This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52009IP0120
Input to Spring 2009 European Council on the Lisbon Strategy European Parliament resolution of 11 March 2009 on the input to the Spring 2009 European Council in relation to the Lisbon Strategy
Kunsill Ewropew: L-Istrateġija ta' Liżbona Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 11 ta' Marzu 2009 dwar il-kontribut għall-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa tal-2009 f'dak li għandu x'jaqsam mal-Istrateġija ta' Liżbona
Kunsill Ewropew: L-Istrateġija ta' Liżbona Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 11 ta' Marzu 2009 dwar il-kontribut għall-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa tal-2009 f'dak li għandu x'jaqsam mal-Istrateġija ta' Liżbona
ĠU C 87E, 1.4.2010, p. 79–89
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
1.4.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CE 87/79 |
L-Erbgħa, 11 ta’ Marzu 2009
Kunsill Ewropew: L-Istrateġija ta' Liżbona
P6_TA(2009)0120
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2009 dwar il-kontribut għall-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa tal-2009 f'dak li għandu x'jaqsam mal-Istrateġija ta' Liżbona
2010/C 87 E/15
Il-Parlament Ewropew,
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Diċembru 2008 bit-titolu “Rapport ta' Implimentazzjoni għall-Programm Komunitarju ta' Liżbona 2008-2010” COM(2008)0881 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Jannar 2009 għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-aġġornament tal-2009 dwar il-linji gwida wiesgħin għall-politika ekonomika tal-Istati Membri u tal-Komunità u dwar l-implimentazzjoni tal-politika dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (COM(2009)0034),
wara li kkunsidra s-27 Programm Nazzjonali ta' Riforma ta' Liżbona kif ippreżentati mill-Istati Membri,
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Ottubru 2007 bit-titolu “L-Interess Ewropew: Suċċess fl-epoka ta' globalizzazzjoni - Kontribut tal-Kummissjoni għal Laqgħa tal-Kapijiet tal-Istat u l-Gvern ta' Ottubru” COM(2007)0581,
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Novembru 2007 bit-titolu “Suq uniku għall-Ewropa tas-Seklu 21” (COM(2007)0724),
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Diċembru 2008 bit-titolu “Rapport dwar l-aċċess għas-suq u d-definizzjoni għal qafas favur kooperazzjoni regolatorja internazzjonali aktar effettiva” COM(2008)0874,
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Diċembru 2008 bit-titolu “Qafas strateġiku aġġornat għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ” COM(2008)0865,
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Diċembru 2008 bit-titolu “Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda - L-antiċipazzjoni u t-tlaqqigħ tas-suq tax-xogħol u l-ħiliet meħtieġa” COM(2008)0868,
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Diċembru 2008 bit-titolu “Il-Politika ta' Koeżjoni: ninvestu fl-ekonomija reali” COM(2008)0876,
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2008 bit-titolu “Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku” COM(2008)0800,
wara li kkunsidra l-Proposta tal-Kummissjoni tas-16 ta' Diċembru 2008 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 dwar l-istabbiliment tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni COM(2008)0867,
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 u l-24 ta' Marzu 2000, tat-23 u l-24 ta' Marzu 2001, tat-22 u t-23 ta' Marzu 2005, tas-27 u t-28 ta' Ottubru 2005, tat-23 u l-24 ta' Marzu 2006, tat-8 u d-9 ta' Marzu 2007 u tat-13 u l-14 ta' Marzu 2008,
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2007 dwar l-Interess Ewropew: Suċċess fl-epoka tal-globalizzazzjoni (1),
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Frar 2008 dwar il-Linji Gwida Integrati għat-Tkabbir u l-Impjiegi (Parti: linji gwidi wesgħin għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Komunità): It-tnedija ta' ċiklu ġdid (2008-2010) (2),
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Novembru 2008 dwar l-EMU@10: L-ewwel għaxar snin tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-isfidi futuri (3),
wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
Il-kriżi finanzjarja u l-impatti ekonomiċi jew soċjali
1. |
Jinnota li l-kriżi finanzjarja globali li ġejja minn żbilanċi makroekonomiċi globali u l-kriżi dejjiema tal-kreditu, għamlet ħsara serja fis-sistemi finanzjarji kollha tad-dinja, inkluż fl-Unjoni Ewropea; jinnota wkoll li l-kriżi finanzjarja globali ġabet il-qirda massiċċa tal-kapitalizzazzjoni tas-suq tal-ekwità fid-dinja kollha, li l-effetti negattivi tagħha fuq l-“ekonomiji reali” huma profondi u, b'mod partikulari, l-implikazzjonijiet għall-impjiegi u għas-sitwazzjoni soċjali huma tassew kbar; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li s-swieq finanzjarji huma ta’ importanza ewlenija għall-“ekonomija reali” u li waħda mill-prijoritajiet – barra dik li l-impjiegi jiġu mħarsa – għat-tkabbir u l-impjiegi hija li jerġa’ jaqbad il-fluss tal-kapital, u jipprovdi kreditu u finanzjament għall-investimenti, li jitlob li jerġa’ jkun hemm kunfidenza u fiduċja, permezz ta’ impenji ċari u garanziji mill-gvernijiet kif ukoll superviżjoni implimentata aħjar, li tkopri s-swieq finanzjarji kollha f’perspettiva globali, u regolamenti li jappoġġjaw l-għoti responsabbli ta' krediti fis-swieq; |
2. |
Jirrakkomanda, li l-miżuri għal żmien qasir applikati biex jikkontrobilanċjaw il-konsegwenzi immedjati u diretti tal-kriżi u biex inaqqsu l-effetti negattivi tal-ekonomija reali, kif ukoll il-pakketti ta’ rkupru jridu jiġu segwiti minn pjan ta’ azzjoni kemm għal żmien qasir kif ukoll fit-tul koordinat li jġib lill-ekonomiji tal-UE f’rotta ta’ tkabbir, stabbli u jipproteġihom minn kriżijiet simili fil-futur; |
3. |
Ifakkar li l-Parlament, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Frar 2008 dwar il-kontribut għall-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2008 rigward l-Istrateġija ta' Liżbona (4), kien diġà innota l-importanza prevalenti li titħares l-istabilità tas-swieq finanzjarji, u nnota i l-kriżi tas-self b’rata baxxa subprime turi l-ħtieġa li l-Unjoni Ewropea tiżviluppa miżuri superviżorji sabiex tissaħħaħ it-trasparenza u l-istabilità tas-swieq finanzjarji u tipproteġi aħjar il-konsumaturi, talab evalwazzjoni tas-sistemi u strumenti attwali ta’ superviżjoni prudenzjali fl-Ewropa, u insista fuq konsultazzjoni mill-qrib mal-Parlament, li twassal għal rakkomandazzjonijiet ċari dwar kif tista’ tittejjeb l-istabilità tas-sistema finanzjarja u l-kapaċità tagħha li tipprovdi finanzjamenti fit-tul u siguri lin-negozju Ewropew; |
4. |
Jenfasizza li s-swieq finanzjarji huma, u se jibqgħu, il-pern tal-ekonomiji tas-suq soċjali funzjonanti li huma intiżi biex jipprovdu finanzjament għall-'ekonomija reali' kif ukoll biex tidħol l-effiċjenza fl-allokazzjoni tar-riżorsi u li huma wkoll intiżi biex jipprovdu lill-ekonomiji bil-mezzi biex jitkattru, li mbagħad għamluha possibbli għaċ-ċittadini li jagħmlu qligħ sostnut fil-livell tagħhom tal-għajxien fid-deċennji li għaddew; jenfasizza li s-swieq finanzjarji kompletament affidabbli, effiċjenti u trasparenti huma prerekwiżiti għal ekonomija Ewropea f'saħħitha u innovativa li toħloq it-tkabbir u l-impjiegi; |
5. |
Jenfasizza li l-kriżi finanzjarja ħolqot opportunità fejn il-ħtieġa tal-innovazzjoni bħala l-mutur tal-ekonomija ma tistax tibqa’ tiġi injorata; iqis li ż-żmien huwa propizju biex tinħoloq ekonomija dinamika msejsa fuq it-tagħrif li l-Ewropa ppjanat li tibni madwar tmien snin ilu; iqis li wasal iż-żmien li tinħoloq l-aktar ekonomija li tuża l-enerġija b'mod effiċjenti li għandha l-potenzjal li tbiddel id-dinja u tiżgura prosperità u kompetittività internazzjonali għall-Ewropa għall-għexieren ta’ snin li ġejjin; iqis li wasal iż-żmien għall-istimulazzjoni tal-industriji innovattivi, li jkunu kapaċi kapaċi jiġġeneraw tkabbir ġdid fl-Ewropa; |
6. |
Jirrikonoxxi r-riżultati pożittivi tal-miżuri ta’ salvataġġ adottati biex tiġi evitata iktar ħsara lis-sistema fiskali; madankollu jitlob struttura finanzjarja ġdida bit-twaqqif ta' regolament trasparenti u effikaċi li jkun fl-aqwa interess tal-konsumaturi, l-impriżi u l-ħaddiema; jitlob sabiex ikun hemm iktar proposti leġiżlattivi kif ukoll ftehimiet internazzjonali li jkunu kapaċi jittrattaw it-teħid ta' riskji kbar, id-dejn eċċessiv u l-ekonomija għal żmien qasir bħala l-għejun bażiċi tal-kriżi; ifakkar lill-Kummissjoni fl-obbligu tagħha biex tirrispondi għat-talbiet tal-Parlament dwar ir-regolamenti tal-fondi protetti u l-ekwità privata u jistenna proposti leġiżlattivi fi żmien qasir; |
7. |
Jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti li jiġi żgurat li l-qasam finanzjarju li bbenefika mill-appoġġ pubbliku jipprovdi lill-kumpaniji, speċjalment lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) u lill-familji bi kreditu suffiċjenti; jinsisti li l-pjanijiet ta’ salvataġġ jinkludu kundizzjonijiet obbligatorji fir-rigward tat-tqassim ta’ dividendi kif ukoll tal-prattiki tas-self; |
8. |
Iwissi kontra ċ-ċirku vizzjuż ta’ inqas investimenti u inqas infiq mill-konsumatur li jwassal għat-tnaqqis fl-impjiegi, pjanijiet ta' negozji mċekknin, u inqas innovazzjoni, li jaf jimbotta lill-UE f'reċessjoni profonda u itwal; jenfasizza li huwa krċjali f’dan il-kuntest li jkun hemm rispons Ewropew ikkoordinat biex jiġi evitat li l-kriżi twassal għas-somma tal-pjanijiet nazzjonali konfliġġenti għall-istabilità finanzjarja jew għall-irkupru ekonomiku, bil-kunflitti potenzjali u l-ispejjeż, li jimminaw is-suq uniku, l-istabilità ekonomika u l-Unjoni Ekonomika u Monetarja, kif ukoll l-irwol tal-Unjoni Ewropea bħala parteċipant ekonomiku globali; |
9. |
Jistenna li ssir azzjoni konġunta li tegħleb l-effetti tal-kriżi finanzjarja fuq l-ekonomija reali; jitlob li jiġu stabbiliti punti ta’ referenza fir-rigward tar-rati futuri tal-impjiegi u t-tkabbir, li wara għandhom jgħinu biex jiġi ddeterminat il-qies u l-elementi tal-Pjan Ewropew ta’ Rkupru Ekonomiku; f’dan il-kuntest jitlob – fil-qafas tal-Patt tat-Tkabbir u l-Istabilità u r-regoli tiegħu ta’ flessibiltà – għall-iżvilupp ta’ strateġija Ewropea koerenti għall-investimenti futuri (eż. l-investiment f’kapital uman kwalifikat u ta’ ħila li jwassal għal skoperti u żvilupp teknoloġiku innovazzjoni, effiċjenza enerġetika, infrastruttura sostenibbli, teknoloġiji ta' komunikazzjoni, l-interkonnessjoni u s-servizzi, inklużi s-servizzi tas-saħħa u opportunitajiet għall-ħajja fin-negozju, l-aktar biex l-SMEs jinvestu fi prodotti u swieq ġodda), il-ħarsien tal-impjiegi u d-dħul, kif ukoll koordinazzjoni aħjar tal-politiki ekonomiċi u soċjali; |
10. |
Huwa tal-opinjoni li l-enerġija minn sorsi rinnovabbli, l-effiċjenza tal-enerġija u l-ambjent jistgħu jservu bħala attenzjoni speċjali strateġika għall-miżura ta’ stimolu, li se toħloq impjiegi ħodor (ambjentali) ta’ kwalità għolja u tagħti lill-industrija Ewropea l-vantaġġ tal-primat fuq ir-reġjuni l-oħra tad-dinja li għad iridu jaħtfu l-opportunità; |
11. |
Huwa tal-opinjoni li hija biss politika li tgħaqqad il-ġlieda kontra ż-żieda fil-qgħad u l-faqar fi żmien qasir mal-preparazzjoni tal-bażi għat-tranżizzjoni tal-ekonomija tagħha lejn is-sostenibbiltà fit-tul, li tista’ twassal għal soluzzjoni li sservi għal żmien itwal, u li tkun imnebbħa mill-istrateġija ta’ sostenibbiltà miftiehma f’Gothenburg, li kienet iddikjarata bħala parti mill-Istrateġija ta’ Liżbona; |
12. |
Jenfasizza li għandha tkun l-ewwel prijorità tal-Unjoni Ewropea li jkunu protetti ċ-ċittadini tagħha mill-effetti tal-kriżi finanzjarja, billi huma l-aktar li jintlaqtu ħażin kemm bħala ħaddiema, membri ta’ familji, jew intrapriżi; huwa tal-opinjoni li ħafna ħaddiema u l-familji tagħhom qed jintlaqtu jew se jintlaqtu mill-kriżi u jeħtieġ tittieħed azzjoni biex jitnaqqas it-telf ta' impjiegi kif ukoll biex in-nies jiġu megħjuna jmorru lura malajr għas-suq tax-xogħol, aktar milli jiffaċċjaw il-qgħad fit-tul; jistenna li l-Kunsill tar-Rebbiegħa 2009 jaqbel dwar gwida ċara u miżuri konreti biex jiġu salvagwardjati l-impjiegi u jinħolqu opportunitajiet ta’ xogħol; |
13. |
Jikkunsidra li, fost l-impatti tal-kriżi ekonomika, iż-żieda fil-faqar hija tal-akbar tħassib għall-Unjoni Ewropea; huwa essenzjali li tieqaf iż-żieda attwali tal-qgħad fl-Unjoni Ewropea; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-aktar mezz effiċjenti biex jitnaqqas u jiġi evitat il-faqar huwa permezz ta’ strateġija bbażata fuq għanijiet ta’ xogħol għal kulħadd, xogħol ta’ kwalità għolja l-inklużjoni soċjali, miżuri li jħeġġu l-intrapriża, u l-attivitajiet biex jikber l-irwol tal-SMEs u l-investimenti; ifakkar li strateġija li tindirizza l-esklużjoni mis-suq tax-xogħol għandha tkun ibbażata fuq l-istandards tal-għajxien adegwati u appoġġ għad-dħul, swieq tal-impiegi inklużivi kif ukoll aċċess għal servizzi u edukazzjoni ta’ kwalità għolja. għalhekk iqis li x-xogħol għandu jiġu appoġġjat minn azzjonijiet għall-imprendituri, SMEs u investimenti, kif ukoll l-inizjattivi intiżi biex jgħinu lin-nies jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol; iqis li prijorità speċjali f’dan ir-rigward għandha tkun it-taħriġ mill-ġdid ta’ persuni qiegħda, u l-provvediment ta' edukazzjoni mmirata lejn il-ħolqien ta' forza tax-xogħol kwalifikata u speċjalizzata; iqis li l-prinċipju tas-solidarjetà huwa l-bażi tal-proċess ta' kostruzzjoni Ewropea, li l-iffinanzjar Komunitarju għandu jsir disponibbli għall-Istati Membri fi skemi mmirati lejn il-prevenzjoni tat-tnaqqis eċċessiv tal-impjiegi u lejn it-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema u lejn l-għoti ta' kwalifiki lil dawk li ma jkollomx; iqis li r-regolamentazzjoni tal-kamp tax-xogħol għandha tiġi żviluppata biex tinkiseb aktar flessibbiltà u sigurtà fis-suq tax-xogħol kif ukoll biex jinstabu impjiegi ġodda; iqis li l-istrumenti finanzjari eżistenti tal-Komunità, bħalma hu l-Fond Ewropew tal-Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandhom jiġu aġġornati biex ikunu jistgħu jintużaw b’mod effiċjenti u fil-ħin, f’setturi kbar tal-ekonomija li qed inaqqsu l-impjiegi; jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li tissimplifika l-kriterji tal-Fond Soċjali Ewropew u ddawwar il-fokus tal-attivitajiet fuq dawk l-aktar vulnerabbli; |
14. |
Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-SMEs, li jifformaw il-ġebla tax-xewka tal-ekonomija Ewropea, intlaqtu b'mod partikolarment iebes mit-tnaqqis ekonomiku gradwali ta' bħalissa; jenfasizza li l-għafsa tal-kreditu laqtet l-aktar lis-settur tal-SMEs, ladarba hija dik il-parti tal-ekonomija li toqgħod l-aktar fuq il-kapital impjegat għal żmien qasir, u li normalment ikun provdut bil-krediti. jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li n-nuqqas ta' kapital, flimkien mat-tnaqqis ġenerali fid-domanda qed iwasslu lill-SMEs biex jirtiraw mill-fronti kollha; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li t-tbatijiet li għaddejjin bħalissa minnhom l-SMEs għandhom konsegwenzi kbar u fit-tul għall-Unjoni Ewropea kollha, partikolarment għal dawk ir-reġjuni l-aktar vulnerabbli u milquta; barra minn hekk, jisħaq fuq l-importanza li ssir implementazzjoni malajr tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar b’mod ġenerali u speċjalment tal-provvedimenti għall-kreditu lill-SMEs permezz tal-azzjoni tal-Bank ta' Investiment Ewropew (EIB); |
15. |
Jenfasizza li l-aċċess suffiċjenti, bi prezz li jintlaħaq, u raġonevolment sikur għall-finanzi hu prekundizzjoni deċiżiva għall-investiment u t-tkabbir; jemmen li fil-klima ekonomika attwali, l-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar u l-objettivi tiegħu issa huma aktar importanti minn qatt qabel, billi l-SME joffru potenzjal li għadu ma ġiex sfruttat għat-tkabbir ekonomiku u biex jinħolqu u jiġu sostnuti l-impjiegi, u jipprovdu opportunità għal tmexxija politika u biex tisseddaq il-kunfidenza fis-settur intraprenditorjali tal-Ewropa; |
16. |
Jindika li għat-tkabbir sostnut, l-Ewropa teħtieġ forza lavorattiva f'saħħitha, dinamika u b'ħiliet; u dan, b'xorti ħażina, huwa mminat pereżempju mit-tkabbir demografiku negattiv f'bosta Stati Membri; iqis li infrastruttura effikaċi għall-indokrar tat-tfal, kif miftiehem fil-Kunsill Ewropew tal-15 u s-16 ta' Marzu 2002, hija katalist importanti għar-rikonċiljazzjoni tax-xogħol u l-ħajja tal-familja; iqis li l-iżvilupp tal-indokrar tat-tfal, imsejjes fuq il-familji, jiffaċilita l-parteċipazzjoni kemm tan-nisa u kemm tal-irġiel fil-ħajja tax-xogħol kif ukoll fit-trobbija tal-familja; isemmi li ż-żieda fl-impjegar tan-nisa mhux biss iwassal għat-tkabbir fl-ekonomija kollha kemm hi, imma jikkontribwixxi wkoll biex jittaffew l-isfidi demografiċi li l-Ewropa qed tħabbat wiċċha magħhom illum il-ġurnata; iqis li s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet trid tkun stimulata biex jinkiseb aktar potenzjal mill-forza lavorattiva eżistenti; |
17. |
Jinsisti, madanakollu, li l-Istati Membri għandhom jirrivitalizzaw il-politiki tal-immigrazzjoni tagħhom, bil-għan li b’mod speċifiku jiġbdu lejhom, mod immirat, immigranti b’livell għoli ta’ ħiliet li jistgħu jagħtu dak li jitlob minnhom is-suq lavorattiv Ewropew, billi jibnu fuq l-esperjenza tal-Istati Uniti f’dan il-qasam, u billi jieħdu ħsieb li jikkoperaw mal-pajjiżi ta’ oriġini biex jiġi evitat it-telfien tal-imħuħ (“brain drain”); iqis li l-politika tal-edukazzjoni għandha tiġi mmirata aktar biex tiġbed riċerkaturi u studenti barranin, li jibqgħu fl-Unjoni Ewropea għal perjodi ta' żmien itwal (pereżempju l-programm Erasmus Mundus, 2007-2012); iqis li waħda mill-prerekwiżiti kruċjali għall-ħolqien tal-ekonomija ewlenija fid-dinja bbażata fuq l-għarfien hija li l-Istati Membri kollha jiggarantixxu u jipproteġu d-drittijiet bażiċi tal-migranti legali u jipprovdulhom aċċess għall-valuri komuni Ewropej u rispett għad-diversità kulturali; |
Il-ħtiġiet taċ-ċittadini u r-risponsi neċessarji
18. |
Jinnota li minħabba l-kriżi ta' bħalissa hemm numru ta' prijoritajiet ewlenin tal-Istrateġija ta' Liżbona li l-implimentazzjoni tagħhom għandha tkun segwita mill-istituzzjonijiet Ewropej b'aktar urġenza: il-promozzjoni tal-kompetittività reġjonali u lokali, kif ukoll l-aderenza mar-regoli tal-kompetizzjoni, kif ukoll il-promozzjoni tal-politiki tal-konsumatur biex is-swieq isiru iktar effiċjenti u ekwitabbli, billi jittieħed vantaġġ mis-suq intern, l-aktar fil-bejgħ bl-imnut u fis-servizzi; l-aċċellerar tal-implimentazzjoni tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar, b'mod partikolari tad-Direttiva 2000/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' Ġunju 2000 dwar il-ġlieda kontra l-ħlasijiet tard fit-tranżazzjonijiet kummerċjali (5) kif ukoll tal-adozzjoni u l-implimentazzjoni malajr tal-proposta tal-Kummissjoni tal-25 ta' Ġunju 2008 bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' regolament tal-Kunsill dwar l-istatut tal-kumpannija privata Ewropea (COM(2008)0396); il-proċss rapidu ta’ implimentazzjoni taz-Zona Ewropea ta’ Riċerka u l-proposti għall-“ħames libertà” biex titjieb iċ-ċirkolazzjoni ħielsa tal-għarfien u l-innovazzjoni billi tingħata spinta lit-trasferiment tal-għarfien fl-ambitu tal-edukazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp (R&D) u l-produzzjoni industrijali; l-adozzjoni ta' Brevetti Komunitarji effettivi għall-infiq u Qorti tal-Brevetti għall-UE kollha kemm hi, li jtejbu b'mod sinifikattiv il-kompettività tan-negozji Ewropej, u jiffaċilitaw l-aċċess tal-kumpaniji għall-finanzjament u jistimulaw l-innovazzjoni; |
19. |
Huwa tal-opinjoni li l-Unjoni Ewropea għandha ssegwi għan komuni fundamentali: li toħloq opportunitajiet ta’ xogħol u b’hekk tevita li jkun hemm qagħad tal-massa; iqis li dan l-għan, għalhekk, għandu jiddetermina l-kobor u l-komponenti tal-Pjan Ewropew ta' Rkupru Ekonomiku; iqis li s-solidarjetà hija indispensabbli għall-iżgurar li l-Pjan Ewropew ta' Rkupru Ekonomiku u l-miżuri tiegħu jkun jista’ jkollhom l-aktar impatt pożittiv fuq is-swieq tax-xogħol fl-Ewropa; jenfasizza l-ħtieġa għal sforzi addizzjonali ta’ appoġġ għall-aktar gruppi vulnerabbli tas-soċjetà; |
20. |
Hu favur ħafna politika tas-suq lavorattiv li tinkoraġixxi l-aċċess għall-kulħadd għas-suq tax-xogħol u tippromwovi t-tagħlim tul il-ħajja kollha; jistieden lill-Istati Membri kif ukoll lill-imsieħba soċjali biex jikkonkludu ftehimiet innovattivi biex iżommu l-impjiegi; jappoġġja, inter alia, it-tnaqqis fin-nolli soċjali fuq id-dħul baxx biex jippromwovi l-impjegabbiltà ta’ ħaddiema inqas imħarrġa u l-introduzzjoni ta’ soluzzjonijiet innovattivi (pereżempju ċekkijiet tas-servizz għax-xogħol fid-dar u l-indokrar tat-tfal, sussidji fuq il-kera għal gruppi vulnerabbli) li diġà ntużaw b’suċċess f’xi Stati Membri; jistenna skambji tal-aħjar prattiki f’dan ir-rigward; |
21. |
Jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ l-effikaċja tar-regoli tal-protezzjoni tal-konsumatur bħala rispons għall-aspettativi kbar taċ-ċittadini tal-Unjoni, b’mod partikulari fir-rigward tal-prodotti finanzjarji; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex joħolqu politiki li jappoġġjaw lill-vittmi l-aktar milquta serjament mill-kriżi finanzjarja; |
22. |
Jenfasizzali l-importanza li jiġi żgurat il-moviment ħieles u l-mobilità fis-suq tax-xogħol bla dewmien, filwaqt li jinsisti dwar il-ħtieġa li tiġi garantita paga ndaqs għall-istess xogħol u rispett sħiħ għan-negozjar kollettiv u l-irwol tat-trejdjunjins inkluż id-dritt tagħhom ta’ azzjoni kollettiva; jenfasizza li t-tneħħija tal-ostakoli għall-mobilità fis-suq tax-xogħol Ewropew tippermetti aktar protezzjoni għall-ħaddiema Ewropej; jinnota li l-Unjoni Ewropea trid tagħmel sforz sabiex tispjega liċ-ċittadini l-benefiċċji ta' strateġija li b'mod effettiv tgħaqqad it-tkabbir, l-integrazzjoni, is-solidarjetà u l-mobilità lavorattiva; |
23. |
Jinnota li xi Stati Membri introduċew il-kunċett ta’ paga minima; jissuġerixxi li Stati Membri oħra jista’ jkun li jibbenefikaw minn studju tal-esperjenza tagħhom; jistieden lill-Istati Membri biex iħarsu l-prekondizzjonijiet għall-parteċipazzjoni soċjali u ekonomika għal kulħadd, u b’mod partikulari, biex jipprevedu regolamenti fuq kwistjonijiet bħall-pagi minimi jew arrangamenti oħra legali u b’mod ġenerali vinkolanti jew permezz ta’ ftehimiet kollettivi skont it-tradizzjonijiet nazzjonali li jippermetti lill-ħaddiema full-time ikollhom għajxien diċenti bid-dħul li jkollhom; |
24. |
Jemmen li l-kriżi finanzjarja tipprovdi l-opportunità għar-riformi meħtieġa, b’enfażi fuq pedamenti ekonomiċi sodi, li jvarjaw minn investiment xieraq fl-edukazzjoni u l-ħiliet għall-kwalità fil-finanzji pubbliċi, u ambjent li jsostni l-innovazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi; jikkunsidra li t-tkabbir sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi fl-Unjoni Ewropea jiddependu dejjem aktar fuq l-eċċellenza u l-innovazzjoni bħala l-muturi ewlenin tal-kompetittività Ewropea; |
25. |
Jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha biex jieħdu azzjoni malajr biex jippromwovu t-tkabbir u l-impjiegi u biex isaħħu d-domanda u l-kunfidenza tal-konsumatur; jikkunsidra li inizjattiva ta’ tkabbir intelliġenti li tiffoka fuq l-objettivi tal-Istrateġija ta’ Liżbona bħall-investimenti fit-“triangolu tal-għarfien” (li jinkludi l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni), fit-teknoloġiji ħodor,l- effiċjenza fl-enerġija, l-infrastrutturi sostenibbli u t-teknoloġiji tal-komunikazzjoni huma meħtieġa f’dan il-kuntest; jenfasizza l-effetti ta’ sinerġija ta’ inizjattiva bħal din fir-rigward tal-kompetittività futura, tas-suq tax-xogħol u tal-protezzjoni tal-ambjent u r-riżorsi; |
26. |
Jenfasizza li l-Istati Membri għandhom ikomplu r-riforma tas-swieq tax-xogħol biex jinħolqu iktar impjiegi u sistemi edukattivi li jgħinu biex jogħlew il-livelli tal-ħiliet, iqis li l-Istati membri għandhom ikomplu bl-isforzi tagħhom biex jinkoraġġixxu t-tkabbir tal-produttività permezz ta’ iktar investiment fl-edukazzjoni; jenfasizza wkoll li l-iffaċċjar tal-isfidi tal-innovazzjoni u t-tixrid tagħha kif ukoll l-iżgurar tal-impjegabbiltà u l-flessibiltà tal-forza tax-xogħol jirrikjedi titjib tal-edukazzjoni u t-taħriġ, kif ukoll it-tagħlim tul il-ħajja; isemmi, madankollu, li l-investiment attwali fil-kapital uman fl-Ewropa għadu b’mod ċar insuffiċjenti għal ekonomija msejsa fuq l-għarfien; |
27. |
Jenfasizza li l-kriżi attwali m’għandhiex tintuża bħala skuża għall-ittardjar ta’ riorjentazzjoni ferm meħtieġa tal-infiq lejn investimenti “ħodor”, iżda għandha pjuttost tinftiehem iktar bħala inċentiv addizzjonali biex jitkompla l-isforz għall-konverżjoni ekoloġika tal-industrija li hija meħtieġa ħafna; huwa konvint li r-raġuni ekonomika għall-iffaċċjar tal-bidla fil-klima hija ċara, u kull pass ta’ dewmien żejjed għall-azzjoni meħtieġa finalment ser iwassal għal spejjeż ikbar; |
28. |
Jistieden lill-Istati Membri biex jirrevedu l-baġits tagħhom u biex jinvestu fi proġetti ta’ tkabbir intelliġenti, biex b’hekk jagħmlu użu sħiħ mill-Patt tal-Istabiltà u Tkabbir revedut; |
29. |
Jenfasizza li l-ekonomiji tal-Istati Membri huma interdipendenti ħafna; għaldaqstant jisħaq dwar il-ħtieġa għall-koordinazzjoni iktar effettiva u għat-titjib tal-governanza, li f’dawn iż-żminijiet ta’ kriżi isiru iktar urġenti; jindika li l-argument favur aktar kooperazzjoni huwa aktar b’saħħtu fiz-zona tal-euro; jirreferi għar-rakkomandazzjonijiet tiegħu fil-qafas tar-riżoluzzjoni ta’ EMU@10 f’dan il-kuntest; jistenna gwida ċara u soda mill-Kummissjoni lejn approċċ ikkoordinat aħjar fost l-Istati Membri kollha; |
30. |
Jemmen li jekk tiġi abbandunata l-ġlieda kontra l-bidla fil-klima u jiġu sospiżi l-investimenti ambjentali, dan ikun żball devastanti b'impatt kemm immedjat u kemm interġenerazzjonali; |
L-ambitu ta' azzjoni tal-Ewropa
31. |
Jenfasizza l-bżonn li tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali tal-pjanijiet ta’ rkupru Ewropej u nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni sabiex timoniterja u tagħmel proposti dwar l-impatt soċjali tal-kriżi finanzjarja, speċjalment dwar l-esklużjoni soċjali, il-faqar u l-pensjonijiet, sal-Kunsill tar-Rebbiegħ 2009; |
32. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-iskema prinċipali ta’ finanzjament tal-Fond Soċjali Ewropew tkun iffokata b’mod ewlieni fuq it-taħriġ mill-ġdid u ż-żieda fl-impjegabilità kif ukoll fuq attivitajiet tal-inklużjoni soċjali sabiex jingħelbu l-agħar effetti soċjali tal-kriżi; ifakkar li l-attenzjoni għanda tingħata lil dawk li huma l-aktar imbiegħda mis-suq tal-impjiegi; |
33. |
Jindika li l-Unjoni Ewropea għandha bżonn ta’ “Green New Deal”, għall-Ewropa, li jindirizza l-kriżi ekonomika, ambjentali usoċjali: il-ħolqien tax-xogħol fis-settur tal-manifattura u dak relatat mal-industrija jeħtieġ ikun kumplimentat b’investiment kbir fis-servizzi soċjali, partikolarment fl-edukazzjoni u s-saħħa, billi jinħolqu kundizzjonijiet aħjar fit-tagħlim ta’ wliedna u tal-istudenti tagħna, billi jiżdied l-għadd ta’ għalliema u jittejbu l-kundizzjonijiet fiżiċi għat-tagħlim. Dan kollu jkun investiment li jħalli l-frott fil-ġejjieni; |
34. |
Jenfasizza li l-investiment ta' tali Green New Deal għandu jkollu wkoll l-għan ta’ żieda fl-effiċjenza u s-sostituzzjoni ta’ riżorsi apparti ż-żejt (materjali kritiċi), li aktarx ser isiru skarsi fuq medda medja sa qasira ta’ żmien u ser ixekklu l-iżvilupp ta’ ċerti setturi, pereżempju l-informazzjoni, il-komunikazzjoni u l-industrija tad-divertiment; jinnota li skont studji riċenti, jistgħu jsiru żidiet kbar fl-effiċjenza ta’ materjali tali, li jnaqqsu il-ħela, l-ispejjeż u d-dipendenza fuq ir-riżorsi; |
35. |
Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li fil-qasam tal-enerġija, l-Ewropa bħalissa tiddependi mill-karburanti fossili bħala s-sors primarju tagħha tal-enerġija; iqis li filwaqt li d-dipendenza mill-karburanti fossili trid titnaqqas, huwa wkoll essenzjali li tinkiseb is-sigurtà enerġetika għall-Ewropa; jemmen li dan ifisser li jiġu diversifikati s-sorsi tagħha ta’ karburanti fossili, filwaqt li tipprova żżomm l-enerġija f’livelli ta’ prezzijiet li jintlaħqu; iqis li s-setturi tal-enerġija fl-Istati Membri iridu jinfetħu u trid tinkiseb kompetizzjoni vera; iqis li l-effiċjenza enerġetika għandha tittejjeb permezz tar-riċerka u l-iżvilupp u tal-mainstreaming tal-aħjar prattiki; iqis li, bil-prezz għoli taż-żejt u l-gass fuq medda twila ta' żmien, l-Ewropa trid tkun kapaċi tnaqqas l-esponiment tagħha f'dan il-qasam; iqis ukoll li l-Unjoni Ewropea għandha tikkunsidra li tgħaddi għal suq intern tal-enerġija, biex tqassam l-enerġija tagħha b’mod iktar effiċjenti bejn l-Istati Membri, u taħdem kontra d-dipendenza tagħha fuq enerġija minn pajjiżi terzi; tqis li s-sehem ta’ enerġija li tiġġedded irid jiżdied sabiex tonqos id-dipendenza fuq il-karburanti fossili; iqis li r-riċerka u l-iżvilupp f’dan il-qasam għandhom ikunu intensifikati u għandhom jiġu ppreferuti soluzzjonijiet lokali differenti sabiex isir l-aħjar użu tas-sorsi tal-enerġija li tiġġedded li huma disponibbli; |
36. |
Jinnota li l-Unjoni Ewropea għadha lura meta mqabbla mal-pass tal-innovazzjonijiet fl-ekonomija Amerikana; jindika li l-innovazzjoni tista' tiżgura rkupru rapidu tal-ekonomiji Ewropej billi tipprovdi vantaġġ kumparattiv fuq is-swieq globali. jindika li fi żminijiet ta' tnaqqis ekonomiku, hija prattika komuni li jitnaqqas l-infiq fuq l-R&D, iżda li dan l-approċċ huwa żbaljat, peress li huwa eżattament l-oppost li jeħtieġ li jsir; jemmen li żieda fl-investiment fl-R&D u fl-edukazzjoni ttejjeb il-produttività u għaldaqstant it-tkabbir; jitlob li jkun hemm investimenti fir-riċerka u x-xjenza bil-ħsieb li tinkiseb il-mira ta' 3 % tal-PGD; jenfasizza li l-baġit tal-UE għandu jagħti lok għal sehem akbar ta' infiq għar-riċerka; l-Istati Membri għandhom iżidu, jew għallinqas jiksbu l-miri tal-investimenti tagħhom ta’ R&D u għandhom jipprovdu appoġġ lill-investimenti tas-settur privat fl-R&D, permezz ta' miżuri fiskali, garanziji għas-self u għenieqed (clusters) kif ukoll ċentri ta' eċċellenza reġjonali, u kwalunkwe strument ieħor li jista’ jikkontribwixxi għal dan il-għan; iqis li l-edukazzjoni għall-adulti u t-tagħlim tul il-ħajja kollha għandhom ikunu prijoritajiet fil-livelli kollha tal-politika, għax iżidu l-produttività, filwaqt li jipprovdu l-ħiliet meħtieġa għad-dħul fis-suq tax-xogħol u għall-impjegabilità kontinwa fid-dinja tal-impjiegi, li hi kompetittiva ħafna; |
37. |
Jindika li sa mill-bidu tas-seklu 21, l-għodda tat-teknoloġija u t-telekomunikazzjoni fetħu l-bibien għall-forzi tal-globalizzazzjoni fuq skala akbar milli qatt immaġinajna, “wittew” komunikazzjonijiet u swieq tax-xogħol u kkontribwixxew għal perjodu ta' innovazzjoni mingħajr preċedenti, li għamlu l-ekonomiji aktar produttivi u kkonettjaw iċ-ċittadini globali; jemmen, għalhekk, li permezz tal-massimizzar tas-setgħa u tal-impatt tat-teknoloġija fuq l-ekonomija, ftuħ ulterjuri tas-suq intern fis-setturi tat-telekomunikazzjonijiet, l-enerġija, ir-riċerka u l-industrija b’mod partikulari, l-Unjoni Ewropea tista’ toħroġ aktar b’saħħitha mit-taqlib ekonomiku attwali, issaħħaħ il-kwalità tal-ħarsien tas-saħħa bi prezz li jintlaħaq minn kulħadd, tavvanza l-iżvilupp u t-tħaddim enerġetiku li ma jkunx ta' ħsara għall-klima, ittejjeb l-edukazzjoni fi ħdan l-Istati Membri u tippromwovi l-Unjoni Ewropea bħala l-mexxejja dinjija fil-qasam tat-teknoloġija u tal-innovazzjoni teknoloġika applikata; isemmi li l-ekonomija bbażata fuq l-għarfien teħtieġ l-iżvilupp ta’ servizzi ta’ kwalità għolja u strateġija broadband li kapaċi tħaffef l-aġġornament u l-estensjoni tan-netwerks; huwa tal-opinjoni li l-proposta tal-Kummissjoni fil-Pjan ta’ Rkupru Ewropew bl-għan li tinkiseb kopertura sħiħa tan-netwerks ta’ komunikazzjoni broadband sal-2010 hija pass ‘il quddiem neċessarju li se jgħin lill-Unjoni Ewropea żżomm il-kompetittività tagħha; |
38. |
Jistaqsi biex tingħata aktar attenzjoni għall-White Paper tal-Kummissjoni tal-21 ta' Novembru 2001 dwar iż-Żgħażagħ (COM(2001)0681) u dwar il-Patt Ewropew għaż-Żgħażagħ tal-Kunsill Ewropew adottat fit-22 u t-23 ta' Marzu 2005 bħala wieħed mill-istrumenti li jagħti kontribut għall-għanijiet ta' Liżbona; iqis li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra u tinkorpora l-impatt taż-żgħażagħ u r-riżultati tad-djalogu tal-istrutturi mal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ meta jkunu qegħdin jitħejjew proposti leġiżlattivi u l-Istati Membri għandhom jiffukaw fuq iż-żgħażagħ meta jimplimentaw il-programmi ta' riforma nazzjonali ta' Liżbona u meta jqisu ż-żgħażagħ fl-oqsma tal-politika rilevanti; iqis li ż-żieda fil-mobilità tal-istudenti u l-kwalità tas-sistemi edukattivi differenti għandhom ikunu ta' prijorità fil-kuntest tad-definizzjoni mill-ġdid tal-għanijiet importanti tal-Proċess ta' Bolonja wara l-2010 u għandhom jittieħdu azzjonijiet fl-oqsma ta' politika differenti kollha; jiġbed l-attenzjoni li diversi aspetti tal-mobilità jmorru lil hinn mill-ambitu tal-edukazzjoni għolja u għandhom x'jaqsmu mal-ambitu tal-affarijiet soċjali, il-finanzi u l-politiki dwar l-immigrazzjoni u l-viżi biex jiġi żviluppat Qasam Ewropew għall-Edukazzjoni Għolja reali; |
39. |
Iqis li l-“Ewropizzazzjoni” tal-istruttura tas-superviżjoni finanzjarja, ir-regoli effikaċi tal-kompetizzjoni, ir-regolamentazzjoni xierqa u t-trasparenza mtejba tas-swieq finanzjarji huma essenzjali għal żmien intermedju biex tiġi evitata ripetizzjoni tal-kriżi attwali; huwa tal-fehma li qafas superviżorju integrat, komprensiv (li jkopri s-setturi kollha finanzjarji) u koerenti li jibda bi strateġija bbilanċjata fir-regolamentazzjoni tal-firxa traskonfinali tar-riskju finanzjarju fuq il-bażi ta’ leġiżlazzjoni armonizzata, għandu jnaqqas l-ispejjeż ta’ konformità fil-każ ta’ attivitajiet pluriġurisdizzjonali; jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposti għar-reviżjoni tal-istruttura superviżorja eżistenti skont dawn il-prinċipji; jistieden lill-Istati Membri biex, minkejja l-miżuri stipulati f'dan il-paragrafu, jerġgħu lura fi żmien intermedju għall-finanzjament pubbliku bbilanċjat, u għalhekk jistieden lill-Istati Membri biex jiċċaraw kif se jirnexxilhom jilħqu dak l-objettiv; |
40. |
Jappoġġja d-deċiżjoni tal-membri Ewropej tal-G20 fl-aħħar ta’ Frar 2009 f’Berlin, biex jittieħdu “azzjonijiet definittivi kontra r-rifuġji fiskali u l-ġurisdizzjonijiet nonkoperattivi”, billi jkun hemm qbil dwar kaxxa ta' għodod ta' sanzjonijiet mill-aktar fis possibbli, li trid tiġi approvata fil-laqgħa għolja ta' Londra; jirrakkomanda li l-UE tadotta, fil-livell tagħha stess, qafas leġiżlattiv adegwat b’inċentivi xierqa għall-parteċipanti tas-suq sabiex joqogħdu lura milli jinnegozjaw ma’ dawn il-ġurisdizzjonijiet; jenfasizza kif l-approċċi konverġenti globalment huma essenzjali biex tiġi indirizzata din il-kwistjoni; |
41. |
Jistieden lill-Istati Membri u lill-Unjoni Ewropea biex jemendaw il-baġit tal-UE bil-ħsieb li jippermettu l-użu ta’ riżorsi finanzjarji mhux utilizzati għall-appoġġ tal-għanijiet tal-politiki tal-Unjoni Ewropea; |
42. |
Huwa mħasseb bid-differenzi reġjonali li kull ma jmorru qegħdin jiżdiedu fir-rigward tal-effetti tal-kriżi finanzjarja, li huma riflessi fost l-oħrajn fid-differenza li qiegħda tikber fil-kapaċità tal-kreditu bejn l-Istati Membri, li ġġib magħha spejjeż ogħla għas-self lil dawk bi klassifikazzjoni baxxa; jitlob għall-iżvilupp ta’ strumenti finanzjarji innovattivi ġodda biex itaffu dawn l-effetti u jiġbdu kapital ġdid; |
43. |
Jenfasizza li l-kriżi qed ikollha konsegwenzi ekonomiċi u soċjali estremament negattivi f’ħafna mill-Istati Membri l-ġodda, u sostanzjalment qed tnaqqas il-konverġenza tagħhom mal-UE-15; barra minn hekk, jistenna riperkussjonijiet li jaffettwaw l-euro u l-ekonomiji taż-żona tal-euro; għalhekk, jitlob miżuri ta' solidarjetà Ewropej sodi, sabiex tiġi protetta ż-żona tal-euro u sabiex tissaħħaħ il-konsistenza interna tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikulari bil-għan ta’ appoġġ iktar b’saħħtu għall-ekonomiji tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, speċjalment bl-adattament tal-fondi strutturali u l-Fond għall-Globalizzazzjoni għal dawn il-pajjiżi, kif ukoll permezz ta’ appoġġ speċjali mill-BEI fir-rigward ta’ strumenti finanzjarji innovattivi ġodda; jinnota l-importanza li l-Ewropa tkun magħquda fiż-żminijiet ta’ kriżi ekonomika meta r-reċessjoni ekonomika qed thedded ukoll il-valuri komuni Ewropej; għalhekk, jitlob azzjonijiet iktar attenti u bir-reqqa min-naħa tal-Kummissjoni fir-rigward tal-Istati Membri l-ġodda; |
44. |
Jinnota li l-istrumenti ta' finanzjament tal-UE għandhom jintużaw biex jappoġġjaw l-infiq pubbliku; jiġbed l-attenzjoni li, sabiex tikkontribwixxi għall-irkupru ekonomiku tal-Unjoni Ewropea, ir-rata ta' implimentazzjoni u ta’ dawn l-istrumenti ta' finanzjament jeħtieġ li titħaffef; iqis li l-Politika ta’ Koeżjoni tal-Unjoni Ewropea hija strument eċċellenti ta’ solidarjetà territorjali, b'mod speċjali l-komponenti transkonfinali tagħha; jinsab sodisfatt ħafna bil-“Liżbonizzazzjoni” reċenti tal-politika ta’ koeżjoni; iqis li jekk il-fondi reġjonali jkunu ffukati aktar lejn l-imprenditorija, ir-riċerka, l-innovazzjoni, l-impjiegi u l-ħiliet ġodda, għadd konsiderevoli ta’ fondi għandhom isiru disponibbli fil-livell lokali biex itejbu l-potenzjal għan-negozju u jgħinu lil dawk li huma l-aktar vulnerabbli; |
45. |
Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-programmi Netwerk tat-Trasport Trans-Ewropew (TENs-T) u Netwerks tal-Enerġija Trans-Ewropew (TENs-E) għandhom jikkontribwixxu bis-sħiħ ukoll kemm għall-Pjan ta’ Rkupru kif ukoll għall-għanijiet tal-Istrateġija ta’ Liżbona; iqis li l-isforzi pożittivi tal-koorodinaturi kif ukoll it-twaqqif tal-Aġenzija Eżekuttiva Netwerk tat-Trasport Trans-Ewropew, flimkien mal-leġiżlazzjoni implimentattiva biex tittejjeb l-effiċjenza tal-ko-modalità, wasslu biex jitlesta għadd ġmielu ta’ proġetti TEN-T fl-Unjoni Ewropea kollha biex tingħata spinta lit-tkabbir sostenibbli u biex ikun hemm mobilità aħjar; |
46. |
Jinnota l-irwol essenzjali tal-EIB rigward il-Pjan ta’ Rkupru tal-Ewropa; jilqa’ ż-żieda tal-kapital lill-EIB mill-Istati Membri biex jinħareġ aktar self lill-SMEs; jinsisti li dan is-self ikun aktar aċċessibli għal SMEs mill-Istati Membri kollha, b’mod trasparenti u ekwu; jitlob li l-irwol tal-EIB għandu jkompli jissaħħaħ fejn jidħlu strumenti finanzjari innovattivi ġodda; |
47. |
Iqis li, fir-rigward tal-governanza ekonomika, il-kriżi ekonomika attwali tirrikjedi intervent governattiv sod, koordinat u f'waqtu mill-Istati Membri kollha, kif ukoll miżuri regolatorji li jsaħħu s-swieq finanzjarji u jġeddu l-fiduċja; iqis li l-miżuri leġiżlattivi ġodda għandhom jinbnew fuq il-prinċipji tat-trasparenza u r-responsabilità u li jeħtieġ li jiġi implimentat monitoraġġ effikaċi sabiex jitħarsu d-drittijiet tal-konsumatur; iqis li r-regolamentazzjoni ġdida għandha tinkludi rekwiżiti kontra l-lieva finanzjarja żejda kif ukoll għal riservi kapitali akbar fil-banek; jiġbed l-attenzjoni, madankollu, f’dan ir-rigward għall-problemi attwali marbuta mar-regoli tal-valutazzjoni u mal-evalwazzjoni tar-riskju; iqis li jeħtieġ li l-kontrolli jkunu aġġornati sabiex ilaħħqu mal-innovazzjonijiet finanzjarji u li l-Ewropa għandha ttejjeb il-kapaċitajiet tal-korpi regolatorji tagħha f'dan ir-rigward; iqis li aktar regolamentazzjoni mhux bilfors li tkun regolamentazzjoni aħjar; iqis li l-Istati Membri għandhom jikkoordinaw l-azzjonijiet regolatorji tagħhom; iqis li l-istandards ta' stabilizzazzjoni u r-regolamentazzjoni tas-superviżjoni finanzjarja fiz-zona tal-ewro għandhom jiġu salvagwardati; |
48. |
Ifakkar li l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għandhom sehem fir-responsabilità għall-kriżi finanzjarja; jilqa’ l-appell tal-Kunsill Ewropew biex titħaffef il-proposta tal-Kummissjoni tat-12 ta' Novembru 2008 dwar Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Aġenziji tal-Klassifikazzjoni tal-Kreditu (COM(2008)0704) sabiex ir-regoli dwar l-aġenziji tal-klassifikazzjoni jsiru aktar stretti; |
49. |
Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva biex teżenta lil dawk magħrufa bħala mikroentitajiet mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Raba' Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE tal-25 ta' Lulju 1978 ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar il-kontijiet annwali ta' ċertu tipi ta' kumpanniji (6); |
50. |
Hu tal-fehma li huwa urġenti ħafna li titjieb ir-regolamentazzjoni globali tas-settur finanzjarju, li għandha tmur iktar lil hinn mis-settur klassiku bankarju, u li jittieħdu miżuri kuraġġużi biex ikunu stabbiliti regoli obbligatorji dwar is-superviżjoni prudenzjali, it-trasparenza u l-prattiki tajbin, kif ukoll biex ikunu applikati sanzjonijiet għan-nazzjonijiet u t-territorji kollha li ma jikkoperawx; jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposti xierqa u jħeġġeġ lill-Kunsill biex jipprepara l-qasam politiku fin-negozjati internazzjonali għall-aċċettazzjoni mgħaġġla ta' strateġija bħal din; jinnota li l-istabilità finanzjarja globali hija waħdi mill-beni pubbliċi, u li r-responsabilità għas-salvagwardja tagħha hija f'idejn il-mexxejja politiċi; |
51. |
Iħeġġeġ il-Kunsill tal-ECOFIN biex ilesti, sa Marzu 2009, ir-reviżjoni tad-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (7) sabiex tippermetti t-tnaqqis tal-livelli tal-VAT fuq servizzi li jistrieħu fuq ħidma intensiva u għadd kbir ta' ħaddiema, kif ukoll miżuri oħra xierqa biex tiġi stimulata d-domanda domestika; jitlob azzjoni koordinata u solidarjetà mill-Istati Membri f’dan ir-rigward billi jitħallew għażliet differenzjati ta' tnaqqis settorjali tal-VAT, li għalihom hemm provvediment fid-Direttiva dwar il-VAT, u li l-Istati Membri jistgħu jagħżlu jimplimentawhomx jew le, skont il-prijoritajiet rispettivi tagħhom; iqis li l-inċentivi fiskali selettivi għandhom jistimulaw id-domanda domestika kif ukoll l-ekonomija: |
52. |
Jilqa' bil-ferħ il-fatt li l-Kummissjoni talbet li jkun hemm Grupp ta' Livell Għoli għat-Tnaqqis tal-Burokrazija u jitlob li l-proposti miftiehma minn dan il-Grupp jiġu implimentati minnufih; jenfasizza li l-Istrateġija ta' Liżbona għandha taħseb biex tnaqqas il-piżijiet regolatorji fuq il-kumpaniji, filwaqt li tiżdied il-produttività u magħha r-rati ta' tkabbir fl-oqsma kollha; hu tal-fehma li l-Unjoni Ewropea għandha teżamina l-alternattivi għar-regolamentazzjoni, tikkonsulta mal-partijiet interessati dwar ir-regolamenti ġodda u tiffoka fuq il-proporzjon bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji tar-regolamentazzjoni; |
L-Istrateġija ta' Liżbona – evalwazzjoni, il-passi li jmiss u t-triq 'il quddiem
53. |
Jilqa’ l-progress li sar permezz tal-Istrateġija ta’ Liżbona tul dawn l-aħħar snin, iżda jinnota li għadd ta’ inizjattivi importanti legiżlattivi għadhom pendenti u għandha tkun prijorità li jiġu adottati; jisħaq fuq is-sitwazzjoni żbilanċjata fejn jidħlu l-kwalità u l-kwantità ta’ inizjattivi skont il-linji ta’ gwida Ewropej differenti; jitlob għal strateġija aktar ibbilanċjata fl-interess ta’ programm ta’ riforma reali dwar taħlita tal-politiki tal-UE li joffri għajnuna f'oqsma differenti; jappoġġja t-tisħiħ tad-dimensjoni esterna tal-aġenda Ewropea ta’ riforma li tipprovdi standards għoljin, qafas regolatorju xieraq u metodi ta’ ħidma b'koperazzjoni sabiex ikun hemm kollaborazzjoni ma’ parteċipanti ekonomiċi internazzjonali oħra u sabiex jintlaqgħu l-isfidi globali; f'dan il-kuntest, jilqa' l-ħidma li saret minn diversi Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni sabiex ikunu żviluppati indikaturi kwalitattivi ġodda; iħeġġeġ lill-Kunsill jitlob lill-Kummissjoni biex dawn l-indikaturi jintużaw fl-evalwazzjonijiet li jmiss tal-PNR u biex jiġu inkorporati fil-monitoraġġ tal-Kummissjoni, u b'hekk tinħoloq stampa aktar sħiħa u xierqa tas-suċċessi tal-Istrateġija ta’ Liżbona-Gotenborg; |
54. |
Jenfasizza li biex titjieb l-eżekuzzjoni fl-Istrateġija ta’ Liżbona, tinħtieġ influwenza effettiva min-naħa tal-Kunsill fil-qafas tas-sorveljanza multilaterali; |
55. |
Jiġbed l-attenzjoni li l-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni, li f’dawn l-aħħar disa’ snin kien is-sies tal-Istrateġija ta’ Liżbona, wera l-limitazzjonijiet tiegħu quddiem l-isfidi interni u esterni ġodda li qiegħda tħabbat wiċċha magħhom l-Unjoni Ewropea; iħeġġeġ għalhekk li l-perjodu ta’ wara l-Istrateġija ta' Liżbona għandu jkun ibbażat fuq politika aktar proattiva u aktar globali, jiġifieri dwar l-aġġornament ta’ politiki komuni diġà eżistenti (għan-negozju, għas-suq intern, għall-unjoni ekonomika u monetarja, eċċ.) u dwar politiki esterni komuni ġodda (l-enerġija, il-klima, l-iżvilupp, l-immigrazzjoni, eċċ.); |
56. |
Jiddispjaċih li, għalkemm fadal sena biss miż-żmien li fih kellha titwettaq l-Istrateġija ta’ Liżbona, ma ntlaħqux l-għanijiet definiti b’mod ċar filwaqt li l-progress fl-oqsma tal-programmi kien insuffiċjenti; huwa tal-fehma li l-isforzi tal-Istati Membri naqsu milli jimplimentaw miżuri biex iqarrbu l-għanijiet tal-Istrateġija ta’ Liżbona; hu tal-fehma li l-Istrateġija ta’ Liżbona għandha tidher bħala linja ta' gwida importanti għal politiki li jagħtu xejra lill-ġejjieni, u li jkunu mmirati lejn Unjoni Ewropea li tkun b'saħħitha, kompetittiva u li tkattar it-tkabbir; iqis, għalhekk, li l-Istrateġija jistħoqqilha li tittieħed b’iktar serjetà mill-Istati Membri u m'għandhiex tidher biss bħala sett ta’ għanijiet fil-bogħod, iżda bħala pjan ta’ azzjoni biex l-Unjoni Ewropea tkompli tiżviluppa; |
57. |
jipproponi li aktar riflessjoni dwar l-“Aġenda Liżbona Plus” (li għandha tibda fis-sena 2010) għandha tkun ibbażata fuq l-istruttura ġenerali tal-Istrateġija ta’ Liżbona (il-kompetittività u l-politiki ambjentali tal-industriji Ewropej, aktar opportunità ta’ xogħol ta’ kwalità aħjar, l-inklużjoni soċjali, is-sostenibilità), imma jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi ppreżentata strateġija aktar omoġenja u ta' appoġġ reċiproku li tkun tista' tkabbar b'mod deċiżiv il-kapaċità tal-Unjoni Ewropea ta' governanza ta' Liżbona; jitlob lill-Kummissjoni għal evalwazzjoni bir-reqqa tal-Istrateġija ta’ Liżbona fid-disa' snin li għaddew, biex tiġi ppreżentata qabel tmiem l-2009, u tal-kisbiet tal-għanijiet tagħha mill-Istati Membri, kif ukoll tal-impenn tagħhom biex jintlaħqu dawn l-għanijiet; |
58. |
jitlob lill-Kummissjoni biex tistudja bir-reqqa l-utilità ta' strateġija għal wara Liżbona, b’miri u għanijiet ġodda, u b'mod speċjali biex ikun evalwat jekk l-Istati Membri humiex lesti jimplimentaw il-programm il-ġdid, u l-vijabilità tiegħu; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Linji Gwida għall-Politika Integrata għat-Tkabbir u l-Iżvilupp ikunu ffukati mill-ġdid fuq l-isfond tat-tnaqqis ekonomiku u jħeġġeġ lill-Kunsill biex jaqbel dwar miżuri b'effett għal żmien qasir biex titħares ir-rata tal-impjiegi tas-sena 2008, biex jinvesti fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima u biex jiżgura li jkun hemm dħul biżżejjed, l-aktar fejn jidħlu l-aktar gruppi dgħajfa tas-soċjetà; jistenna li l-Kummissjoni tniedi inizjattivi u tippreżenta proposti rigward dawn l-għanijiet fiż-żmien stipulat sal-Kunsill ta’ Liżbona tar-Rebbiegħa li jmiss fl-2010;; |
59. |
Jenfasizza li l-“Liżbonizzazzjoni” tal-infiq pubbliku fl-Istati Membri kollha u tal-baġit tal-UE għandha ssir realtà, billi din tintegra l-Istrateġija ta' Liżbona nnifisha b'mod sistematiku u ttejjeb radikalment l-effikaċja tat-tfittxija biex jinkisbu l-għanijiet tat-tkabbir u tal-ħolqien tal-impjiegi; |
60. |
Jinnota li l-għodod meħtieġa mill-Unjoni Ewropea biex jitrawmu l-għanijiet tal-Istrateġija ta' Liżbona huma essenzjalment is-simplifikazzjoni tal-politiki relatati kollha, l-istrumenti finanzjarji u l-fondi kollha, kif ukoll il-baġit tal-UE b'mod li jkun hemm aċċellerazzjoni u approfondiment tal-isforzi għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi; iqis li, għaż-żmien fil-qrib, l-istimoli fiskali iktar b’saħħithom huma meħtieġa għall-irkupru bil-ħeffa mill-kriżi ekonomika, sakemm ikunu orjentati mill-ġdid l-ispejjeż privati u l-imġiba f'konsistenza mal-għanijiet imfassla mill-Istrateġija Liżbona-Goteborg u l-pakkett tal-klima u l-energija; iwissi f'dan il-kuntest kontra t-tnaqqis bla distinzjoni fit-taxxi; hu tal-fehma li l-istimoli fiskali għandhom ikunu mmirati lejn l-għanijiet soċjali u ambjentali; iqis li mezzi possibbli huma t-tnaqqis fil-livelli tat-taxxa fuq il-valur miżjud għal servizzi b'xogħol intensiv u servizzi mogħtija lokalment, filwaqt li jitqies ukoll li l-finanzjament jista' jingħata għal inizjattivi “ħodor”, inter alia, fis-settur tal-enerġija, kif ukoll fis-setturi tal-karozzi u tal-kostruzzjoni, l-aktar minħabba li dawn is-setturi għaddejjin minn kollass fid-domanda għall-prodotti tagħhom; iqis li l-klijenti jistgħu jiġu megħjuna, pereżempju, jixtru karozzi li jagħmlu anqas ħsara lill-ambjent, kif ukoll djar li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, permezz ta' eżenzjonijiet mit-taxxi; |
61. |
Jiddispjaċih li l-viżibilità tal-Istrateġija ta' Liżbona fil-politiki nazzjonali ta' ħafna Stati Membri għadha dgħajfa; huwa tal-fehma li l-mobilizzazzjoni tal-parteċipanti ekonomiċi kollha hija essenzjali sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effikaċi tagħha; hu tal-fehma, b'mod partikolari, li l-involviment aktar mill-qrib tal-imsieħba soċjali, tal-parlamenti nazzjonali u tal-awtoritajiet reġjonali u lokali kif ukoll tas-soċjetà ċivili jaf itejjeb ir-riżultati tal-Istrateġija ta' Liżbona u jsaħħaħ ukoll id-dibattitu pubbliku dwar riformi xierqa; hu tal-fehma li l-mobilizzazzjoni tal-partijiet kollha interessati tista’ tkun garantita permezz tal-implimentazzjoni xierqa tal-prinċipju ta’ governanza f'livelli differenti; |
62. |
Jiddispjaċih għal darb'oħra li għadu ma ġiex miftiehem pjan ċar u kodiċi ta' prattika bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni, f'konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u mal-Kumitat tar-Reġjuni, li jiggarantixxi l-koperazzjoni xierqa u l-involviment sħiħ tal-istituzzjonijiet rilevanti kollha tal-UE involuti fit-tkomplija tat-trattament xieraq tas-segwitu tal-Istrateġija ta' Liżbona; jistieden, f'dan il-kuntest, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jippreżentaw minnufih proposti għall-koperazzjoni mill-qrib tal-istituzzjonijiet rilevanti tal-UE, minħabba r-reviżjoni immedjata tal-linji ta' gwida integrati, kif ukoll tar-riflessjoni u t-tħejjija tal-aġenda Liżbona II li jmiss; |
*
* *
63. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. |
(1) ĠU C 282 E, 6.11.2008, p.422.
(2) Testi adottati, P6_TA(2008)0058.
(3) Testi adottati, P6_TA(2008)0543.
(4) Testi adottati, P6_TA(2008)0057.
(6) ĠU L 222, 14.8.1978, p.11.
(7) ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.