This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52018AR3640
Opinion of the Committee of the regions on ‘The space programme of the European Union and the European Union Agency for the Space Programme’
Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-programm spazjali tal-Unjoni Ewropea u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali”
Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-programm spazjali tal-Unjoni Ewropea u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali”
COR 2018/03640
ĠU C 86, 7.3.2019, p. 365–370
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
7.3.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 86/365 |
Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-programm spazjali tal-Unjoni Ewropea u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali”
(2019/C 86/20)
|
RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA
IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI
1. |
jirrikonoxxi l-importanza tal-ispazju bħala teknoloġija abilitanti li tappoġġja ħafna politiki tal-UE f’oqsma bħal soluzzjonijiet ta’ belt intelliġenti, agrikoltura, ambjent, klima, it-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri u r-reazzjoni, migrazzjoni, sigurtà, ġestjoni tat-territorju u oħrajn; u jenfasizza l-possibbiltajiet ipprovduti mill-aċċess għal data ta’ kwalità għolja u aġġornata għall-ħtiġijiet eżistenti u futuri, li ttejjeb il-kompetittività Ewropea, tipprovdi benefiċċji soċjoekonomiċi wesgħin u ttejjeb is-sigurtà Ewropea; |
2. |
jappoġġja l-viżjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Ispazju, u l-implimentazzjoni tagħha permezz tal-istabbiliment tal-Programm Spazjali tal-UE. Programm Spazjali unifikat u integrat se jagħti lok biex jiżdiedu s-sinerġiji bejn il-komponenti tiegħu, l-effiċjenza u l-effettività; |
3. |
jiskopri li t-tlaqqigħ tal-attivitajiet spazjali tal-UE f’Regolament wieħed jipprovdi qafas koerenti u aktar viżibilità f’dan il-qasam strateġiku; |
4. |
jara din ir-riforma tal-Politika Spazjali tal-UE bħala opportunità biex “tiftaħ il-klabb” tassew u tippermetti firxa wiesgħa ta’ oqsma li jibbenefikaw minn attivitajiet spazjali, għal attivitajiet eżistenti u ġodda; |
5. |
jinnota li l-użu tas-sinerġiji bejn l-enerġija u l-kwistjonijiet spazjali huwa importanti għal implimentazzjoni xierqa tal-politika tal-enerġija tal-UE. L-awtoritajiet lokali u reġjonali qed isiru dejjem aktar attivi fis-settur tal-enerġija, u għalhekk l-oqsma bħall-allinjament tal-infrastruttura tal-enerġija bl-applikazzjoni tat-teknoloġiji satellitari għandhom jiġu promossi; |
6. |
jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tkompli tiċċara u telabora dwar il-kunċett u l-ħolqien ta’ ċentri spazjali u sħubiji ta’ innovazzjoni, b’mod aktar speċifiku dwar ir-responsabbiltajiet finanzjarji u maniġerjali ta’ atturi differenti, u jenfasizza li inizjattivi bħal dawn jistgħu jkunu partikolarment rilevanti għal reġjuni, inklużi reġjuni li jinvolvu aktar minn Stat Membru wieħed; |
7. |
jistieden lill-Kummissjoni Ewropea sabiex iżżid proposti aktar ċari dwar kif jista’ jiżdied l-użu tad-data u tat-teknoloġiji għall-osservazzjoni tad-Dinja mill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, xjentisti, riċerkaturi u netwerks iddedikati għad-distribuzzjoni tad-data ta’ Copernicus sabiex dawn il-korpi jkollhom il-kapaċità u l-opportunità li jittrasformaw id-data f’informazzjoni li tkun utli għaċ-ċittadini; |
8. |
jirrikonoxxi li l-promozzjoni, fil-katina kollha tal-provvista, tal-parteċipazzjoni l-aktar wiesgħa u miftuħa possibbli ta’ negozji ġodda, operaturi ġodda, intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, operaturi ekonomiċi oħra u awtoritajiet lokali u reġjonali, inkluż ir-rekwiżit għal sottokuntrattar mill-offerenti, tissemma fil-proposta iżda jixtieq aktar ċarezza dwar kif il-Programm Spazjali jipproponi li jappoġġja l-investiment inizjali għal dawk l-awtoritajiet lokali u reġjonali, biex jintroduċi l-użu ta’ data bis-satellita biex jiżgura li dawn jissodisfaw ir-responsabbiltajiet tagħhom meta jiffaċċjaw problemi tekniċi, finanzjarji jew ostakli relatati mal-kompetenza; |
9. |
jinnota li r-Regolament għandu jispjega aħjar kif l-UE beħsiebha tittratta l-atturi kummerċjali fl-ispazju sabiex tappoġġja l-industrija Ewropea f’settur li huwa speċifiku f’ħafna aspetti, minħabba n-natura konċentrata tiegħu, il-karatteristika ta’ użu doppju, l-ostakli għoljin għad-dħul minħabba investimenti inizjali għolja u fatturi relatati, u jsib li d-dispożizzjonijiet dwar kif jiġi żgurat aċċess indipendenti għall-ispazju għandhom jissaħħu; |
10. |
jisħaq li l-enfasi fil-proposta dwar proċeduri ta’ ġestjoni għal kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali, l-Istati Membri u l-Aġenzija Spazjali Ewropea għandha tiżgura li ma jkunx hemm duplikazzjoni ta’ xogħol, u lanqas duplikazzjoni ta’ strutturi permezz tal-espansjoni tal-aġenzija l-ġdida. It-trasferiment ta’ kompiti oħrajn lill-aġenzija l-ġdida ma għandux isir mill-Kummissjoni waħedha, iżda għandu jsir biss f’konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill; |
11. |
jilqa’ ż-żieda fil-fondi għall-Programm Spazjali, biex tiġi żgurata l-kontinwazzjoni u l-iżvilupp ulterjuri tal-Programmi Spazjali emblematiċi Ewropej ta’ Copernicus, Galileo u EGNOS, filwaqt li jiżdiedu żewġ inizjattivi ġodda, jiġifieri SST u GOVSATCOM; |
12. |
jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ finanzjament allokat speċifikament għal riċerka spazjali f’Orizzont Ewropa, billi dan jista’ jipprovdi aktar inċentivi u sigurtà għall-industrija Ewropea biex tiżviluppa aktar f’dan is-settur u tiżgura l-aħjar sinerġiji possibbli bejn l-industrija u r-riċerka; |
Kummenti ġenerali u Analiżi
13. |
Fis-26 ta’ Ottubru 2016, il-Kummissjoni Ewropea adottat l-“Istrateġija Spazjali għall-Ewropa”. L-għan tal-Istrateġija Spazjali kien li tiġi stabbilita viżjoni strateġika globali għall-attivitajiet tal-Unjoni fl-ispazju, filwaqt li tiġi żgurata koordinazzjoni xierqa u l-kumplimentarjetà bl-attivitajiet segwiti mill-Istati Membri u l-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA). L-abbozz ta’ Regolament javvanza l-għanijiet tal-Istrateġija Spazjali b’miżuri speċifiċi li jsaħħu l-programmi eżistenti, joħolqu oħrajn ġodda u jallokaw EUR 16-il biljun għall-politika spazjali. |
14. |
Il-Kumitat tar-Reġjuni jappoġġja l-għan tal-Istrateġija Spazjali tal-UE u jirrikonoxxi l-importanza tagħha għar-reġjuni. L-abbozz ta’ Regolament irawwem dawn l-għanijiet iżda, f’ċerti każijiet, mhuwiex biżżejjed jew mhuwiex ċar biżżejjed dwar kif jinkisbu r-riżultati. Iċ-ċittadini, in-negozji u l-komunitajiet tar-riċerka Ewropej qed isiru dejjem aktar attivi fis-settur spazjali. F’dan l-isfond, l-adozzjoni u l-promozzjoni tal-użi tad-data u s-servizzi bbażati fuq l-ispazju huma essenzjali biex jiżguraw li l-benefiċċji jilħqu lis-soċjetà, il-livelli sottonazzjonali ta’ governanza u n-negozji. Minħabba l-impatt strateġiku tagħha għall-politika spazjali tal-Ewropa, il-kompetenza tal-adozzjoni u l-promozzjoni tal-użu ta’ data u servizzi bbażati fuq l-ispazju għandha għalhekk jibqgħu punt importanti ta’ attenzjoni għall-Kummissjoni Ewropea li regolarment tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-isforzi tagħha f’dan ir-rigward. |
15. |
L-użu ta’ teknoloġiji spazjali biex jiġu appoġġjati s-servizzi fuq id-dinja qed isir dejjem aktar importanti. Aktar atturi privati huma attivi fl-ispazju. L-użu tal-ispazju extra-atmosferiku sar karatteristika tal-ħajja ta’ kuljum b’mod li ma kienx immaġinabbli meta l-epoka spazjali bdiet 60 sena ilu, bl-informazzjoni u s-servizzi bbażati fuq l-ispazju jaffettwaw ħafna oqsma tal-ħajja ta’ kuljum. It-teknoloġiji spazjali huma indispensabbli għall-ekonomija diġitali, huma ingredjent vitali biex is-servizzi pubbliċi jsiru aktar effiċjenti u jipprovdu wkoll opportunitajiet ġodda għar-riċerka. L-UE kienet utent importanti ta’ teknoloġiji spazjali għal għexieren ta’ snin u żviluppat għodda essenzjali tal-ispazju bħal Galileo u Copernicus. L-UE tista’ tikseb dak li huwa essenzjalment impossibbli għal Stat Membru waħdu: il-kooperazzjoni hija importanti jekk l-Ewropa trid li jkollha rwol sinifikanti fl-ispazju. |
16. |
L-importanza ta’ koordinazzjoni aktar mill-qrib bejn il-programmi spazjali u dawk tax-xjenza fl-UE għandhom jiġu enfasizzati, flimkien mar-rwol tar-reġjuni u l-awtoritajiet lokali fil-promozzjoni ta’ integrazzjoni aħjar tal-attivitajiet spazjali u ta’ xjenza mal-intraprenditorja. L-iżvilupp ta’ teknoloġija diġitali u dik ibbażata fl-ispazju għandu jkun appoġġat aktar bis-sħiħ mill-UE u baġits ta’ riċerka u tal-ispazju kkoordinati aktar mill-qrib, peress li dawn it-teknoloġiji huma muturi ewlenin rikonoxxuti għal innovazzjoni f’diversi oqsma rilevanti għall-iżvilupp sostenibbli (bħad-diġitalizzazzjoni, l-intelliġenza artifiċjali, l-enerġija, l-ambjent, il-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri u t-tibdil fil-klima). L-aċċess għal proġetti xjentifiċi b’intensità għolja ta’ teknoloġija u għarfien huwa vitali għal futur tas-settur spazjali fl-UE. Bl-għan li tissaħħaħ il-kapaċità tal-industrija spazjali Ewropea, huwa importanti li titkompla, b’mod parallel, il-parteċipazzjoni tan-negozji u universitajiet jew istituti ta’ riċerka Ewropej fil-programmi tal-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA) fit-tħejjija ta’ teknoloġiji mill-aktar avvanzati għal missjonijiet u sistemi spazjali. Il-benefiċċji għal zvilupp kummerċjali għandhom jitrawmu permezz tal-użu tal-istrument għall-SMEs tal-UE għaż-żieda ta’opportunitajiet kummerċjali u ta’ intraprenditorja fil-prodotti u s-servizzi bbażati fl-ispazju fil-Programmi Qafas futuri. |
17. |
Il-proposta tikkonsolida attivitajiet spazjali eżistenti u toħloq oħrajn ġodda bħall-Għarfien tas-Sitwazzjoni Spazjali (SSA), li tippermetti li jittieħdu miżuri kontra r-riskji fl-ispazju, bħal residwu spazjali, inċidenti fl-orbita, fenomeni meteoroloġiċi spazjali u oħrajn. Hemm ukoll pjani biex tinħoloq netwerk ta’ Komunikazzjoni Governattiva bis-Satellita (GOVSATCOM), li tippermetti komunikazzjoni f’postijiet jew sitwazzjonijiet fejn ma tkunx disponibbli l-komunikazzjoni normali. |
Il-politika industrijali u l-akkwist
18. |
It-teknoloġiji spazjali huma għaljin u b’għarfien intensiv, li jfisser li hemm ostakli konsiderevoli għad-dħul għall-intrapriżi. Fl-istess ħin, għad hemm nuqqas ta’ fehim tal-importanza tal-ispazju bħala teknoloġija abilitanti. L-intrapriżi ta’ kull daqs fir-reġjuni kollha jistgħu jużaw l-ispazju f’diversi modi, iżda b’mod partikolari kumpaniji iżgħar, reġjuni aktar remoti jew Stati Membri iżgħar jistgħu jeħtieġu aktar informazzjoni jew appoġġ sabiex jiżviluppaw ideat dwar kif għandu jiġi sfruttat il-potenzjal tat-teknoloġiji tal-ispazju. |
19. |
Ir-referenza għal ċentri spazjali, sħubijiet ta’ innovazzjoni u appoġġ ieħor għall-innovazzjoni hija pożittiva, u l-proposta ssemmi b’mod espliċitu l-livell reġjonali. Madankollu m’hemm l-ebda dettall dwar kif dan għandu jinkiseb. |
20. |
Minkejja d-dispożizzjonijiet fil-proposta, in-natura kompetittiva tal-akkwist tal-UE u l-ħiliet u r-riżorsi meħtieġa għal parteċipazzjoni jistgħu jwasslu għal kundizzjonijiet li huma vantaġġużi għal kumpaniji akbar. Dan l-iżbilanċ jista’ maż-żmien iwassal għal distorsjonijiet fis-suq li jistgħu jkunu ta’ żvantaġġ għal negozji ġodda, parteċipanti ġodda, u intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, kif ukoll għall-awtoritajiet lokali u reġjonali meta jiġu biex ikollhom aċċess għall-opportunitajiet ekonomiċi li jistgħu jirriżultaw mill-programm spazjali. |
21. |
Id-ditti ż-żgħar jistgħu jkunu aktar flessibbli u reattivi, billi jkunu eqreb lejn l-utenti, u b’hekk jipprovdu rabtiet importanti tal-katina tal-valur u jkollhom rwol partikolari fl-ispazju. L-intrapriżi fir-reġjuni kollha jistgħu jużaw l-ispazju b’diversi modi fuq diversi skali. Ditti iżgħar, reġjuni mbiegħda u Stati Membri żgħar jistgħu jikkontribwixxu bl-istess mod għall-ipproċessar tal-ammont enormi ta’ data ġġenerata, u jsibu modi ġodda u innovattivi biex jużawha. L-awtoritajiet reġjonali għandhom jużaw strumenti finanzjarji disponibbli u miżuri promozzjonali biex jgħinu ħalli jiżdied l-interess fl-użu tat-teknoloġiji spazjali għall-ħtiġijiet tas-suq, pereżempju permezz ta’ sistemi li jipprovdu appoġġ lil inkubaturi teknoloġiċi għal negozji ġodda f’dan il-qasam. |
22. |
Il-prinċipji ta’ akkwist fl-abbozz ta’ Regolament isemmu intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u għażla ġeografika wiesgħa, kif ukoll l-użu ta’ fornituri multipli u l-ħtieġa li jiġu involuti l-Istati Membri kollha u li tiġi evitata l-konċentrazzjoni. Il-proposti dwar l-appoġġ għall-kompetittività mhumiex speċifiċi fit-test tar-Regolament. |
23. |
Hemm il-ħtieġa li titqajjem kuxjenza dwar l-effetti possibbli tas-suq fuq l-industrija Ewropea u r-reġjuni. Il-proċedura tal-akkwist pubbliku tal-UE għandha enfasi differenti għall-proċeduri tal-ESA dwar id-distribuzzjoni ġeografika jew ir-ritorn ġust (juste retour). L-effett ta’ ċaqliq tas-sistema tal-akkwist fuq ir-reġjuni jeħtieġ li jitqies, billi l-akkwist tal-ESA huwa ta’ importanza kbira għal ħafna reġjuni. |
24. |
Hemm nuqqas ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fid-dominju tal-ispazju, minħabba li pajjiżi oħra għandhom setturi ta’ difiża kbar li jiżguraw investimenti u li jistgħu jisponsorjaw użi ċivili, billi l-biċċa l-kbira tal-attivitajiet fl-ispazju huma ta’ użu doppju. L-Ewropa jeħtieġ li tiżgura kooperazzjoni mill-qrib u tiżgura li jittieħdu l-miżuri kollha possibbli biex jiġi rrimedjat in-nuqqas ta’ kundizzjonijiet ugwali u jiġu appoġġjati l-kumpaniji Ewropej. |
25. |
L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom ikunu involuti f’raggruppamenti relatati mal-ispazju f’varjetà ta’ setturi li għalihom l-ispazju jista’ jipprovdi data importanti (bħal enerġija, trasport, monitoraġġ ambjentali, agrikoltura u soluzzjonijiet ta’ belt intelliġenti). Raggruppamenti reġjonali, li jinkorporaw aktar minn Stat Membru wieħed, jistgħu jkunu għodda utli ta’ politika industrijali għall-politika spazjali, billi jżidu l-kompetittività tal-UE u jappoġġjaw l-iżvilupp reġjonali. |
26. |
Ir-Regolament għandu jispjega aħjar kif l-UE beħsiebha tittratta l-fornituri kummerċjali, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ data relatata mas-sigurtà. B’mod ġenerali, għandu jispeċifika aħjar il-prijoritajiet u l-mezzi għat-trattament tal-entitajiet privati u jirrikonoxxi l-possibbiltajiet għal akkwist konġunt mal-entitajiet privati. |
Sensibilizzazzjoni u politika spazjali inklużiva
27. |
L-użu tal-ispazju joffri ħafna benefiċċji potenzjali għal attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp u, jekk ikun promoss u ppreżentat sew, inkluż fil-livelli kollha tal-edukazzjoni, jista’ jħeġġeġ u jispira lil ġenerazzjonijiet ġodda ta’ riċerkaturi u intraprendituri fl-Ewropa. Dan huwa essenzjali jekk l-Ewropa trid tibqa’ fuq quddiem nett tal-attivitajiet spazjali f’ambjent dejjem aktar globalizzat. L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jappoġġjaw miżuri edukattivi (formali u informali) sabiex jissensibilizzaw lill-ġenerazzjoni żagħżugħa fir-rigward tal-benefiċċji tal-użu ta’ teknoloġiji spazjali fl-ekonomija ċivili u l-ħajja ta’ kuljum, inkluż fil-ġestjoni tas-sigurtà lokali u reġjonali. |
28. |
L-UE tinsab f’pożizzjoni tajba biex tappoġġja attivitajiet ta’ riċerka, skambji u simili. Il-proposta ma tagħtix ħafna attenzjoni lil din il-parti tal-politika spazjali. Ir-riċerka u l-iżvilupp jistgħu jissemmew aktar u f’termini speċifiċi. Kif inhi bħalissa, jidher li s-sinerġija bejn l-industrija u r-riċerka mhijiex enfasizzata biżżejjed. |
29. |
Għandhom jinstabu sinerġiji fil-qasam tas-sigurtà ċibernetika, peress li s-sigurtà ċibernetika hija kwistjoni għall-aspetti kollha tal-attivitajiet spazjali (segment terrestri, satellita, uplink/downlink u data). |
Galileo u Copernicus
30. |
Galileo, is-sistema globali ta’ navigazzjoni bis-satellita tal-UE (GNSS), tipprovdi data ta’ pożizzjoni bla ħlas li tagħti awtonomija strateġika lill-Ewropa. Is-Sistema Ewropea ta’ Navigazzjoni b’Kopertura Ġeostazzjonarja (EGNOS) tipprovdi sistema Ewropea reġjonali. L-awtonomija Ewropea hija essenzjali fl-ambjent ġeopolitiku kkumplikata u imprevedibbli ta’ dawn iż-żminijiet. L-importanza ta’ data satellitari qed tiżdied b’mod kostanti. It-teknoloġiji tal-futur, bħalma huma l-karozzi awtonomi, huma biss eżempju wieħed. Galileo jipprovdi l-possibbiltà li jiġu żviluppati servizzi u prodotti ġodda, inkluż minn intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u fl-Istati Membri kollha. Tali possibbiltajiet u modi kif wieħed japprofitta minnhom jeħtieġ li jiġu ppreżentati b’mod aċċessibbli, biex jinkoraġġixxu l-użu mifrux. |
31. |
L-użu ta’ data minn Copernicus mhuwiex mifrux daqs kemm jista’ jkun, anki jekk id-data hija disponibbli għal użu. Għandhom jittieħdu miżuri biex jippromovu l-użu ta’ data għal komunità usa’. Ir-Regolament isemmi l-katina ta’ data li ssostni tali użu usa’. B’għadd kbir ħafna ta’ utenti u volum kbir ta’ data, l-aċċess rapidu u mingħajr periklu huwa essenzjali. Dan huwa ta’ importanza kbira għar-reġjuni, peress li l-intrapriżi kullimkien, inklużi dawk żgħar u ta’ daqs medju, jistgħu jiżviluppaw servizzi ġodda bbażati fuq id-data disponibbli. |
32. |
Huwa inkoraġġanti li qed jiġu proposti miżuri mmirati biex jipprovdu Servizzi ta’ Aċċess għad-Data u l-Informazzjoni (DIAS). Appoġġ aktar immirat mill-UE u sorsi nazzjonali għall-iżvilupp tas-settur downstream għal servizzi u applikazzjonijiet ibbażati fuq is-satellita jkun importanti. Fil-proposta ġiet rikonoxxuta l-ħtieġa li jiġi promoss u ffaċilitat l-użu tad-data u tat-teknoloġiji tal-osservazzjoni tad-dinja mill-awtoritajiet lokali, mill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, mix-xjenzjati u mir-riċerkaturi, min-netwerks iddedikati għad-distribuzzjoni tad-data ta’ Copernicus, u minn korpi nazzjonali u reġjonali, iżda għadu mhux ċar kif dan se jinkiseb. |
SST
33. |
Il-proposta għal Sistema ta’ Sorveljanza u Insegwiment fl-Ispazju (SST) hija żieda importanti u utli, minħabba ż-żieda fl-intensità tal-użu tal-ispazju. |
34. |
Fid-dispożizzjonijiet dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-SST, l-involviment wiesa’ tal-partijiet ikkonċernati fil-partijiet kollha tal-UE għandu jkun ċar, inkluż l-użu ta’ soluzzjonijiet eżistenti, li jistgħu jinkludu soluzzjonijiet kummerċjali, sabiex jipprovdu servizzi malajr u b’mod effiċjenti lil utenti tal-SST. |
GOVSATCOM
35. |
GOVSATCOM se taqdi direttament il-ħtiġijiet tal-Istati Membri li ma kellhomx il-kapaċità li jiżviluppaw is-sistemi spazjali tagħhom stess, u b’hekk joħolqu valur miżjud dirett għall-azzjoni tal-UE. |
36. |
Għal xi reġjuni, pereżempju, ir-reġjuni tal-fruntiera, GOVSATCOM tista’ tkun partikolarment rilevanti. Dan inizjalment isir primarjament permezz tal-Istati Membri iżda forsi aktar tard (wara l-evalwazzjoni tal-2024) direttament għar-reġjuni li jistgħu jkunu kapaċi jikkontribwixxu għax-xogħol tal-Aġenzija. |
Aċċess għall-ispazju
37. |
L-aċċess għall-ispazju huwa importanti għal attivitajiet bħall-GNSS, il-Copernicus u l-Galileo. L-Ewropa għandu jkollha aċċess awtonomu u indipendenti għall-ispazju, biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà. Huwa għali u kkumplikat biex tibda t-tnedija ta’ attivitajiet b’ostakli sinifikanti għad-dħul, li jfisser li għandhom jiġu kkunsidrati modi ta’ appoġġ għal faċilitajiet infrastrutturali moderni, effiċjenti u flessibbli. |
38. |
Dawn il-mezzi jistgħu jinkludu, pereżempju, l-istabbiliment ta’ politika ta’ akkwist adattata għal tnedijiet istituzzjonali Ewropej, kif ukoll politika koerenti dwar il-vijabbiltà ta’ infrastruttura kritika. Il-possibbiltà ta’ aggregazzjoni ta’ tnedijiet, l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ta’ varar alternattivi, u appoġġ għall-infrastruttura terrestri għandhom jissemmew b’mod ċar fir-Regolament. |
Kwistjonijiet organizzattivi
39. |
Il-proposta organizzattiva ewlenija hija li jiżdied ir-rwol tal-GSA sabiex minflok isservi bħala korp għal programm speċifiku (Galileo) din issir l-aġenzija spazjali għall-UE, li se tinbena maġenb l-ESA b’riskju għoli ta’ duplikazzjoni ta’ xogħol u l-ħolqien ta’ strutturi doppji. Dan għandu jiġi evitat billi, qabel ma jsir kwalunkwe trasferiment ta’ kompiti lill-GSA, issir valutazzjoni obbligatorja u bir-reqqa dwar jekk l-ESA għandhiex diġà xi kompetenzi minn dawn. Ir-rilevanza tal-politiki tal-UE għandha, barra l-valur miżjud vis-à-vis l-attivitajiet tal-Istati Membri, tippreżenta wkoll valur miżjud fir-rigward tal-attivitajiet tal-ESA. |
40. |
Il-parti kbira tal-abbozz ta’ Regolament hija dwar kwistjonijiet organizzattivi tal-Aġenzija proposta, prinċipalment meħuda mir-Regolament dwar il-GSA. L-iffukar fuq dawn il-kwistjonijiet joħloq periklu li titqiegħed enfasi kbira wisq fuq il-bini ta’ strutturi amministrattivi u fl-aħħar ma jkunx hemm biżżejjed riżorsi umani u finanzjarji disponibbli għall-kwistjonijiet ewlenin bħal politika industrijali spazjali aktar ambizzjuża tal-UE. |
41. |
Illum, il-pajjiżi ż-żgħar b’mod partikolari diġà jiffaċċjaw problemi biex isibu r-riżorsi umani biex jieħdu sehem f’ħafna attivitajiet differenti. Diffikultajiet bħal dawn jistgħu jiżdiedu u jwasslu għal differenzi akbar bejn l-Istati Membri fil-kapaċità tagħhom li jieħdu sehem b’mod attiv. L-aħjar użu tar-riżorsi għandu jiġi kkunsidrat b’attenzjoni, peress li l-oqfsa għal kooperazzjoni bejn l-ESA u l-UE diġà jeżistu. |
42. |
Il-kooperazzjoni produttiva eżistenti bejn organizzazzjonijiet Ewropej differenti relatati mal-ispazju, inklużi l-EUMETSAT jew il-ECMWF, pereżempju, għandha titkompla u tissaħħaħ. L-għarfien u l-istrutturi eżistenti għandhom jintużaw għall-potenzjal sħiħ tagħhom. |
Baġit
43. |
L-allokazzjoni baġitarja għandha tintlaqa’ tajjeb. Il-Programm Spazjali jappoġġja bosta politiki tal-UE, li jfisser li l-ispiża mhijiex biss spiża għal attivitajiet speċifiċi, iżda hija mezz biex jiġi pprovdut komponent essenzjali għal politiki oħra tal-UE. F’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li r-riżorsi finanzjarji previsti għall-adozzjoni u l-promozzjoni tal-użu għandhom jirriflettu l-involviment dejjem jikber taċ-ċittadini u l-kumpaniji. Għalhekk m’għandhomx ikunu anqas mill-ammont fil-perjodu attwali, pereżempju għal Copernicus mhux inqas minn 5 % tat-total tal-baġit ta’ Copernicus. Il-baġit għall-adozzjoni tad-data u s-servizzi għal EGNOS/Galileo m’għandhomx jinkludu l-ispejjeż għall-istabbiliment ta’ strutturi amministrattivi ġodda iżda jiffoka esklużivament fuq il-promozzjoni u l-iżvilupp tas-suq. L-attivitajiet li diġà twettqu jistgħu, jekk ma jkunux iffinanzjati b’mod adegwat, ifallu jew isiru irrilevanti, u dan jista’ jipperikola l-investimenti li saru. |
44. |
Huwa ta’ dispjaċir li l-programm Orizzont ma jinkludix finanzjament spazjali ddedikat. |
45. |
Jinnota li l-introduzzjoni ta’ teknoloġiji spazjali tirrikjedi investimenti inizjali kbar u jirrakkomanda li l-awtoritajiet pubbliċi jeżaminaw il-possibbiltà li joħolqu strumenti ta’ finanzjament ġodda, orjentati lejn is-suq u attraenti għal kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju li jiżviluppaw teknoloġiji spazjali. |
Kwistjonijiet addizzjonali
46. |
Fi kwistjonijiet kontenzjużi reċenti dwar l-ispazju, bħal dik tal-użu tar-riżorsi tal-ispazju (inkluż it-tħaffir tal-ispazju), ittrattati fil-leġislazzjoni tal-Istati Membri bħal-Lussemburgu, l-UE tista’ tikkontribwixxi biex jintlaħaq kunsens internazzjonali akbar, dwar kif tali leġislazzjoni nazzjonali hija relatata mal-liġi internazzjonali kif espressa f’ħafna konvenzjonijiet. |
47. |
Fir-rigward li l-UE tingħaqad mal-konvenzjonijiet spazjali, din il-possibbiltà hija msemmija fil-proposta iżda għandha tiġi evalwata fuq bażi ta’ każ b’każ. |
Brussell, is-6 ta’ Diċembru 2018.
Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni
Karl-Heinz LAMBERTZ