L-infrastruttura tal-portijiet: titjib tas-sigurtà fil-portijiet
SOMMARJU TA’:
Direttiva 2005/65/KE dwar it-titjib tas-sigurtà fil-portijiet
X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?
- L-għan ewlieni tad-Direttiva huwa li tintroduċi miżuri biex titjieb is-sigurtà fil-portijiet tal-Unjoni Ewropea (UE) fid-dawl tat-theddid ta’ inċidenti relatati mas-sigurtà. Biex jinkiseb dan, id-Direttiva għandha l-għan li tistabbilixxi qafas tal-UE li jiggarantixxi livell għoli u komparabbli ta’ sigurtà fil-portijiet kollha tal-UE. Dan il-qafas għandu jikkonsisti f’regoli bażiċi komuni dwar il-miżuri tas-sigurtà tal-port, mekkaniżmu ta’ implimentazzjoni għal dawn ir-regoli, u mekkaniżmi xierqa ta’ monitoraġġ tal-konformità.
- Din id-Direttiva tikkumplimenta r-Regolament (KE) Nru 725/2004 dwar is-sigurtà u l-faċilitajiet tal-bastimenti u tal-port u l-miżuri stabbiliti mill-Kummissjoni f’Mejju 2003 (COM(2003) 229 finali). Flimkien, dawn jipprovdu l-qafas meħtieġ biex tiġi protetta l-katina kollha tal-loġistika tat-trasport marittimu (mill-vapur sal-port, l-interfaċċja bejn il-vapur u l-port u ż-żona kollha tal-port) kontra r-riskju ta’ attakki illegali fit-territorju tal-UE.
PUNTI EWLENIN
Kamp ta’ applikazzjoni
Id-Direttiva tapplika għan-nies, l-infrastruttura u t-tagħmir (inklużi l-mezzi tat-trasport) fil-portijiet u ż-żoni li jmissu magħhom.
L-awtorità tas-sigurtà tal-port u l-pjanijiet ta’ sigurtà
- Il-pajjiżi tal-UE għandhom jaħtru awtorità għas-sigurtà tal-port għal kull port. L-awtorità għas-sigurtà tal-port tista’ tinħatar għal aktar minn port wieħed. Din l-awtorità hija responsabbli għall-identifikazzjoni u t-teħid tal-miżuri meħtieġa tas-sigurtà tal-port f’konformità mal-valutazzjonijiet u l-pjanijiet tas-sigurtà tal-port.
- Il-pajjiżi tal-UE għandhom jiżguraw li l-pjanijiet tas-sigurtà tal-portijiet jiġu żviluppati, jinżammu u jiġu aġġornati, b’deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri meħuda biex tittejjeb is-sigurtà tal-portijiet (bħall-kundizzjonijiet tal-aċċess għall-portijiet jew il-miżuri applikabbli għall-bagalji u l-merkanzija). Il-pajjiżi tal-UE għandhom ukoll jimmonitorjaw il-pjanijiet ta’ sigurtà u l-implimentazzjoni tagħhom, u jispeċifikaw il-penali għan-nuqqas ta’ konformità.
Il-livelli ta’ sigurtà
- Livelli differenti ta’ sigurtà huma stabbiliti skont ir-riskju pperċeput (normali, għoli jew imminenti), jiġifieri:
- livell ta’ sigurtà 1: il-livell li għalih għandhom jinżammu l-miżuri minimi protettivi ta’ sigurtà f’kull ħin;
- livell ta’ sigurtà 2: il-livell li għalih miżuri ta’ sigurtà protettivi addizzjonali xierqa għandhom jinżammu għal perjodu ta’ żmien bħala riżultat ta’ riskju akbar ta’ inċident ta’ sigurtà;
- livell ta’ sigurtà 3: il-livell li għalih għandhom jinżammu aktar miżuri ta’ sigurtà protettivi speċifiċi għal perjodu limitat ta’ żmien meta jkun probabbli inċident ta’ sigurtà, għalkemm jista’ ma jkunx possibbli li tiġi identifikata l-mira speċifika.
- Il-pajjiżi tal-UE għandhom jinnotifikaw il-livell ta’ sigurtà fis-seħħ għal kull port u kwalunkwe tibdil fil-livell ta’ sigurtà.
Uffiċjal tas-sigurtà tal-port
Il-pajjiżi tal-UE għandhom japprovaw uffiċjal tas-sigurtà f’kull port.
Fejn possibbli kull port għandu jkollu uffiċjal tas-sigurtà tal-port differenti. Madankollu, jekk ikun meħtieġ, diversi portijiet jistgħu jaqsmu uffiċjal tas-sigurtà.
Dawn l-uffiċjali jaġixxu bħala l-punt ta’ kuntatt għal kwistjonijiet relatati ma’ kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-port u għandu jkollhom awtorità u għarfien lokali suffiċjenti biex jiżguraw u jikkoordinaw b’mod adegwat l-istabbiliment, l-aġġornament u s-segwitu tal-valutazzjonijiet tas-sigurtà tal-port u l-pjanijiet tas-sigurtà tal-port.
Rieżamijiet
Il-pajjiżi tal-UE għandhom jiżguraw li l-valutazzjonijiet tas-sigurtà tal-portijiet u l-pjanijiet tas-sigurtà tal-portijiet jiġu riveduti kull darba li jseħħu bidliet rilevanti għas-sigurtà, u mill-inqas kull 5 snin.
MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?
Ilha tapplika mill- 15 ta’ Diċembru 2005 u kellha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sal- 15 ta’ Ġunju 2007.
SFOND
Wara t-tifqigħa tal-COVID-19 u l-introduzzjoni ta’ miżuri biex tindirizza l-impatt tal-kriżi, il-Kummissjoni Ewropea adottat:
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Linji gwida dwar il-ħarsien tas-saħħa tal-baħħara, tal-passiġġieri u ta’ persuni oħrajn li jkunu jinsabu abbord il-bastimenti u dwar ir-ripatrijazzjoni u l-arranġamenti tal-ivvjaġġar tagħhom.
DOKUMENT EWLIENI
Id-Direttiva 2005/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2005 dwar it-titjib tas-sigurtà fil-portijiet (ĠU L 310, 25.11.2005, pp. 28-39)
Emendi suċċessivi għad-Direttiva 2005/65/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.
DOKUMENTI RELATATI
Rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew — Rapport ta’ evalwazzjoni dwar l-implimentazzjoni tad-direttiva dwar it-titjib tas-sigurtà tal-portijiet (COM(2009) 002 finali, 20.1.2009).
Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 324/2008 tad-9 ta’ April 2008 li jistabbilixxi proċeduri riveduti għal spezzjonijiet mill-Kummissjoni fil-qasam tas-sigurtà marittima (ĠU L 98, 10.4.2008, p. 5-10)
Ara l-verżjoni kkonsolidata.
l-aħħar aġġornament 04.05.2020