This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32017R1530
Commission Implementing Regulation (EU) 2017/1530 of 7 September 2017 amending Implementing Regulation (EU) No 540/2011 as regards the extension of the approval period of the active substance quizalofop-p-tefuryl (Text with EEA relevance. )
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1530 tas-7 ta' Settembru 2017 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodu ta' approvazzjoni tas-sustanza attiva kwiżalofop-p-tefuril (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1530 tas-7 ta' Settembru 2017 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodu ta' approvazzjoni tas-sustanza attiva kwiżalofop-p-tefuril (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )
C/2017/6035
ĠU L 232, 8.9.2017, p. 4–5
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
8.9.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 232/4 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1530
tas-7 ta' Settembru 2017
li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodu ta' approvazzjoni tas-sustanza attiva kwiżalofop-p-tefuril
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b'mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tiegħu,
Billi:
(1) |
Il-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (2) tistabbilixxi s-sustanzi attivi meqjusin approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009. |
(2) |
Iż-żmien u r-riżorsi meħtieġa biex titlesta l-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet għat-tiġdid tal-approvazzjonijiet tal-ħafna sustanzi attivi li l-approvazzjonijiet tagħhom jiskadu bejn l-2019 u l-2021 u għalhekk id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C/2016/6104 (3) stabbiliet programm ta' ħidma li jgħaqqad sustanzi attivi simili u jistabbilixxi l-prijoritajiet abbażi tat-tħassib dwar is-sikurezza għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali jew għall-ambjent kif previst fl-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. |
(3) |
Oriġinarjament, l-approvazzjonijiet tas-sustanzi attivi propakwiżafop, kwiżalofop-p-etil u kwiżalofop-p-tefuril kienu jiskadu bejn l-2019 u l-2021. Peress li dawn it-tliet sustanzi huma varjanti ester tal-kwiżalofop, dawn għandhom proprjetajiet simili. Filwaqt li jitqiesu d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni C/2016/6104, il-proprjetajiet ta' periklu tal-kwiżalofop-p-tefuril (4) u l-fatt li t-tliet sustanzi għandhom xebh importanti, jixraq li dawn jinġabru flimkien biex tiġi allinjata l-għażla taż-żmien tal-valutazzjoni tagħhom u tal-proċess tal-analiżi bejn il-parti li tagħmel l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel. Għalhekk il-fajls tat-tliet sustanzi għandhom jitressqu lill-Istati Membri relaturi rispettivi tagħhom matul l-istess perjodu taż-żmien. |
(4) |
L-approvazzjonijiet tal-propakwiżafop u tal-kwiżalofop-p-etil jiskadu fit-30 ta' Novembru 2021. Sabiex tiġi allinjata l-għażla taż-żmien tal-valutazzjoni tas-sustanza kwiżalofop-p-tefuril mal-valutazzjoni taż-żewġ sustanzi l-oħra, għandu jiġi estiż il-perjodu ta' approvazzjoni tas-sustanza kwiżalofop-p-tefuril. |
(5) |
Tressqet applikazzjonijiet għat-tiġdid tal-approvazzjoni tal-kwiżalofop-p-tefuril skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012 (5). |
(6) |
Fid-dawl tal-għan tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għall-każijiet li ma jitressqilhom l-ebda fajl supplimentari skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012 sa 30 xahar qabel id-data tal-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni se tistabbilixxi d-data tal-iskadenza fl-istess data bħal dik ta' qabel dan ir-Regolament jew fl-eqreb data minn hemm 'il quddiem. |
(7) |
Fid-dawl tal-għan tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għall-każijiet meta l-Kummissjoni se tadotta Regolament li jistipula li l-approvazzjoni tas-sustanza attiva msemmija f'dan ir-Regolament ma tiġġeddidx għax ma jkunux ġew issodisfati l-kriterji tal-approvazzjoni, il-Kummissjoni se tistabbilixxi d-data tal-iskadenza bħall-istess data prevista qabel dan ir-Regolament jew inkella, jekk din id-data tiġi aktar tard, fid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament li jistipula li l-approvazzjoni tas-sustanza attiva ma tiġġeddidx. Għall-każijiet meta l-Kummissjoni se tadotta Regolament li jistipula t-tiġdid tas-sustanza attiva msemmija f'dan ir-Regolament, il-Kummissjoni se tipprova tistabbilixxi l-aktar data ta' applikazzjoni kmieni possibbli, kif xieraq skont iċ-ċirkostanzi. |
(8) |
Għalhekk ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 għandu jiġi emendat skont dan. |
(9) |
Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fis-sitt kolonna, “Skadenza tal-approvazzjoni”, l-entrata 279 fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011, id-data “30 ta' Novembru 2019” fir-rigward tal-kwiżalofop-p-tefuri għandha ssir “30 ta' Novembru 2021”.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Settembru 2017.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.
(2) ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1.
(3) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Settembru 2016 dwar l-istabbiliment ta' programm ta' ħidma għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet għat-tiġdid tal-approvazzjonijiet tas-sustanzi attivi li jiskadu fl-2019, fl-2020 u fl-2021 skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 357, 29.9.2016, p. 9).
(4) L-Opinjoni tal-Kumitat għall-Valutazzjoni tar-Riskji (RAC) tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi tipproponi l-klassifikazzjoni u t-tikkettar armonizzati tal-kwiżalofop-p-tefuril fil-livell tal-UE. Adottata fit-3 ta' Ġunju 2016.
(5) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012 tat-18 ta' Settembru 2012 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-proċedura ta' tiġdid għas-sustanzi attivi, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 252, 19.9.2012, p. 26).