Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62023CN0212

Kawża C-212/23: Rikors ippreżentat fil-31 ta’ Marzu 2023 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Polonja

ĠU C 205, 12.6.2023, p. 32–32 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

12.6.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 205/32


Rikors ippreżentat fil-31 ta’ Marzu 2023 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Polonja

(Kawża C-212/23)

(2023/C 205/36)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: U. Małecka u J. Samnadda, aġenti)

Konvenut: Ir-Repubblika tal-Polonja

Talbiet

tikkonstata li, billi ma adottatx id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari, jew amministrattivi meħtieġa sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva (UE) 2019/789 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 li tistabbilixxi regoli dwar l-eżerċizzju tad-dritt tal-awtur u ta’ drittijiet relatati li japplikaw għal ċerti trażmissjonijiet online tal-organizzazzjonijiet tax-xandir u għal trażmissjonijiet mill-ġdid tal-programmi tat-televiżjoni u tar-radju u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/83/KEE (1) u billi naqset milli tikkomunika l-imsemmija dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 12(1) ta’ din id-direttiva;

tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja tħallas lill-Kummissjoni somma f’daqqa li tikkorrispondi għall-ogħla ammont mit-tnejn li ġejjin: i) ammont kuljum ta’ EUR 13 700 mmultiplikat bin-numru ta’ ġranet li jkunu għaddew bejn il-jum wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni stabbilit fl-imsemmija direttiva u l-jum tar-regolarizzazzjoni tal-ksur, jew – fl-assenza ta’ regolarizzazzjoni – il-jum meta tingħata s-sentenza fl-ewwel istanza; ii) somma f’daqqa minima ta’ EUR 3 836 000.

fil-każ fejn in-nuqqas ikkonstatat fl-ewwel inċiż seħħ sad-data tal-għoti tas-sentenza fl-ewwel istanza, tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja tħallas lill-Kummissjoni pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 82 200 għal kull jum ta’ dewmien mid-data tal-imsemmija sentenza sad-data li fiha r-Repubblika tal-Polonja tikkonforma ruħha mal-obbligi tagħha taħt id-Direttiva; u

tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

L-għan tad-Direttiva (UE) 2019/789 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 li tistabbilixxi regoli dwar l-eżerċizzju tad-dritt tal-awtur u ta' drittijiet relatati li japplikaw għal ċerti trażmissjonijiet online tal-organizzazzjonijiet tax-xandir u għal trażmissjonijiet mill-ġdid tal-programmi tat-televiżjoni u tar-radju u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/83/KEE (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2019/789”) huwa li jittejjeb l-aċċess għal numru dejjem ikbar ta’ programmi tat-televiżjoni u tar-radju ta’ diversi Stati Membru, billi tiffaċilita l-awtorizzazzjoni tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati. Konformement mal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2019/789, l-Istati Membri kienu obbligati li japplikaw id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw mad-Direttiva mhux iktar tard mis-7 ta’ Ġunju 2021. L-Istati Membri kellhom ukoll l-obbligu li jinformaw immedjatament il-Kummissjoni bil-miżuri adottati.

Fit-23 ta’ Lulju 2021, il-Kummissjoni indirizzat lir-Repubblika tal-Polonja ittra ta’ intimazzjoni. Fid-19 ta’ Mejju 2022, il-Kummissjoni indirizzat opinjoni motivata lir-Repubblika tal-Polonja. Minkejja dan, il-miżuri ta’ traspożizzjoni għadhom ma ttieħdux mir-Repubblika tal-Polonja u ma ġewx innotifikati lill-Kummissjoni. Il-miżuri li r-Repubblika tal-Polonja semmiet bħala li jittrasponu parzjalment id-Direttiva 2019/789 fl-ordinament ġuridiku Pollakk kienu jeżistu qabel l-adozzjoni ta’ din id-direttiva u ma jinkludu ebda riferiment (klawżoli ta’ konnessjoni reċiproka) għall-imsemmija direttiva.


(1)  ĠU 2019, L 130, p. 82.


Top
  翻译: