Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62023CN0198

Kawża C-198/23: Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Marzu 2023 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Bulgarija

ĠU C 205, 12.6.2023, p. 30–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

12.6.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 205/30


Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Marzu 2023 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Bulgarija

(Kawża C-198/23)

(2023/C 205/34)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Partijiet

Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: J. Samnadda, C. Georgieva)

Konvenut: Ir-Repubblika tal-Bulgarija

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

1.

tikkonstata li billi naqset milli tadotta d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi kollha neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva (UE) 2019/789 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 li tistabbilixxi regoli dwar l-eżerċizzju tad-dritt tal-awtur u ta' drittijiet relatati li japplikaw għal ċerti trażmissjonijiet online tal-organizzazzjonijiet tax-xandir u għal trażmissjonijiet mill-ġdid tal-programmi tat-televiżjoni u tar-radju u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/83/KEE (1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva”), u billi naqset milli tikkomunika dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni, ir-Repubblika tal-Bulgarija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 19 tad-Direttiva;

2.

tikkundanna lir-Repubblika tal-Bulgarija tħallas lill-Kummissjoni somma f’daqqa li tikkorrispondi għall-ogħla wieħed minn dawn l-ammonti: (I) somma ta’ kuljum ta’ EUR 1 800, immultiplikata bin-numru ta’ ġranet bejn il-ġurnata ta’ wara dik li fiha skada t-terminu għat-traspożizzjoni previst fid-Direttiva u l-ġurnata li fiha jintemm il-ksur, jew, fil-każ li l-ksur ma jintemmx, il-ġurnata li fiha tingħata deċiżjoni f’din il-kawża; (II) somma f’daqqa ta’ minn tal-inqas EUR 504 000;

3.

fil-każ li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt il-punt 1 jippersisti sal-ġurnata li fiha tingħata d-deċiżjoni f’din il-kawża, tikkundanna lir-Repubblika tal-Bulgarija tħallas lill-Kummissjoni pagamenti perjodiċi ta’ penali fl-ammont ta’ EUR 10 800 kuljum għal kull ġurnata bejn dik li fiha tingħata d-deċiżjoni f’din il-kawża u dik li fiha dan l-Istat jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu taħt id-Direttiva;

4.

tikkundanna lir-Repubblika tal-Bulgarija għall-ispejjeż tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

L-għan tad-Direttiva huwa li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern billi tipprevedi distribuzzjoni usa’ fl-Istati Membri tal-programmi tat-televiżjoni u tar-radju li joriġinaw minn Stati Membri oħra, billi tiffaċilita l-liċenzjar tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati fir-rigward ta’ xogħlijiet u materjal protett ieħor li jkunu inklużi fix-xandir ta’ ċerti programmi tat-televiżjoni u tar-radju. Hija testendi l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ pajjiż tal-oriġini għas-servizzi online anċillari għall-programmi tar-radju u għal ċerti tipi ta’ programmi tat-televiżjoni. Hija b’hekk tiggarantixxi wkoll aċċess għal offerta ta’ programmi transkonfinali usa’ u tipprovdi ċertezza legali fir-rigward tal-injezzjoni diretta.

L-Artikolu 12 tad-Direttiva jistabbilixxi s-7 ta’ Ġunju 2021 bħala t-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva mill-Istati Membri. Skont l-Artikolu 12(2) ta’ din id-direttiva, “[l]-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva”.

Fit-23 ta’ Lulju 2021, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika tal-Bulgarija ittra ta’ intimazzjoni. Fid-19 ta’ Mejju 2022, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika tal-Bulgarija opinjoni motivata. Minkejja dan, il-miżuri għat-traspożizzjoni tad-Direttiva għadhom ma ġewx adottati jew, fi kwalunkwe każ, ma ġewx ikkomunikati lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU 2019, L 130, p. 82.


Top
  翻译: