This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52012AE0817
Opinion of the European Economic and Social Committee on the ‘Communication from the Commission to the European Parliament, the Council, the European Economic and Social Committee and the Committee of the Regions on the future of the European Union Solidarity Fund’ COM(2011) 613 final
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-futur tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea” COM(2011) 613 finali
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-futur tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea” COM(2011) 613 finali
ĠU C 181, 21.6.2012, p. 52–54
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
21.6.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 181/52 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-futur tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea”
COM(2011) 613 finali
2012/C 181/10
Relatur: is-Sur VAN IERSEL
Nhar is-6 ta’ Ottubru 2011, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-futur tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea
COM(2011) 613 final.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-7 ta’ Marzu 2012.
Matul l-479 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-28 u d-29 ta’ Marzu 2012 (seduta tat-28 ta’Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’139 vot favur, 2 voti kontra u 9 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet
1.1 Il-KESE jaqbel li l-kriżi attwali qed iġġieġħel lill-Istati Membri u lill-UE jkunu attenti ħafna għall-infiq żejjed. F’dan il-kuntest, jifhem perfettament li l-Kunsill ma jixtieqx joħloq iżjed opportunitajiet fil-qafas tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (FSUE).
1.2 Madankollu, il-KESE jixtieq ifakkar fid-dispożizzjonijiet il-ġodda tat-TFUE, b’mod speċjali fl-Artikoli 4, 174 u 222, li jenfasizzaw ir-responsabbiltà konġunta tal-Unjoni u tal-Istati Membri li jindirizzaw id-diżastri naturali u l-attakki terroristiċi fit-territorju kollu tal-Unjoni. Dawn id-dispożizzjonijiet juru li f’ċirkustanzi speċjali ħafna, l-UE ma titqiesx biss bħala komunità ta’ interessi soċjoekonomiċi iżda wkoll bħala komunità b’destin komuni. Din kienet ukoll il-motivazzjoni li wasslet għall-ħolqien tal-FSUE fl-2002, sena li rat diversi każijiet ta’ għargħar enormi tax-xmajjar f’bosta Stati Membri.
1.3 Il-KESE jemmen bis-sħiħ li meta nħarsu lejn iż-żoni ta’ koeżjoni b’mod integrali, naraw li jeżisti destin komuni għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni, li jassumu r-responsabbiltà tagħhom għalih. Fid-dawl tar-riżultat tad-diskussjonijiet twal fil-Kunsill, il-KESE huwa diżappuntat li dan l-ispirtu bħalissa qiegħed ibatti. L-enfasi qawwija li l-Kunsill għamel fuq is-“sussidjarjetà” matul dawn id-diskussjonijiet tirrifletti dan in-nuqqas.
1.4 Il-KESE jaqbel mal-aġġustamenti prattiċi kollha li l-Kummissjoni tipproponi għar-Regolament tal-FSUE bil-għan li l-Fond jitħaddem b’mod aktar professjonali u biex ikun inqas burokratiku u jieħu inqas ħin għal dawk li jibbenefikaw minnu.
1.5 Il-KESE jinsisti b’mod partikolari fuq ix-xewqa li tittejjeb il-viżibbiltà tal-impenn konġunt tal-Unjoni meta din tagħti l-appoġġ finanzjarju f’każ ta’ diżastru. Bħalissa l-proċeduri huma purament amministrattivi. Il-pagamenti tal-UE ħafna drabi jsiru xhur wara li jseħħ id-diżastru, u dan jindika n-natura teknika u saħansitra anonima tal-proċedura. Bħalissa r-riżultat huwa pjuttost l-oppost tal-espressjoni ta’ empatija komuni, li l-KESE jixtieq li tkun enfasizzata aktar.
1.6 Il-KESE jipproponi li tiġi kkunsidrata l-inklużjoni tal-finanzjament tal-FSUE direttament fil-baġit tal-Unjoni Ewropea bħala mod prattiku biex jitħaffu l-pagamenti u biex jiġi żgurat livell ħafna ogħla ta’ viżibbiltà għall-attivitajiet tiegħu.
2. Introduzzjoni
2.1 Il-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea ġie stabbilit fl-2002, u b’hekk inħoloq strument tal-UE biex jirrispondi għad-diżastri naturali kbar. Dak iż-żmien il-KESE qabel bis-sħiħ mal-ħolqien tal-Fond (1).
2.2 Ir-Regolament oriġinali tal-2002 jistabbilixxi li sa tmiem l-2006 kellha ssir reviżjoni tal-Fond. Għal dan il-għan, fl-2005 l-Kummissjoni wettqet l-ewwel reviżjoni tal-FSUE. Fl-istess sena l-KESE kkummenta dwar il-proposta tal-Kummissjoni li rriżultat minn dan (2). Il-KESE ressaq diversi proposti, b’mod partikolari biex il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Fond jiġi estiż għan-nuqqas ta’ xita, biex jitbaxxew il-livelli limitu tal-interventi, u biex il-Kummissjoni tingħata setgħa diskrezzjonali akbar.
2.3 Fl-aħħar mill-aħħar, il-Kunsill ma laqax il-bidliet proposti mill-Kummissjoni li kienu ntlaqgħu tajjeb ħafna fil-Parlament Ewropew (PE). Dawn kienu msejsa fuq l-esperjenza prattika bir-Regolament u jikkonċernaw l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Fond lil hinn mid-diżastri naturali, il-ħidma biex il-kriterji tal-applikazzjoni jkunu aktar iffokati u trasparenti, u l-aġġustament tal-proċeduri burokratiċi li jieħdu l-ħin u li huma ta’ ħsara għar-reazzjoni f’waqtha u l-viżibbiltà.
2.4 Fl-2011 il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta Komunikazzjoni dwar il-futur tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea bil-għan li terġa’ tiftaħ id-diskussjoni ġenerali dwar il-Fond. L-opinjoni preżenti tal-KESE qed tikkumenta fuq din il-Komunikazzjoni.
2.5 Fir-rigward tal-ħin twil li jittieħed minħabba l-burokrazija b’rabta mal-proċeduri tal-FSUE, ta’ min isemmi li l-Kummissjoni ma taġixxix minn rajha iżda biss abbażi tal-applikazzjonijiet formali min-naħa tal-Istati Membri, u dan jieħu ż-żmien. Wara kull applikazzjoni jsiru proċeduri estensivi bejn il-Kummissjoni, il-PE u l-Kunsill biex jiġi approvat baġit, u l-Istat Membru applikant iressaq ukoll il-kontribut finali tiegħu biex jiġġustifika t-talba għall-appoġġ finanzjarju.
2.6 Il-Kummissjoni tikkonkludi li dan “iwassal għal effett kumulattiv li f’ħafna drabi biex ikunu jistgħu jitħallsu l-għotjiet jilħqu jgħaddu bejn 9 u 12-il xahar minn meta jseħħ id-diżastru u xi drabi anki aktar” (3).
2.7 Il-biża’ mill-implikazzjonijiet baġitarji wasslu għal xettiċiżmu u oppożizzjoni kontinwi. Is-“sussidjarjetà” tibqa’ wieħed mill-prinċipji ewlenin f’każ ta’ “diżastru”. Fl-2010 reġgħet ġiet ikkonfermata l-oppożizzjoni min-naħa ta’ maġġoranza kbira ta’ Stati Membri għal kull bidla maġġuri fil-bażi legali u l-operat tal-Fond ta’ Solidarjetà.
2.8 Wieħed għandu jfaħħar lill-Kummissjoni għall-isforzi tagħha biex testendi l-operat tal-FSUE għaliex l-evalwazzjoni tat prova li dan huwa ta’ suċċess kbir fil-każijiet fejn intuża. Mill-banda l-oħra, l-applikazzjonijiet miċħuda wasslu għall-frustrazzjoni u għalhekk huma ta’ ħsara għall-immaġni tal-UE.
2.9 X’aktarx l-istat attwali tad-dibattitu politiku mhux ser jagħti wisq spazju lil dawk li jippruvaw jestendu l-appoġġ tal-FSUE għal kategoriji ġodda ta’ “diżastri”, u lanqas lil dawk li jixtiequ jimmodifikaw il-livelli limitu jew itaffu l-kriterji għad-diżastri reġjonali.
3. Kummenti tal-KESE dwar il-proposti tal-Kummissjoni
3.1 Il-KESE huwa tal-fehma li, fiċ-ċirkustanzi attwali, kull bidla fil-FSUE għandha tkun limitata għal kjarifiki u għal titjib fl-operat tar-Regolament tal-2002. Il-kjarifiki dwar l-operat tal-Fond għandhom bla dubju ta’ xejn jippruvaw itejbu l-viżibbiltà tiegħu.
3.2 Kif targument l-Kummissjoni, il-fatt li jkun hemm definizzjoni aktar preċiża li l-assistenza mill-Fond tista’ tingħata biss f’każ ta’ diżastru naturali tista’ tgħin biex jiġu esklużi d-diffikultajiet legali mhux mixtieqa. Dan ikun iwieġeb ukoll għall-kritika ta’ bosta Stati Membri, u jnaqqas id-diżappunt tal-Istati Membri milquta.
3.3 Il-KESE jemmen li l-limitazzjoni tal-Fond għad-diżastri naturali mhux ser teskludi l-“effetti ulterjuri” ta’ dawn id-diżastri, pereżempju fuq l-impjanti industrijali jew il-faċilitajiet tas-saħħa u l-isptarijiet. Għalkemm, b’mod ġenerali, f’dawn il-każijiet ma jintlaqtux biss is-servizzi pubbliċi iżda wkoll l-attivitajiet privati, jeżisti argument qawwi biex dawn jiġu inklużi meta jkunu jagħmlu parti minn qafas soċjetali reġjonali, pereżempju f’termini ta’ impjieg.
3.4 L-esperjenza turi li jeżistu problemi sostanzjali bl-interpretazzjoni ta’ ċerti riperkussjonijiet li jirriżultaw minn “diżastru reġjonali straordinarju”. Il-KESE jaqbel mal-proposta tal-Kummissjoni li l-kriterji għad-diżastri reġjonali jitpoġġew fuq bażi sempliċi u oġġettiva, li tkun komparabbli ma’ dik użata għad-definizzjoni ta’ “diżastri maġġuri”. Bħalma turi s-simulazzjoni li għamlet il-Kummissjoni, ir-riżultat finali jkun bejn wieħed u ieħor bħall-effett tad-definizzjoni attwali. Madankollu, għadd ta’ applikazzjonijiet ma kinux jiġu ppreżentati għaliex huwa ċar li ma kinux eliġibbli għall-appoġġ mill-FSUE.
3.5 Il-Kummissjoni bir-raġun tikkritika d-dewmien biex tipprovdi l-għotjiet. Il-KESE jaqbel perfettament ma’ dan (ara wkoll il-punt 2.6 aktar ’il fuq). Il-Kumitat huwa tal-fehma li għandu jsir kull sforz sabiex jingħaġġlu l-proċeduri u b’hekk jittejbu r-reazzjoni u l-viżibbiltà tal-FSUE.
3.6 F’dan ir-rigward, il-KESE jaqbel mal-proposta tal-Kummissjoni li fir-Regolament tiġi introdotta l-possibbiltà li jsiru pagamenti bil-quddiem, liema pagamenti jkollhom jitħallsu lura f’każ li applikazzjoni ma tiġix aċċettata abbażi tar-regoli.
3.7 Il-KESE jaqbel bis-sħiħ mal-Kummissjoni li l-proċeduri jistgħu u għandhom jitqassru u jiġu ssemplifikati kull fejn hu possibbli. Jeżistu diversi possibbiltajiet biex jiġu amalgamati d-deċiżjonijiet fi ħdan il-Kummissjoni (fis-sistema attwali hemm erbgħa) kif ukoll fi ħdan l-Istati Membri (bħalissa jeżistu tnejn). Kif ġustament targument l-Kummissjoni, jista’ jiġi ffrankat ħafna żmien jekk isiru xi aġġustamenti proċedurali pjuttost sempliċi.
3.8 Hija pjuttost rivelattriċi u mixtieqa ħafna l-proposta tal-Kummissjoni li fir-Regolament tiġi msaħħa u speċifikata d-dispożizzjoni li l-Istat Membru benefiċjarju jintalab jiċċara fid-detall kif ser jipprevjeni diżastri oħra fil-futur billi jimplimenta l-leġislazzjoni tal-UE dwar il-valutazzjoni, il-ġestjoni u l-prevenzjoni tad-diżastri abbażi tal-lezzjonijiet misluta u l-impenn li jieħu miżuri b’rabta mat-tibdil fil-klima.
3.9 Il-Kummissjoni ssemmi b’mod espliċitu l-Artikolu 222 tat-TFUE, jiġifieri d-dispożizzjoni li l-UE u l-Istati Membri għandhom jaġixxu flimkien fi spirtu ta’ solidarjetà f’każ ta’ attakk terroristiku jew ta’ diżastru naturali jew ikkaġunat mill-bniedem. Jista’ jingħad ukoll li t-TFUE jintroduċi għall-ewwel darba fl-Artikolu 4 u fl-Artikolu 174 il-“koeżjoni territorjali” bħala “responsabbiltà konġunta” bejn l-UE u l-Istati Membri; l-Unjoni għandha tippromovi aktar il-“koeżjoni territorjali” fir-reġjuni li jbatu minn żvantaġġi naturali permanenti.
3.10 Dawn id-dispożizzjonijiet ma jirriflettux biss ir-responsabbiltajiet konġunti fost l-atturi kollha fl-Unjoni, iżda joħorġu fid-dieher ukoll is-sens ta’ destin komuni. Fid-dawl tar-reazzjonijiet tal-Kunsill għall-proposti suċċessivi tal-Kummissjoni u l-kummenti mill-partijiet l-oħra kkonsultati, huwa ċar li l-Istati Membri huma inqas lesti li jaġixxu bi spirtu ta’ destin komuni. Dan jispjega għaliex huma qed jagħmlu enfasi dejjem akbar fuq is-“sussidjarjetà”.
Brussell, 28 ta’ Marzu 2012.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Staffan NILSSON
(1) Opinjoni tal-KESE dwar “il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea”, ĠU C 61/30, 14.3.2003, p. 187 (mhux disponibbli bil-Malti).
(2) Opinjoni tal-KESE dwar “il-Proposta ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea”, ĠU C 28/14, 3.2.2006, p. 69 (mhux disponibbli bil-Malti).
(3) COM(2011) 613 final – Punt 2.3: l-aħħar paragrafu.