Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CN0445

Kawża C-445/16: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour d’appel de Mons (il-Belġju) fit-8 ta’ Awwissu 2016 – Docteur De Bruyne SPRL vs L-Istat Belġjan

ĠU C 410, 7.11.2016, p. 6–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

7.11.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 410/6


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour d’appel de Mons (il-Belġju) fit-8 ta’ Awwissu 2016 – Docteur De Bruyne SPRL vs L-Istat Belġjan

(Kawża C-445/16)

(2016/C 410/06)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Cour d’appel de Mons

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Docteur De Bruyne SPRL

Konvenut: L-Istat Belġjan

Domanda preliminari

Huwa kompatibbli mar-regoli tal-istabbiliment tal-karta tal-bilanċ previsti mir-raba’ Direttiva tal-Kunsill, tal-25 ta’ Lulju 1978, dwar il-kontijiet annwali ta’ ċerti tipi ta’ kumpanniji [Direttiva 78/660/KEE, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 21)], sa fejn dawn jipprovdu li:

il-kontijiet annwali għandhom jagħtu stampa vera tal-patrimonju, tas-sitwazzjoni finanzjarja kif ukoll tar-riżultati tal-kumpannija (Artikolu 2(3) tad-direttiva);

il-provvedimenti għal passiv u spejjeż huma maħsuba biex ikopru telf jew djun li n-natura tagħhom hija mfissra b’mod ċar u li fid-data tal-karta tal-bilanċ jidher li jew aktarx li għandhom isiru, jew ikun ċert li għandhom isiru iżda ma jkunx hemm ċertezza dwar l-ammont jew dwar id-data li fiha huma ser iseħħu (Artikolu 20(1) tad-direttiva);

il-prinċipju ta’ prudenza għandu jiġi osservat fi kwalunkwe każ u b’mod partikolari:

jistgħu jiġu rreġistrati fiha biss dawk il-profitti magħmula sad-data tal-għeluq tal-karta tal-bilanċ;

għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni r-riskji prevedibbli kollha u t-telf possibbli kollu li jkunu nħolqu matul is-sena finanzjarja kkonċernata jew f’sena finanzjarja preċedenti, anki jekk il-konjizzjoni ta’ tali riskji jew telf tinkiseb biss fid-data tal-għeluq tal-karta tal-bilanċ u fid-data li fiha din tiġi stabbilita (Artikolu 31(1)(ċ), (aa) u (bb) tad-direttiva);

għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dħul u l-ispejjeż marbuta mas-sena finanzjarja li magħha jirrelataw il-kontijiet, mingħajr ma tiġi kkunsidrata d-data li fiha jitwettaq id-dħul jew isiru l-ispejjeż (Artikolu 31(1)(d) tad-direttiva);

il-komponenti ta’ entrati tal-attiv u l-passiv għandhom jiġu vvalutati separatament (Artikolu 31(1)(e) tad-direttiva);

il-fatt li kumpannija li toffri opzjoni fuq azzjoni tkun tista’ tirreġista fil-karta tal-bilanċ bħala dħul, il-prezz tat-trasferiment ta’ din l-opzjoni matul is-sena finanzjarja li fiha tkun oriġinat din l-opzjoni jew fi tmiem it-terminu ta’ validità ta’ din tal-aħħar sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni r-riskju li tassumi l-persuna li toħroġ l-opzjoni wara l-impenn li hija tieħu jew le matul is-sena finanzjarja li fiha jsir it-trasferiment tal-opzjoni u jiġi akkwistat definittivament il-prezz ta’ din tal-aħħar, peress li r-riskju assunt mill-persuna li toħroġ l-opzjoni jiġi vvalutat separatament mill-komptabbiltà ta’ provvediment?


Top
  翻译: