Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010AR0098

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Ir-rwol tar-riġenerazzjoni urbana fil-ġejjieni tal-iżvilupp urban fl-Ewropa”

ĠU C 267, 1.10.2010, p. 25–32 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

1.10.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 267/25


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Ir-rwol tar-riġenerazzjoni urbana fil-ġejjieni tal-iżvilupp urban fl-Ewropa”

(2010/C 267/07)

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

Il-kontribut ta’ bliet għall-iżvilupp u t-transizzjoni minn rinnovament għal riġenerazzjoni urbana

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.   Il-KtR jemmen li l-bliet u r-reġjuni bliet (il-konurbazzjonijiet ta’ bliet u l-muniċipalitajiet ġirien tagħhom) huma benniena tal-immaġinazzjoni u tal-kreattività u jħaddnu fihom kemm l-opportunitajiet biex jiġu indirizzati l-problemi finanzjarji u ekonomiċi li qed tiffaċċja l-Unjoni Ewropea kif ukoll il-mezzi biex jiġu miġġielda l-esklużjoni soċjali, il-kriminalità u l-faqar. Madankollu, il-KtR jemmen li dawn iridu jiġu rikonoxxuti fi ħdan il-programmi strutturali sabiex ikun hemm bidla u ssir riġenerazzjoni;

2.   jirrikonoxxi li l-kontribut tal-bliet u ċ-ċentri urbani (1) għall-iżvilupp sostenibbli tal-livelli kollha ta’ gvern u bejniethom qed isir dejjem iktar importanti. Il-bliet huma ċentri għall-kultura, il-kummerċ, l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp, is-servizzi tal-għarfien u s-settur finanzjarju, jirrappreżentaw salib it-toroq għall-moviment internazzjonali u reġjonali tal-oġġetti u l-persuni u jagħtu kontribut sostanzjali għall-integrazzjoni ta’ gruppi ta’ nies ta’ oriġini differenti;

3.   jinnota li xi żoni urbani ddgħajfu minħabba problemi ambjentali, ekonomiċi u soċjali, iżda jinnota wkoll ħafna eżempji ta’ riġenerazzjoni urbana fl-Ewropa, iffinanzjati bl-għajnuna tal-UE;

4.   jenfasizza l-fatt li f’ħafna każijiet iċ-ċentralizzazzjoni tal-popolazzjoni fil-bliet, li għandha tiġi attribwita lill-bini illegali u l-migrazzjoni interna, saret tant malajr li l-awtoritajiet lokali ma kellhomx ċans jippjanaw u jiġġestixxu l-fenomenu. Il-problemi soċjali intensifikaw u sezzjonijiet tal-popolazzjoni ġew marġinalizzati, minkejja l-potenzjal kbir tagħhom soċjali u ta’ impjieg. Fid-dinja żviluppata, żoni mhux valutati ħafna saru parti integrali tal-istruttura urbana tal-bliet, u jikkostitwixxu fatturi ta’ esklużjoni soċjali u l-iżvilupp tal-insigurtà;

5.   jirrimarka li l-bidliet fl-istrutturi ekonomiċi, ir-rilokazzjoni tal-attivitajiet tal-produzzjoni u l-introduzzjoni ta’ teknoloġiji ġodda, b’mod partikolari fis-settur tat-trasport tal-oġġetti, dgħajfu b’rata mgħaġġla l-istrutturi u l-art (portijiet, stazzjonijiet tal-ferroviji), b’effetti mifruxa fuq il-mod kif il-viċinanzi u bliet sħaħ ikunu jistgħu jaħdmu soċjalment u ekonomikament, u b’hekk jikkonfrontawhom bi sfidi kompletament ġodda;

6.   jenfasizza li l-politiki ta’ tiġdid urban għandhom jifformaw il-bażi għal mudell adatt b’bażi wiesgħa ta’ attivitajiet li tkopri forom ta’ intervenzjoni li jmorru mir-riġenerazzjoni tal-ispazji urbani għar-riabilitazzjoni ta’ djar li diġà jeżistu. Il-mudell il-ġdid ta’ belt sostenibbli għandu jistrieħ fuq approċċ integrat innovattiv għat-tiġdid urban li, f’konformità mal-Karta ta’ Leipzig, jindirizza l-aspetti ambjentali, soċjali u ekonomiċi. Għandu jkun mudell li ma japprovax espansjoni bla limiti jew bini li jkun ta’ detriment għaż-żoni ekoloġiċi, iżda li jiffoka minflok fuq tkabbir ikkontrollat, li jevita t-tkabbir taż-żoni urbani, u jagħti ħajja ġdida lid-djar li diġà jeżistu fiż-żoni urbani u lin-nisġa soċjali, u li jtejjeb l-ekoeffiċjenza urbana, it-titjib taż-żoni industrijali u l-promozzjoni ta’ forom tat-trasport iktar sostenibbli, l-ippjanar tal-użu tal-art f’diversi livelli (reġjonali, muniċipali, lokali) u l-użu mħallat tal-iżvilupp bħala punti prinċipali ta’ referenza;

7.   ifakkar li fi tmiem is-seklu għoxrin kien hemm bżonn ċar li l-bliet jerġgħu jingħataw valur, permezz ta’ approċċ iktar immirat u transsettorjali. Il-kumplessità tal-kwistjonijiet issuġġeriet li kien hemm bżonn ta’ approċċ li jittratta ħafna aspetti, li min-naħa tiegħu ħoloq il-bżonn li jitfasslu programmi ta’ riġenerazzjoni urbana li fil-biċċa l-kbira tagħhom adottaw attitudni olistika lejn l-għanijiet, il-metodi u l-għodod tagħhom, f’kuntest tar-realtajiet ġeografiċi iktar mifruxa u l-ekonomiji ta’ skala. Jemmen li żoni urbani fil-periklu m’għandhomx u ma jistgħux jiġu abbandunati billi huma sors ta’ talent mhux użat u jirrappreżentaw ħela ta’ riżorsi f’termini ta’ kapital uman u fiżiku li jibqa’ ma jintużax meta jista’ jikkontribwixxi b’mod produttiv għat-tkabbir ekonomiku;

Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-iżvilupp urban u r-rilevanza tal-KtR

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

8.   jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandu jkollhom rwol deċiżiv u ewlieni fit-tfassil, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ, l-appoġġ u l-evalwazzjoni ta’ strateġiji integrati għar-riġenerazzjoni urbana u b’mod ġenerali fit-titjib tal-ambjent urban. Id-diversità tal-bliet Ewropej titlob għal soluzzjonijiet li jiġu żviluppati fil-livell lokali u essenzjalment li ssir azzjoni fil-livell lokali. Permezz ta’ ħafna programmi u inizjattivi tal-UE, ġie żviluppat ammont kbir ta’ għarfien dwar l-iżvilupp urban fil-livell Ewropew u fi bliet individwali. Jemmen li l-awtoritajiet lokali għandhom jiġu inkoraġġiti jużaw l-għarfien kollu li jinkiseb fil-livell Ewropew, b’mod partikolari tal-“acquis urban”;

9.   jaħseb li opportunitajiet għal interventi favur ir-riġenerazzjoni urbana huma ħafna u strateġiji tar-riġenerazzjoni urbana għandhom jindirizzaw il-multipliċità ta’ fatturi li huma l-oriġini tal-isfidi li qed jiffaċċjaw xi żoni urbani. Id-deterjorazzjoni ekonomika fis-snin reċenti tista’ taffettwa proporzjonalment iktar żoni urbani li, minħabba l-istruttura soċjoekonomika tagħhom, jadattaw iktar bil-mod minn żoni oħrajn tal-belt. Programmi ta’ riġenerazzjoni urbana għandhom ifittxu modi innovattivi biex ibiddlu l-effetti ta’ agglomerazzjoni taż-żoni urbani ċentrali għall-vantaġġ tal-popolazzjonijiet lokali;

10.   jemmen li l-bliet, li jaħdmu mill-qrib maż-żoni qrib tagħhom, għandhom vantaġġi kbar kemm għan-nies kif ukoll għan-negozji, mhux biss bħala ċentri ekomomiċi b’saħħithom u ċentri għall-iskambju u l-kummerċ, iżda wkoll bħala mezz kif jiġu promossi l-libertajiet individwali, iċ-ċentri ta’ kreattività, riċerka u eċċellenza. Min-naħa l-oħra l-kawżi tal-problemi li qed jiffaċċjaw il-bliet jinkludu bidliet fl-istil tal-ħajja u fid-demografija iżda, iktar ta’ spiss minn hekk, mudelli ta’ żvilupp mhux xierqa għall-bliet. Ir-riġenerazzjoni u s-sostenibbiltà urbana bħalissa jinsabu fuq quddiem nett tal-aġenda ta’ ħafna awtoritajiet lokali u reġjonali fl-UE, li jippruvaw jikkombinaw mat-tkabbir sostenibbli infrastruttura moderna (b’enfasi fuq l-infrastruttura teknoloġika), livelli għolja ta’ attrazzjoni għan-negozju u ambjent nadif u b’saħħtu;

11.   jemmen li ħafna mill-aħjar prattiki diġà jeżistu iżda ma jinxterdux jew jiġu implimentati biżżejjed. Għalhekk, il-KtR itenni l-appell tiegħu għal netwerk virtwali li jferrex il-prattika tajba fost il-bliet u r-reġjuni tal-Ewropa. Il-KtR kien assoċjat mill-qrib ma’ inizjattivi bħall-Patt tas-Sindki u l-Premju Ewropew għall-Kapitali Ambjentali, u ħa sehem fis-segwitu għall-attivitajiet fir-rigward tal-Karta ta’ Leipzig tal-UE dwar Bliet Ewropej Sostenibbli fil-qafas tal-Grupp għall-Iżvilupp Urban (UDG) tal-Istati Membri tal-UE. Reċentement il-Kumitat tar-Reġjuni adotta wkoll opinjonijiet dwar kwistjonijiet relatati bħal kif il-bliet u r-reġjuni jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-għanijiet Ewropej dwar it-tibdil fil-klima u l-enerġija, dwar azzjonijiet meħtieġa biex tiġi promossa l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u dwar il-pjan ta’ azzjoni tal-UE dwar il-mobilità urbana;

Azzjoni tal-UE fil-qasam tal-iżvilupp tal-bliet Ewropej

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

12.   jemmen li għalkemm ma hemmx dispożizzjoni espliċita fit-trattati tal-UE għall-implimentazzjoni ta’ politika urbana, sar ħafna progress mill-1990 ’l hawn fil-qasam tal-iżvilupp urban, f’termini ta’ programmi u għarfien esperti fir-rigward ta’ interventi fil-bliet. Matul dan il-perijodu, il-bliet saru bħal laboratorji fil-miftuħ, b’riżultati tal-għaġeb, minkejja li l-fondi disponibbli huma limitati;

13.   jenfasizza li l-UE tista’ taqdi rwol kruċjali fl-appoġġ ta’ strateġiji għar-riġenerazzjoni urbana. B’referenza għall-“Acquis Urban”, il-Kummissjoni għandha tiġi inkoraġġita żżid l-isforzi tagħha sabiex l-azzjonijiet kollha ta’ għarfien u appoġġ li diġà jeżistu fir-rigward tal-iżvilupp urban ikunu disponibbli fil-livell lokali b’mod koerenti u strutturat. Dan għandu jinkludi l-politiki kollha tal-UE li għandhom impatt dirett fuq l-iżvilupp urban b’attenzjoni partikolari għall-politika ta’ koeżjoni, tal-impjieg, dik soċjali, tal-ambjent, tal-broadband u tat-trasport;

14.   jilqa’ b’sodisfazzjon il-Gwida dwar id-dimensjoni urbana fil-politiki Komunitarji għall-perijodu 2007–2013 ippubblikata mill-Grupp ta’ Interservizzi għall-Iżvilupp Urban tal-Kummissjoni Ewropea, li ġiet aġġornata riċentement, u jistieden lill-Kummissjoni biex tesplora l-idea ta’ aġġornar u formalizzar ta’ Aġenda Urbana Ewropea mehmuża mal-qafas il-ġdid għal azzjoni jew il-pjan ta’ azzjoni għall-iżvilupp urban li jinkludi r-riġenerazzjoni urbana integrata bħala waħda mill-prijoritajiet ewlenin filwaqt li fl-istess ħin jirrispetta l-kuntesti diversi li fihom iridu jiġu applikati;

15.   jappoġġja l-inizjattivi kollha li attwalment qed jikkontribwixxu għal żvilupp urban sostenibbli, u b’mod partikolari r-riġenerazzjoni urbana integrata, fil-kuntest tal-politika ta’ koeżjoni, l-iktar il-fergħa urbana tal-Fondi Strutturali, il-Verifika Urbana, l-Atlas Urban, il-programm URBACT u l-inizjattiva JESSICA. Madankollu, il-Kumitat jistieden lill-Kummissjoni biex tanalizza mill-qrib l-integrazzjoni tal-Inizjattiva Komunitarja URBAN fil-programmi operattivi tal-FEŻR u biex tfassal valutazzjoni speċifika ta’ nofs it-terminu tar-riżultati. Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni jista’ jitqies neċessarju li fil-perijodu ta’ programmar li jmiss jissaħħaħ il-karattru speċifiku tal-inizjattivi ta’ riġenerazzjoni urbana fi ħdan il-Fondi Strutturali u wkoll li titjieb il-koordinazzjoni mal-politiki oħrajn fi ħdan Aġenda Urbana Ewropea;

16.   jilqa’ l-approċċ il-ġdid għal finanzjar ta’ inizjattivi ta’ riġenerazzjoni urbana rappreżentat minn JESSICA, b’mod speċjali għaliex jistabbilixxi rabta ċara bejn il-fondi u l-bżonn li jiġu żviluppati pjani integrati għall-iżvilupp urban, iżda jista’ jenfasizza li anki l-għotjiet huma strumenti utli u neċessarju biex jiġu indirizzati fallimenti fis-suq fil-kuntest tal-iżvilupp urban. Jesprimi wkoll it-tħassib tiegħu fir-rigward tal-viżibilità ta’ JESSICA, il-livell ta’ għarfien fost l-awtoritajiet lokali u reġjonali u problemi meqjusa fir-rigward l-implimentazzjoni fil-livell tal-Istati Membri;

17.   jemmen li hemm bżonn jiġu appoġġjati l-bidliet introdotti fir-regolazzjoni tal-Fondi Strutturali fir-rigward tal-eliġibbiltà ta’ investimenti fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u fl-enerġija rinnovabbli fid-djar. Madankollu, kif intqal fl-aħħar emenda tar-Regolament tal-FEŻR fir-rigward tal-eliġibbiltà tal-intervenzjonijiet fir-rigward tal-alloġġ favur il-komunitajiet marġinalizzati, jeħtieġ li n-nefqa fuq id-djar tiġi ppubbliċizzata ħafna aktar, u għandha tiġi pprogrammata rigorożament bħala parti mill-qafas ta’ programm integrat ta’ żvilupp urban. Għaldaqstant, jixtieq jissuġġerixxi li l-għajnuna għad-djar f’żoni b’livell għoli ta’ deprivazzjoni għandha tiġi appoġġjata wkoll mill-Fondi Strutturali. Djar ta’ kwalità huma prekundizzjoni essenzjali għas-suċċess ta’ programmi ta’ riġenerazzjoni urbana. L-appoġġ finanzjarju għandu jingħata biss fil-qafas ta’ programmi integrati u taħt kundizzjonijiet stretti sabiex jiġi żgurat li tkun il-popolazzjoni lokali fil-bżonn li tibbenefika u ma tikkontribwixxix għall-ġentrifikazzjoni (gentrification);

Riġenerazzjoni urbana sostenibbli

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

18.   josserva li l-bliet tal-UE huma mistiedna jaħdmu mal-Unjoni fl-isforzi biex tingħeleb il-kriżi ekonomika u finanzjarja, waqt li jikkontribwixxu wkoll lejn integrazzjoni Ewropea iktar profonda. It-tliet dimensjonijiet imsemmija mill-Presidenza Spanjola bħala l-bażi għall-iżvilupp tad-dibattitu dwar ir-rwol tar-riġenerazzjoni urbana fl-iżvilupp urban huma l-pilastri ta’ żvilupp sostenibbli. L-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ riġenerazzjoni urbana għandha tissaħħaħ bi prijoritajiet ibbażati fuq temi partikolari fejn meħtieġ, sabiex il-kwistjoni titqiegħed fil-kuntest soċjoekonomiku modern. B’mod iktar speċifiku, il-Kumitat jaħseb li kwistjonijiet bħall-governanza urbana u r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, il-finanzjament tar-riġenerazzjoni urbana, il-kontribut tat-teknoloġiji tal-informazzjoni għar-riġenerazzjoni urbana, l-importanza tal-organizzazzjoni u l-operazzjoni tal-awtoritajiet lokali fl-ippjanar u l-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ riġenerazzjoni urbana, ir-rwol tal-innovazzjoni fir-riġenerazzjoni urbana u, fl-aħħar nett, il-kontribut tar-riġenerazzjoni urbana għall-iżvilupp ta’ rabtiet esterni u l-internazzjonalizzazzjoni tal-bliet, għandhom ikunu minn ta’ quddiem fuq l-aġenda. Għalhekk, huwa ċar li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol ċentrali x’jaqdu fil-ħidma tar-riġenerazzjoni urbana, mill-użu tal-art sal-ippjanar urban u l-implimentazzjoni, b’enfasi fuq l-importanza tar-riġenerazzjoni meta mqabbla mal-iżvilupp urban ġdid u t-titjib taż-żoni ta’ bliet eżistenti meta mqabbla mal-espansjoni urbana;

Id-dimensjoni ekonomika tar-riġenerazzjoni urbana – Kontribut għat-tkabbir intelliġenti

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

19.   jenfasizza li t-tibdil ekonomiku fis-snin riċenti, b’mod speċjali minħabba l-internazzjonalizzazzjoni tal-ekonomija, jista’ jaffettwa b’mod proporzjonali żoni urbani iktar antiki jew żvantaġġati li, minħabba l-istruttura soċjoekonomika tagħhom, idumu iktar biex jadattaw minn żoni oħrajn tal-belt. F’dan ir-rigward, interventi mill-politika ta’ koeżjoni huma bbażati fuq l-idea li t-tkabbir mhux ibbilanċjat f’termini ta’ spazju mhux biss jagħmel ħsara lill-koeżjoni soċjali iżda jimponi wkoll limitu fuq it-tkabbir ekonomiku potenzjali. Dan huwa minnu iktar u iktar fil-livell lokali u ġie enfasizzat, pereżempju, mir-rapport Barca;

20.   jenfasizza l-bżonn li jiġu stimolati attivitajiet ekonomiċi innovattivi billi jiġu pprovduti ambjenti u inċentivi adatti, l-infrastrutturi l-iktar avvanzati u kapital uman imħarreġ tajjeb;

21.   huwa tal-fehma li l-preservazzjoni tal-patrimonju kulturali tagħhom, kemm dak materjali u kemm dak immaterjali, permezz tar-riġenerazzjoni taċ-ċentri urbani filwaqt li jiġi rrispettat kemm jista’ jkun il-patrimonju storiku u arkitetturali, iżżid il-valur lill-immaġni, il-prestiġju u l-attrazzjoni tal-bliet u tippromovi d-diversità kulturali, li, f’termini ekonomiċi, għandha rwol ekonomiku kbir fl-iżvilupp tal-ekonomija bbażata fuq l-għarfien u t-tkabbir industrijali, filwaqt li tippromovi l-iżvilupp lokali billi tappoġġja l-impjieg lokali speċjalizzat li ħafna drabi jkun ta’ sengħa kbira;

22.   jinnota li proġetti ta’ riġenerazzjoni urbana li fihom infushom jissarrfu fi proċeduri u mhux biss f’riżultati għandhom joħolqu, jinkorporaw u jxerrdu l-għarfien u l-innovazzjoni;

23.   jenfasizza li strateġiji ta’ riġenerazzjoni urbana jridu jindirizzaw il-multipliċità ta’ fatturi li huma l-oriġini tat-tħassir ekonomiku f’xi żoni urbani. Bini li jiskadilu l-użu tiegħu, infrastruttura antika u problemi ta’ aċċessibilità huma wħud mill-iktar rilevanti. Ħafna kumpaniji jitilqu mill-belt biex ifittxu spejjeż operattivi iktar baxxi u aktar spazju, u b’hekk ħafna ħaddiema u impjegati segwew il-kumpaniji tagħhom bit-tama li jsibu kwalità aħjar tal-ħajja (strutturi soċjali u servizzi tat-trasport) jew għoli tal-ħajja aktar raġonevoli (kera inqas u prezzijiet tal-proprjetà aħjar). Sabiex jintlaħqu l-ħtiġijiet ta’ kumpaniji li huma lesti jistabbilixxu ruħhom f’żoni riġenerati, programmi ta’ riġenerazzjoni urbana għandhom ifittxu modi innovattivi kif jużaw l-ispazju disponibbli u jtejbu l-għoti ta’ servizzi mil-belt billi jdawru għall-vantaġġ tagħhom l-effetti ta’ agglomerazzjoni ta’ żoni urbani ċentrali;

24.   ifakkar li problemi ta’ mobilità urbana, li essenzjament huma problemi ta’ konġestjoni, huma l-pjaga ta’ ħafna żoni urbani fl-Ewropa, u s-soluzzjoni ma tistax tinstab biss fil-bini ta’ infrastruttura aħjar jew billi jsiru iktar investimenti ta’ flus fil-kumpaniji tat-trasport pubbliku. Il-mobilità urbana żżid il-possibilitajiet għall-abitanti u l-intrapriżi, u għalhekk tikkostitwixxi kemm fattur ta’ kompetittività ekonomika kif ukoll xprun tal-koeżjoni soċjali. Jenfasizza li trasport pubbliku effiċjenti u li ma jqumx ħafna flus għandu jkun disponibbli għaċ-ċittadini kollha, peress li jaqdi rwol ewlieni biex jeqred l-iżolament ta’ żoni żvantaġġati. Jenfasizza li meta wieħed jikkunsidra l-ħsara lill-ambjent li ssir fil-bliet, il-miżuri maħsuba biex jippromovu mezzi tat-trasport urban li jirrispettaw lill-ambjent (proġetti ta’ riċerka jew ta’ dimostrazzjoni li jikkonċernaw vetturi li jipproduċu ftit emissjonijiet jew xejn, attivitajiet maħsuba biex jippromovu mezzi oħra tat-trasport, bħall-qsim ta’ vetturi, il-promozzjoni tat-trasport bir-rota fil-bliet) għandhom isiru aktar importanti. Il-Kumitat itenni wkoll l-appoġġ tiegħu għat-tfassil ta’ pjani ta’ mobilità urbana sostenibbli, tal-inqas fil-bliet il-kbar, u jirrakkomanda l-introduzzjoni ta’ miżuri ta’ inċentiva fil-livell tal-UE, pereżempju li l-finanzjament tal-proġetti tat-trasport urban jingħata biss jekk ikun hemm pjani ta’ mobilità urbana sostenibbli u konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ sħubija għall-mobilità bejn is-settur pubbliku u dak privat;

25.   jixtieq jenfasizza l-bżonn li tittieħed azzjoni biex tissaħħaħ l-intraprenditorija lokali, billi tingħata attenzjoni partikolari fuq gruppi speċifiċi tal-popolazzjoni permezz ta’ inċentivi, aġenziji tal-appoġġ tan-negozji u l-organizzazzjoni ta’ avvenimenti adatti, f’dan il-kuntest, jirrikonoxxi l-kontribut importanti li l-appoġġ għal intraprendituri nisa jista’ jagħti biex jgħin lill-ekonomija permezz ta’ tkabbir intelliġenti;

Id-dimensjoni ambjentali tar-riġenerazzjoni urbana – Kontribut għat-tkabbir sostenibbli

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

26.   jinnota li d-dimensjoni ambjentali tar-riġenerazzjoni urbana għandha tagħti prijorità għolja lil tliet kwistjonijiet ewlenin: l-indirizzar tat-tibdil fil-klima, il-ġlieda kontra t-tniġġis ta’ riżorsi naturali bħala riżultat tal-attivitajiet tal-bniedem u, b’mod iktar ġenerali, l-użu vijabbli tagħhom, u fl-aħħar nett il-ħarsien tal-ambjenti naturali;

27.   huwa konvint li minkejja li l-Ewropa diġà tinsab f’livell għoli ta’ urbanizzazzjoni, it-tendenza lejn l-espansjoni taż-żoni urbani hija mistennija tkompli f’xi żoni b’mod partikolari fl-agglomerazzjonijiet l-iktar dinamiċi kbar u ta’ daqs medju. Hekk kif il-bliet jespandu dawn jistgħu potenzjalment jeqirdu xi riżorsi u jiddeterjoraw il-kwalità tal-ħamrija u tal-ilma. Għaldaqstant jenfasizza li programmi integrati ta’ riġenerazzjoni urbana għandhom il-potenzjal li jwaqqfu jew anki jreġġgħu lura din ix-xejra billi jillimitaw tkabbir urban bla limiti u jirriġeneraw l-ambjent urban;

28.   jenfasizza li min-naħa l-oħra, it-tibdil fil-klima u ż-żjieda fil-livell tal-baħar minħabba l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra huwa mistenni jaċċelera matul dan is-seklu. Dan joħloq sfida ewlenija għaż-żoni kostali urbani, b’mod partikolari, li ser ikunu mistennija jħallsu spejjeż kbar, billi hemm bżonn riżorsi enormi, fost affarijiet oħra għall-miżuri ta’ difiża tal-kosta u l-għargħar. Dan jenfasizza kemm hija importanti l-ħidma tal-UDG tal-Istati Membri fuq qafas ta’ referenza għal bliet Ewropej sostenibbli li barra mit-tħassib ambjentali klassiku marbut ma’ żoni urbani, għandu l-intenzjoni wkoll li jintegra d-dimensjoni tat-tibdil fil-klima u l-problemi li jinħolqu mill-mitigazzjoni u l-adattament għall-effetti tiegħu;

29.   jagħti prijorità għolja lill-ġlieda kontra t-tniġġis tar-riżorsi naturali minħabba l-attivitajiet tal-bniedem, bħala punt ewlieni ta’ tħassib fir-riġenerazzjoni urbana, u b’enfasi partikolari fuq azzjonijiet li jappoġġjaw il-prevenzjoni tat-tniġġis. Fuq l-istess nota jenfasizza l-importanza li tingħata attenzjoni biex jitkejjel u jiġi limitat l-użu tal-materjali li jagħmlu ħsara lill-ambjent naturali billi jiġi eżaminat iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tagħhom (produzzjoni, użu, rimi);

30.   jenfasizza li l-attrezzar mill-ġdid ta’ bini eżistenti bil-għan li tittejjeb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija huwa wieħed mill-iktar mezzi kost-effettivi biex jintlaħqu l-impenji ta’ Kyoto dwar it-tibdil fil-klima; huwa stmat li l-emissjonijiet tas-CO2 mill-bini u l-ispejjeż relatati mal-enerġija jistgħu jitnaqqsu b’42 %;

31.   jinnota li l-bliet huma responsabbli għal 70 % tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra, u f’dan ir-rigward il-Karta ta’ Leipżig issejjaħ lill-bliet biex inaqqsu l-marka tal-karbonju personali (carbon footprint), iħarsu r-riżorsi u l-bijodiversità tagħhom, jekonomizzaw fuq l-enerġija u jippromovu l-aċċess għal servizzi pubbliċi ewlenin. Għal din ir-raġuni jinnota l-bżonn li jittieħdu miżuri immedjati sabiex jiġi limitat il-konsum tal-enerġija tal-bliet, l-ewwel nett billi l-enerġija tiġi ġestita b’mod tajjeb, u t-tieni permezz tal-użu ta’ sorsi li jiġġeddu ta’ produzzjoni tal-enerġija. Għandhom jittieħdu miżuri li jikkorrispondu fil-qasam tad-djar billi tissaħħaħ il-prestazzjoni tagħhom fir-rigward tal-użu tal-enerġija;

32.   jilqa’ b’sodisfazzjon il-Patt tas-Sindki li jinvolvi iktar minn 3 000 belt Ewropea li impenjaw ruħhom biex imorru lil hinn mit-tliet “objettivi ta’ 20 %”, rekwiżit legali minimu tal-UE li għandu jintlaħaq sal-2020. Din l-inizjattiva, kif ukoll il-Premju Ewropew għall-Kapitali Ambjentali, tnedew mill-Kummissjoni Ewropea u ġew approvati u appoġġjati mill-Kumitat tar-Reġjuni, li wkoll qed ifittex biex jespandi l-Patt għal-livell reġjonali;

33.   jirrikonoxxi r-rwol importanti ta’ żoni ambjentali u korpi tal-ilma fi programmi ta’ riġenerazzjoni urbana. Żoni ekoloġiċi u korpi tal-ilma jagħtu kontribut essenzjali għat-titjib tal-klima fil-bliet billi għandhom effett ta’ “tkessiħ” fuq il-belt, jipprovdu arja friska, jiffiltraw it-tniġġis u jnaqqsu l-istorbju. Min-naħa l-oħra, żoni ta’ rekreazzjoni ekoloġiċi jikkontribwixxu wkoll għal għajxien urban aħjar, u b’hekk isaħħu l-koeżjoni soċjali. Bliet iktar ekoloġiċi huma mira li kulħadd għandu jiffoka fuqha;

34.   jinnota kemm huma dejjem iktar rari r-riżorsi ta’ ilma disponibbli fil-livell globali u jsejjaħ biex programmi ta’ riġenerazzjoni urbana jkunu attivi fil-qasam tal-konservazzjoni tal-ilma, b’mod partikolari fir-rigward tal-ilma għax-xorb, il-ġestjoni adatta tiegħu u l-applikazzjoni ta’ modi alternattivi kif jintuża. Għandha titnaqqas il-“water footprint” tal-bliet;

35.   huwa tal-fehma li l-kwalità estetika tal-ambjent arkitettoniku hija fattur kruċjali fil-kapaċità tal-bliet biex jikkompetu b’suċċess fuq livell internazzjonali, barra milli tinfluwenza kemm huma attraenti u l-kwalità ta’ ħajja tal-abitanti tagħhom, u jirrakkomanda interventi li jinkorporaw kreattività arkitettonika u artistika;

36.   jirrikonoxxi l-valur tal-ambjenti naturali madwar jew qrib tal-bliet u jagħti valur kbir lill-ħarsien u l-ġestjoni tagħhom, bħala mod importanti kif titkejjel ir-riġenerazzjoni urbana, b’rabta mal-miżuri li jittieħdu biex tiżdied il-kuxjenza pubblika dwar miżuri ambjentali u biex tingħata informazzjoni dwarhom;

37.   jinnota r-rabtiet b’saħħithom bejn il-bliet u r-reġjuni madwarhom, b’mod speċjali żoni tas-subborgi dinamiċi, u l-ħtieġa li dik ir-relazzjoni tiġi ġestita;

Aspetti soċjali tar-riġenerazzjoni urbana – Kontribut għat-tkabbir komprensiv

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

38.   jaħseb li f’bosta bliet it-tibdil soċjodemografiku pprovoka ċaqliq tal-popolazzjoni mid-djar tagħhom fiż-żoni urbani l-iktar antiki għal kumplessi ta’ djar iktar periferiċi, żoni urbani fil-periferiji tal-belt jew sempliċement bliet ġodda qrib ta’ agglomerazzjonijiet kbar. Ir-raġunijiet jinkludu d-disponibilità ta’ djar irħas u iktar attraenti, kwalità tal-ħajja aħjar u firxa usa’ ta’ servizzi. Fl-aħħar deċennji nies bi dħul ogħla mill-medju telqu mill-belt u issa bil-mod il-mod qed jerġgħu lura bis-saħħa tas-suċċess ta’ xi programmi ta’ riġenerazzjoni urbana. Għaldaqstant jenfasizza li f’dawk iż-żoni milquta minn tħassir urban, il-belt għandha terġa’ ssir post attraenti biex jgħixu fiha n-nies, kapaċi tissodisfa l-aspirazzjonijiet ta’ kulħadd indipendentement mid-dħul tagħhom;

39.   jenfasizza li d-djar tradizzjonalment kienu u għadhom ta’ tħassib ewlieni għar-riġenerazzjoni urbana, li l-għan ewlieni tagħha huwa li jiġu żgurati kundizzjonijiet ta’ ħajja mtejba għas-sezzjonijiet l-inqas privileġġjati tal-popolazzjoni;

40.   jaħseb li l-aggravazzjoni tal-inugwaljanzi soċjali hija sfida ewlenija f’ħafna miż-żoni urbani. Inugwaljanzi bejn żoni differenti huma r-riżultat ta’ proċess soċjospazjali ta’ ħolqien ta’ gettos (ghettoisation), li xi kultant joriġina minn politiki tad-djar mhux tajbin, forniment ta’ servizzi ristrett għal żoni għonja u li ma jasalx sas-subborgi fqar. F’dan ir-rigward l-objettiv il-ġdid ta’ koeżjoni territorjali miżjud mit-Trattat ta’ Lisbona għandu jħeġġeġ il-livelli kollha tal-gvern biex iqisu dawn id-differenzi fil-politiki urbani settorjali kollha, fi ħdan il-qafas ta’ strateġiji integrati ta’ riġenerazzjoni urbana. Għaldaqstant, jenfasizza li belt sostenibbli trid tkun imsejsa fuq is-solidarjetà urbana, u tiġġieled b’mod attiv l-esklużjoni u d-diskriminazzjoni billi ssaħħaħ il-koeżjoni soċjali bejn żoni differenti tal-belt, u bejn kategoriji soċjovokazzjonali, bejn in-nisa u l-irġiel u persuni li jiġu minn kuntesti varji tal-ħajja. Is-solidarjetà urbana trid tirrifletti l-ambizzjoni tagħna li nibnu soċjetà Ewropea inklużiva u iktar koeżiva.

41.   jemmen li għandu jsir sforz speċjali sabiex il-migranti jiġu integrati b’mod iktar effettiv fil-ħajja tal-belt, billi dan huwa l-mod kif jiġu solvuti kwistjonijiet relatati;

Sħubija għar-riġenerazzjoni urbana

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

42.   jenfasizza li programmi ta’ riġenerazzjoni urbana għandhom dejjem jinvolvu s-settur pubbliku, privat u ta’ bla qligħ u jqiegħdu lill-komunitajiet lokali fil-qalba ta’ dawn is-sħubijiet. Anki jekk ir-riġenerazzjoni urbana hija proċess kontinwu u bla tmiem, huwa impossibbli li napplikaw soluzzjoni waħda biss għall-problemi kollha. Parteċipazzjoni wiesgħa tal-partijiet interessati għandha tgħin biex jitgħallmu mis-suċċessi ta’ xulxin u jevitaw li jirrepetu l-istess żbalji. F’dan ir-rigward l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol ewlieni biex ilaqqgħu flimkien atturi ekonomiċi u soċjali differenti u biex jiġu żviluppati azzjonijiet immirati. Id-dokumenti tal-użu tal-art u l-ippjanar urban jistgħu jservu bħala pjattaformi li permezz tagħhom l-amministrazzjonijiet kollha jistgħu jingħaqdu u jikkordinaw il-politiki;

Prijoritajiet tematiċi

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

43.   huwa tal-fehma li t-transizzjoni minn rinnovament urban, ikkonċentrat fuq l-ambjent fiżiku u uman, għal programmi ta’ riġenerazzjoni urbana għandha tiġi kkomplementata fil-perijodu ta’ ppjanar futur minn sforz biex jitwessa’ l-ambitu ta’ intervent sabiex jinkludi sensiela ta’ prijoritajiet ibbażati fuq temi, sabiex il-bliet Ewropej tal-futur ikunu jistgħu jilħqu l-aspettattivi taċ-ċittadini tagħhom, jipprovdu strutturi u ambjenti li jimmassimizzaw il-ħiliet tal-ħaddiema u l-opportunitajiet ta’ xogħol tagħhom, li jkunu ambjenti vijabbli u attraenti għal djar, xogħol u ħin liberu, li joffru opportunitajiet massimi għal kulħadd mingħajr eċċezzjoni, u jużaw ir-riżorsi naturali b’attenzjoni u mingħajr ħela, sabiex ikunu jistgħu joperaw fi ħdan ekonomija b’użu baxx tal-karbonju;

Il-governanza ta’ strateġiji ta’ riġenerazzjoni urbana

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

44.   jenfasizza li r-riġenerazzjoni urbana għandha titqies bħala proċess kontinwu u integrat imsejjes fuq viżjoni fit-tul ta’ żvilupp urban sostenibbli. Il-governanza tajba ta’ programmi ta’ riġenerazzjoni urbana għandha tibda mill-istadju ta’ analiżi. Data b’saħħitha dwar l-ekonomija, fatturi soċjali u l-ambjent taż-żoni milquta għandha tinġabar minn sorsi affidabbli permezz ta’ indikaturi mfassla sew u li huma komparabbli ma’ xulxin. F’dan il-kuntest hija rilevanti b’mod speċjali l-ħidma tal-Verifika Urbana tal-Kummissjoni Ewropea u l-ħidma kontinwa dwar il-qafas ta’ referenza għal bliet Ewropej sostenibbli;

45.   jinnota li jenħtieġu modi ġodda kif tiġi organizzata l-politika urbana fejn politiki ta’ riġenerazzjoni urbana jkunu mfassla fil-livell lokali u reġjonali bl-appoġġ mil-livell nazzjonali u Ewropew, u jemmen li l-awtoritajiet lokali għandhom jieħdu rwol ta’ tmexxija biex jiġu żviluppati politiki dwar il-koeżjoni, l-integrazzjoni u l-kooperazzjoni u b’hekk jiġu salvagwardjati r-riżorsi naturali u l-iżvilupp ekoeffiċjenti taż-żoni tagħhom kif ukoll it-tħeġġiġ u t-tisħiħ tad-djalogu bejn il-ħafna forom ta’ diversità kulturali. Sabiex tiġi massimizzata l-effiċjenza tal-politika pubblika, ħafna awtoritajiet lokali u reġjonali diġà żviluppaw forom ġodda ta’ governanza urbana li jressqu l-programmi ta’ riġenerazzjoni urbana eqreb għal-livell bażiku. Politiki urbani integrati jinvolvu msieħba barra mill-awtoritajiet pubbliċi u ta’ sikwit jinkludu l-popolazzjoni ta’ żoni milquta permezz ta’ sistemi parteċipattivi varji, fejn f’xi pajjiżi dan ħa l-għamla ta’ kuntratti jew patti. Jemmen li l-parteċipazzjoni maġġuri tal-pubbliku u r-rwol mogħti lill-komunitajiet urbani jippermettu l-emerġenza tal-kapital soċjali meħtieġ għas-suċċess ta’ politiki ta’ żvilupp urban;

46.   jesprimi l-fehma li programmi ta’ riġenerazzjoni urbana għandhom jiżguraw li jsir l-aqwa użu possibbli tal-mezzi tax-xandir kollha (stampa u elettroniċi) li jgħinu sabiex titqajjem kuxjenza u jipprovdu tagħrif u pubbliċità, kif ukoll ta’ metodi ta’ parteċipazzjoni (referendi lokali, assembleji, demokrazija onlajn, eċċ.). Programmi ta’ riġenerazzjoni urbana għandhom jiġu mħaddna fil-proċess ta’ tagħlim sabiex jgħinu lill-bliet tal-UE jiżviluppaw u jikkontribwixxu għal tqajjim ta’ kuxjenza pubblika dwar kwistjonijiet li jiffaċċjaw il-bliet u l-opportunitajiet imsemmija;

47.   jirrikonoxxi li, b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, ir-riġenerazzjoni urbana u l-kwistjonijiet ta’ żvilupp huma ttrattati b’mod effiċjenti fil-livell lokali; madankollu jemmen li l-appoġġ tal-UE jista’ jipprovdi benefiċċju ċar fil-qasam tal-iżvilupp urban, fejn jidher li hemm bżonn li l-UE tiffaċilita soluzzjonijiet għall-problemi urbani li qed jaffettwaw il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-UE; għalhekk jikkunsidra li l-politiki tar-riġenerazzjoni urbana u ta’ żvilupp għandhom jitfasslu fuq “l-acquis urban Ewropew” li jikkonsisti fi strumenti legali, inizjattivi ta’ politika kif ukoll mekkaniżmi eżistenti għall-iskambju ta’ esperjenza u l-aħjar prattika bejn il-bliet; ifakkar li l-politiki żviluppati f’dan il-qasam għandhom kollha jirrispettaw il-prinċipju tal-proporzjonalità u li jkollhom għarfien tal-qafas territorjali usa’;

48.   jindika li l-fondi tal-UE jistgħu jkunu utli, speċjalment meta jħeġġu lill-awtoritajiet lokali biex jikkooperaw fir-reġjun urban funzjonali kollu kemm hu. Dan ifisser li r-responsabbiltà konġunta tista’ tittieħed fir-reġjun kollu għall-gruppi tal-popolazzjoni u d-distretti tal-bliet mhedda mill-esklużjoni. L-istrumenti ta’ finanzjament tal-UE jistgħu jsiru disponibbli għar-reġjuni urbani funzjonali bil-kondizzjoni li l-awtoritajiet lokali jiġu mitluba jikkooperaw b’mod effettiv fl-allokazzjoni tar-riżorsi proprji tagħhom;

Il-finanzjament tar-riġenerazzjoni urbana

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

49.   jinnota l-għan tal-ippjanar tal-iżvilupp huwa li jintlaħqu ċerti ħtiġijiet u mhux biex jinbena l-futur. Inevitabbilment, li jinstabu r-riżorsi finanzjarji għall-iffinanzjar ta’ programmi ta’ riġinerazzjoni urbana huwa aspett ewlieni ta’ din il-kwistjoni li jikkontribwixxi għall-vijabilità ta’ programmi u ta’ kemm huma effettivi. Kwistjonijiet għal dibattitu jinkludu l-kombinazzjoni ta’ riżorsi ċentrali u lokali, jekk programmi għandhom jiġu ffinanzjati fuq bażi sistematika jew skont il-każ, il-kombinazzjoni ta’ fondi pubbliċi u kapital privat, it-tassazzjoni lokali, il-kreditu, l-evalwazzjoni tal-benefiċċji ta’ tiġdid u d-distribuzzjoni tal-ispejjeż rilevanti bejn l-utenti u l-benefiċċjarji, l-oriġini tal-fondi u l-valur strateġiku u s-saħħa tas-sussidji pubbliċi. B’mod iktar speċifiku, għandu jsir xogħol fil-qasam tal-mekkaniżmi għall-finanzjar u l-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ riġenerazzjoni urbana. Waqt li hu mistenni li mekkaniżmi bħall-Fondi ta’ Żvilupp Urban (UDF) jew it-tliet “J” (JESSICA, JEREMIE u JASPERS) ser jgħinu f’din id-direzzjoni, eżami iktar iddettaljat u r-riżultati tal-implimentazzjoni tagħhom għadhom miftuħin għal dibattitu;

50.   jemmen li l-kontribut tal-volontarjat għal programmi ta’ riġenerazzjoni urbana għad irid jiġi valutat sew. Fl-aħħar nett jinnota, fil-kuntest ta’ interventi futuri, li l-iżvilupp u l-konsolidazzjoni tat-tifsira tal-intraprenditorija kemm fi ħdan l-awtoritajiet lokali kif ukoll fi ħdan programmi ta’ riġenerazzjoni urbana għandhom ikunu element kritiku għar-riċerka;

Il-kontribut tat-teknoloġija tal-informazzjoni għar-riġenerazzjoni urbana

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

51.   jaħseb li hija fehma komuni li r-rivoluzzjoni tal-komunikazzjoni u tal-informazzjoni kellha riperkussjonijiet qawwija għall-organizzazzjoni, il-funzjonament u l-għamla ta’ bliet Ewropej. Għandha titqiegħed enfasi speċjali fuq l-iżgurar li programmi ta’ riġenerazzjoni urbana jinkludu miżuri maħsuba biex jiżviluppaw infrastruttura teknika tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni skont speċifikazzjonijiet għoljin u biex jiżviluppaw appikazzjonijiet u kontenut li jtejbu ħajjet in-nies u t-tħaddim ta’ servizzi pubbliċi, jgħollu l-livelli tal-forniment tas-servizzi mis-settur pubbliku u biex ikun attraenti l-użu ta’ dawn l-applikazzjonijiet;

52.   jemmen li l-opportunitajiet il-ġodda li qed jinħolqu inevitabbilment iġibu magħhom perikli; Il-ħarsien u s-sigurtà ta’ applikazzjonijiet u skambji, il-ħarsien tad-data personali, u r-rispett għall-privatezza u l-identità taċ-ċittadini huma kwistjonijiet kritiċi li għad fadlilhom xogħol xi jsir. Fl-istess waqt, l-użu ta’ teknoloġija tal-informazzjoni fil-qasam tas-sigurtà urbana jqajjem kwistjonijiet ikbar dwar kif jaħdmu d-demokraziji tagħna. L-aġenda ta’ riġenerazzjoni urbana trid tinkludi din il-kwistjoni u ssib soluzzjonijiet għall-problemi li tqajjem;

53.   jinnota li permezz ta’ infrastruttura bil-fil u bla fil l-applikazzjonijiet iktar avvanzati tat-teknoloġija tal-informazzjoni jirnexxielhom joħolqu ambjenti virtwali (ambient city, digital city, ubiquitous city); postijiet fejn il-pubbliku jinteraġixxi u jaqsam l-ideat. Il-belt diġitali (digital city) hija dinja parallela li l-aġenda tar-riġenerazzjoni urbana għandha tqisha;

L-innovazzjoni u t-tagħlim fi ħdan ir-riġenerazzjoni urbana

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

54.   jaħseb li l-appoġġ għall-innovazzjoni għandu jwassal għal riżultati mtejba u jikkontribwixxi għas-sostenibilità ekonomika tal-bliet; għal din ir-raġuni l-programmi ta’ riġenerazzjoni urbana għandhom jipprovdu ambjenti, infrastruttura u inċentivi li jinkoraġġixxu l-innovazzjoni;

55.   b’mod simili, il-Kumitat jaħseb li l-introduzzjoni ta’ istituzzjonijiet tat-tagħlim, fost dawn l-istrutturi attivi fil-ħajja ekonomika tal-belt għandha tkun prijorità strateġika tar-riġenerazzjoni urbana;

56.   fl-istess waqt jemmen li r-riġenerazzjoni urbana għandha ssaħħaħ ir-rabtiet bejn l-edukazzjoni, in-negozju u r-riċerka u l-innovazzjoni, u tippromovi negozji innovattivi ġodda;

L-importanza tal-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-awtoritajiet lokali fl-ippjanar u l-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ riġenerazzjoni urbana

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

57.   jaħseb li d-dijanjosi tal-ħtieġa li jiġi implimentat programm ta’ riġenerazzjoni urbana, l-ippjanar tiegħu, il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tiegħu, ir-reviżjoni possibbli tiegħu u l-evalwazzjoni finali huma azzjonijiet li jassumu l-eżistenza ta’ struttura governattiva b’kapaċità minima ta’ ġestjoni u ta’ amministrazzjoni; din il-kapaċità trid tiġi assigurata fl-awtoritajiet lokali u reġjonali kollha. Din hija kundizzjoni neċessarja, li tesiġi l-inkorporazzjoni ta’ miżuri sabiex tissaħħaħ il-kapaċità ta’ bini tal-awtoritajiet lokali fi ħdan programmi ta’ riġenerazzjoni urbana. Eżempji jinkludu l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ informazzjoni ta’ ġestjoni (MIS) u sistemi ta’ informazzjoni ġeografika (GIS) li jiffaċilitaw operazzjonijiet u jtejbu proċeduri ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, kif ukoll l-introduzzjoni ta’ proċeduri ta’ ċertifikazzjoni (ISO, EMAS, eċċ.) li jevalwaw il-livell ta’ forniment ta’ servizz pubbliku. Miżuri li jiżguraw l-adozzjoni ta’ approċċ iċċentrat fuq il-pubbliku għall-ippjanar ta’ operazzjonijiet tal-awtoritajiet lokali għandhom ikunu fiċ-ċentru tal-ippjanar tar-riġenerazzjoni urbana. Barra milli hija sfida, li l-organizzazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali jilħqu livell adatt hija wkoll prekundizzjoni għall-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ riġenerazzjoni urbana, u għal din ir-raġuni għandha titqies f’dan il-kuntest;

Il-kontribut tar-riġenerazzjoni urbana għall-iżvilupp tar-relazzjonijiet esterni

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

58.   jinnota li l-promozzjoni tal-bliet u l-ħolqien ta’ “marka” għal belt huma parti integrali tal-ħidma tal-awtoritajiet lokali u reġjonali. Fid-dinja tagħna dejjem iktar globalizzata, il-kompetizzjoni bejn il-bliet qed tintensifika fejn tidħol l-attrazzjoni tal-kapital, l-investiment u l-ħaddiema b’ħiliet. Bliet ifasslu l-pjani ta’ żvilupp tagħhom sabiex ikunu jistgħu jitolbu fondi u riżorsi li bihom jiżguraw il-benesseri taċ-ċittadini tagħhom. Il-kompetizzjoni għall-organizzazzjoni ta’ avvenimenti ewlenin sportivi, kummerċjali u kulturali hija biss eżempju wieħed, għalkemm l-iktar wieħed ovvju, tar-rivalità bejn il-bliet;

59.   min-naħa l-oħra l-Kumitat jinnota li fl-istess waqt li qed tiġi żviluppata l-kompetizzjoni bejn il-bliet, qed tikber ukoll il-kooperazzjoni. In-netwerking, sewwasew jekk imsejjes fuq bażi tematika jew ġeografika, qed isir fuq skala enormi, b’mod partikolari fl-UE grazzi għal miżuri Komunitarji mmirati bħal URBACT, INTERACT, il-ġemelaġġ tal-bliet, eċċ. L-iskambju tal-aqwa prattika ta prova li huwa għodda mill-iktar utli. Azzjonijiet li jikkontribwixxu għall-internazzjonalizzazzjoni tal-bliet Ewropej għandhom ikunu qasam addizzjonali għal inizjattivi fl-ambitu tar-riġenerazzjoni urbana;

II.   KONKLUŻJONIJIET U RAKKOMANDAZZJONIJIET

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

60.   jaħseb li meta jsiru għażliet strateġiċi għall-perijodu ta’ programmar li ġej (2014–2020), l-UE għandha tirrikonoxxi l-importanza strateġika tar-riġenerazzjoni urbana u tippromovi d-dimensjoni urbana fil-politiki kollha tagħha biex il-bliet għal darb’oħra jsiru laboratorji, did-darba b’aġenda ħafna iktar mimlija, biex jgħinu lill-UE toħroġ mill-kriżi ekonomika u finanzjarja;

61.   jipproponi t-twaqqif ta’ inizjattiva bit-titolu “Riġenerazzjoni urbana għal bliet tal-UE intelliġenti, sostenibbli u inklużivi”. Il-bliet tal-UE jistgħu jsiru l-aħjar post għall-implimentazzjoni tas-seba' inizjattivi ewlenin stipulati fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea “Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (2);

62.   jaħseb li issa huwa l-waqt li nieħdu dan it-tip ta’ deċiżjoni. Fid-dibattitu dwar il-qafas baġitarju għall-perijodu ta’ programmar li jmiss, kif ukoll fir-riforma tal-baġit għall-perijodu ta’ programmazzjoni attwali, jeħtieġ li titqajjem sew il-kwistjoni dwar il-finanzjament tar-riġenerazzjoni urbana.

Brussell, 9 ta’ Ġunju 2010.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


(1)  Il-bliet reġjuni (bħala l-konurbazzjonijiet tal-bliet u l-muniċipalitajiet qrib tagħhom) għandhom jiġu kkunsidrati f’din l-opinjoni.

(2)  COM(2010) 2020 finali.


Top
  翻译: