This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52009AE1695
Opinion of the European Economic and Social Committee on the ‘Proposal for a Directive of the European Parliament and of the Council on reporting formalities for ships arriving in and/or departing from ports of the Member States of the Community and repealing Directive 2002/6/EC’ COM(2009) 11 final — 2009/0005 (COD) and the ‘Communication from the Commission to the European Parliament, the Council, the European Economic and Social Committee and the Committee of the Regions — Communication and action plan with a view to establishing a European maritime transport space without barriers’ COM(2009) 10 final
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-formalitajiet tar-rappurtar għal bastimenti li jaslu fi jew jitilqu minn portijiet tal-Istati Membri tal-Komunità, u li tirrevoka d-Direttiva 2002/6/KE” COM(2009) 11 finali – 2009/0005 (COD) u “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Komunikazzjoni u pjan ta’ azzjoni bil-ħsieb li tiġi stabbilita żona Ewropea tat-trasport marittimu mingħajr konfini” COM(2009) 10 finali
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-formalitajiet tar-rappurtar għal bastimenti li jaslu fi jew jitilqu minn portijiet tal-Istati Membri tal-Komunità, u li tirrevoka d-Direttiva 2002/6/KE” COM(2009) 11 finali – 2009/0005 (COD) u “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Komunikazzjoni u pjan ta’ azzjoni bil-ħsieb li tiġi stabbilita żona Ewropea tat-trasport marittimu mingħajr konfini” COM(2009) 10 finali
ĠU C 128, 18.5.2010, p. 131–135
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
18.5.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 128/131 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-formalitajiet tar-rappurtar għal bastimenti li jaslu fi jew jitilqu minn portijiet tal-Istati Membri tal-Komunità, u li tirrevoka d-Direttiva 2002/6/KE”
COM(2009) 11 finali – 2009/0005 (COD)
u
“il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Komunikazzjoni u pjan ta’ azzjoni bil-ħsieb li tiġi stabbilita żona Ewropea tat-trasport marittimu mingħajr konfini”
COM(2009) 10 finali
(2010/C 128/25)
Relatur: Is-Sur IOZIA
Nhar is-27 ta’ Frar 2009, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 80(2) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-formalitajiet tar-rappurtar għal bastimenti li jaslu fi jew jitilqu minn portijiet tal-Istati Membri tal-Komunità, u li tirrevoka d-Direttiva 2002/6/KE
COM(2009) 11 finali – 2009/0005 (COD).
Nhar il-21 ta’ Jannar 2009, il-Kummissjoni ddeċiediet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Komunikazzjoni u pjan ta’ azzjoni bil-ħsieb li tiġi stabbilita żona Ewropea tat-trasport marittimu mingħajr konfini
COM(2009) 10 finali.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-8 ta’ Settembru 2009. Ir-relatur kien is-Sur Iozia.
Matul l-457 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-4 u l-5 ta’ Novembru 2009 (seduta tal-4 ta’ Novembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’159 vot favur, 2 voti kontra u astensjoni waħda.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1. B’mod ġenerali, il-KESE jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bil-ħsieb li tiġi stabbilita Żona Ewropea tat-Trasport Marittimu u l-proposta għal Direttiva dwar il-formalitajiet tar-rappurtar għal bastimenti li jaslu fi jew jitilqu minn portijiet tal-Istati Membri tal-Komunità, u li tirrevoka d-Direttiva 2002/6/KE.
1.2. Il-programm ta’ ħidma li ġie propost huwa ambizzjuż u strutturat tajjeb, bi pjan ta’ azzjoni koerenti li jista’ jikseb l-objettivi proposti. It-tnaqqis u r-razzjonalizzazzjoni tal-formalitajiet amministrattivi, li se jiġu definiti b’mod li ma jaffettwawx il-livelli attwali ta’ sigurtà u l-kwalità tal-kontrolli neċessarji, huma kruċjali għat-titjib tat-traffiku intern u estern fil-portijiet.
1.3. It-titjib tal-attività fil-portijiet jista’ jwassal għal razzjonalizzazzjoni tat-trasport tal-oġetti, mit-trasport bit-triq għat-trasport marittimu, u b’hekk tissaħħaħ l-intermodalità bejn il-baħar, il-ferrovija, il-passaġġi fuq l-ilma interni u t-toroq, kif ġie ddikjarat fil-White Paper dwar it-trasport u enfasizzat fir-Reviżjoni ta’ nofs it-term.
1.4. Jeħtieġ li ċerti proposti speċifiki fil-Komunikazzjoni jiġu kkunsidrati aktar mill-qrib u l-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni twaqqaf forums għall-partijiet interessati kollha dwar dawn il-kwistjonijiet: iċ-ċertifikati għall-eżenzjoni tal-pilotaġġ, il-formalitajiet fir-rigward tas-semplifikazzjoni tat-trasport ta’ oġġetti perikolużi, it-trasport tal-prodotti tal-annimali u l-pjanti u l-koordinazzjoni tal-ispezzjonijiet fil-portijiet (one stop shop).
1.5. Il-KESE esprima l-opinjoni tiegħu dwar is-servizzi ta’ pilotaġġ fil-portijiet f’bosta okkażjonijiet (1), u din għadha valida sal-lum.
1.6. Fil-Komunikazzjoni dwar l-iskopijiet strateġiċi u r-rakkomandazzjonijiet għall-politika tat-trasport marittimu tal-UE sal-2018, il-Kummissjoni stess enfasizzat li “n-numru dejjem jonqos ta’ professjonisti marittimi, uffiċjali u skali oħra qed joħloq ir-riskju tat-telf tal-massa kritika tar-riżorsi umani li jsostnu l-kompetittività tal-industriji marittimi Ewropej b’mod ġenerali”.
1.7. Il-proposta għal ċertifikati għall-eżenzjoni tal-pilotaġġ tista’ tnaqqas iktar din l-attività u tagħmel dan ix-xogħol anqas attraenti maż-żgħażagħ. Iridu jsiru studji jew analiżi affidabbli li juru l-potenzjal ta’ effetti pożittivi filwaqt li l-effetti negattivi fuq l-impjieg u s-sigurtà jidhru ċari. Bħala alternattiva, għandha titqies l-estensjoni tat-telepilotaġġ (tele-pilotage) bl-użu ta’ innovazzjonijiet teknoloġiċi, biex b’hekk jiġu ffrankati flus u ħin waqt li jiġu ggarantiti standards għoljin ta’ sigurtà. Fil-każ ta’ kolliżjoni jew kwalunkwe tip ieħor ta’ avveniment marittimu li jista’ jikkawża ħsara materjali jew telf ta’ ħajja, il-kumpaniji tal-assigurazzjoni huma awtorizzati jirrifjutaw rimborsi kuntrattwali għall-ħsara jekk il-liċenzji marittimi ta’ dawk responsabbli għall-bastimenti – il-kaptan u l-inġinier prinċipali – ma jkunux validi. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tniedi diskussjoni mal-partijiet interessati kollha (is-sidien tal-bastimenti, il-piloti, l-organizzazzjonijiet settorjali u l-awtoritajiet tal-portijiet) biex jevalwaw l-impatt reali ta’ din il-proposta fuq is-sigurtà u l-impjieg.
1.8. Il-KESE jappoġġja l-proġett għal żona marittima Ewropea mingħajr konfini (2), li jagħmel parti integrali tal-programmi għat-Trasport Marittimu fuq Distanzi Qosra: huwa essenzjali li tiġi definita b’suċċess bażi legali Komunitarja, sabiex il-bastimenti li jkunu qed iġorru oġġetti Komunitarji bejn żewġ portijiet tal-UE (pereżempju Lisbona u Napli) ikunu jistgħu jiġu trattati bl-istess mod bħal mezzi oħra ta’ trasport.
1.9. Il-KESE kien jippreferi kieku din il-possibbiltà ġiet inkluża fil-Kodiċi Doganali Komintarju l-ġdid. Filwaqt li jinnota li l-Kummissjoni mhijiex beħsiebha ssegwi din il-proposta, il-KESE jitlob sabiex tal-anqas tiġi inkluża fost ir-regoli ta’ implimentazzjoni futuri tal-Kodiċi, qabel tmiem l-2009, sabiex tiġi applikata mill-iktar fis possibbli.
1.10. Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-inizjattiva li tiġi introdotta “tieqa unika” għal kull tip ta’ prattika u miżuri oħra ta’ razzjonalizzazzjoni, bħall-ippjanar ta’ żjarat ta’ spezzjoni mill-bosta awtoritajiet tal-port u dawk doganali: ser ikun possibbli li d-dokumenti amministrattivi jintbagħtu elettronikament, mingħajr preġudizzju għall-attivitajiet tal-awtoritajiet doganali biex jiġġieldu l-kriminalità.
1.11. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni teżamina l-kwistjonijiet relatati mal-possibbiltà li jingħataw l-istess privileġġi lill-bastimenti li jwettqu operazzjonijiet bejn żewġ portijiet tal-UE u li jidħlu f’port li mhuwiex fl-UE. Skont l-assoċjazzjonijiet tas-sidien tal-bastimenti dan jaffettwa għadd kbir ta’ bastimenti li jistgħu jibbenefikaw mill-vantaġġi ta’ żona marittima interna mingħajr konfini.
1.12. Jekk l-Ingliż ikun il-lingwa ewlenija tat-trasport marittimu, bħal fil-każ tat-trasport tal-ajru, niffaċilitaw ħafna l-formalitajiet u l-prattiki amministrattivi.
2. Il-Komunikazzjoni u l-pjan ta’ azzjoni tal-Kummissjoni
2.1. Il-moviment ħieles tal-bnedmin u tal-oġġetti għandu jiġi ggarantit b’mod ugwali għall-mezzi kollha tat-trasport. Il-vantaġġi ta’ suq uniku għandhom jiġu implimentati billi jittieħdu passi biex jiġi ffaċilitat dan l-objettiv. It-trasport marittimu bħalissa ma jgawdix mill-istess privileġġi tat-trasport bit-triq. Il-kwantità ta’ formalitajiet, il-piżijiet amministrattivi u l-ispezzjonijiet ma jħeġġux l-użu tat-trasport marittimu għall-ġarr ta’ oġġetti fl-Unjoni Ewropea.
2.2. Id-dokument tal-Kummissjoni jindirizza l-kwistjoni tal-proċeduri fit-trasport marittimu: anke meta jkunu qed jinġarru “oġġetti Komunitarji” bejn żewġ portijiet tal-UE, dan il-moviment huwa soġġett għal regoli doganali u tat-trasport speċifiċi, regolamenti veterinarji u għall-protezzjoni tal-pjanti u formalitajiet oħra.
2.3. Għandna nżommu f’moħħna li l-Kunsill ħeġġeġ l-użu tat-Trasport Marittimu fuq Distanzi Qosra fl-2006 u reġa tenna din it-talba fl-2007. Il-Komunikazzjoni tirreferi wkoll għall-opinjoni li l-KESE ppubblika lejn l-aħħar tal-2006 li talbet għat-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni għat-trasport marittimu.
2.4. Fl-analiżi ta’ nofs it-term tal-White Paper dwar il-Politika tat-Trasport, il-Kummissjoni ħabbret il-ħolqien ta’ żona Ewropea tat-trasport marittimu mingħajr konfini. Din il-pożizzjoni ġiet ikkonfermata fil-Komunikazzjoni “Blue Book” dwar politika marittima integrata. Din taqbel mal-istrateġija ta’ semplifikazzjoni leġiżlattiva u mal-politika ta’ regolamentazzjoni aħjar.
2.5. It-Trasport Marittimu fuq Distanzi Qosra (Short Sea Shipping – SSS) jista’ jwassal għal titjib fil-kwalità tas-servizzi, il-bastimenti jniġġsu anqas għal kull tunnellata li tiġi trasportata, ikollhom inqas spejjeż esterni u jnaqqsu l-konġestjoni tat-traffiku.
2.6. Użu aktar frekwenti tat-Trasport Marittimu fuq Distanzi Qosra jista’ jgħin lill-Unjoni tilħaq il-miri tagħha tas-CO2 ta’ wara Kjoto.
2.7. Is-Servizzi tat-Traffiku tal-Bastimenti / is-Sistemi ta’ Ġestjoni u Informazzjoni tat-Traffiku tal-Bastimenti (VTS/VTMIS) li jużaw l-informazzjoni mis-Sistema ta’ Identifikazzjoni Awtomatika (AIS), flimkien mal-Identifikazzjoni u l-Ittraċċar tal-Bastimenti minn Distanza Twila (LRIT) jagħmlu parti integrali mill-futur tal-ambjent marittimu elettroniku għat-trasport tal-oġġetti u n-navigazzjoni. Fil-futur, l-użu ta’ din it-teknoloġija, flimkien ma’ sistema integrata ta’ monitoraġġ u sorveljanza ser itejbu s-sorveljanza tat-traffiku marittimu.
2.8. Il-pjan ta’ azzjoni tal-Kummissjoni fih 11-il miżura; tliet proġetti fuq perijodu qasir, erbgħa fuq perijodu medju u erba’ rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri.
2.9. Fost l-azzjonijiet li għandhom jitwettqu sal-aħħar tal-2009 (fuq perijodu qasir), hawn dawn il-proġetti:
— |
is-semplifikazzjoni tal-formalitajiet doganali għall-bastimenti li jbaħħru biss bejn il-portijiet tal-UE; |
— |
linji gwida biex jtħaffu l-kontrolli tad-dokumentazzjoni relatati mal-prodotti tal-annimali u l-pjanti li jinġarru bejn il-portijiet tal-UE; |
— |
Direttiva dwar ir-razzjonalizzazzjoni ta’ dokumenti mitluba minn korpi leġiżlattivi differenti. |
2.10. Miżuri fuq perijodu medju li għandhom jitressqu fl-2010:
— |
is-semplifikazzjoni tal-formalitajiet amministrattivi għall-bastimenti li jbaħħru bejn il-portijiet tal-UE, imma li jidħlu f’pajjiżi terzi jew f’żona ħielsa; |
— |
it-trażmissjoni elettronika tad-dejta mtejba; |
— |
it-“tieqa unika” amministrattiva; |
— |
is-semplifikazzjoni ta-regoli dwar il-ġarr bil-baħar ta’ oġġetti perikolużi. |
2.11. L-erba’ miżuri fuq il-perijodu fit-tul f’forma ta’ rakkomandazzjonijiet huma:
— |
il-koordinazzjoni ta’ spezzjonijiet amministrattivi bil-ħsieb li jitnaqqsu l-ħinijiet ta’ bidla; |
— |
l-iffaċilitar tal-komunikazzjoni amministrattiva: |
— |
il-ħruġ ta’ Ċertifikati għall-Eżenzjoni tal-Pilotaġġ (PEC); |
— |
ir-razzjonalizzazzjoni tal-fluss u l-ispazju fil-portijiet. |
3. Kummenti
3.1. Il-KESE jilqa’ b’mod ġenerali l-abbozz ta’ pjan ta’ azzjoni propost mill-Kummissjoni, soġġett għal kritika speċifika ddettaljata f’din l-opinjoni. Il-KESE diġà eżamina l-idea li tinħoloq żona tat-trasport marittimu mingħajr konfini u jixtieq itenni l-appoġġ tiegħu għal din l-inizjattiva.
3.2. Madankollu, il-pjan huwa milqut mid-diffikultajiet fi ħdan l-Istati Membri fir-rigward tal-introduzzjoni ta’ sensiela ta’ regoli komprensivi u ċari dwar it-tkomplija tas-suq intern. L-akbar ostakli huma l-proċeduri doganali mhux meħtieġa, in-nuqqas ta’ koordinazzjoni bejn l-ispezzjonijiet u l-kontrolli mill-awtoritajiet tal-Istati Membri rilevanti, u n-nuqqas ta’ komunikazzjoni elettronika u ta’ sistemi interoperabbli.
3.3. Is-semplifikazzjoni tal-formalitajiet doganali għall-bastimenti li jbaħħru esklużivament bejn il-portijiet tal-UE hija essenzjali għall-ħolqien ta’ żona marittima Ewropea mingħajr konfini. Il-proposta li jiġi emendat il-Kodiċi Doganali Komintarju setgħet issolvi l-problemi, iżda peress li dan il-Kodiċi għadu kif ġie emendat reċentement, ġie propost li l-bażi legali taż-żona marittima interna tiġi inkluża fid-dokument tekniku dwar l-implimentazzjoni tal-Kodiċi l-ġdid. F’dan id-dokument, għandu jiġi speċifikat li, għall-finijiet tal-moviment ħieles tal-oġġetti Komunitarji biss, iż-żona marittima interna ser tinkludi l-oġġetti Komunitarji fuq il-bastimenti li jivvjaġġaw bejn żewġ portijiet tal-UE.
3.4. Ħafna mill-azzjonijiet proposti fil-prattika huma limitati li jħeġġu lill-Istati Membri jadottaw miżuri attivi biex itejbu u jissemplifikaw il-qafas amministrattiv, filwaqt li hemm bżonn ta’ inizjattivi aktar stretti u vinkolanti.
3.5. Jidher li fid-dokument propost mill-Kummissjoni hemm enfasi kbira wisq fuq wieħed mit-tliet pilastri tal-Istrateġija ta’ Liżbona: il-pilastru ekonomiku. Il-Kumitat iqis li dawn l-interessi għandhom ikunu bbilanċjati aħjar mal-aspetti kruċjali l-oħra – id-dimensjonijiet soċjali u ambjentali.
3.6. Il-KESE jappoġġja l-inizjattivi bil-għan li jtejbu l-qafas leġiżlattiv u regolatorju li jiggverna s-suq uniku, sakemm dawn il-miżuri ma jkollhom l-ebda impatt fuq is-sigurtà taċ-ċittadini, tal-ħaddiema jew tal-ambjent u ma jkunux ta’ theddida għall-impjieg. Dan jidher li jista’ jkun ta’ riskju reali fil-każ ta’ ċerti miżuri bħal dik dwar iċ-ċertifikati għall-eżenzjoni tal-pilotaġġ.
3.7. Permezz tat-trasport marittimu ammonti kbar ħafna ta’ oġġetti jistgħu jinġarru fi proporzjon favorabbli ta’ emissjonijiet tas-CO2 għal kull tunnellata/kilometru. Barra minn hekk, is-settur joffri opportunità konsiderevoli għal titjib billi jiġu żviluppati teknoloġiji ġodda għall-magni, billi jintużaw karburanti aktar nodfa u jitnaqqsu l-veloċitajiet tan-navigazzjoni. Jekk innaqqsu l-ħinijiet ta’ stennija fil-portijiet minħabba burokrażija mhux meħtieġa, il-moviment tal-bastimenti fil-portijiet jista’ jiżdied u dan jiġġenera effiċjenza u profitti, jgħin biex jinkisbu l-miri għal anqas emissjonijiet b’effett ta’ serra u jikkontribwixxi għal mobbiltà sigura u sostenibbli (3). It-trasport fiż-żona mingħajr konfini jkun iktar attraenti, u jitħeġġeġ mod tat-trasport li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent.
3.8. Il-KESE diġà esprima l-appoġġ tiegħu għall-programm Marco Polo II li għandu l-għan li jnaqqas il-konġestjoni, itejjeb il-prestazzjoni ambjentali tas-sistema tat-trasport tal-merkanzija u jippromovi t-trasport intermodali billi jippromovi bidla fit-tkabbir annwali mbassar mit-trasport internazzjonali tal-merkanzija bit-triq lejn l-SSS u t-trasport bil-ferrovija u l-passaġġi fuq l-ilma interni. Il-pjan ta’ azzjoni huwa parti minn strateġija aktar wiesgħa li tinkludi l-implimentazzjoni tal-proġett tar-Rotot tal-Baħar. Ladarba s-sistema Ewropea għall-ippożizzjonar satellitari, Galileo, tibda topera, din l-istrateġija tiġi ssemplifikata aktar.
3.9. Il-miżuri ta’ semplifikazzjoni amministrattiva li ġew proposti jsegwu l-prattika pożittiva tal-Unjoni, li issa ġiet ikkonsolidata, fir-rigward tal-verifikazzjoni tal-ħtieġa u l-effikaċja ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja li m’għadhiex tintuża jew li jiġu skrutinizzati l-prattiki u l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jikkontradixxu l-prinċipji tat-Trattat.
4. Kummenti speċifiċi. Miżuri fuq perijodu qasir.
4.1. Id-Direttiva
4.1.1. Il-proposta għal Direttiva ċertament mhijiex waħda mill-miżuri l-aktar importanti stabbiliti fil-pjan ta’ azzjoni. Il-proposta għal direttiva tirrevoka d-Direttiva attwali Nru 2002/6/KE u tippermetti s-semplifikazzjoni tal-proċeduri permezz ta’ tliet innovazzjonijiet ewlenin: l-użu ta’ mudell Ewropew li diġà jeżisti minflok dak stipulat taħt il-Konvenzjoni FAL tal-IMO (Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali) tad-9 ta’ April 1965, li ġiet riveduta f’Lulju 2005, sabiex tiġi evitata dokumentazzjoni eċċessiva; l-użu ta’ sistemi elettroniċi ta’ trażmissjoni u l-ħatra ta’ awtorità unika fejn id-dikjarazzjonijiet u d-dokumenti kollha meħtieġa għandhom jintbagħtu.
4.1.2. Il-KESE jilqa’ b’mod favorevoli l-proposta li bis-saħħa ta’ mezzi sempliċi tiffaċilita x-xogħol tal-kaptani u s-sidien tal-bastimenti. Jirrakkomanda li s-semplifikazzjoni m’għandux ikollha impatt negattiv fuq il-miżuri attwali tas-saħħa u l-ħarsien tal-ambjent, speċjalment fir-rigward tal-iskart iġġenerat mill-bastimenti u l-fdalijiet mill-merkanzija.
4.2. Il-KESE jemmen li l-linji gwida indikati sabiex jitħaffu l-kontrolli dokumentarji relatati mat-trasport tal-prodotti tal-annimali u l-pjanti bejn portijiet tal-UE għandhom jiġu ċċarati. L-opinjoni pubblika madwar id-dinja hija allarmata bil-firxa tal-pandemiji bħall-influwenza avjarja u d-deni tal-ħnieżer u qed titlob għal miżuri ta’ sigurtà addizjonali. It-traċċabbiltà tal-oriġni tal-prodott hija kruċjali biex jiġu iżolati punti fokali: għaldaqstant għandu jiġi muri b’mod ċar li l-miżuri proposti bl-ebda mod mhuma ser idgħajfu r-regoli attwali.
5. Kummenti speċifiċi. Miżuri fuq perijodu medju ta’ żmien.
5.1. Sehem mit-trasport marittimu huwa magħmul minn bastimenti li jivvjaġġaw bejn żewġ portijiet jew iktar tal-UE, u jagħmlu waqfa f’pajjiżi terzi jew żona ħielsa. Il-KESE jqis li l-huwa meħtieġ li jiġu ssemplifikati l-obbligi amministrattivi għal dawn il-bastimenti. L-iżvilupp ta’ teknoloġiji aerospazjali għall-identifikazzjoni u t-traċċar u t-titjib gradwali fis-sistemi elettroniċi li jidentifikaw l-oġġetti Komunitarji simultanjament jistgħu jiżguraw iċ-ċertezza tal-oriġini u jnaqqsu b’mod sinifikanti t-tul ta’ żmien u l-ispejjeż għall-bastimenti.
5.2. It-trażmissjoni elettronika tad-data mtejba, jiġifieri s-sistemi marittimi elettroniċi, li huma inklużi fis-sistema ppjanata taħt il-Kodiċi Doganali Komunitarju l-ġdid li ser juża sistema doganali elettronika b’konformità mad-Deċiżjoni 70/2008 hija waħda mis-soluzzjonijiet li l-KESE jittama li ser ittejjeb il-ħajja taċ-ċittadini u tnaqqas il-burokrazija żejda u li tagħmel il-ħsara.
5.3. It-tieqa unika amministrattiva hija wkoll mistennija. L-unika mistoqsija hija għala għadha ma ġietx introdotta. Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ din il-proposta u jħeġġeġ l-Istati Membri biex jieħdu l-passi meħtieġa malajr.
5.4. Is-semplifikazzjoni tar-regoli dwar il-ġarr bil-baħar ta’ oġġetti perikolużi. Ir-regoli attwali jimponu firxa wiesgħa ta’ rekwiżiti għall-merkanzija perikoluża li jużaw varjetà ta’ modi tat-trasport minflok mod wieħed biss. It-trasport marittimu dejjem iktar ta’ spiss qed jagħmel parti minn katina ta’ ħafna modi u qed jiġi ppenalizzat meta mqabbel ma’ soluzzjonijiet li jinvolvu mod wieħed bħat-trasport fuq it-triq, u dan qed jiskoraġġixxi l-użu tal-bastimenti. Filwaqt li jikkonforma bl-akbar reqqa mal-livelli speċifiċi ta’ sigurtà meħtieġa fit-trasport marittimu, il-KESE jemmen li jistgħu jiġu adottati għadd ta’ miżuri, b’mod partikolari fir-rigward tal-bastimenti Ro Ro (roll-on/roll-off) li jkunu qed iġorru vetturi li jikkonformaw mar-regoli stabbiliti fid-Direttiva dwar il-ġarr ta’ oġġetti perikolużi u l-Konvenzjoni tal-ADR dwar il-Ġarr Internazzjonali tat-30 ta’ Settembru 1957.
6. Kummenti speċifiċi. Miżuri adottati sussegwentament fuq rakkomandazzjoni
6.1. Il-koordinazzjoni ta’ spezzjonijiet amministrattivi. L-istess approċċ li jintuża għat-tieqa unika amministrattiva, jista’ jintuża mill-awtoritajiet tal-port u dawk doganali u l-pulizija biex jikkoordinaw u jippjanaw spezzjonijiet konġunti li jistgħu jitwettqu fl-istess ħin jew eżattament wara xulxin. Dan inaqqas b’mod sostanzjali l-ħin tal-ħatt – dejjem meta nikkunsidraw il-fatt li f’xi Stati Membri l-ħatt jista’ jsir biss ladarba jkunu saru l-ispezzjonijiet kollha. Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ din il-proposta.
6.2. L-iffaċilitar tal-komunikazzjoni amministrattiva. Din il-proposta tiġbed l-attenzjoni għall-kwistjoni ta’ natura sensittiva ħafna: l-użu ta’ lingwa komuni fit-trasport marittimu. Il-Kummissjoni tissuġġerrixxi l-użu ta’ lingwa komuni jew l-Ingliż. Minkejja li għandha riservi diplomatiċi tradizzjonali, il-Kummissjoni tenfasizza l-importanza ta’ din il-possibbiltà għal raġunijiet prattiċi. Din il-proposta hija raġonevoli u proporzjonata mal-għan tagħha. Il-KESE huwa tal-fehma li, l-istess bħat-trasport bl-ajru, it-trasport marittimu għandu jadotta lingwa komuni mhux biss għal raġunijiet ekonomiċi iżda wkoll għal raġunijiet ta’ sigurtà. “Mayday” huwa l-messaġġ universali li jindika sitwazzjoni ta’ periklu. Normalment, l-Ingliż jintuża fuq kull stazzjoni radjofoniku internazzjonali. Sabiex jiġi faċilitat il-fehim, jistgħu jintużaw tradutturi elettroniċi biex jittraduċu f’lingwa xierqa il-formoli li għandhom jimtlew kulmeta l-bastiment jidħol f’port.
6.3. Il-ħruġ ta’ Ċertifikati għall-Eżenzjoni tal-Pilotaġġ. Il-KESE jitlob biex issir riflessjoni profonda dwar din il-proposta peress li ma jqishiex la utli u lanqas proporzjonata. Il-piloti tal-port jaqdu funzjoni professjonali ħafna li hija marbuta mill-qrib mal-prattiki ta’ kuljum fil-portijiet ta’ pajjiżhom fejn, kif inhu magħruf, il-kundizzjonijiet tan-navigazzjoni jistgħu jinbidlu malajr ħafna minħabba kurrenti, marei, u l-kundizzjonijiet tat-temp u tat-traffiku. Għaldaqstant, m’hemm l-ebda frankar ta’ ħin sinifikanti u l-ispejjeż jikkorespondu mal-miżuri ta’ sigurtà neċessarji. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tirrevedi l-proposta u tikkonsulta mal-organizzazzjonijiet tal-piloti dwar mezzi aħjar għat-titjib tas-servizz mingħajr ma tonqos is-sigurtà.
6.4. Ir-razzjonalizzazzjoni tal-fluss u l-ispazju fil-portijiet. Il-KESE jqis li din hija miżura “kompetittiva” bejn il-bosta awtoritajiet tal-port u dawk marittimi. L-awtoritajiet tal-port għandhom iqisu bis-serjetà l-bżonn li jevitaw li jittrattaw b’mod inġust bastimenti żgħar jew ta’ daqs medju. Servizz aħjar jiġbed aktar traffiku u għaldaqstant iqis li kull awtorità għandha tippjana l-investiment meħtieġ u tagħmel il-port tagħha aktar effiċjenti. Minkejja kollox din ir-rakkomandazzjoni hija tajba!
6.5. Fl-aħħar nett, il-KESE jħoss li l-proposta tal-Kummissjoni għandha tiġi implimentata aktar malajr u jitlob sabiex is-servizzi li ser jiġu inkarigati mill-implimnetazzjoni tal-programm għat-Trasport Marittimu fuq Distanzi Qosra – li bħalissa huma żgħar minkejja l-importanza tal-kwistjoni – jingħataw il-persunal addizzjonali li jinħtieġ.
Brussell, 4 ta’ Novembru 2009
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
(1) ĠU C 48, 21.2.2002, p. 122; ĠU C 294, 25.11.2005, p. 25; ĠU C 168, 20.7.2007, p. 50.
(2) ĠU C 27, 3.2.2009, p. 45-48.
(3) ĠU C 277, 17.11.2009, p. 20-24 – relatur: is-Sinjura Bredima.