This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52017BP0085
European Parliament resolution of 15 March 2017 on general guidelines for the preparation of the 2018 budget, Section III — Commission (2016/2323(BUD))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Marzu 2017 dwar il-linji gwida ġenerali għat-tħejjija tal-baġit 2018, Taqsima III – Kummissjoni (2016/2323(BUD))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Marzu 2017 dwar il-linji gwida ġenerali għat-tħejjija tal-baġit 2018, Taqsima III – Kummissjoni (2016/2323(BUD))
ĠU C 263, 25.7.2018, p. 365–370
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
25.7.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 263/365 |
P8_TA(2017)0085
Linji gwida għall-Baġit 2018 – Taqsima III
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Marzu 2017 dwar il-linji gwida ġenerali għat-tħejjija tal-baġit 2018, Taqsima III – Kummissjoni (2016/2323(BUD))
(2018/C 263/38)
Il-Parlament Ewropew,
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, |
— |
wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (1), |
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, dwar il-kooperazzjoni f'materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (2) (minn hawn 'il quddiem “il-Ftehim Interistituzzjonali”), |
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (3), |
— |
wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE, Euratom tas-26 ta' Mejju 2014 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea (4), |
— |
wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017 (5) u d-dikjarazzjonijiet konġunti miftiehma bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni u li huma annessi miegħu (6), |
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-21 ta' Frar 2017 dwar il-linji gwida baġitarji għall-2018 (6522/2017), |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 86a tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0060/2017), |
A. |
billi s-sena 2018 se tkun il-ħames sena tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) għall-perjodu 2014-2020; |
B. |
billi l-kuntest ekonomiku u soċjali intern, kif ukoll l-isfidi esterni u l-inċertezzi politiċi x'aktarx li jżommu l-pressjoni fuq il-baġit tal-UE għall-2018; |
C. |
billi r-reazzjoni tal-baġit għall-isfidi u l-kriżijiet immedjati trid timxi id f'id ma' tweġibiet sostenibbli li jinvestu fil-futur komuni tal-Unjoni; |
Baġit għat-tkabbir sostenibbli, l-impjiegi u s-sigurtà
1. |
Jilqa' r-rwol importanti li żvolġa l-baġit tal-UE fl-għoti ta' tweġibiet konkreti għall-isfidi li qed tħabbat wiċċha magħhom l-UE; jenfasizza li l-impjiegi deċenti, ta' kwalità u stabbli, partikolarment għaż-żgħażagħ, it-tkabbir ekonomiku u l-konverġenza soċjoekonomika, il-migrazzjoni, is-sigurtà u l-indirizzar tal-populiżmu, kif ukoll it-tibdil fil-klima, huma l-preokkupazzjonijiet prinċipali fil-livell tal-UE u li l-baġit tal-UE għadu parti mis-soluzzjoni għal dawn il-kwistjonijiet; jenfasizza li s-solidarjetà trid tibqa' prinċipju sottostanti tal-baġit tal-UE; jissottolinja li huwa biss minn baġit tal-UE b'saħħtu u mmirat, b'valur miżjud Ewropew ġenwin, li se jibbenefikaw l-Istati Membri u ċ-ċittadini tal-UE kollha bl-istess mod; jistenna li l-Kummissjoni tressaq abbozz ta' baġit għall-2018 li jippermetti lill-UE tkompli tiġġenera l-prosperità permezz tat-tkabbir u l-impjiegi u tiżgura s-sikurezza taċ-ċittadini tagħha; |
2. |
Jemmen li, filwaqt li tinżamm id-dixxiplina baġitarja, il-baġit tal-UE jrid ikun mgħammar bl-għodod li jagħtuh iċ-ċans li jirrispondi għal kriżijiet multipli simultanjament, u huwa għaldaqstant meħtieġ ċertu livell ta' flessibilità; huwa tal-opinjoni li, filwaqt li t-tkabbir u l-impjiegi jibqgħu l-prijoritajiet ewlenin tal-baġit tal-UE, il-kisba ta' progress u żvilupp sostenibbli f'dawn l-oqsma għandha ssir b'mod parallel biex tindirizza t-tħassib taċ-ċittadini tal-UE fir-rigward tas-sigurtà u s-sikurezza; itenni l-appell tiegħu għal konċentrazzjoni tematika meta jiġu stabbiliti l-prijoritajiet għall-baġit tal-UE għall-2018; |
Ir-riċerka, l-infrastruttura u l-SMEs bħala faċilitaturi ewlenin tat-tkabbir u l-impjiegi
3. |
Jissottolinja li t-titjib tal-kompetittività tal-ekonomija tal-UE, l-infrastruttura, ir-riċerka ffinanzjata tajjeb, l-appoġġ għall-iżvilupp tal-ħiliet u l-impenn kontinwu tal-UE biex issaħħaħ l-investiment huma essenzjali sabiex jiġu żgurati t-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien ta' impjiegi; jemmen li l-ħolqien ta' impjiegi soċjalment u ambjentalment sostenibbli u mħallsin tajjeb irid ikun wieħed mill-prijoritajiet ewlenin tal-baġit tal-UE; isostni li l-impjiegi jinħolqu l-aktar mis-settur privat u li, għalhekk, jeħtieġ li jiġi ddedikat appoġġ baġitarju adegwat sabiex isaħħaħ l-investiment kemm fis-setturi privati kif ukoll f'dawk pubbliċi, b'attenzjoni speċjali lill-SMEs; konsegwentement jissottolinja l-importanza tal-Intestatura 1a, li twassal valur miżjud reali għaċ-ċittadini u għan-negozji Ewropej, u jitlob li jiġi żgurat livell xieraq ta' finanzjament għal din l-intestatura; |
4. |
Jenfasizza li l-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni, inkluż l-appoġġ għan-negozji l-ġodda, jirrappreżenta prekundizzjoni għall-kisba ta' kompetittività ġenwina fl-UE u biex tiġi żgurata ekonomija tal-UE innovattiva u kompetittiva fuq livell globali; jiddispjaċih għall-fatt li, bħala riżultat ta' finanzjament inadegwat tal-UE fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni hemm rata ta' suċċess baxxa b'mod allarmanti għall-applikazzjonijiet, u li bosta proġetti ta' kwalità għolja fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni qed jitħallew mingħajr finanzjament mill-UE; jinnota li bosta partijiet interessati, inklużi SMEs, qed jiġu mbuttati milli jissottomettu l-proposti tal-proġett Orizzont 2020; jappella, f'dan ir-rigward, sabiex jiġi żgurat livell xieraq ta' approprjazzjonijiet għall-Orizzont 2020, filwaqt li titkompla l-aġenda ta' simplifikazzjoni tiegħu; jissottolinja li baġit imtejjeb għall-Orizzont 2020 jenħtieġ li ma jkunx għad-detriment ta' programmi ta' riċerka oħrajn; |
5. |
Jirrikonoxxi l-fatt li l-SMEs għadhom is-sinsla tal-ekonomija Ewropea u se jkomplu jiżvolġu rwol deċiżiv fil-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir fl-UE; iqis ukoll li l-SMEs huma s-sors ewlieni tal-ħolqien tal-impjiegi u għalhekk jeħtieġu aċċess adegwat għall-finanzi; jitlob, f'dan ir-rigward, li l-approprjazzjonijiet ta' COSME jiżdiedu, filwaqt li jitqies is-suċċess ta' dan il-programm; jenfasizza l-importanza li jissaħħaħ il-programm COSME fil-QFP il-ġdid sabiex l-SMEs jingħataw aktar appoġġ sostanzjali mill-UE; jemmen li l-ħolqien ta' sinerġiji ma' strumenti finanzjarji oħra jwassal għal riżultati aħjar; |
6. |
Jappoġġa bil-qawwa l-iżvilupp u t-titjib ulterjuri tal-interoperabilità tan-netwerks ta' infrastruttura Ewropej; iqis li l-finanzjament tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) huwa vitali sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet u jistieden lill-Kummissjoni tiżgura livell xieraq ta' finanzjament fl-2018; |
7. |
Jissottolinja r-rwol importanti u l-potenzjal tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) fit-tnaqqis tad-distakk fl-investiment li għadu jeżisti fl-Ewropa, u jirrikonoxxi r-riżultati pożittivi miksuba sa issa; jilqa' wkoll il-proposta tal-Kummissjoni għall-estensjoni tal-FEIS sal-2020, li jenħtieġ li jkollha l-għan li tkompli ttejjeb il-funzjonament tiegħu, inkluża l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-addizzjonalità u ta' bilanċ ġeografiku, li għalihom huma meħtieġa aktar sforzi; jissottolinja li l-għażla tal-proġetti ffinanzjati permezz tal-FEIS jenħtieġ li tkun ibbażata fuq il-kwalità u ggwidata mid-domanda; jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li ssaħħaħ ir-rwol taċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti f'termini ta' għoti ta' assistenza teknika lokali aktar immirata madwar l-UE u saħansitra li ttejjeb il-bilanċ ġeografiku; jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex regolarment tanalizza l-valur miżjud tal-FEIS permezz ta' valutazzjoni tal-impatt tal-effetti tal-fond; |
L-edukazzjoni u l-impjieg taż-żgħażagħ – prerekwiżiti għas-suċċess tal-ġenerazzjoni aktar żagħżugħa
8. |
Iqis l-edukazzjoni bħala prerekwiżit għal impjiegi sostenibbli, imħallsin tajjeb u stabbli; jissottolinja l-importanza tal-mobilità bħala mezz biex iż-żgħażagħ Ewropej japprofittaw mill-varjetà ta' ħiliet tal-persuni filwaqt li jiġu estiżi l-opportunitajiet għall-edukazzjoni, għat-taħriġ u għall-impjiegi; jilqa' f'dan ir-rigward ir-rwol li jiżvolġi Erasmus+ fl-iffaċilitar tal-mobilità intra-Ewropea ta' studenti żgħażagħ, apprendisti u voluntiera; jemmen li, f'dawn iż-żminijiet ta' żieda fin-nazzjonaliżmu u l-populiżmu b'mod speċjali, huwa importanti li niffaċilitaw l-interazzjoni naturali bejn id-diversi nazzjonijiet u kulturi Ewropej sabiex titjieb il-kuxjenza u l-identità Ewropea; jitlob, f'dan il-kuntest, li l-finanzjament għall-programm Erasmus+ ikompli jiżdied fl-2018; |
9. |
Jissottolinja li l-qgħad fost iż-żgħażagħ huwa wieħed mill-problemi ewlenin fil-livell Ewropew, b'impatt soċjali partikolarment għoli, speċjalment fl-aktar reġjuni foqra tal-Unjoni, u li jpoġġi f'riskju ġenerazzjoni sħiħa ta' żgħażagħ Ewropej u jdgħajjef it-tkabbir ekonomiku fit-tul; jenfasizza li, bħala parti mill-ftehim ta' konċiljazzjoni għall-baġit tal-UE għall-2017, se tingħata allokazzjoni ta' EUR 500 miljun għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI), permezz ta' baġit emendatorju fl-2017; iqis il-YEI bħala kontribuzzjoni fundamentali għall-objettiv ta' prijorità tal-Unjoni tal-impjiegi u t-tkabbir u jibqa' impenjat bis-sħiħ li jiggarantixxi finanzjament adegwat għall-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ u għall-kontinwazzjoni tal-YEI sal-aħħar tal-QFP attwali, filwaqt li fl-istess ħin itejjeb il-funzjonament u l-implimentazzjoni tagħha; jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ; |
10. |
Jieħu nota pożittiva tal-proposta għat-tnedija ta' “Biljett Interrail għall-Ewropa f'għeluq it-18-il sena”; jissottolinja li dan il-proġett għandu l-potenzjal li jagħti spinta lill-kuxjenza u lill-identità Ewropea; jenfasizza, madankollu, li l-proġett jenħtieġ li ma jiġix iffinanzjat għad-detriment ta' programmi oħra ta' suċċess tal-UE, partikolarment fil-qasam taż-żgħażagħ u l-kultura, u jenħtieġ li jkun soċjalment inklużiv kemm jista' jkun u jinkludi dispożizzjonijiet li jinkludu r-residenti tal-gżejjer periferiċi tal-Ewropa; jitlob lill-Kummissjoni tevalwa l-kost potenzjali u s-sorsi tal-finanzjament ta' din l-inizjattiva u tressaq proposti rilevanti; |
Il-prijoritajiet tradizzjonali tal-baġit tal-UE bħala politiki ta' investiment
11. |
Jappoġġa bis-sħiħ il-politika reġjonali bħala waħda mill-istrumenti ta' investiment tal-baġit tal-UE li tiżgura l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali; jissottolinja li din il-politika tiġġenera tkabbir u impjiegi fl-Istati Membri kollha; jinsab imħasseb, madankollu, dwar id-dewmien inaċċettabbli fl-implimentazzjoni tal-programmi operattivi fil-livell tal-UE taħt il-QFP attwali, li s'issa wassal għal investiment aktar baxx li ma kkontribwixxiex biżżejjed għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi jew għat-tnaqqis tad-disparitajiet ekonomiċi, soċjali u territorjali fi ħdan u bejn ir-reġjuni Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika l-kawżi tad-dewmien u lill-Istati Membri jikkooperaw sabiex jindirizzawhom, b'mod partikolari sabiex jiżguraw li n-nomina tal-awtoritajiet ta' ġestjoni, ta' awditjar u ta' ċertifikazzjoni tiġi konkluża u li l-implimentazzjoni titħaffef drastikament; |
12. |
Jirrikonoxxi l-importanza tas-settur agrikolu Ewropew sabiex tinżamm is-sigurtà alimentari u tiġi ġestita l-bijodiversità fl-UE; jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu favur il-bdiewa milquta mill-embargo Russu, mill-influwenza avjarja, mill-kriżi fis-settur tal-prodotti tal-ħalib u l-kriżi tal-laħam; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tkompli tappoġġa lill-bdiewa madwar l-Ewropa biex ilaħħqu mal-volatilità mhux mistennija tas-suq u sabiex jiżguraw is-sikurezza u l-kwalità fil-provvisti tal-ikel; jitlob li tingħata attenzjoni xierqa lill-biedja u s-sajd fuq skala żgħira; |
Sfidi interni
13. |
Jinsab konvint li, fiċ-ċirkostanzi attwali, il-baġit tal-UE wera li mhuwiex biżżejjed biex jindirizza l-effetti tal-kriżi migratorja u tar-rifuġjati u l-isfidi umanitarji korrispondenti jew l-isfidi fil-qasam tas-sigurtà bħaż-żieda fit-terroriżmu internazzjonali; jissottolinja li, fuq din il-bażi, trid tinstab soluzzjoni sostenibbli għal din il-kwistjoni, peress li l-mobilizzazzjoni ripetuta tal-istrumenti speċjali, bħall-istrument ta' flessibilità, uriet li l-baġit tal-UE ma kienx inizjalment imfassal biex jindirizza kriżijiet ta' dan il-kobor; jirrimarka li għandha tiġi adottata strateġija koerenti biex tindirizza l-kriżi tal-migrazzjoni u tar-rifuġjati, inklużi objettivi ċari, li jistgħu jitkejlu u jinftiehmu; ifakkar, madankollu, li l-ħtieġa li jiġu mobilizzati mezzi addizzjonali biex inħabbtu wiċċna ma' dawn l-isfidi jenħtieġ li matiħux preċedenza fuq politiki importanti oħrajn tal-Unjoni, pereżempju fil-qasam tal-impjiegi u tat-tkabbir; |
14. |
Jilqa' b'sodisfazzjon ir-rwol li żvolġew strumenti bħall-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF) fl-indirizzar tal-effetti tal-kriżi tal-migrazzjoni u tar-rifuġjati u l-isfidi umanitarji korrispondenti, u jitlob ibbaġitjar adegwat fis-snin li ġejjin għal dawn il-fondi; itenni l-importanza tal-prinċipju tal-qsim tal-piżijiet fost l-Istati Membri fil-finanzjament tal-isforzi meħtieġa biex wieħed jipprovdi b'mod adegwat għar-rifuġjati; jilqa' wkoll ir-rwol tal-aġenziji tal-UE fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni, bħalma huma l-Europol, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, l-EASO, il-Eurojust, l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali u eu-LISA, u jitlob, f'dan il-kuntest, li l-mandat tagħhom jiġi eżegwit fuq il-bażi ta' titjib fl-ibbaġitjar u l-persunal; jinsab konvint li l-UE għandha bżonn tinvesti aktar fit-tisħiħ u l-ġestjoni tal-fruntieri tagħha, it-titjib tal-kooperazzjoni bejn l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u l-awtoritajiet nazzjonali u l-ġlieda kontra t-terroriżmu, ir-radikalizzazzjoni u l-kriminalità serja u organizzata billi ttejjeb miżuri u prattiki ta' integrazzjoni, tiżgura l-interoperabilità tas-sistemi ta' informazzjoni, u tiggarantixxi operazzjonijiet ta' ritorn sodi għal dawk li ma jkunux intitolati għall-protezzjoni internazzjonali filwaqt li jiġi rrispettat bis-sħiħ il-prinċipju ta' non-refoulement; |
15. |
Jissottolinja li l-baġit attwali tal-Fond għas-Sigurtà Interna (madwar EUR 700 miljun f'impenji) mhuwiex suffiċjenti għall-indirizzar tal-isfidi tas-sigurtà li jirriżultaw mit-terroriżmu internazzjonali; jitlob, għalhekk, għal aktar riżorsi finanzjarji biex l-infrastruttura tas-sigurtà ssir aktar adegwata u moderna; |
16. |
Ifakkar fl-importanza tal-aġenziji Ewropej li jiżguraw l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet leġiżlattivi Ewropej u b'hekk jintlaħqu l-objettivi ta' politika tal-UE, bħal dawk relatati mal-kompetittività, it-tkabbir u l-impieg u l-ġestjoni tal-kriżijiet attwali tal-migrazzjoni u tar-rifuġjati; jinsisti, għaldaqstant, li għandhom jiġu pprovduti riżorsi finanzjarji u umani adegwati kemm għan-nefqa amministrattiva kif ukoll għal dik operattiva biex l-aġenziji jkunu jistgħu jissodisfaw il-kompiti assenjati lilhom u jagħtu l-aħjar riżultati possibbli; fir-rigward taż-żidiet fil-persunal u fl-approprjazzjonijiet għall-aġenziji mill-baġit tal-2014, jenfasizza l-fatt li dawn huma meqjusa bħala parti mill-iżviluppi ta' politiki u leġiżlazzjonijiet ġodda li ma jidħlux fil-kalkolu tal-mira ta' tnaqqis ta' 5 % tal-persunal; jenfasizza, għalhekk, li l-baġit tal-2018 jenħtieġ li ma jipprovdi ebda tnaqqis ieħor fil-pjanijiet ta' stabbiliment ta' aġenziji Ewropej lil hinn mill-5 % miftiehma għal kull istituzzjoni u korp tal-Unjoni Ewropea fil-qafas tal-Ftehim Interistituzzjonali; |
17. |
Jappoġġa bil-qawwa l-inizjattivi fil-qasam tar-riċerka dwar id-difiża mmirati biex jinkoraġġixxu kooperazzjoni aħjar bejn l-Istati Membri u l-kisba ta' effetti ta' sinerġija fil-qasam tad-difiża; jenfasizza, madankollu, li jenħtieġ li din l-attività tkun mogħnija b'riżorsi ġodda, peress li hija inizjattiva politika ġdida b'impatt sinifikanti fuq il-baġit tal-UE; jitlob, barra minn hekk, għall-esplorazzjoni tal-possibilitajiet kollha għall-finanzjament ta' programm ta' riċerka tad-difiża b'baġit iddedikat fil-QFP li jmiss; ifakkar li, filwaqt li d-dispożizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati jridu jiġu rispettati, il-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tad-difiża hija għażla meħtieġa sabiex jintlaħqu l-isfidi tas-sigurtà li qed tiffaċċja l-UE, li huma ġġenerati minn instabilità mtawla fil-viċinat tal-Unjoni u inċertezza fir-rigward tal-impenn ta' xi wħud mis-sħab tal-UE fl-objettivi tan-NATO; jissottolinja, barra minn hekk, il-ħtieġa li jittejbu l-kompetittività u l-innovazzjoni fl-industrija tad-difiża Ewropea li jistgħu jikkontribwixxu biex jistimulaw it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi; jitlob lill-Istati Membri jiżguraw baġitjar adegwat sabex jiġu indirizzati sfidi esterni b'mod aktar kongruenti; jieħu nota tal-istabbiliment tal-Fond Ewropew għad-Difiża, bit-twieqi għar-riċerka u l-kapaċità tiegħu; |
18. |
Jissottolinja li l-baġit tal-UE jrid jappoġġa t-twettiq tal-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi u l-miri tal-klima fit-tul tal-UE billi tintlaħaq il-mira ta' nfiq ta' 20 % għall-klima fil-QFP 2014-2020; jinnota bi tħassib li l-miri tal-bijodiversità tal-2020 tal-UE mhumiex se jintlaħqu mingħajr sforzi addizzjonali sostanzjali; jenfasizza, għalhekk, l-importanza tal-integrazzjoni tal-protezzjoni tal-bijodiversità fi ħdan il-baġit tal-UE, b'enfasi partikolari fuq il-programm LIFE u n-netwerk Natura 2000; |
Sfidi esterni
19. |
Jenfasizza li l-baġit tal-UE huwa wkoll strument ta' solidarjetà esterna, li jipprovdi għajnuna fi kriżijiet umanitarji u ċivili billi joffri l-appoġġ lill-pajjiżi fil-bżonn; ifakkar li l-isfidi tal-qerda tal-faqar u tal-iżvilupp sostenibbli ġew ikkonfermati bħala prijorità ewlenija għall-UE u għall-Istati Membri tagħha; itenni, f'dan il-kuntest, l-impenn tal-UE li tikkontribwixxi għall-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) u l-kisba tal-mira ta' 0,7 % tal-ODA/ING fiż-żmien skedat tal-aġenda ta' wara l-2015; jenfasizza li, fit-tul, l-għajnuna għall-iżvilupp trendi redditu fuq l-investiment fil-forma ta' żieda fil-kummerċ u tkabbir tal-PDG fl-Ewropa; |
20. |
Jafferma mill-ġdid l-konvinzjoni tiegħu li sabiex jiġu indirizzati l-kawżi li huma l-għeruq tal-kriżi tal-migrazzjoni u r-rifuġjati attwali u l-isfidi umanitarji korrispondenti, l-UE għandha bżonn issaħħaħ ir-rwol tagħha permezz ta' investiment fil-pajjiżi ta' oriġini tal-flussi migratorji; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni tfassal pjan direzzjonali biex tiġi indirizzata l-kriżi migratorja b'mod effettiv; jenfasizza li aġġustament strateġiku akbar tal-istrumenti kollha tal-politika ta' żvilupp huwa meħtieġ biex jiġi żgurat żvilupp ekonomiku u soċjali stabbli filwaqt li ma tiġix imfixkla l-implimentazzjoni tal-politiki esterni eżistenti; jinnota li l-investiment fl-infrastruttura, fl-akkomodazzjoni, fl-edukazzjoni u fis-servizzi mediċi u fl-appoġġ għall-SMEs, b'attenzjoni partikolari fuq il-ħolqien tal-impjiegi, il-protezzjoni u l-inklużjoni soċjali, huma parti mis-soluzzjoni għall-indirizzar tal-kawżi li huma l-għeruq tal-migrazzjoni; jilqa', għalhekk, bħala parti mis-soluzzjoni għal dawn l-isfidi, il-Pjan ta' Investiment Estern (PIE), bħala qafas ikkoordinat u koerenti għall-promozzjoni tal-investiment fl-Afrika u fil-pajjiżi tal-Viċinat, filwaqt li jitqies li jeħtieġ li jkun allinjat għalkollox mal-kisba tal-Miri ta' Żvilupp Sostenibbli u jikkontribwixxi għalihom; jistenna li l-PIE se jippromwovi l-iżvilupp sostenibbli mingħajr ma jikkomprometti d-drittijiet tal-bniedem, il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima jew il-governanza tajba u tkun żgurata l-ġestjoni trasparenti tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli u tal-proġetti tiegħu; |
21. |
Jinnota li t-tendenza attwali min-naħa tal-Kummissjoni li tuża mekkaniżmi baġitarji satellita bħall-Faċilita għar-Rifuġjati fit-Turkija, fondi fiduċjarji u strumenti simili oħrajn ma rnexxietx fil-każijiet kollha; jinsab imħasseb li l-istabbiliment ta' strumenti finanzjarji barra mill-baġit tal-Unjoni jimmina l-ġestjoni trasparenti tal-baġit u jxekkel id-dritt tal-Parlament li jeżerċita skrutinju effettiv tal-infiq; isostni, għalhekk, il-pożizzjoni tiegħu li l-istrumenti finanzjarji esterni ad hoc li tnedew fis-snin reċenti jridu jiġu inkorporati fil-baġit tal-UE, u li jeħtieġ li l-Parlament ikollu skrutinju sħiħ fuq l-implimentazzjoni ta' dawn l-istrumenti; jenfasizza, madankollu, li dawn l-istrumenti jenħtieġ li ma jiġux iffinanzjati għad-detriment ta' strumenti esterni oħra eżistenti; jinnota d-diverġenza bejn il-wegħdiet tal-Istati Membri u l-kontribuzzjoni attwali tagħhom għal dawn il-fondi, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jirrispettaw il-wegħdiet tagħhom biex jilħqu l-kontribuzzjonijiet tal-UE; |
22. |
Jissottolinja li waħda mill-kundizzjonijiet għall-preservazzjoni tal-istabilità u tal-prosperità fl-UE hija viċinat tal-UE stabbli; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tiżgura li tingħata prijorità lill-investiment fil-Viċinat tal-UE sabiex tappoġġa sforzi biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ewlenin li dan is-settur qed iħabbat wiċċu magħhom, jiġifieri l-kriżi tal-migrazzjoni u tar-rifuġjati u l-isfidi umanitarji korrispondenti fil-Viċinat tan-Nofsinhar, u l-aggressjoni Russa fil-Viċinat tal-Lvant; itenni li l-appoġġ għall-pajjiżi li qed jimplimentaw ftehimiet ta' assoċjazzjoni mal-UE huwa kruċjali biex jiġu ffaċilitati r-riformi politiċi u ekonomiċi, iżda jisħaq fuq il-fatt li dan l-appoġġ jenħtieġ li japplika sakemm dawn il-pajjiżi jissodisfaw il-kriterji ta' eliġibilità, speċjalment fir-rigward tal-istat tad-dritt u l-infurzar tal-istituzzjonijiet demokratiċi; |
Approprjazzjonijiet ta' pagamenti suffiċjenti li jirriżultaw fi kredibilità akbar għall-UE
23. |
Itenni t-talbiet preċedenti tiegħu sabiex il-baġit tal-UE jiġi pprovdut b'livell adegwat ta' approprjazzjonijiet ta' pagament sabiex ikun jista' jissodisfa l-iskop prinċipali tiegħu bħala baġit ta' investiment; huwa konvint li dan ir-rwol ma jistax jitwettaq jekk l-UE tonqos milli twettaq l-impenji tagħha u b'hekk tipperikola l-kredibilità tagħha; |
24. |
Jenfasizza li d-dewmien fl-implimentazzjoni tal-programmi għall-perjodu 2014-2020 taħt ġestjoni kondiviża wassal għal tnaqqis fit-talbiet għal pagamenti għall-2016 u l-2017; huwa partikolarment imħasseb dwar il-possibilità li jerġa' jkun hemm arretrat ta' kontijiet mhux imħallsin lejn tmiem il-perjodu tal-QFP attwali u jfakkar fil-livell bla preċedent ta' EUR 24,7 biljun milħuq fl-aħħar tal-2014; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni, fl-okkażjoni tar-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP, ipprovdiet għall-ewwel darba previżjoni tal-pagamenti sal-2020, iżda jenfasizza li jeħtieġ li din tiġi debitament aġġornata kull sena, sabiex l-awtorità baġitarja tkun tista' tieħu l-miżuri meħtieġa fil-ħin; |
25. |
Jissottolinja li, minkejja li sa issa għadu ma ntlaħaq ebda qbil fuq ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP, hemm diversi elementi pożittivi tar-reviżjoni li bħalissa qegħdin jiġu nnegozjati – b'mod partikolari f'termini ta' flessibilità akbar – li jistgħu jirriżultaw strumentali fil-prevenzjoni ta' u fir-rispons għal kriżi tal-pagamenti fil-ġejjieni; jemmen li jekk l-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni kellha titħaffef kif antiċipat iż-żieda fil-flessibilità tista' tkun meħtieġa diġà s-sena d-dieħla, sabiex jiġi żgurat livell adegwat ta' approprjazzjonijiet ta' pagament fil-baġit tal-UE b'rispons, u biex tiġi evitata l-akkumulazzjoni ta' kontijiet mhux imħallsa taħt il-politika ta' koeżjoni fl-aħħar tas-sena; |
26. |
Jinnota u jiddispjaċih għall-fatt li l-frodi tat-taxxa korporattiva u l-evitar tat-taxxa kkawżaw telf kbir ta' dħul mit-taxxa għall-Istati Membri, u għalhekk tnaqqis fil-kontribuzzjonijiet tagħhom għall-baġit tal-UE; iqis, barra minn hekk, li tali kompetizzjoni tat-taxxa inġusta f'xi każijiet tfisser li jkun hemm trasferiment tal-PDG minn Stat Membru għall-ieħor u trasferiment tal-ING għal rifuġji fiskali barra mill-UE, biex b'hekk jitnaqqsu l-kontribuzzjonijiet aggregati tal-Istati Membri għall-baġit tal-UE; |
27. |
Itenni l-pożizzjoni li ilu jħaddan li l-pagamenti tal-istrumenti speċjali (l-Istrument ta' Flessibilità, il-Fond ta' Solidarjetà tal-UE, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni u r-Riżerva ta' Għajnuna f'Emerġenza) iridu jiġu magħduda lil hinn mil-limitu massimu tal-pagamenti fil-QFP, bħal fil-każ tal-impenji; jissottolinja, fil-kuntest tar-reviżjoni li għaddejja ta' nofs it-terminu tal-QFP, il-progress potenzjali miksub fil-kwistjoni tal-ibbaġitjar tal-pagamenti tal-istrumenti speċjali tal-QFP bir-reviżjoni tad-deċiżjoni dwar il-Marġini ta' Kontinġenza tal-2014, anki jekk il-kwistjoni ma ġietx riżolta b'mod inekwivoku; |
Inħarsu 'l quddiem
28. |
Jenfasizza li skont ir-Regolament dwar il-QFP, il-Kummissjoni se tressaq sa tmiem l-2017 il-proposti tagħha għall-QFP ta' wara l-2020, li jenħtieġ li jqisu d-deċiżjoni tar-Renju Unit li joħroġ mill-UE li se tħalli impatt fuq il-QFP ta' wara l-2020; jenfasizza li din id-deċiżjoni tagħmilha impossibbli li jinżamm l-istatus quo; jagħti l-akbar importanza lill-proċess li se jwassal għall-istabbiliment tal-qafas finanzjarju ġdid u baġit tal-UE riformat u iktar effiċjenti, u jistenna li dan ikun proporzjonat għall-isfidi li qed tħabbat wiċċha magħhom l-Unjoni u għall-impenji li diġà ħadet; jitlob li jkun hemm konklużjoni rapida u pożittiva għar-reviżjoni li għaddejja ta' nofs it-terminu tal-QFP li tista' tiżgura kemm l-aġġustament meħtieġ tal-qafas finanzjarju attwali kif ukoll il-grad ta' flessibilità addizzjonali tal-baġit tal-UE li hija indispensabbli biex jinkisbu l-objettivi tal-Unjoni; |
29. |
Jissottolinja li l-prevedibilità u s-sostenibilità fit-tul tal-baġit tal-UE huma prerekwiżit għal Unjoni Ewropea b'saħħitha u stabbli; jenfasizza l-ħtieġa li d-durata tal-QFP tiġi allinjata maċ-ċikli politiċi tal-Parlament u tal-Kummissjoni; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-irtirar tar-Renju Unit mill-UE se jipprovdi opportunità sabiex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet li ilhom iżommu lill-baġit tal-UE milli jilħaq il-potenzjal reali tiegħu, speċjalment fir-rigward tad-dħul tal-baġit, sabiex bil-mod jitneħħew ir-rifużjonijiet u l-mekkaniżmi ta' korrezzjoni kollha; jafferma mill-ġdid il-pożizzjoni tiegħu favur riforma fil-fond tar-riżorsi proprji tal-UE u, f'dan ir-rigward, jilqa' b'sodisfazzjon il-preżentazzjoni tar-rapport finali tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji; jistieden lill-partijiet kollha involuti jaslu għall-konklużjonijiet xierqa minn dan ir-rapport u janalizzaw il-fattibilità tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji li kieku jgħinu sabiex irendu l-baġit tal-UE aktar stabbli, sempliċi, awtonomu, ġust u prevedibbli; jistenna li kwalunkwe riżors proprju ġdid jenħtieġ li jwassal għal tnaqqis fil-kontribuzzjonijiet tal-ING tal-Istati Membri; jilqa' b'sodisfazzjon il-konklużjoni tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji rigward il-fatt li l-baġit tal-UE jeħtieġ li jiffoka fuq oqsma li jġibu l-ogħla valur miżjud Ewropew u rigward l-approċċ “juste retour”, li jenħtieġ li jintemm, peress li ntwera mir-rapport li l-Istati Membri kollha jibbenefikaw mill-baġit tal-UE, irrispettivament mill-“bilanċ nett” tagħhom; |
30. |
Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex tkompli tiżviluppa u timplimenta l-istrateġija ta' “baġit iffukat fuq ir-riżultati”; jissottolinja, f'dan ir-rigward, l-importanza tas-simplifikazzjoni tar-regoli, l-integrazzjoni tal-proċess ta' monitoraġġ u l-iżvilupp ta' indikaturi tal-prestazzjoni rilevanti; |
31. |
Jenfasizza li l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn is-sessi jenħtieġ li jiġi integrat, fejn possibbli, bħala objettiv orizzontali ta' politika f'kull titolu tal-baġit tal-UE; |
32. |
Jenfasizza l-importanza li l-Parlament jiġi kompletament involut fil-kwistjonijiet kollha relatati mal-baġit, bħala l-unika istituzzjoni eletta demokratikament miċ-ċittadini tal-UE; |
33. |
Jistieden lill-Kunsill jonora d-dikjarazzjonijiet politiċi tiegħu u jikkoopera sabiex jiżgura li l-UE tkun mgħammra b'baġit adegwat; |
o
o o
34. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri. |
(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(2) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 168, 7.6.2014, p. 105.
(6) Testi adottati tal-1.12.2016, P8_TA(2016)0475.