This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52022AE0552
Opinion of the European Economic and Social Committee on (a) ‘Communication from the Commission to the European Parliament, the Council, the European Economic and Social Committee and the Committee of the Regions — Establishing a European Declaration on Digital rights and principles for the Digital Decade’ (COM(2022) 27 final) and on (b) ‘Digital rights and principles’ (exploratory opinion)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “a) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — L-istabbiliment ta’ Dikjarazzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet u l-Prinċipji Diġitali għad-Deċennju Diġitali” (COM(2022) 27 final) u “b) Drittijiet u prinċipji diġitali” (opinjoni esploratorja)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “a) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — L-istabbiliment ta’ Dikjarazzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet u l-Prinċipji Diġitali għad-Deċennju Diġitali” (COM(2022) 27 final) u “b) Drittijiet u prinċipji diġitali” (opinjoni esploratorja)
EESC 2022/00552
ĠU C 365, 23.9.2022, p. 13–17
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
23.9.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 365/13 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “a) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — L-istabbiliment ta’ Dikjarazzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet u l-Prinċipji Diġitali għad-Deċennju Diġitali”
(COM(2022) 27 final)
u “b) Drittijiet u prinċipji diġitali”
(opinjoni esploratorja)
(2022/C 365/03)
Relatur: |
Philip VON BROCKDORFF |
Korelatur: |
Violeta JELIĆ |
Konsultazzjoni |
|
||||
Bażi legali |
|
||||
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum |
||||
Adottata fis-sezzjoni |
1.6.2022 |
||||
Adottata fil-plenarja |
15.6.2022 |
||||
Sessjoni plenarja Nru |
570 |
||||
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
181/0/2 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1. |
Il-KESE jirreferi għar-rabta qawwija bejn il-Perkors għad-Deċennju Diġitali u d-Dikjarazzjoni tad-Drittijiet u l-Prinċipji Diġitali, bl-ewwel waħda tagħmel enfasi fuq miri kwantitattivi u tal-aħħar prinċipalment fuq miri kwalitattivi. Il-KESE jemmen li t-tnejn huma rilevanti ħafna biex jiffaċilitaw it-trasformazzjoni diġitali għas-soċjetà u l-ekonomija. |
1.2. |
Il-KESE jemmen li d-dikjarazzjoni għandha taħdem għall-iżvilupp sostenibbli kollu kemm hu. Is-suċċess tat-trasformazzjoni diġitali huwa taħlita ta’ benefiċċji ekonomiċi, soċjali u ambjentali li jirriżultaw mill-kontribut tagħha għal aktar kompetittività, prosperità, impjiegi, benesseri u t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari u b’emissjonijiet żero, flimkien mal-prevenzjoni u l-minimizzazzjoni tar-riskji mhux mixtieqa li tista’ ġġib magħha għas-soċjetà. |
1.3. |
Il-KESE jemmen li l-indirizzar tal-ħiliet diġitali, l-infrastruttura diġitali, in-negozju diġitali u s-servizzi pubbliċi diġitali huwa kruċjali biex jiġu appoġġjati l-irkupru ekonomiku u t-tkabbir fl-Ewropa, filwaqt li jiġi żgurat li l-progress isir f’konformità mad-drittijiet fundamentali u b’mod iċċentrat fuq il-bniedem u inklużiv, filwaqt li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura. Il-KESE jirrakkomanda wkoll li jitqiesu l-konklużjonijiet tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa rigward it-trasformazzjoni diġitali. |
1.4. |
Għalkemm maħsuba biex isservi bħala impenn politiku sod, id-dikjarazzjoni ma taffettwax id-drittijiet legali attwali. Il-KESE jemmen li d-drittijiet diġitali jirriżultaw, u huma definiti minn, drittijiet fundamentali eżistenti, billi huma parti mill-valuri u l-prinċipji tal-UE, fejn drittijiet u libertajiet differenti jeżistu flimkien u fejn il-valuri jistabbilixxu wkoll limiti għal xulxin. |
1.5. |
Il-prinċipji u d-drittijiet differenti deskritti fl-abbozz tad-dikjarazzjoni huma f’ħafna modi sovrapposti, u t-taħlit tal-prinċipji u d-drittijiet jagħmilha diffiċli li wieħed jipperċepixxi l-essenza tal-kontenut. Għalhekk huwa assolutament meħtieġ li jiġi promoss il-fehim tat-tifsira prattika tagħhom. Dan japplika għan-negozji, il-ħaddiema, il-konsumaturi u l-popolazzjoni inġenerali. |
1.6. |
Il-valuri u d-drittijiet fundamentali tal-UE huma kruċjali mill-perspettiva kemm tan-nies individwali kif ukoll tan-negozji. Id-dikjarazzjoni għandha għalhekk tirrikonoxxi li l-biċċa l-kbira tagħhom, speċjalment l-SMEs, jiffaċċjaw bejn wieħed u ieħor l-istess sfidi bħan-nies individwali inġenerali biex jadattaw għad-dinja diġitali. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni wkoll għall-isfida li jiġi evitat distakk diġitali f’termini ta’ aċċess għas-servizzi pubbliċi u privati mill-popolazzjonijiet li qed jixjieħu u dawk rurali. |
1.7. |
Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-prinċipji tal-konnettività, il-ħiliet u s-sigurtà, li huma essenzjali kemm għan-nies individwali kif ukoll għan-negozji, kif ukoll għall-iżvilupp ekonomiku u soċjetali ġenerali. Il-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna għamlitha saħansitra aktar viżibbli, u l-gwerra saħħet ukoll il-ħtieġa li jiġu żviluppati l-ħiliet tan-nies u l-mezzi biex tiġi rikonoxxuta u miġġielda d-diżinformazzjoni. |
1.8. |
Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-kejl u l-monitoraġġ tal-progress diġitali u jirrakkomanda li l-għodod f’dan il-qasam m’għandhomx jiġu mmultiplikati. L-objettivi tad-dikjarazzjoni jeħtieġ li jitkejlu permezz ta’ indikaturi konkreti fil-qafas tal-Perkors għad-Deċennju Diġitali, u r-rapport annwali dwar l-Istat tad-Deċennju Diġitali għandu jikkontribwixxi għas-Semestru Ewropew. |
1.9. |
Il-funzjonament bla xkiel tas-suq uniku u li dan ikun ġust huma elementi li jaqdu rwol kruċjali fl-iżvilupp diġitali fl-UE. Il-KESE għalhekk jemmen li l-essenza tal-libertajiet fis-suq uniku għandha tiġi protetta bis-sħiħ. Il-fluss liberu tad-data u s-sjieda tad-data huma ta’ importanza dejjem akbar, peress li mhux biss jikkonċernaw is-suq uniku għad-data bħala tali, iżda għandhom ukoll rabta intrinsika mas-swieq tal-kapital, tal-oġġetti u tas-servizzi. Il-prinċipji relatati mal-innovazzjoni u l-proprjetà intellettwali u mal-libertà ta’ intrapriża għandhom jiġu rikonoxxuti wkoll fid-dikjarazzjoni. |
1.10. |
Is-suq uniku huwa wkoll xprun għall-UE biex twessa’ l-użu tas-swieq esterni u l-ktajjen tal-provvista u biex tkun attur globali influwenti u b’saħħtu. Id-dikjarazzjoni għandha għalhekk tiġi promossa b’mod attiv f’kuntest internazzjonali bl-użu ta’ firxa wiesgħa ta’ għodod, li jvarjaw minn ftehimiet globali stabbiliti mill-imsieħba soċjali f’kumpaniji multinazzjonali għal azzjoni diplomatika u kooperazzjoni fl-innovazzjoni, ftehimiet kummerċjali u ta’ investiment u kundizzjonijiet ta’ finanzjament. |
2. Kuntest
2.1. |
Fl-aħħar diskors dwar l-Istat tal-Unjoni, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat il-Perkors għad-Deċennju Diġitali (1). Dan il-pjan għandu l-għan li jiddiġitalizza l-ħiliet, l-infrastruttura, in-negozji u s-servizzi pubbliċi, sabiex tinkiseb it-trasformazzjoni diġitali tas-soċjetà u tal-ekonomija tagħna sal-2030. |
2.2. |
Fl-istess waqt, il-Kummissjoni qed taħdem biex tiffinalizza l-proposta għal dikjarazzjoni konġunta dwar il-prinċipji diġitali mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni biex tiżgura li l-valuri u d-drittijiet Ewropej jitqiesu fl-ispazju diġitali. Dan se jippermetti lil kulħadd jibbenefika mill-possibbiltajiet offruti mit-teknoloġija diġitali, bħall-aċċess universali għall-Internet, l-algoritmi li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali permezz ta’ verifika regolari tal-algoritmi mwettqa minn partijiet terzi indipendenti, u ambjent online sikur u affidabbli. |
2.3. |
Sabiex jiġi żgurat li l-Ewropa timxi malajr lejn l-objettivi tad-Deċennju Diġitali, il-qafas ta’ governanza propost jipprevedi sistema ta’ monitoraġġ ibbażata fuq l-Indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali (DESI) imsaħħaħ, u r-rapport dwar l-Istat tad-Deċennju Diġitali se jservi bħala valutazzjoni annwali tat-trasformazzjoni diġitali fl-Ewropa. B’mod partikolari, ir-rapport se (i) jidentifika l-oqsma fejn hija meħtieġa aktar azzjoni; (ii) janalizza lakuni ta’ investiment jew lakuni oħra fir-riżorsi u jenfasizza l-azzjonijiet meħtieġa biex tiżdied is-sovranità diġitali tal-UE; u (iii) jivvaluta l-implimentazzjoni tal-proposti regolatorji rilevanti u l-azzjonijiet meħuda fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri. Ir-rapport se jipprovdi wkoll opportunità biex jittieħed kont tal-livell ta’ aderenza għall-prinċipji diġitali li se jiġu stabbiliti fid-dikjarazzjoni futura. |
3. Kummenti ġenerali
3.1. |
Il-KESE jqis il-Perkors għad-Deċennju Diġitali bħala żvilupp importanti biex tiġi appoġġjata t-trasformazzjoni diġitali fl-UE, billi jqis ix-xejriet aċċellerati u l-ħtiġijiet dejjem akbar għad-diġitalizzazzjoni, li ġew enfasizzati wkoll mill-pandemija. Il-ħtieġa li jingħalqu l-lakuni fil-kapaċitajiet diġitali tal-Ewropa tibqa’ kwistjoni, bħalma hija l-ħtieġa li jittieħed approċċ aktar unifikat kif ukoll li jsir investiment fi proġetti diġitali fuq skala kbira biex jinkisbu l-benefiċċji tad-diġitalizzazzjoni. |
3.2. |
Il-KESE jemmen li l-attenzjoni għall-ħiliet diġitali, l-infrastruttura, in-negozji u s-servizzi pubbliċi hija essenzjali biex jiġu appoġġjati l-irkupru ekonomiku u t-tkabbir fl-Ewropa, li huma essenzjali għat-titjib tal-introjtu, l-istandards tal-għajxien u l-kundizzjonijiet tax-xogħol. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-popolazzjoni li qed tixjieħ u rurali tal-UE biex jiġi żgurat li ma jibqgħux lura fit-trasformazzjoni diġitali. |
3.3. |
Barra minn hekk, trasformazzjoni diġitali ta’ suċċess se tpoġġi lill-Ewropa fuq quddiem nett tax-xejriet globali, filwaqt li tappoġġja l-kompetittività tagħha u tiffaċilita l-istabbiliment ta’ standards universali. Barra minn hekk, it-teknoloġiji diġitali huma element essenzjali biex l-UE tilħaq l-objettivi ta’ sostenibbiltà tal-Patt Ekoloġiku tagħha. |
3.4. |
Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni u l-Istati Membri ser jaħdmu flimkien mill-qrib biex jilħqu l-miri u l-objettivi tad-Deċennju Diġitali. Bħala l-ewwel pass, hekk kif tidħol fis-seħħ id-Deċiżjoni li tistabbilixxi l-Perkors għad-Deċennju Diġitali, huma se jiddefinixxu b’mod konġunt it-trajettorji ’l quddiem fil-livell tal-UE għal kull wieħed mill-objettivi. Dawn it-trajettorji se jagħmluha possibbli li jiġi vvalutat il-progress lejn l-għanijiet. |
3.5. |
Il-KESE jirrikonoxxi li hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri li jinkludu t-trajettorji nazzjonali tagħhom fil-pjani direzzjonali strateġiċi diġitali, flimkien mal-politiki jew l-istrumenti attwali jew ippjanati li l-Istati Membri beħsiebhom jużaw. Naturalment, mhux l-objettivi kollha tad-Deċennju Diġitali jeħtieġu l-istess sforzi fl-Istati Membri kollha. Fil-fatt, uħud minnhom għamlu progress konsiderevoli. Barra minn hekk, diversi objettivi jitolbu sforz immirat min-naħa ta’ xi Stati Membri. Il-KESE jirrikonoxxi li l-kontribut potenzjali tal-Istati Membri għall-kisba tal-miri stabbiliti fil-livell tal-UE jvarja b’mod konsiderevoli f’xi każijiet, u dan għandu jitqies ukoll. B’rabta ma’ dan, il-KESE jappella għal indikaturi tal-prestazzjoni ewlenin konkreti fil-livell nazzjonali biex jiġi mmonitorjat il-progress u jiġi żgurat li jintlaħqu l-objettivi. |
3.6. |
Il-KESE jistenna li dawn il-kunsiderazzjonijiet jiġu inklużi fir-rapport ta’ progress annwali tal-Kummissjoni dwar l-Istat tad-Deċennju Diġitali. F’dan ir-rigward, huwa jilqa’ l-impenn li fi żmien ħames xhur wara l-pubblikazzjoni tar-rapport, il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jikkooperaw mill-qrib biex jidentifikaw oqsma fejn il-progress mhuwiex biżżejjed u jaqblu dwar miżuri biex jiżguraw li l-miri jintlaħqu. Għal darb’ oħra, se jkun f’idejn l-Istati Membri li jadattaw il-pjani direzzjonali strateġiċi nazzjonali tagħhom biex iqisu r-rakkomandazzjonijiet li saru fir-rapport. Huwa essenzjali li jimpenjaw ruħhom li jieħdu azzjoni korrettiva u/jew jimplimentaw proġetti bħal proġetti multinazzjonali. |
3.7. |
Il-KESE jilqa’ wkoll l-għodod kollha ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet proposti biex jiġi żgurat li l-miżuri meħuda mill-Istati Membri jkunu biżżejjed biex isir progress lejn il-kisba tal-objettivi tad-Deċennju Diġitali. Dawn l-għodod, li jinkludu evalwazzjoni bejn il-pari, rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni, azzjoni ulterjuri possibbli fil-livell tal-UE, kif ukoll djalogu mmirat jidhru promettenti ħafna f’termini ta’ effettività, jekk wieħed jassumi li jsir segwitu tar-rakkomandazzjonijiet kollha. |
3.8. |
Fir-rigward tar-rappurtar, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li l-objettivi tad-Deċennju Diġitali jintrabtu mas-Semestru Ewropew. L-aspetti diġitali fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u l-monitoraġġ tal-progress fit-trasformazzjoni diġitali fl-UE huma ta’ importanza kritika, u l-KESE jappoġġja l-proposta li r-rapport annwali dwar L-Istat tad-Deċennju Diġitali għandu jikkontribwixxi għas-Semestru Ewropew. Il-kisba tal-objettivi tad-dikjarazzjoni għandha tiġi mmonitorjata b’indikaturi konkreti li jkejlu, pereżempju, il-progress fil-ħiliet diġitali vokazzjonali u l-ħiliet biex tiġi identifikata informazzjoni online falza, kif ukoll it-tnaqqis tad-distakk diġitali u l-appoġġ għal persuni mingħajr aċċess għal servizzi online. F’dan ir-rigward, iridu jitqiesu wkoll aspetti relatati mal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. |
3.9. |
Il-KESE jtenni l-pożizzjoni favorevoli tiegħu adottata f’Opinjoni relatata dwar proġetti multinazzjonali li huma proġetti fuq skala kbira li jappoġġjaw l-objettivi għat-trasformazzjoni diġitali tal-UE. Huwa rilevanti l-approċċ tat-twassil ta’ investimenti kkoordinati li jinvolvu mill-inqas tliet Stati Membri u, fejn adegwat, partijiet ikkonċernati pubbliċi jew tas-soċjetà ċivili kollha kemm huma (2). |
3.10. |
Dawn il-proġetti jappoġġjaw il-produttività u r-reżiljenza tal-ekonomija Ewropea u għalhekk huwa meħtieġ li jiġu pprovduti linji gwida ċari dwar kif il-fondi jistgħu jsiru disponibbli għal proġetti multinazzjonali. Sorsi possibbli ta’ finanzjament jinkludu taħlita ta’ finanzjament mill-UE u mill-Istati Membri. Min-naħa Ewropea, nistgħu nsemmu l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, il-Programm Ewropa Diġitali, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, il-Programm InvestEU, Orizzont Ewropa, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni. Madankollu, huwa mħeġġeġ bil-qawwa l-kontribut tal-Istati Membri għal proġetti multinazzjonali li l-KESE jqis essenzjali għal trasformazzjoni diġitali Ewropea aktar effettiva u kkoordinata. |
3.11. |
Il-KESE jemmen li l-vijabbiltà ta’ proġetti multinazzjonali għandha tiġi vvalutata regolarment u jilqa’ l-proposta li l-Kummissjoni se tagħti pariri u tipprovdi, fejn adegwat, gwida rilevanti biex tappoġġja l-implimentazzjoni ta’ proġetti multinazzjonali. |
4. Kummenti speċifiċi
4.1. |
Il-proposti tal-Kummissjoni jipprovdu bażi u argument għall-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni biex ifasslu u jiffirmaw dikjarazzjoni konġunta. Skont il-KESE, dikjarazzjoni li tiġbor flimkien f’dokument wieħed prinċipji differenti relatati mat-trasformazzjoni diġitali tkun referenza utli fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-kumpass diġitali u l-Perkors għad-Deċennju Diġitali. Fl-aħjar każ, din id-dikjarazzjoni ssaħħaħ il-fiduċja tan-nies u tan-negozji. Dan jeħtieġ test u komunikazzjoni ċari u li jinftiehmu faċilment. |
4.2. |
Għalkemm ta’ natura politika u mhux legalment vinkolanti bħala tali, dikjarazzjoni bħal din isservi bħala referenza u gwida solida għal miżuri ta’ politika futuri. Kif iddikjarat fil-Komunikazzjoni, id-dikjarazzjoni ma taffettwax id-drittijiet legali attwali. Għalhekk, kwalunkwe miżura oħra bbażata fuqha għandha tqis kif dovut l-istrumenti legali eżistenti u strumenti oħra. |
4.3. |
Huwa importanti wkoll li jiġu msaħħa firxa wiesgħa ta’ strumenti u miżuri li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tad-dikjarazzjoni. Pereżempju, huwa assolutament meħtieġ li titqajjem kuxjenza dwar it-tifsira prattika tal-prinċipji u li jiġi promoss il-fehim tagħhom. Dan japplika għan-negozji, il-ħaddiema, il-konsumaturi u n-nies individwali inġenerali. |
4.4. |
Huwa raġonevoli li jintużaw il-mekkaniżmi eżistenti biex jiġi mmonitorjat kif il-prinċipji se jkunu u diġà qed jiġu implimentati fil-prattika. Il-mekkaniżmu ta’ governanza propost għall-Perkors għad-Deċennju Diġitali, bl-objettivi ġenerali tiegħu, huwa l-aktar rilevanti f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, huwa utli li tiġi monitorjata l-perċezzjoni tan-nies individwali permezz ta’ stħarriġ tal-Ewrobarometru. |
4.5. |
F’diversi Opinjonijiet preċedenti, il-KESE enfasizza l-importanza li t-trasformazzjoni diġitali ssir b’mod iċċentrat fuq il-bniedem, inklużiv u sostenibbli, u d-dikjarazzjoni tipprovdi referenza essenzjali għal dan il-għan. Ġew inklużi wkoll objettivi korrispondenti fil-Perkors għad-Deċennju Diġitali, u l-KESE jemmen li dawn jipprovdu qafas kwalitattiv għall-miri kwantitattivi stabbiliti f’dan id-dokument u dawk tal-Kumpass Diġitali (3). |
4.6. |
Il-prinċipji u d-drittijiet differenti deskritti fl-abbozz tad-dikjarazzjoni huma f’ħafna modi sovrapposti u kull wieħed minnhom għandu diversi aspetti, li wħud minnhom huma pjuttost dettaljati. Għaldaqstant, huwa diffiċli biex wieħed jipperċepixxi l-essenza tal-kontenut. It-taħlita ta’ prinċipji u drittijiet tkompli ċċajpar dan il-kontenut. Is-sett inizjali ta’ prinċipji diġitali mnedija mill-Kummissjoni għall-konsultazzjoni kien aktar ċar u aktar faċli biex jinftiehem u għalhekk approċċ preferibbli, filwaqt li jagħmel użu mill-elementi li jarrikkixxu l-konsultazzjoni. |
4.7. |
Il-KESE jemmen li d-drittijiet diġitali jirriżultaw mid-drittijiet fundamentali eżistenti u huma definiti minnhom. Dawn huma parti mill-valuri u l-prinċipji tal-UE, li jikkostitwixxu unità sħiħa f’diversi livelli u multidimensjonali, fejn jeżistu flimkien drittijiet u libertajiet differenti u fejn il-valuri jistabbilixxu wkoll limiti u jiżguraw bilanċ ġust. Dan huwa l-każ, pereżempju, tal-prinċipji tal-libertà tal-espressjoni u n-nondiskriminazzjoni fil-kuntest tad-diskors ta’ mibegħda, li huwa fenomenu li qed jiżdied fid-dinja online. |
4.8. |
Il-KESE jemmen li l-prinċipji diġitali għandhom iservu għal dak kollu li jfisser l-iżvilupp sostenibbli. Madankollu, il-prinċipju tas-sostenibbiltà fl-abbozz tad-dikjarazzjoni jidher li jirreferi primarjament għas-sostenibbiltà ambjentali, filwaqt li l-ħames prinċipji l-oħra jiffokaw primarjament fuq is-sostenibbiltà soċjali. Il-KESE jemmen li s-sostenibbiltà għandha tiġi kkunsidrata fl-iżvilupp u l-użu tat-teknoloġiji diġitali b’żewġ modi: billi jiġi minimizzat l-impatt dannuż tat-teknoloġiji u billi jiġi massimizzat l-impatt pożittiv tagħhom fuq l-ekonomija u s-soċjetà. Is-suċċess tat-trasformazzjoni diġitali b’hekk huwa taħlita ta’ benefiċċji ekonomiċi, soċjali u ambjentali li joriġinaw mill-kontribut tagħha għall-ħolqien ta’ kompetittività, prosperità, impjiegi u benesseri aħjar u għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari u newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju. |
4.9. |
Il-valuri u d-drittijiet fundamentali tal-UE huma kruċjali mill-perspettiva kemm tan-nies individwali kif ukoll tan-negozji. Il-biċċa l-kbira tal-aspetti inklużi fil-proġett huma rilevanti mhux biss għan-nies b’mod ġenerali, iżda wkoll għall-intraprendituri, inklużi l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Id-dikjarazzjoni għandha għalhekk tirrikonoxxi li l-biċċa l-kbira tal-intrapriżi, speċjalment l-SMEs, jiffaċċjaw bejn wieħed u ieħor l-istess sfidi bħall-popolazzjoni inġenerali biex jadattaw għad-dinja diġitali. |
4.10. |
Il-KESE jemmen li għandha ssir aktar enfasi wkoll fuq it-tisħiħ tal-benefiċċji tat-trasformazzjoni diġitali, inkluża l-prosperità ekonomika. Dan jenfasizza l-importanza tal-prinċipji relatati mal-konnettività, il-ħiliet u s-sigurtà, li huma essenzjali għall-iżvilupp soċjoekonomiku. Minbarra dawk proposti fl-abbozz tad-dikjarazzjoni, il-prinċipji tal-innovazzjoni u tal-proprjetà intellettwali u l-libertà ta’ intrapriża huma ta’ importanza kbira għan-negozji fid-dinja diġitali u għandhom jiġu rikonoxxuti fid-dikjarazzjoni. |
4.11. |
Il-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna enfasizzat l-importanza tal-funzjonament adegwat tal-konnessjonijiet diġitali u taċ-ċibersigurtà fil-livelli kollha u fis-setturi kollha tas-soċjetà, kif ukoll fil-konnessjonijiet internazzjonali. Hija saħħet ukoll il-ħtieġa li jiġu żviluppati l-ħiliet tan-nies u l-mezzi biex tiġi rikonoxxuta u miġġielda d-diżinformazzjoni. |
4.12. |
Il-KESE diġà enfasizza l-importanza tas-sovranità diġitali bħala pilastru ewlieni tal-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali tal-Ewropa u enfasizza wkoll li din is-sovranità diġitali trid tkun ibbażata fuq il-kompetittività globali, u fuq kooperazzjoni b’saħħitha bejn l-Istati Membri. Din hija prekundizzjoni essenzjali biex l-UE ssir punt ta’ riferiment fix-xena internazzjonali, inkluż fir-rigward tal-affidabbiltà tat-teknoloġiji diġitali. Fir-rigward tal-ospitar tad-data tal-Ewropej, b’mod partikolari, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jitlesta l-proġett tal-cloud Ewropew Gaia X, li għandu jrawwem il-fiduċja tal-popolazzjoni Ewropea, u b’hekk jippromovi l-fluss tad-data (4). |
4.13. |
Il-funzjonament bla xkiel u b’mod ġust tas-suq uniku jaqdi rwol kruċjali fl-iżvilupp diġitali fl-UE. Il-KESE għalhekk jemmen li l-essenza tal-libertajiet fis-suq uniku għandha tiġi protetta bis-sħiħ. Il-fluss liberu u s-sjieda tad-data qed isiru dejjem iktar importanti, peress li mhux biss jikkonċernaw is-suq uniku għad-data bħala tali, iżda għandhom ukoll rabta intrinsika mas-swieq tal-kapital, tal-oġġetti u tas-servizzi. |
4.14. |
Is-suq uniku huwa wkoll punt tat-tluq u xprun għall-UE biex twessa’ l-użu tas-swieq esterni u l-ktajjen tal-provvista u biex tkun attur globali influwenti u b’saħħtu. Id-dikjarazzjoni għandha għalhekk tiġi promossa b’mod attiv fil-kuntest internazzjonali. Filwaqt li l-valuri ma jistgħux jiġu “esportati”, l-UE għandha l-potenzjal li teżerċita influwenza globali bl-użu ta’ firxa wiesgħa ta’ għodod, minn ftehimiet globali stabbiliti mill-imsieħba soċjali f’kumpaniji multinazzjonali għal azzjoni diplomatika, kooperazzjoni fl-innovazzjoni, ftehimiet kummerċjali u ta’ investiment u kundizzjonijiet ta’ finanzjament. Dan japplika kemm għar-relazzjonijiet esterni bilaterali kif ukoll għal dawk multilaterali. |
Brussell, il-15 ta’ Ġunju 2022.
Christa SCHWENG
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
(1) COM(2021) 574 final.
(2) Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Programm ta’ Politika tal-2030 ‘Il-Perkors għad-Deċennju Diġitali’” (ĠU C 194, 12.5.2022, p. 87).
(3) Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Programm ta’ Politika tal-2030 ‘Il-Perkors għad-Deċennju Diġitali’” (ĠU C 194, 12.5.2022, p. 87).
(4) Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Programm ta’ Politika tal-2030 ‘Il-Perkors għad-Deċennju Diġitali’” (ĠU C 194, 12.5.2022, p. 87).