Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018XR5067

Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar il-Programm ta’ Ħidma tal-2019 tal-Kummissjoni Ewropea

COR 2018/05067

ĠU C 86, 7.3.2019, p. 1–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

7.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 86/1


Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar il-Programm ta’ Ħidma tal-2019 tal-Kummissjoni Ewropea

(2019/C 86/01)

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KtR)

Wara li kkunsidra:

il-Programm ta’ Ħidma tal-2019 tal-Kummissjoni Ewropea (1);

il-Protokoll ta’ Kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea ta’ Frar 2012;

Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-prijoritajiet leġislattivi tal-UE għall-2018-2019;

1.

jenfasizza li l-2019 se tkun sena kruċjali għal futur tal-Unjoni Ewropea, bis-sisien tagħha li qeghdin jiġu kkontestati; itenni, f’dan l-isfond, in-neċessita imperattiva li ssir rabta bejn il-livell lokali u l-livell Ewropew u li jiġu involuti r-rappreżentanti lokali u reġjonali u ċ-ċittadini Ewropej fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE, partikolarment permezz tal-applikazzjoni xierqa tas-sussidarjetà attiva u l-governanza f’diversi livelli.

2.

jitlob għal ftehim bikri dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) qabel l-elezzjonijiet Ewropej f’Mejju 2019 sabiex tiġi żgurata t-tnedija fil-ħin tal-programmi tal-UE l-ġodda u tiġi appoġġjata s-sejħa tal-Parlament Ewropew li l-QFP li jmiss għandha tikkorrespondi ma’ tal-inqas 1,3 % tal-ING tal-UE-27;

3.

jiddispjaċih li l-baġit pluriennali propost mill-Kummissjoni ma jittrattax b’mod ċar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri. L-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprevedi li l-Unjoni tħaddan l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-oqsma kollha ta’ politika u fl-attivitajiet kollha tagħha sabiex titħeġġeġ l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa. Barra minn hekk, jeħtieġ li jissaħħaħ, u jsir iżjed mifrux u sistematiku l-ibbaġitjar skont il-ġeneru;

4.

jesprimi x-xewqa li l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit jaslu għal ftehim f’ħin xieraq dwar l-intenzjoni tar-RU li jirtira mill-UE, filwaqt li jippreservaw l-erba’ libertajiet ta’ moviment. Il-KtR jistenna li l-Kummissjoni tinvolviha fin-negozjati dwar il-kooperazzjoni futura bejn ir-RU u l-UE wara t-30 ta’ Marzu 2019, filwaqt li twassal il-kontribuzzjonijiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għal relazzjoni futura produttiva u sostenibbli;

Iċ-ċittadinanza, il-governanza u t-tfassil aħjar tal-liġijiet

5.

jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni għat-tisħiħ tar-rwol tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, li jippromovi l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force dwar is-Sussidjarjetà, il-Proporzjonalità u dwar li “Isir inqas b’mod iktar effiċjenti”; għal dan il-għan jistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kummissjoni sabiex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force f’kooperazzjoni mal-KtR, jgħinu jippromovu sussidjarjetà attiva fl-Ewropa u mod ġdid ta’ ħidma; jibqa’ impenjat fil-kontribuzzjoni ta’ din l-implimentazzjoni billi jiġbor l-għarfien espert u l-għarfien tal-bliet u r-reġjuni Ewropej, partikolarment permezz tan-netwerk għall-monitoraġġ tas-sussidjarjetà tiegħu, in-netwerk ta’ Ċentri Reġjonali u l-pjattaforma REGPEX;

6.

jistaqsi jekk il-proposta għat-tneħħija tat-tibdil fil-ħin darbtejn fis-sena jissodisfa r-rekwiżiti ta’ koordinazzjoni u valur miżjud Ewropej issuġġeriti mit-Task Force u jwissi kontra r-riperkussjonijiet negattivi għall-awtoritajiet lokali u reġjonali (partikolarment fir-reġjuni tal-fruntiera);

7.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-pjan tal-Kummissjoni biex tagħmel użu tal-klawżola “passerelle” sabiex tapplika votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata b’mod partikolari fil-qasam tat-tassazzjoni, li għandha tiffaċilita l-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa u tippermetti sistemi tat-tassazzjoni iktar ġusti;

Impjiegi, tkabbir, investiment u politika ta’ koeżjoni

8.

flimkien mal-imsieħba fil-#CohesionAlliance, jitlob għal ftehim malajr dwar il-pakkett leġislattiv tal-Politika ta’ Koeżjoni għas-snin 2021-2027, li għandu jkompli jkun ibbażat fuq il-prinċipji tas-sħubija u l-governanza f’diversi livelli. Il-KtR jiftakar li l-Politika ta’ Koeżjoni hija l-politika ta’ investiment ewlenija tal-Unjoni Ewropea li timmira li ssaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali madwar l-Unjoni Ewropea. Huwa jitlob li, bil-għan li jitnaqqsu d-disparitajiet bejn il-livelli ta’ żvilupp tar-reġjuni varji u dawk ir-reġjuni li l-aktar għadhom lura u li huma anqas favoriti, għandha tingħata attenzjoni partikolari liż-żoni rurali u lir-reġjuni milquta minn tranżizzjoni industrijali jew li jbatu minn limitazzjonijiet severi, permanenti, ġeografiċi jew demografiċi bħal gżejjer, reġjuni transkonfinali u muntanjużi;

9.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-programm tal-Kummissjoni għall-2019 ma fih l-ebda referenza għar-reġjuni ultraperiferiċi, u li suppost hemm tali referenza, tal-inqas fir-rigward l-implimentazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-2017 dwar Sħubija strateġika msaħħa u mġedda mar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE (mhux disponibbli bil-Malti). Il-KtR jittama li l-Kummissjoni tkompli tieħu l-passi meħtieġa biex tiżviluppa l-approċċ ġdid lejn ir-reġjuni ultraperiferiċi.

10.

jissuġġerixxi li jibbaża fuq l-esperjenza li nkisbet fis-sħubijiet tal-Aġenda Urbana li kisbu riżultati pożittivi f’termini ta’ azzjonijiet ta’ governanza f’diversi livelli sabiex tittejjeb l-analiżi tas-sussidarjetà u tissaħħaħ ir-rabta bejn Regolamentazzjoni Aħjar u l-Aġenda Urbana għall-UE; iqis li l-pjan ta’ azzjoni tas-Sħubija Urbana dwar l-abitazzjoni adottat f’Novembru 2018 iwitti t-triq għall-Aġenda Ewropea għall-Abitazzjoni;

11.

jinnota bi tħassib li l-investiment pubbliku għadu baxx wisq u mhux imqassam b’mod ugwali fl-UE, kif rikonoxxut mill-fokus tal-Kummissjoni fiċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew 2019 dwar investiment fit-tul; għaldaqstant itenni l-bżonn li jittrasponu l-ftehim dwar il-marġini ta’ flessibiltà fil-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (PST) fil-liġi primarja; itenni wkoll it-talba tiegħu għal aktar miżuri biex tingħata spinta lill-investiment pubbliku, b’mod partikolari billi jiġi eskluż il-kofinanzjament nazzjonali, reġjonali jew lokali taħt il-FSIE mill-kontabilità tal-PST, kif diġà previst għal kofinanzjament taħt l-FEIS;

12.

jistieden lill-Kummissjoni tadotta approċċ prammatiku fir-rigward tal-aspetti ta’ governanza tal-programm InvestEU, wara konsultazzjoni mal-atturi prinċipali rilevanti kollha, bħall-BEI;

13.

jenfasizza l-valur miżjud b’saħħtu Ewropew ta’ politiki u programmi relatati maż-żgħażagħ bħal Erasmus+, Il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà u DiscoverEU u jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li tiġi ffaċilita l-aċċessibbiltà tagħhom u jiġi żgurat l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tagħhom. Għandu jkun hemm ukoll premjijiet għal proġetti b’valur miżjud għoli f’termini tal-involviment taż-żgħażagħ b’diżabilità u fejn tiġi enfasizzata d-dimensjoni reġjonali u lokali, partikolarment fil-każ ta’ żoni rurali, żoni ta’ akkoljenza tar-refuġjati, ir-reġjuni ultraperifiċi tal-UE u pajjiżi u territorji extra-Ewropej. F’konformità mal-Istrateġija għaż-Żgħażagħ il-ġdida, il-KtR itenni s-sejħa għat-twaqqif ta’ kooperazzjoni strutturata bejnha u bejn il-Koordinatur tal-UE għaż-Żgħażagħ propost;

14.

jissottolinja l-fatt, li sabiex l-UE timmassimizza l-potenzjal tagħha fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni (R & I), il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jagħlqu l-“lakuna ta’ innovazzjoni” bejn reġjuni u jissuġġerixxi li Orizzont Ewropa għandu jsaħħaħ ir-rabtiet mal-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti reġjonali (S3);

15.

jistenna b’interess l-Pjan Koordinat dwar l-Iżvilupp tal-Intelliġenza Artifiċjali fl-Ewropa mħabbar, li għandu jkopri wkoll is-settur pubbliku fil-livell lokali u reġjonali, meta jitqies ir-rwol u l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-promozzjoni tal-investiment u l-ekosistema tal-AI fl-oqsma tagħhom;

Il-politika ekonomika u d-dimensjoni soċjali tal-UE

16.

jenfasizza li l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli għandhom jiġu implimentati bħala l-qafas ta’ referenza globali għall-politika tal-UE u b’mod speċifiku jieħdu post l-istrateġija Ewropa 2020 bħala għanijiet fit-tul tas-Semestru Ewropew;

17.

itenni l-appoġġ tiegħu għall-introduzzjoni ta’ kapaċità baġitarja mmirata biex iżżid ir-reżiljenza taż-żona tal-euro u biex tħejji t-triq għall-konverġenza ma’ membri futuri taż-żona tal-euro. Din il-kapaċità trid tkun finanzjata minn riżorsi proprji distinti minn dawk previsti għall-finanzjament tal-baġit tal-Unjoni Ewropea, sabiex jiġi evitat l-indħil ta’ din il-kapaċità fil-programmi tal-UE aċċessibbli għall-UE-27. Barra minn hekk, din il-kapaċità trid tingħadd lil hinn mill-pjattaforma tar-riżorsi tal-baġit tal-UE.

18.

jissottolinja l-fatt li r-rati baxxi ta’ implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż huma minħabba nuqqas ta’ sjieda, finanzjament u kapaċità amministrattiva fil-livelli kollha u għaldaqstant itenni l-proposta tiegħu għal kodiċi ta’ kondotta li tinvolvi l-awtoritajiet lokali u reġjonali fis-Semestru Ewropew;

19.

huwa mħasseb li l-awtoritajiet lokali u reġjonali ma bbenefikawx biżżejjed mill-miżuri ta’ bini tal-kapaċità ffinanzjati mill-UE taħt il-QFP attwali; itenni t-talba tiegħu li l-Kummissjoni toħroġ sett uniku ta’ linji gwida sabiex jikkoordinaw il-miżuri kollha ta’ bini tal-kapaċità ffinanzjati mill-UE;

20.

jilqa’ l-proposti tal-Kummissjoni biex jiġu stabbiliti regolamenti li jippermettu t-tassazzjoni tal-profitti ġġenerati minn kumpaniji multinazzjonali permezz tal-ekonomija diġitali; jenfasizza wkoll il-ħtieġa għal definizzjoni legali Ewropea għall-istabbiliment permanenti virtwali għal kumpaniji diġitali;

21.

jistieden lill-Kummissjoni sabiex timmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u jesprimi it-tħassib tiegħu rigward it-tnaqqis tar-riżorsi baġitarji relatati; jqis li f’dan ir-rigward huwa essenzjali li jiġi rikonoxxut il-komponent territorjali fit-twassil tal-Pilastru; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lil-leġislatur Ewropew biex iħaffu l-proċess li joħloq l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol u biex jinkludu rappreżentant tal-awtoritajiet reġjonali tal-Istati Membri fuq il-bord ta’ amministrazzjoni;

22.

jilqa’ l-istabbiliment riċenti tal-Grupp ta’ Esperti dwar l-Ekonomija Soċjali u l-Intrapriżi Soċjali, fejn il-KtR huwa rappreżentat, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tippreżenta qafas legali Ewropew li jkopri sensiela ta’ definizzjonijiet komuni applikabbli għall-forom differenti tal-ekonomija soċjali, bħal kooperattivi, soċjetajiet reċiproċi, assoċjazzjonijiet u fondazzjonijiet;

23.

jipproponi, bħala għodda ta’ implimentazzjoni għall-prinċipju 11 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, it-tnedija ta’ Garanzija Ewropea għat-tfal li tindirizza r-rata drammatika tal-faqar u l-esklużjoni fost it-tfal fl-UE (26,4 % fl-2017). Din il-Garanzija għandha ssir parti integrali tal-FSE+;

L-istrateġija tas-Suq Uniku, l-SMEs, il-kompetizzjoni, l-industrija u s-Suq Uniku Diġitali

24.

jinsisti dwar l-importanza li tiġi żviluppata strateġija industrijali integrata u jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu biex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu inkorporati f’din l-istrateġija;

25.

jistieden lill-Kummissjoni tipproponi aġġornament tal-Att dwar in-Negozji Żgħar; rigward b’mod partikolari t-test tal-SME, jistieden lill-Kummissjoni biex tqis id-diversi speċifiċitajiet tal-leġislazzjoni li għalihom għandu japplika t-test, b’referenza partikolari għal proposti leġislattivi, u biex tintervjeni b’miżuri ta’ rimedju fl-ispirtu tar-REFIT;

26.

itenni l-impenn tiegħu biex jiġi pprovdut tgħarrif dwar l-implimentazzjoni tad-direttivi tal-2014 dwar l-akkwist pubblika fil-livell lokali u reġjonali, fid-dawl tal-piż tal-awtoritajiet sottonazzjonali fil-qasam tal-akkwist pubbliku u bil-ħsieb li jiġi evalwat l-użu tal-kriterji soċjali u ambjentali;

27.

jistieden lill-Kummissjoni biex fl-2019 tniedi reviżjoni tal-qafas leġislattiv dwar l-għajnuna mill-Istat, partikolarment il-GBER, ir-Regolament de minimis u l-qafas tal-SGEI, bl-għan li fi żmien adatt il-partijiet interessati jkunu involuti f’djalogu kostruttiv dwar is-sustanza tar-riforma;

28.

jistieden lill-Kummissjoni biex tiffaċilita l-implimentazzjoni ta’ infrastruttura tal-broadband, billi tingħata attenzjoni partikolari għal żoni rurali, li għandhom popolazzjonijiet żgħar u b’densità baxxa, u fejn il-broadband huwa riżors kruċjali sabiex jitwasslu servizzi pubbliċi effettivi, tinġieb lura l-popolazzjoni żagħżugħa u jinfetħu negozji ġodda; dawn huma oqsma fejn l-operaturi ma għandhom l-ebda interess kummerċjali u s-suq jista’ jiġi kkunsidrat li jkun falla. Dan jikkontribwixxi biex jingħalaq id-distakk diġitali tal-UE u jiġi stabbilit netwerk konsistenti ta’ Ċentri ta’ Innovazzjoni Diġitali Ewropej;

29.

jistieden lill-Kummissjoni biex toħroġ bi proposti sabiex tindirizza kwistjonijiet regolatorji marbutin mal-ekonomija diġitali u kollaborattiva. Jappella b’mod partikolari għal Direttiva tal-UE dwar xogħol fuq pjattaformi abbażi tal-Artikolu 153(2)(b) tat-TFUE sabiex jiġu stabbiliti standards minimi għal kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti fl-ekonomija diġitali;

L-agrikoltura u l-forestrija, is-saħħa pubblika u l-protezzjoni tal-konsumatur

30.

jitlob sabiex il-PAK tiġi żviluppata f’politika agrikola li hija semplifikata, ġusta, sostenibbli u bbażata fuq solidarjetà għall-benefiċċju tal-bdiewa, r-reġjuni, il-konsumaturi u ċ-ċittadini, u jitlob għal aktar konverġenza interna u esterna ta’ pagamenti diretti, għodod għall-ġestjoni ta’ kriżijiet effettivi biex jiġi stabbilizzat id-dħul tal-bdiewa u governanza f’diversi livelli fl-abbozzar u l-implimentazzjoni tal-Pjani Strateġiċi Nazzjonali;

31.

ser jingħaqad mal-Parlament Ewropew (2) biex jitolbu għal Aġenda tal-UE dwar iż-Żoni Rurali, Muntanjużi u Remoti biex tippromovi l-iżvilupp soċjoekonomiku, it-tkabbir ekonomiku u d-diversifikazzjoni, il-benesseri soċjali, il-protezzjoni tan-natura, u l-kooperazzjoni u l-interkonnessjoni ma’ żoni urbani favur it-trawwim tal-koeżjoni u l-prevenzjoni ta’ frammentazzjoni territorjali;

32.

bl-istess mod jitlob li jkun hemm strateġija Ewropea għal reġjuni li jiffaċċjaw sfidi demografiċi, u biex il-politiki tal-UE kollha — dwar il-koeżjoni, l-innovazzjoni, it-trasport, is-saħħa, il-politiki soċjali u tal-impjieg, l-ICT, l-iżvilupp rurali, l-emigrazzjoni, eċċ. — isiru aktar sensittivi għal dan il-fattur. L-istrateġija għandha tinkludi analiżi tal-ispejjeż u projezzjonijiet fil-livell nazzjonali, reġjonali, u lokali, kif stabbilit fl-Opinjoni tal-KtR dwar “Ir-reazzjoni tal-UE għall-isfida demografika”;

33.

jenfasizza li l-innovazzjoni u soluzzjonijiet diġitali huma ta’ importanza ewlenija għall-iżvilupp ta’ rħula intelliġenti, ir-rivitalizzazzjoni taċ-ċentri tal-bliet u ta’ żoni rurali; jappella lill-Kummissjoni biex tevalwa u ssegwi l-azzjonijiet implimentati taħt il-pjan ta’ azzjoni tal-UE għal irħula intelliġenti;

34.

jippjana reazzjoni għar-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-Istrateġija tal-UE għall-Foresti mistennija f’Diċembru 2018 u jinsisti dwar l-importanza tal-prevenzjoni tad-deforestazzjoni, ir-riforestazzjoni u l-konverżjoni tal-foresti;

35.

ifaħħar il-kontinwazzjoni tal-FEMS bħala fond speċifiku u semplifikat b’baġit għat-tkabbir blu li jippermetti li jittieħdu azzjonijiet trasversali b’rabta ma’ programmi Ewropej oħrajn. Jitlob li l-baġit tal-FEMS u s-sehem ta’ ġestjoni kondiviża jibqgħu fil-livell tal-programm preċedenti. Iż-żoni esklużivi tas-sajd u tal-akkwakultura tal-UE, l-iżvilupp tal-ekonomija blu, l-għajnuna għall-portijiet, il-kwistjonijiet ambjentali u l-preservazzjoni tal-bijodiversità marittima qed jaffaċċjaw sfidi kbar għall-perjodu wara l-2020, u għalhekk jeħtieġ jingħataw appoġġ mill-FEMS. Jitlob li jiġi rtirat l-obbligu li jintużaw strumenti finanzjarji taħt il-FEMS biex jappoġġjaw l-akkwakultura u l-ipproċessar tal-prodotti;

36.

jiddispjaċih li l-inkorporazzjoni tal-programm tas-saħħa tal-UE fl-ESF+ wasslet għal pakkett finanzjarju mnaqqas għal inizjattivi tas-saħħa ffinanzjati mill-UE u jitlob għal miżuri u finanzjament biex jikkumpensa għal dan it-tnaqqis;

37.

jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina s-sistemi eżistenti ta’ tikkettar tal-ikel, u tipproponi sistema Ewropea unika u mandatorja ta’ tikkettar bil-kulur, fuq bażi ta’ unitajiet ta’ 100 g, fuq il-parti ta’ quddiem tal-imballaġġ tal-ikel fl-UE kollha, u b’hekk il-konsumaturi jkunu pprovduti b’informazzjoni ċara u favur l-inkoraġġiment ta’ mudelli ta’ konsum tal-ikel iktar sani. Kriterji speċifiċi għandhom bl-istess mod jiġu introdotti għal prodotti li juru stqarrijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa;

38.

jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni għal Rekord tas-Saħħa Elettronika Ewropea sabiex tittejjeb il-kura ta’ pazjenti madwar ir-reġjuni u l-Istati Membri; jitlob lill-Kummissjoni biex tikkunsidra b’attenzjoni l-protezzjoni ta’ data u kwistjonijiet ta’ interoperabbiltà f’din il-proposta;

It-turiżmu u l-kultura

39.

itenni t-talba lill-Kummissjoni għal reviżjoni bir-reqqa tal-istrateġija tat-turiżmu tagħha għall-2020 permezz ta’ programm ta’ ħidma pluriennali ċar;

40.

jitlob għal segwitu għas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali fl-2018 permezz ta’ Pjan ta’ Azzjoni Ewropew ġdid tal-Wirt Kulturali;

L-Unjoni tal-Enerġija, il-politika dwar il-klima u l-ambjent

41.

jirrakkomanda l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ governanza f’diversi livelli effettiv biex jiġi implimentat il-pakkett dwar l-Enerġija Nadifa għall-Ewropej kollha b’mod effiċjenti, billi jiżgura li l-pjani nazzjonali għall-enerġija u l-klima huma abbozzati b’ kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet lokali u reġjonali u jipprovdu għall-iżvilupp ta’ sistema ta’ kontribuzzjonijiet determinati lokalment u reġjonalment biex jikkomplementaw il-Kontributi Determinati fil-Livell Nazzjonali (NDCs) skont il-Ftehim ta’ Pariġi;

42.

jenfasizza l-importanza, fir-rigward tar-raba’ rapport dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija, tal-promozzjoni ta’ tranżizzjoni tal-enerġija ġusta, li tirrikjedi attenzjoni speċjali għal reġjuni li se jkunu affettwati b’mod partikolari, bħal dawk b’dipendenza speċifika fuq industriji tal-fjuwils fossili, u gżejjer, b’mod partikolari dawk li mhumiex interkonnessi, bħalma huwa l-każ tar-reġjuni ultraperiferiċi. F’dan il-kuntest, il-KtR jirrikonoxxi l-miżuri li diġà għaddejjin relatati mal-faqar enerġetiku u jenfasizza r-rwol kruċjali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tagħhom;

43.

jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja l-konsegwenzi soċjoekonomiċi tad-disinn tas-suq ġdid tal-elettriku fuq l-Istati Membri u r-reġjuni kollha tal-UE;

44.

jilqa’ bi pjaċir il-pubblikazzjoni reċenti “European strategic long-term vision for a prosperous, modern, competitive and climate neutral economy- a clean planet for all” (Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul favur ekonomija prospera, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima — pjaneta nadifa għal kulħadd) li permezz tagħha l-UE tieħu impenn li tkun newtrali għall-klima sal-2050 u tirrikonoxxi r-rwol ċentrali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali; jisħaq li l-miżuri biex jimplimentaw din l-istrateġija jridu isegwu l-prinċipju tal-governanza f’diversi livelli, jagħtu rwol formali lill-awtoritajiet lokali u reġjonali speċjalment permezz tal-integrazzjoni ta’ sistema ta’ kontributi determinati fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali għall-pjani nazzjonali tal-klima u l-enerġija, u jibnu fuq inizjattivi bħall-Patt tas-Sindki; jenfasizza l-bżonn li dawn l-isforzi jiġu integrati mill-qrib mal-istrateġija tal-ekonomija ċirkolari u mal-unjoni tal-enerġija, filwaqt li jkun żgurat li l-konsegwenzi soċjoekonomiċi tat-tranżizzjonijiet meħtieġa jitqassmu b’mod ġust biex tintlaħaq it-tranżizzjoni;

45.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tfassal, f’kooperazzjoni mal-KtR, it-Tmien Programm ta’ Azzjoni Ambjentali strateġiku u integrat, u timpenja ruħha sabiex taqdi rwol attiv fil-Pjattaforma Teknika għall-Kooperazzjoni dwar l-Ambjent. Il-KtR jitlob lill-awtoritajiet sottonazzjonali sabiex ikunu involuti fit-tieni ċiklu tar-Rieżami tal-Implimentazzjoni Ambjentali.

46.

Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tipproponi pjan komprensiv biex ittejjeb l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità 2020 billi tipprovdi gwida strateġika għall-Istati Membri tal-UE, u b’mod speċifiku billi tirrikonoxxi formalment ir-rwol kruċjali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali; jistenna bil-ħerqa li jissokta bil-ħidma mill-qrib mal-Kummissjoni Ewropea fit-tħejjija proattiva tal-qafas politiku għal wara l-2020 fid-dawl tal-COP 15 tal-2020 f’Beijing. Dan se jirrikjedi impenji sodi mhux biss biex jitwaqqaf it-telf ta’, iżda anke għar-restawr tal-bijodiversità u l-ekosistemi, kif ukoll qafas politiku għall-bijodiversità ambizzjuż u inklużiv sal-2030 li jkun kapaċi jilħaq il-Viżjoni 2050 tal-KDB fil-kuntest tal-SDGs;

47.

jistieden lill-Kummissjoni sabiex tinkorpora b’mod aħjar il-prinċipji ta’ reżiljenza għad-diżastri fil-politiki u l-fondi kollha tal-UE sabiex tiżdied il-kapaċità tal-Istati Membri u l-awtoritajiet sottonazzjonali biex jipprevjenu, iħejju, jirrispondu għal u jirkupraw minn diżastri kemm naturali kif ukoll ikkawżati mill-bniedem; dan jista’ jsir permezz ta’ għarfien aħjar tar-riskji, inkluża l-introduzzjoni ta’ metodu uniformi ta’ analiżi tar-riskju u t-twettiq ta’ studji mmirati u dejjem aktar preċiżi mhux biss biex ikun hemm għarfien dwar il-vulnerabbiltajiet ta’ oqsma partikolari iżda wkoll biex tiġi vvalutata l-ħsara ekonomika — diretta u indiretta — li tista’ ssofri minnha żona meta tintlaqat minn avveniment naturali estrem;

48.

itenni l-istedina tiegħu għal Pjan Direzzjonali tal-UE għaċ-Ċikliżmu sabiex jindirizza d-domanda dejjem qed tikber għal azzjoni koordinata fil-livell tal-UE;

Il-ġustizzja, is-sigurtà, id-drittijiet fundamentali u l-migrazzjoni

49.

itenni s-sejħa tiegħu lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-indirizzar tal-kwistjoni tar-radikalizzazzjoni billi toħroġ linji gwida għall-gvernijiet lokali u reġjonali għal strateġiji ta’ prevenzjoni sabiex tiġi miġġielda r-radikalizzazzjoni;

50.

jitlob għal proċeduri u mekkaniżmi msaħħa għal protezzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u drittijiet fundamentali, li jistgħu jsiru parti minn patt tal-Unjoni;

51.

jilqa’ bi pjaċir il-Patt Globali għall-Migrazzjoni tan-NU u jħeġġeġ lill-Istati Membri kollha tal-UE biex jiffirmawh fl-10-11 ta’ Diċembru f’Marrakesh u jirratifikawh; jisħaq li l-Patt huwa parti essenzjali minn approċċ komprensiv multilaterali u b’diversi livelli għall-migrazzjoni kif irrakkomandat mill-KtR;

52.

jinnota l-fatt li ġestjoni effettiva u umanitarja fil-fruntieri esterni tal-UE u l-iżvilupp ta’ politika ta’ migrazzjoni komprensiva u sistema komuni ta’ ażil tal-UE bi standards komuni għoljin huma essenzjali għall-muniċipalitajiet, il-bliet u r-reġjuni kollha, speċjalment dawk li jospitaw refuġjati u dawk li jinsabu fil-fruntieri affettwati mill-ogħla livelli ta’ migrazzjoni;

53.

jitlob lill-Kummissjoni biex tipproponi mezzi legali sikuri u aċċessibbli għall-migrazzjoni għall-UE, bħalma huma l-viżi umanitarji u programmi ta’ sponsor privati, u jistieden lill-Istati Membri biex jaqblu fil-pront u jimplimentaw qafas tal-UE ta’ risistemazzjoni flessibbli ġdid li huwa ambizzjuz fir-rigward tat-termini tal-protezzjoni u n-numri ta’ benefiċjarji; jitlob ukoll lill-Kummissjoni biex tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex juru solidarjetà lejn l-Istati Membri l-aktar esposti għall-migrazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 80 tat-TFUE u mal-prinċipju stabbilit fih tas-solidarjetà u l-kondiviżjoni ġusta tar-responsabbiltà, inklużi l-implikazzjonijiet finanzjarji tiegħu;

54.

jistieden lill-Kummissjoni sabiex tkompli tissimplifika u tħaffef il-proċeduri ta’ finanzjament u tiffaċilita aċċess dirett għal reġjuni u bliet għar-riżorsi finanzjarji mfasslin biex jindirizzaw kriżijiet umanitarji u l-integrazzjoni tar-rifuġjati; l-għajnuna ta’ emerġenza tista’ tingħata bħala għotjiet diretti lill-awtoritajiet lokali u reġjonali li jiffaċċjaw pressjonijiet migratorji qawwija, partikolarment dawk responsabbli biex jirċievu u jintegraw tfal migranti mhux akkumpanjati. Jistieden lill-Kummissjoni wkoll sabiex iżżid l-isforzi tagħha biex tiffaċilita l-iskambju ta’ prattiki tajbin bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali Ewropej fir-rigward tal-integrazzjoni tal-migranti, u b’mod partikolari biex tiffoka fuq bliet żgħar u ta’ daqs medju;

55.

Bl-istess mod bl-appoġġ tal-UE għall-integrazzjoni tar-refuġjati u għal pajjiżi terzi fl-operazzjonijiet ta’ għajnuna umanitarja, iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ għall-integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ nazzjonalità Ewropea li jkunu mġiegħlin jitilqu mill-pajjiżi ospitanti minħabba kriżijiet politiċi, ekonomiċi jew umanitarji, li nkella jkunu għal kollox mingħajr protezzjoni minkejja li jkunu ċittadini tal-UE;

Politiki esterni

56.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tqis b’mod sħiħ il-kontribut tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-ħidma tal-Kumitati Konsultattivi Konġunti u l-Gruppi ta’ Ħidma tal-KtR, b’mod partikolari r-rapporti ta’ progress tiegħu tal-2019 dwar il-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali, u jtenni t-talba tiegħu għal skemi ta’ finanzjament eżistenti tal-UE, partikolarment TAIEX u Twinning biex jiġu adatti aktar għall-ħtiġijiet tal-partijiet interessati lokali u reġjonali;

57.

jappoġġja programm ġdid ta’ kooperazzjoni Territorjali Ewropea li jippermetti kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-Istati Membri u f’pajjiżi kandidati, pajjiżi kandidati potenzjali u pajjiżi ġirien; f’dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-istrateġiji makroreġjonali eżistenti tal-UE u biex tappoġġja l-ħolqien ta’ oħrajn ġodda; iħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni biex tappoġġja proċessi ta’ kooperazzjoni transkonfinali bejn l-awtoritajiet reġjonali u lokali, inkluż fil-forma ta’ raggruppamenti Ewropej ta’ koperazzjoni territorjali (REKT);

58.

iħabbar l-intenzjoni tiegħu li jikkontribwixxi għad-diskussjonijiet strateġiċi dwar il-futur tal-inizjattiva tas-Sħubija tal-Lvant fl-okkażjoni tal-10 anniversarju tagħha fl-2019, partikolarment permezz ta’ CORLEAP, it-Task Force tal-KtR fl-Ukrajna u sħubijiet bejn il-pari bejn l-UE u l-Ukrajna;

59.

jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tqis il-ħidma li twettqet mill-KtR biex jiġi stabbilizzat il-Viċinat tan-Nofsinhar permezz tal-Assemblea Reġjonali u Lokali Ewro-Mediterranja (ARLEM) u b’mod partikolari, l-inizjattiva ta’ Nikosija għal muniċipalitajiet Libjani, li qegħdin itejbu s-servizzi pubbliċi lokali fil-Libja u jgħaqqdu mill-ġdid dawn il-muniċipalitajiet mal-komunità internazzjonali, filwaqt li tibbaża ruħha fuq l-aħjar prattiki li diġà tnedew u tipprevedi finanzjament xieraq għall-appoġġ tal-inizjattivi operattivi;

60.

jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni biex tindirizza tixrid deliberat ta’ informazzjoni ħażina onlajn kemm fl-UE kif ukoll fil-pajjiżi msieħba u jesprimi d-disponibbiltà tal-KtR biex jappoġġja dawn l-isforzi;

61.

jinnota li l-ħidma tal-grupp eżekuttiv fl-implimentazzjoni tal-istqarrija konġunta bejn l-UE u l-Istati Uniti ta’ Lulju 2018 tidher li tiffoka prinċipalment fuq kooperazzjoni regolatorja u jitlob biex l-istandards tal-UE, partikolarment l-istandards sanitarji, alimentari u ambjentali għoljin jiġu rispettati; jenfasizza, f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni għandha tiżgura li l-standards legali u tax-xogħol dwar is-sigurtà tal-prodotti, dwar il-protezzjoni ta’ data, tal-konsumatur, tas-saħħa u ambjentali ma jitwarrbux għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-protezzjoniżmu kummerċjali u l-ksib tas-sospensjoni tas-sanzjonijiet tal-Istati Uniti;

62.

jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jibgħat din ir-Riżoluzzjoni lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Parlament Ewropew, lill-Presidenza Awstrijaka, Rumena u Finlandiża tal-Kunsill tal-UE u lill-President tal-Kunsill Ewropew.

Brussell, is-6 ta’ Diċembru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Karl-Heinz LAMBERTZ


(1)  COM(2018) 800 final.

(2)  Ara r-Riżoluzzjoni tal-PE fit-3 ta’ Ottubru li tindirizza l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ żoni rurali, muntanjużi u mbiegħda.


Top
  翻译: