Il-prinċipju ta’ sussidjarjetà
SOMMARJU TA’:
L-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea — dispożizzjonijiet komuni — prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità
Protokoll (Nru 2) għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità
Protokoll (Nru 1) dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea
X’INHU L-GĦAN TAL-ARTIKOLU U PROTOKOLLI?
- L-Artikolu 5(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jistabbilixxi l-prinċipju ta’ sussidjarjetà. Il-prinċipju huwa fundamentali għall-funzjonament tal-Unjoni Ewropea (UE), u iktar speċifikament għat-teħid ta’ deċiżjonijiet fl-UE. B’mod partikolari, jiddetermina meta l-UE hija kompetenti biex tilleġiżla. Dan jidher flimkien ma’ żewġ prinċipji oħra li wkoll huma meqjusin essenzjali għat-teħid ta’ deċiżjonijiet fl-Ewropa: il-prinċipji tal-għoti tal-konferiment u tal-proporzjonalità.
- It-Trattat ta’ Liżbona rreveda l-prinċipju ta’ sussidjarjetà (li kien introdott inizjalment mit-Trattat ta’ Maastricht) billi introduċa mekkaniżmi ta’ kontroll sabiex isir monitoraġġ tal-applikazzjoni tiegħu:
- Il-Protokoll (Nru 2) fuq l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità, li jiddefinixxi wkoll l-implimentazzjoni l-prinċipju ta’ sussidjarjetà;
- Il-Protokoll (Nru 1) dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fit-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE.
PUNTI EWLENIN
Definizzjoni tas-sussidjarjetà
- Il-prinċipju ta’ sussidjarjetà għandu l-għan li jiddetermina l-livell ta’ intervent li huwa l-iktar rilevanti fl-oqsma tal-kompetenzi kondiviżi bejn l-UE u l-Istati Membri tal-UE. Dan jista’ jikkonċerna l-azzjoni fil-livell tal-UE, nazzjonali jew lokali. Fil-każijiet kollha, l-UE tista’ tintervjeni biss jekk hija kapaċi taġixxi b’mod iktar effettiv mill-Istati Membri fil-livelli nazzjonali jew lokali rispettivi tagħhom.
- Il-Protokoll (Nru 2) fuq l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità jistabbilixxi t-tliet kriterji li ġejjin bl-għan li jistabbilixxu kemm huwa mixtieq l-intervent fil-livell tal-UE
- L-azzjoni għandha aspetti transnazzjonali li ma jistgħux jiġu solvuti mill-Istati Membri?
- L-azzjoni nazzjonali jew in-nuqqas ta’ azzjoni se tkun kuntrarja għar-rekwiżiti tat-trattat?
- L-azzjoni fil-livell tal-UE għandha vantaġġi ċari?
- Il-prinċipju ta’ sussidjarjetà għandu wkoll l-għan li jqarreb l-UE u liċ-ċittadini tagħha lejn xulxin billi jiggarantixxi li l-azzjoni tittieħed fil-livell lokali meta tkun neċessarja.
Komplimentarjetà mal-prinċipji tal-konferiment u tal-proporzjonalità
- L-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jiddefinixxi t-tqassim tal-kompetenzi bejn l-UE u l-Istati Membri. Dan l-ewwel jirreferi għall-prinċipju tal-konferiment, li skontu l-UE għandha biss dawk il-kompetenzi li huma mogħtija lilha mit-trattati.
- Is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità huma prinċipji korollarji tal-prinċipju tal-konferiment. Dawn jiddeterminaw sa liema punt l-UE tista’ teżerċita l-kompetenzi mogħtija lilha mit-trattati.
- Permezz tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-mezzi implimentati mill-UE sabiex jiġu ssodisfati l-objettivi stabbiliti mit-trattati ma jistgħux imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju.
- Għaldaqstant l-UE tista’ taġixxi biss f’qasam ta’ politika jekk:
- l-azzjoni tagħmel parti mill-kompetenzi mogħtija lill-UE mit-Trattati (prinċipju tal-konferiment);
- fil-kuntest tal-kompetenzi kondiviżi mal-Istati Membri, il-livell tal-UE huwa l-iktar wieħed rilevanti sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti mit-trattati (prinċipju ta’ sussidjarjetà);
- il- kontenut u l-forma tal-azzjoni ma jaqbżux dak li huwa neċessarju biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti mit-trattati (prinċipju ta’ proporzjonalitày).
Il-monitoraġġ tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà
It-Trattat ta’ Liżbona rriforma l-protokoll ta’ hawn fuq sabiex itejjeb u jsaħħaħ il-monitoraġġ.
- Mekkaniżmi li jimmonitorjaw il-prinċipji tas-sussidjarjetà ddaħħlu fis-seħħ mill-Protokoll (Nru 2) dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u tal-proporzjonalità u skont il-Protokoll (Nru 1) dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-UE.
- Il-Protokoll (Nr 2), oriġinarjament introdott mit-Trattat ta’ Amsterdam, jipprovdi għall-konformità ma’ ċerti obbligi matul l-abbozzar tal-leġiżlazzjoni nnifsu. Għalhekk, qabel tipproponi atti leġiżlattivi, ħlief f’każijiet ta’ urġenza eċċezzjonali, il-Kummissjoni Ewropea għandha tikkonsulta b’mod wiesa’ u, fejn xieraq, tqis id-dimensjonijiet reġjonali u lokali tal-azzjoni prevista. Din il-konsultazzjoni tippermetti lill-Kummissjoni tiġbor opinjonijiet mill-istituzzjonijiet nazzjonali u lokali u mis-soċjetà ċivili dwar kemm hija mixtieqa proposta leġiżlattiva, b’mod partikolari fir-rigward tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà.
- Il-Protokoll iżid ukoll obbligu għall-Kummissjoni li takkumpanja l-abbozzi ta’ atti leġiżlattivi b’dikjarazzjoni dettaljata li turi l-konformità mal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità.
Skont il-Protokoll (Nru 1), it-Trattat ta’ Liżbona jżid riforma ulterjuri billi jassoċja parlamenti nazzjonali mill-qrib mal-monitoraġġ tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà. Il-paralmenti nazzjonali jeżerċitaw monitoraġġ doppju kif ġej:
- Dawn għandhom id-dritt joġġezzjonaw meta tiġi abbozzata l-leġiżlazzjoni. B’hekk jistgħu jiċħdu proposta leġiżlattiva quddiem il-Kummissjoni jekk iqisu li l-prinċipju ta’ sussidjarjetà ma ġiex osservat.
- Huma jistgħu jikkontestaw att leġiżlattiv quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jekk iqisu li l-prinċipju ta’ sussidjarjetà ma ġiex osservat.
It-Trattat ta’ Liżbona jassoċja wkoll il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni mal-monitoraġġ tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà. Bl-istess mod bħall-parlamenti nazzjonali, il-Kumitat ukoll jista’ jikkontesta att leġiżlattiv li ma jikkonformax mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
Kull sena, il-Kummissjoni tħejji rapport annwali dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità u dwar ir-relazzjonijiet mal-parlamenti nazzjonali, u, bħala parti mill-implimentazzjoni tal-inizjattiva tar-regolament aħjar tagħha, tippubblika rapporti annwali dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità.
DOKUMENTI PRINĊIPALI
Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea — Titolu I — Dispożizzjonijiet komuni — l-Artikolu 5 (ex Artikolu 5 TUE) (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 18).
Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — Protokoll (Nru 2) dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità (ĠU C 202, 7.6.2016, pp. 206–209).
Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — Protokoll (Nru 1) dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea (ĠU C 202, 7.6.2016, pp. 203–205).
DOKUMENTI RELATATI
Rapport mill-Kummissjoni: Rapport annwali 2020 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità u dwar ir-relazzjonijiet mal-Parlamenti nazzjonali (COM(2021) 417 final, 23.7.2021).
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: “Regolament aħjar għal riżultati aħjar — Aġenda tal-UE” (COM(2015) 215 final, 19.5.2015).
l-aħħar aġġornament 17.05.2024