irħis kemm jista’ jkun, ma’ dawk użati mill-awtoritajiet nazzjonali tad-dwana, u bis-simplifikazzjoni tal-arranġamenti għall-aċċess tal-istatus ta’ operatur ekonomiku; |
Il-ġlieda kontra l-burokrazija u proċeduri amministrattivi dewwemin
72. |
Jemmen li teżisti ħtieġa urġenti li kull meta jkun possibbli jitnaqqsu għall-anqas b’25 % l-proċeduri amministrattivi dewwemin u li titqiegħed fis-seħħ amministrazzjoni moderna adattata għall-ħtiġijiet ta’ SMEs; għaldaqstant, jinkoraġġixxi l-promozzjoni fost l-SMEs tal-għarfien tal-informatika, b’mod partikolari fost intraprendituri żgħażagħ u intraprendituri nisa, u użu aħjar tat-teknoloġija diġitali li jippermettilhom li jiffrankaw il-ħin u l-flus u jkunu jistgħu jiddedikaw ir-riżorsi li jirriżultaw għall-iżvilupp tagħhom stess; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iwettqu inizjattivi biex isir skambju u promozzjoni tal-aħjar prattiċi amministrattivi, jistabbilixxu punti ta’ referenza u jelaboraw u jippromwovu linji gwida u standards għall-prattiċi amministrattivi faverevoli għall-SMEs; huwa konvint li huwa urġenti wkoll li fil-ġejjieni qarib jiġu implimentati l-proposti tal-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli rigward it-Tnaqqis tal-Piżijiet Amministrattivi bil-għan li jinkisbu l-miri ta’ tnaqqis mingħajr ma jirriskjaw l-aċċess għall-finanzji mill-SMEs; |
73. |
Jemmen li l-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju, u b’mod partikolari l-mikrointrapriżi, għandhom ikunu ntaxxati b’mod li kemm jista’ jkun inaqqas l-isforzi amministrattivi, b’tali mod li tkun faċilitata l-fażi inizjali ta’ negozju u li jitħeġġu l-innovazzjoni u l-investiment tul l-eżistenza tagħhom; |
74. |
Jenfasizza l-importanza fundamentali tal-evalwazzjoni tal-impatt ta’ inizjattivi leġiżlattivi futuri fuq SMEs; għaldaqstant, jitlob li jitwaqqfu evalwazzjonijiet mandatorji sistematiċi tal-impatt u mmirati għall-SMEs, l-hekk imsejjaħ ’test tal-SMEs’ li r-riżultati tagħhom għandhom ikunu suġġetti għal evalwazzjoni indipendenti li għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-korpi leġiżlattivi tal-UE; jemmen li attenzjoni speċifika għandha tingħata lill-impatt, inkluż lill-piż amministrattiv, fuq l-impriżi żgħar u l-mikroimpriżi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tapplika t-test tal-SMEs għall-proposti ġodda kollha tal-leġiżlazzjoni tal-UE li jeffettaw in-negozju, inklużi simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti u rtirar ta’ proposti pendenti; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jintroduċu testitijiet tal-SMEs simili fil-livell nazzjonali; |
75. |
Hu tal-fehma li kwalunkwe leġiżlazzjoni ġdida, pereżempju dwar il-prevenzjoni ta’ dewmien fl-oqsma tal-pagamenti, id-drittijiet tal-awtur, il-liġi tal-kumpaniji jew il-liġi dwar il-kompetizzjoni (bħalma huma r-regoli adottati biex jiġi ffaċilitat l-ksib tad-data f’litigazzjoni dwar imġiba antikompetittiva jew dwar litigazzjoni li tirriżulta mir-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa għall-għajnuna Statali), għandha tkun ifformulata b’tali mod li mhux biss ma tiddiskriminax kontra l-SMEs, imma tappoġġja lilhom u l-forniment tas-servizz tagħhom fis-suq intern kollu; |
76. |
Jenfasizza l-ħtieġa ta’ involviment xieraq u f’waqtu tal-SMEs fit-tfassil ta’ politika; għalhekk, huwa tal-fehma li l-perjodu ta’ konsultazzjoni tal-Kummissjoni għandu jiġi estiż għal tal-anqas 12-il ġimgħa mid-data meta l-konsultazzjoni tkun disponibbli bil-lingwi kollha tal-UE; jirrikonoxxi l-irwol essenzjali u prezzjuż tal-organizzazzjonijiet tan-negozju rappreżentattivi, għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni biex, meta jkun rilevanti, iddaħħal direttament lill-SMEs u lir-rappreżentattivi tagħhom fil-kumitati konsultattivi ta’ esperti u l-gruppi ta’ livell għoli tagħhom; |
77. |
Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tistimula s-simplifikazzjoni u l-armonizzazzjoni tal-liġi tal-kumpaniji u, b’mod partikolari, tar-regoli tal-kontabilità fis-suq intern sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-SMEs u tiżdied it-trasparenza għal kulmin hu imdaħħal fis-settur; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tippromwovi bil-qawwi l-użu ta’ teknoloġija ġdida bħalma hi l-XBRL (eXtensible Business Reporting Language) billi tippreżenta pjan direzzjonali għall-introduzzjoni ta’ rappurtaġġ bl-XBRL fl-Unjoni Ewropea, sabiex dan isir obbligatorju f’perjodu ta’ żmien raġjonevoli u li jkun promoss u appoġġjat użu wiesa’ ta’ dan l-istandard miftuħ; |
78. |
Jinkoraġġixxi l-istabbiliment ta’ “btala statistika” għal mikrointrapriżi, li tikkonċedilhom eżenzjonijiet temporanji minn stħarriġ mandatarju tal-istatistika, l-applikazzjoni wiesgħa tal-prinċipju ’darba biss’ b’rabta mal-informazzjoni pprovduta mill-intrapriżi lill-awtoritajiet pubbliċi, u iktar żvilupp tal-gvern elettroniku; |
79. |
Jenfasizza l-ħtieġa għall-introduzzjoni ta’ dati komuni li fihom jingħata bidu għal leġiżlazzjoni tal-Komunità ġdida li taffettwa l-SMEs; jistieden lill-Istati Membri u l-assoċjazzjonijiet tal-SMEs biex jinfurmaw lill-SMEs b’mod konċiż u komprensiv rigward il-bidliet fil-leġiżlazzjoni li taffettwahom; |
80. |
Iħeġġeġ lill-Istati Membri, b’koperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet tal-SMEs, sabiex fuq is-sisien ta’ strutturi eżistenti bħan-Netwerk Impriża Ewropa u l-uffiċċji tal-Europe Direct, jistabbilixxu punti ta’ kuntatt nazzjonali dedikati - fiżiċi jew elettroniċi - għal fini ta’ informazzjoni, u aġenziji ta’ appoġġ għall-SMEs, li jkunu msejsa fuq il-prinċipju ta’ one-stop-shops u joffru aċċess għal sorsi varji ta’ informazzjoni u serviżżi ta’ appoġġ, strutturati skont iċ-ċiklu tal-ħajja tan-negozju; |
81. |
Jirrikonoxxi d-diffikultà tat-twaqqif ta’ negozji ġodda minħabba d-diversità tas-sistemi stabbiliti fl-Istati Membri diversi; għalhekk iqis li jeħtieġ li tinħoloq sistema unifikata biex jiġi stabbilit negozju fejn il-proċess isir pass wara pass, u fejn jista’ jinħoloq negozju fi żmien 48 siegħa; |
82. |
Itenni li r-regoli finanzjarji li jirregolaw programmi Komunitarji ta’ sikwit għadhom iwasslu għal proċeduri burokratiċi mhux neċessarji u li jkunu twal u jiswew il-flus, b’mod partikolari għall-SMEs; jistieden lill-Kummissjoni biex terġa’ tqajjem fuq tiegħu l-Ossevatorju ta’ SMEs Ewropej, tippubblika l-parteċipazzjoni tagħhom f’kull programm Komunitarju flimkien ma’ analiżi tal-benefiċċju li jinkiseb, u skont ir-riżultati, tressaq proposti biex tiżdied il-parteċipazzjoni tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni sabiex issaħħaħ l-irwol u l-viżibiltà tar-rappreżentanti maħturin tal-SMEs fl-oqsma differenti ta’ politika; barra minn hekk, jinkoraġġixxi l-inizjattivi kollha li jippermettu l-iżvilupp ta’ “l-iSpirtu tal-SMEs” fit-tfassil tal-politika fi ħdan awtoritajiet pubbliċi, bħalma huma il-Programm ta’ Esperjenza f’Impriża tal-Kummissjoni li jippermetti li s-Servizz Ċivili Ewropew jiffamiljarizza ruħu mal-SMEs; |
83. |
Jiddeplora l-prattika ta’ ’gold plating’ tal-Istati Membri - li hija ta’ ħsara partikulari għall-SMEs - u jistieden lill-Kummissjoni biex tinvestiga x’miżuri oħrajn jistgħu jittieħdu biex dan jiġi evitat; jitlob segwitu għall-evalwazzjoni ta’ impatt li tanalizza kif qegħdin fil-fatt jiġu implimentati d-deċiżjonijiet fl-Istati Membri u f’livell lokali; |
84. |
Jistieden li ssir websajt speċjali tal-UE għall-SMEs li jkun fiha tagħrif u formoli tal-applikazzjoni għal proġetti tal-UE, numri tat-telefown nazzjonali, rabtiet ma’ imsieħba, tagħrif dwar il-kummerċ, tagħrif dwar proġetti ta’ riċerka, kif ukoll konsultazzjoni, laqgħat għall-għoti ta’ tagħrif u tagħrif rigward regolamenti ġodda permezz tal-Internet; |
85. |
Jistieden lill-Kummissjoni biex taħdem, flimkien mal-Istati Membri fuq l-armonizzazzjoni tal-formoli ta’ applikazzjoni li għandhom jimtlew mill-intrapriżi fil-proċessi ta’ applikazzjoni ta’ tfigħ ta’ offerti; |
86. |
Jilqa’ b’sodisfazzjon il-Premju għall-Aħjar Idea li Tnaqqas il-Burokrazija għall-awtoritajiet pubbliċi li fornew miżuri innovattivi li jnaqqsu l-burokrazija fil-livell lokali, reġjonali jew nazzjonali; |
87. |
Jistieden li jsir ħlas fi żmien 30 jum mill-fondi ta’ koeżjoni tal-UE għal proġetti diġà approvati, biex jiġu żgurati t-tkomplija tal-progress, is-sovravivenza u l-effetti ta’ dawn il-proġetti; |
Bdil tas-sostenibiltà f’negozju
88. |
Jirrikonoxxi li l-isforzi għat-titjib tas-sostenibiltà jistgħu jsiru sors importanti ta’ (eko) innovazzjoni u vantaġġ ewlieni għall-kompetittività tal-industrija; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-SMEs ta’ sikwit ma jkunux konxji biżżejjed minn soluzzjonijiet ġodda effiċjenti f’termini tal-enerġija u li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent jew ma jkollhomx ir-riżorsi finanzjarji neċessarji sabiex ikunu jistgħu jiksbuhom; għaldaqstant, jistieden lill-Kummissjoni sabiex tinvestiga kif il-Komunità tista’ tgħin lill-SMEs biex isiru iktar effiċjenti f’termini tar-riżorsi u tal-enerġija; |
89. |
Itenni l-importanza mogħtija lir-responsabilità soċjali korporattiva ta’ negozji fuq skala żgħira li jeħtieġu rabtiet, netwerks u servizzi orizzontali; iqis bħala ħaġa bla ebda effett li ssir referenza għaċ-ċertifikazzjoni tas-sistema Ewropea ta’ Mmaniġġjar u Verifika Ambjentali, kemm minħabba li din tagħmel ħsara liċ-ċertifikati eżistenti, kif wkoll għaliex din hija limitata biss għal isfidi ambjentali; |
90. |
Jilqa’ b’sodisfazzjon inizjattivi reċenti li jgħinu lill-SMEs sabiex jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni ambjentali billi, fost affarijiet oħrajn, dawn jingħataw tnaqqis fil-ħlasijiet tal-aġenziji, billi jkun żgurat l-aċċess tagħhom għal informazzjoni dwar standards ambjentali jew billi jiġu introdotti eżenzjonijiet speċifiċi mil-leġiżlazzjoni Komunitarja; |
*
* *
91. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri. |
(1) ĠU C 316 E, 22.12.2006, p. 378.
(2) ĠU C 287 E, 24.11.2006, p. 258.
(4) ĠU C 297 E, 20.11.2008, p. 174.
(5) ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1.
(6) Deċizjoni Nru 1639/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 2006 li tistabbilixxi programm ta' qafas dwar il-Kompetittività u l-Innovazzjoni (2007 sa 2013) (ĠU L 310, 9.11.2006, p.15).
(7) ĠU L 200, 8.8.2000, p. 35.
(8) Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36).