Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009IP0132

It-tfal ta' migranti Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 12 ta' Marzu 2009 dwar it-tfal ta' migranti li jitħallew warajhom fil-pajjiż ta' oriġini

ĠU C 87E, 1.4.2010, p. 134–135 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

1.4.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 87/134


Il-Ħamis, 12 ta’ Marzu 2009
It-tfal ta' migranti

P6_TA(2009)0132

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2009 dwar it-tfal ta' migranti li jitħallew warajhom fil-pajjiż ta' oriġini

2010/C 87 E/26

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-20 ta' Novembru 1989, b'mod partikolari l-Artikoli tagħha 3 u 20,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u l-Membri tal-Familji tagħhom, b'mod partikolari l-Artikoli 38, 42 u 45 tagħha,

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 24 tagħha,

wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.

billi l-moviment liberu tal-ħaddiema huwa ta' benefiċċju għall-ekonomiji tal-Istati Membri kollha u joffri lill-ċittadini tal-UE l-opportunità għall-iżvilupp ekonomiku u personali,

B.

billi dawn l-effetti pożittivi jistgħu jitnaqqsu minħabba riżultati negattivi mhux mixtieqa tal-migrazzjoni, fosthom is-sitwazzjoni fqira fejn it-tfal jitħallew fil-pajjiż ta' oriġini meta l-ġenituri tagħhom jemigraw lejn Stat Membru ieħor biex jaħdmu,

C.

billi l-migrazzjoni għax-xogħol żdiedet sew matul l-aħħar deċennji u llum il-ġurnata ħafna mill-migranti internazzjonali tad-dinja – 64 miljun – jgħixu fl-Unjoni Ewropea,

D.

billi l-migrazzjoni għandha potenzjal kbir li żżid l-iżvilupp imma twassal ukoll għal problemi mhux solvuti kemm fil-pajjiżi ta' oriġini kif ukoll f'dawk ta' destinazzjoni,

E.

billi, skont studju li sar mill-UNICEF u l-Alternattivi Soċjali fir-Rumanija, fl-2008 kważi 350 000 tifel u tifla kellhom mill-inqas ġenitur wieħed li kien qed jaħdem barra mill-pajjiż, u kważi 126 000 kienu affettwati mill-migrazzjoni taż-żewġ ġenituri,

F.

billi l-migrazzjoni jista' jkollha impatt pożittiv fuq id-djar fil-pajjiż ta' oriġini, għax permezz ta' rimessi (fondi li jintbagħtu fil-pajjiż ta' oriġini) u mezzi oħra jitnaqqas il-faqar u jiżdied l-investiment fil-kapital uman,

G.

billi, madankollu, għat-tfal li jitħallew fil-pajjiż ta' oriġini mill-ġenituri li jkunu qed jaħdmu fi Stat Membru ieħor, hemm ukoll aspetti negattivi possibbli inklużi r-riskju ta' nuqqas ġenerali ta' kura fir-rigward tas-saħħa fiżika u mentali, u effetti relatati mas-saħħa mentali bħal: dipressjoni; it-telfien ta' ħin liberu għal logħob u żvilupp; nuqqas ta' parteċipazzjoni fl-iskola u parteċipazzjoni ġenerali fl-edukazzjoni u t-taħriġ; nuqqas ta' ikel sustanzjuż; u abbuż tat-tfal,

H.

billi, filwaqt li hemm politika komprensiva mwaqqfa biex jitjiebu l-kundizzjonijiet li wieħed jgħix fihom u l-edukazzjoni għat-tfal ta' migranti li jmorru mal-ġenituri tagħhom fil-pajjiż ta' destinazzjoni, il-fenomenu tat-tfal li jitħallew fil-pajjiż ta' oriġini rċieva ftit li xejn attenzjoni,

I.

billi t-tfal ta' spiss jitħallew fil-pajjiż ta' oriġini minħabba nuqqas ta' informazzjoni dwar l-opportunitajiet u l-benefiċċji mill-pajjiżi ta' destinazzjoni,

1.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel studju ħalli tevalwa sa liema punt kiber il-fenomenu fil-livell tal-UE tat-tfal tal-migranti li tħallew warajhom fil-pajjiż ta' oriġini u biex tiġbor data mill-UE kollha dwar dan il-fenomenu;

2.

Jitlob lill-Istati Membri biex jieħdu passi ħalli jtejbu s-sitwazzjoni tat-tfal li tħallew mill-ġenituri tagħhom fil-pajjiż ta' oriġini u biex jiżguraw l-iżvilupp normali tagħhom f'termini ta' edukazzjoni u ħajja soċjali;

3.

Jitlob lill-Istati Membri biex iwaqqfu mekkaniżmi ta' kooperazzjoni ħalli jiġu evitati l-effetti ta' detriment għall-familji, speċjalment għat-tfal, tal-fatt li jgħixu 'l bogħod minn xulxin u d-distanzi li jridu jkopru;

4.

Jitlob lill-Istati Membri biex jinfurmaw aħjar lill-migranti dwar id-drittijiet tagħhom u d-drittijiet tal-membri tal-familja rigward il-moviment liberu u dwar l-informazzjoni disponibbli fil-livell nazzjonali u Ewropew dwar l-għajxien barra mill-pajjiż ta' oriġini u t-termini u l-kundizzjonijiet tax-xogħol fi Stat Membru ieħor;

5.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tipproponi lill-partijiet interessati kollha l-applikazzjoni adegwata tal-mezzi li diġà jeżistu ħalli jiġu megħjuna l-migranti kif ukoll it-tfal tagħhom li ma jkunux ħallew il-pajjiż ta' oriġini;

6.

Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinvolvu b'mod attiv l-imsieħba soċjali u l-NGOs f'azzjonijiet li jfittxu li jtejbu s-sitwazzjoni tat-tfal tal-migranti;

7.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lill-imsieħba soċjali.


Top
  翻译: