This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32023R1508
Commission Implementing Regulation (EU) 2023/1508 of 20 July 2023 derogating in respect of the year 2023 from Article 44(2), second subparagraph, of Regulation (EU) 2021/2116 of the European Parliament and of the Council as regards the level of advance payments for interventions in the form of direct payments and area-based and animal-based rural development interventions
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1508 tal-20 ta’ Lulju 2023 li jidderoga fir-rigward tas-sena 2023 mill-Artikolu 44(2), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-livell ta’ pagamenti bil-quddiem għall-interventi fil-forma ta’ pagamenti diretti u għall-interventi għall-iżvilupp rurali bbażati fuq iż-żoni u fuq l-annimali
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1508 tal-20 ta’ Lulju 2023 li jidderoga fir-rigward tas-sena 2023 mill-Artikolu 44(2), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-livell ta’ pagamenti bil-quddiem għall-interventi fil-forma ta’ pagamenti diretti u għall-interventi għall-iżvilupp rurali bbażati fuq iż-żoni u fuq l-annimali
C/2023/4808
ĠU L 184, 21.7.2023, p. 17–18
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
21.7.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 184/17 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1508
tal-20 ta’ Lulju 2023
li jidderoga fir-rigward tas-sena 2023 mill-Artikolu 44(2), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-livell ta’ pagamenti bil-quddiem għall-interventi fil-forma ta’ pagamenti diretti u għall-interventi għall-iżvilupp rurali bbażati fuq iż-żoni u fuq l-annimali
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 44(6) tiegħu,
Billi:
(1) |
Skont l-Artikolu 44(2), t-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2021/2116, mis-16 ta’ Ottubru sat-30 ta’ Novembru, l-Istati Membri jistgħu jħallsu bil-quddiem sa 50 % għall-interventi fil-forma ta’ pagamenti diretti u qabel l-1 ta’ Diċembru, jistgħu jħallsu bil-quddiem sa 75 % għall-interventi għall-iżvilupp rurali bbażati fuq iż-żoni u fuq l-annimali skont ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). |
(2) |
Il-pandemija tal-COVID-19, l-impatt tagħha fuq il-ktajjen tal-provvista tal-ikel, u ż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-inputs agrikoli mill-ħarifa tal-2021 qed ipoġġu s-settur agrikolu taħt pressjoni. Barra minn hekk, l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja aggravat is-sitwazzjoni u kellha impatt negattiv ulterjuri fuq is-settur agrikolu. Il-prezzijiet tal-input, bħall-kostijiet tal-enerġija, tal-fertilizzanti u tal-għalf żdiedu b’mod sinifikanti fis-setturi agrikoli kollha. |
(3) |
B’riżultat ta’ dan, is-sehem tal-kostijiet tal-enerġija u tal-fertilizzanti fil-konsum intermedju totali kien żdied b’mod sinifikanti fl-2022, bl-akbar żieda osservata għall-farms tal-għelejjel tar-raba’ u tal-għelejjel permanenti, fiż-żewġ każijiet minħabba l-esponiment tagħhom għall-kostijiet tal-fertilizzanti. Il-prezzijiet tal-fertilizzanti għadhom f’livelli storikament għoljin ħafna. Id-data tissuġġerixxi li l-bdiewa rreaġixxew billi naqqsu l-użu tagħhom tal-fertilizzanti b’konsegwenzi negattivi, sa issa inċerti, fuq ir-rendimenti u l-kwalità tal-komoditajiet tal-ikel u tal-għalf. |
(4) |
Il-prezzijiet tal-inputs l-oħra għall-bdiewa u għall-operaturi tal-katina alimentari fl-Unjoni bħal pereżempju l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u t-trattamenti tas-saħħa tal-annimali, il-makkinarju u l-imballaġġ żdiedu f’konformità mal-inflazzjoni ġenerali. |
(5) |
Dan l-aħħar, il-prezzijiet għall-biċċa l-kbira tal-komoditajiet agrikoli bħaċ-ċereali, iż-żrieragħ żejtnin u l-prodotti tal-ħalib qed jonqsu b’mod sinifikanti. F’xi Stati Membri, is-sitwazzjoni saret partikolarment diffiċli peress li l-proporzjon bejn il-prezzijiet tal-input u l-prezzijiet tal-komoditajiet iddeterjora. |
(6) |
Dawn iċ-ċirkostanzi, minbarra l-avvenimenti meteoroloġiċi avversi reċenti f’ċerti reġjuni, bħan-nixfa estrema u l-għargħar, jistgħu jikkawżaw problemi ta’ likwidità għall-produtturi agrikoli. Sabiex dawn il-problemi ta’ likwidità jiġu indirizzati, jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew iħallsu aktar pagamenti bil-quddiem fir-rigward tas-sena tat-talba 2023. |
(7) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli u tal-Kumitat dwar il-Politika Agrikola Komuni, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. B’deroga mill-Artikolu 44(2), it-tieni subparagrafu, il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2021/2116, fir-rigward tas-sena tat-talba 2023, l-Istati Membri jistgħu jħallsu pagamenti bil-quddiem sa 70 % għall-interventi fil-forma ta’ pagamenti diretti skont it-Titolu III, il-Kapitolu II tar-Regolament (UE) 2021/2115, u għall-miżuri msemmija fil-Kapitolu IV tar-Regolament (UE) Nru 228/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u fil-Kapitolu IV tar-Regolament (UE) Nru 229/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).
2. B’deroga mill-Artikolu 44(2), it-tieni subparagrafu, il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/2116, fir-rigward tas-sena tat-talba 2023, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu pagamenti bil-quddiem sa 85 % għall-appoġġ mogħti fil-kuntest tal-interventi għall-iżvilupp rurali bbażati fuq iż-żoni u fuq l-annimali skont it-Titolu III, il-Kapitolu IV, tar-Regolament (UE) 2021/2115.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Lulju 2023.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 435, 6.12.2021, p. 187.
(2) Ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 1).
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 228/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 247/2006 (ĠU L 78, 20.3.2013, p. 23).
(4) Ir-Regolament (UE) Nru 229/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura favur il-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1405/2006 (ĠU L 78, 20.3.2013, p. 41).