This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 02019R2026-20200818
Council Implementing Regulation (EU) 2019/2026 of 21 November 2019 amending Implementing Regulation (EU) No 282/2011 as regards supplies of goods or services facilitated by electronic interfaces and the special schemes for taxable persons supplying services to non-taxable persons, making distance sales of goods and certain domestic supplies of goods
Consolidated text: Regolament Ta’ Implimentazzjoni Tal-Kunsill (UE) 2019/2026 tal-21 ta’ Novembru 2019 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011 fir-rigward ta’ provvisti ta’ merkanzija jew servizzi ffaċilitati permezz ta’ interfaċċi elettroniċi u l-iskemi speċjali għal persuni taxxabbli li jipprovdu servizzi lil persuni mhux taxxabbli, li jbigħu b’distanza merkanzija u xi provvisti domestiċi ta’ merkanzija
Regolament Ta’ Implimentazzjoni Tal-Kunsill (UE) 2019/2026 tal-21 ta’ Novembru 2019 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011 fir-rigward ta’ provvisti ta’ merkanzija jew servizzi ffaċilitati permezz ta’ interfaċċi elettroniċi u l-iskemi speċjali għal persuni taxxabbli li jipprovdu servizzi lil persuni mhux taxxabbli, li jbigħu b’distanza merkanzija u xi provvisti domestiċi ta’ merkanzija
02019R2026 — MT — 18.08.2020 — 001.001
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/2026 tal-21 ta’ Novembru 2019 (ĠU L 313 4.12.2019, p. 14) |
Emendat bi:
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
Nru |
Paġna |
Data |
||
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1112 tal-20 ta’ Lulju 2020 |
L 244 |
9 |
29.7.2020 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/2026
tal-21 ta’ Novembru 2019
li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011 fir-rigward ta’ provvisti ta’ merkanzija jew servizzi ffaċilitati permezz ta’ interfaċċi elettroniċi u l-iskemi speċjali għal persuni taxxabbli li jipprovdu servizzi lil persuni mhux taxxabbli, li jbigħu b’distanza merkanzija u xi provvisti domestiċi ta’ merkanzija
Artikolu 1
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011 huwa emendat kif ġej:
Il-Kapitolu IV huwa emendat kif ġej:
l-intestatura tal-Kapitolu IV hija sostitwita b’dan li ġej:
“TRANŻAZZJONIJIET TAXXABBLI
(TITOLU IV TAD-DIRETTIVA 2006/112/KE)
Taqsima 1
Provvista ta’ Merkanzija
(Artikoli 14 sa 19 tad-Direttiva 2006/112/KE)” ;
jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:
“Artikolu 5a
Għall-applikazzjoni tal-Artikolu 14(4) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-merkanzija għandha titqies li ntbagħtet jew li ġiet ittrasportata mill-fornitur jew f’ismu, inkluż meta l-fornitur jintervjeni indirettament fid-dispaċċ jew fit-trasport tal-merkanzija, b’mod partikolari fil-każijiet li ġejjin:
meta d-dispaċċ jew it-trasport tal-merkanzija jkun taħt sottokuntratt mill-fornitur lil parti terza li tikkonsenja l-merkanzija lill-klijent;
meta d-dispaċċ jew it-trasport tal-merkanzija jkun ipprovdut minn parti terza, iżda l-fornitur ikollu r-responsabbiltà totali jew parzjali għall-konsenja tal-merkanzija lill-klijent;
meta l-fornitur joħroġ il-fattura u jiġbor it-tariffi tat-trasport mill-klijent u jibgħathom ulterjorment lil parti terza li ser torganizza d-dispaċċ jew it-trasport tal-merkanzija;
meta l-fornitur jippromwovi bi kwalunkwe mezz servizzi ta’ konsenja ta’ parti terza lill-klijent, ipoġġi lill-klijent u parti terza f’kuntatt jew inkella jipprovdi lil parti terza l-informazzjoni meħtieġa għall-konsenja tal-merkanzija lill-konsumatur.
Madankollu, il-merkanzija ma għandhiex titqies li ntbagħtet jew ġiet ittrasportata mill-fornitur jew f’ismu meta l-klijent jittrasporta l-merkanzija huwa stess jew meta l-klijent jorganizza l-konsenja tal-merkanzija ma’ persuna terza u l-fornitur ma jintervjenix direttament jew indirettament sabiex jipprovdi jew jgħin fl-organizzazzjoni tad-dispaċċ jew tat-trasport ta’ dik il-merkanzija.
Artikolu 5b
Għall-applikazzjoni tal-Artikolu 14a tad-Direttiva 2006/112/KE, it-terminu ‘jiffaċilita’ jfisser l-użu ta’ interfaċċa elettronika li jippermetti li klijent u fornitur li joffri merkanzija għall-bejgħ permezz ta’ interfaċċa elettronika jidħlu f’kuntatt li jirriżulta fi provvista ta’ merkanzija permezz ta’ dik l-interfaċċa elettronika.
Madankollu, persuna taxxabbli ma tkunx qed tiffaċilita provvista ta’ merkanzija meta jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:
li l-persuna taxxabbli ma tistabbilixxix, direttament jew indirettament, kwalunkwe wieħed mit-termini u l-kondizzjonijiet li skonthom issir il-provvista tal-merkanzija;
li l-persuna taxxabbli mhijiex, direttament jew indirettament, involuta fl-awtorizzazzjoni tal-ħlas lill-konsumatur fir-rigward ta’ ħlas li jkun sar;
li l-persuna taxxabbli mhijiex, direttament jew indirettament, involuta fl-ordni jew fil-konsenja tal-merkanzija.
L-Artikolu 14a tad-Direttiva 2006/112/KE ma għandux japplika għal persuna taxxabbli li tipprovdi biss xi wieħed minn dawn li ġejjin:
l-ipproċessar tal-ħlasijiet fir-rigward tal-provvista tal-merkanzija;
l-elenkar jew ir-reklamar tal-merkanzija;
id-direzzjonar mill-ġdid jew it-trasferiment tal-klijenti lejn interfaċċi elettroniċi oħra fejn il-merkanzija hija offruta għall-bejgħ, mingħajr ebda intervent ieħor fil-provvista.
Artikolu 5c
Għall-applikazzjoni tal-Artikolu 14a tad-Direttiva 2006/112/KE, persuna taxxabbli, li titqies li rċeviet u pprovvdiet il-merkanzija hija stess, ma għandhiex tkun obbligata li tħallas il-VAT f’eċċess tal-VAT li tkun iddikjarat u ħallset fuq dawn il-provvisti meta jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:
il-persuna taxxabbli tkun tiddependi fuq informazzjoni pprovduta mill-fornituri li jbigħu merkanzija permezz ta’ interfaċċa elettronika jew minn partijiet terzi oħra sabiex tiddikjara b’mod korrett u tħallas il-VAT fuq dawn il-provvisti;
l-informazzjoni msemmija fil-punt (a) hija żbaljata;
il-persuna taxxabbli tista’ turi li hija ma kinitx u ma setgħetx raġonevolment tkun taf li din l-informazzjoni kienet żbaljata.
Artikolu 5d
Sakemm ma jkollhiex informazzjoni li ssostni l-kuntrarju, il-persuna taxxabbli meqjusa li rċeviet u pprovdiet il-merkanzija skont l-Artikolu 14a tad-Direttiva 2006/112/KE għandha tqis:
il-persuna li tbigħ merkanzija permezz ta’ interfaċċa elettronika bħala persuna taxxabbli;
il-persuna li tixtri dik il-merkanzija bħala persuna mhux taxxabbli.”;
l-intestatura li ġejja tiddaħħal qabel l-Artikolu 6:
“Taqsima 2
Provvista ta’ servizzi
(Artikoli 24 sa 29 tad-Direttiva 2006/112/KE)”;
jitħassar l-Artikolu 14;
jiddaħħal il-Kapitolu li ġej:
“KAPITOLU VA
AVVENIMENT LI JAGĦTI LOK GĦAL ĦLAS U IMPOŻIZZJONI TA’ VAT
(TITOLU VI TAD-DIRETTIVA 2006/112/KE)
Artikolu 41a
Għall-applikazzjoni tal-Artikolu 66a tad-Direttiva 2006/112/KE, iż-żmien meta jiġi aċċettat il-ħlas ifisser il-ħin meta l-konferma tal-ħlas, il-messaġġ tal-awtorizzazzjoni tal-ħlas jew l-impenn ta’ ħlas mingħand il-klijent ikun riċevut mill-fornitur li jbigħ merkanzija permezz tal-interfaċċa elettronika, jew f’ismu, irrispettivament minn meta jsir il-ħlas innifsu ta’ flus, skont liema wieħed jiġi l-ewwel.”;
fil-Kapitolu X tiddaħħal it-Taqsima li ġejja:
“Taqsima 1B
Kontabbiltà
(Artikoli 241 sa 249 tad-Direttiva 2006/112/KE)
Artikolu 54b
1. Għall-applikazzjoni tal-Artikolu 242a tad-Direttiva 2006/112/KE, it-terminu ‘ jiffaċilita’ jfisser l-użu ta’ interfaċċa elettronika li jippermetti li klijent u fornitur li jbigħ merkanzija jew servizzi ta’ provvista permezz tal-interfaċċa elettronika, jidħlu f’kuntatt li jirriżulta fi provvista ta’ merkanzija jew servizzi permezz ta’ dik l-interfaċċa elettronika.
Madankollu, it-terminu ‘jiffaċilita’ ma għandux ikopri provvista ta’ merkanzija jew servizzi meta jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:
il-persuna taxxabbli ma tistabbilixxix, direttament jew indirettament, l-ebda waħda mit-termini u l-kondizzjonijiet li skonthom issir il-provvista;
il-persuna taxxabbli mhijiex, direttament jew indirettament, involuta fl-awtorizzazzjoni tal-ħlas lill-konsumatur fir-rigward tal-ħlas li jkun sar;
il-persuna taxxabbli mhijiex, direttament jew indirettament, involuta fl-ordni jew fil-konsenja tal-merkanzija jew fil-provvista tas-servizzi.
2. Għall-applikazzjoni tal-Artikolu 242a tad-Direttiva 2006/112/KE, it-terminu ‘jiffaċilita’ ma għandux ikopri każijiet fejn persuna taxxabbli tipprovdi biss xi wieħed minn dan li ġej:
l-ipproċessar tal-ħlasijiet fir-rigward tal-provvista tal-merkanzija jew tas-servizzi;
l-elenkar jew ir-reklamar tal-merkanzija jew tas-servizzi;
id-direzzjonar mill-ġdid jew it-trasferiment tal-klijenti lejn interfaċċi elettroniċi oħra fejn il-merkanzija jew is-servizzi huma offruti, mingħajr ebda intervent ieħor fil-provvista.
Artikolu 54c
1. Il-persuna taxxabbli msemmija fl-Artikolu 242a tad-Direttiva 2006/112/KE għandha żżomm ir-rekords li ġejjin fir-rigward ta’ provvisti fejn hi meqjusa li rċeviet u pprovdiet il-merkanzija hija stess skont l-Artikolu 14a tad-Direttiva 2006/112/KE, jew fejn tieħu sehem fil-provvista ta’ servizzi pprovduti elettronikament li għalihom huwa preżunt li taġixxi f’isimha stess skont l-Artikolu 9a ta’ dan ir-Regolament:
ir-reġistri kif stabbiliti fl-Artikolu 63c ta’ dan ir-Regolament, fejn il-persuna taxxabbli tkun għażlet li tapplika waħda mill-iskemi speċjali stipulati fil-Kapitolu 6 tat-Titolu XII tad-Direttiva 2006/112/KE;
ir-reġistri kif stabbiliti fl-Artikolu 242 tad-Direttiva 2006/112/KE, fejn il-persuna taxxabbli ma tkunx għażlet li tapplika xi waħda mill-iskemi speċjali stipulati fil-Kapitolu 6 tat-Titolu XII tad-Direttiva 2006/112/KE.
2. Il-persuna taxxabbli msemmija fl-Artikolu 242a tad-Direttiva 2006/112/KE għandha żżomm l-informazzjoni li ġejja fir-rigward tal-provvisti għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 1:
l-isem, l-indirizz postali u l-indirizz elettroniku jew is-sit web tal-fornitur li l-provvisti tiegħu huma ffaċilitati permezz tal-użu ta’ interfaċċa elettronika u, jekk disponibbli:
in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT jew in-numru tat-taxxa nazzjonali tal-fornitur;
in-numru tal-kont tal-bank jew in-numru tal-kont virtwali tal-fornitur;
id-deskrizzjoni tal-merkanzija, il-valur tagħha, il-post fejn jispiċċa d-dispaċċ jew it-trasport tal-merkanzija, flimkien mal-ħin tal-provvista u, jekk disponibbli, in-numru tal-ordni jew in-numru uniku tat-tranżazzjoni;
id-deskrizzjoni tas-servizzi, il-valur tagħhom, l-informazzjoni sabiex jiġi stabbilit il-post tal-provvista u l-ħin tal-provvista u, jekk disponibbli, in-numru tal-ordni jew in-numru uniku tat-tranżazzjoni.”;
It-Taqsima 2 tal-Kapitolu XI hija ssostitwita b’dan li ġej:
“Taqsima 2
Skemi speċjali għal persuni taxxabbli li jipprovdu servizzi lil persuni mhux taxxabbli jew li jagħmlu bejgħ b’distanza ta’ merkanzija jew ċerti provvisti domestiċi ta’ merkanzija
(Artikoli 358 sa 369x tad-Direttiva 2006/112/KE)
Artikolu 57a
Għall-iskopijiet ta’ din it-Taqsima, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
‘skema mhux tal-Unjoni’ tfisser l-iskema speċjali għal servizzi fornuti minn persuni taxxabbli li mhumiex stabbiliti fil-Komunità kif stipulat fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu 6 tat-Titolu XII tad-Direttiva 2006/112/KE;
‘skema tal-Unjoni’ tfisser l-iskema speċjali għal bejgħ b’distanza intra-Komunitarju ta’ merkanzija, għall-provvisti ta’ merkanzija fi ħdan Stat Membru magħmula minn interfaċċi elettroniċi li jiffaċilitaw dawk il-provvisti u għas-servizzi pprovduti minn persuni taxxabbli stabbiliti fil-Komunità iżda mhux fl-Istat Membru tal-konsum kif stipulat fit-Taqsima 3 tal-Kapitolu 6 tat-Titolu XII tad-Direttiva 2006/112/KE;
‘skema ta’ importazzjoni’ tfisser l-iskema speċjali għall-bejgħ b’distanza ta’ merkanzija importata minn territorji terzi jew pajjiżi terzi kif stabbilit fit-Taqsima 4 tal-Kapitolu 6 tat-Titolu XII tad-Direttiva 2006/112/KE;
‘skema speċjali’ tfisser l-‘iskema mhux tal-Unjoni’, l-‘iskema tal-Unjoni’ jew l-‘iskema ta’ importazzjoni’, skont kif jirrikjedi l-kuntest;
‘persuna taxxabbli’ tfisser persuna taxxabbli msemmija fl-Artikolu 359 tad-Direttiva 2006/112/KE li titħalla tuża l-iskema mhux tal-Unjoni, persuna taxxabbli msemmija fl-Artikolu 369b ta’ dik id-Direttiva li titħalla tuża l-iskema tal-Unjoni jew persuna taxxabbli msemmija fl-Artikolu 369 m ta’ dik id-Direttiva li titħalla tuża l-iskema ta’ importazzjoni;
‘intermedjarju’ tfisser persuna kif definita fil-punt (2) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 369 l tad-Direttiva 2006/112/KE.
Artikolu 57b
(tħassar)
Artikolu 57c
L-iskema tal-Unjoni ma għandhiex tapplika għal servizzi pprovduti fi Stat Membru fejn il-persuna taxxabbli tkun stabbiliet in-negozju tagħha jew għandha stabbiliment fiss. Il-provvista ta’ dawk is-servizzi għandha tiġi ddikjarata lill-awtoritajiet tat-taxxa kompetenti ta’ dak l-Istat Membru f’dikjarazzjoni tal-VAT kif previst fl-Artikolu 250 tad-Direttiva 2006/112/KE.
Artikolu 57d
1. Meta persuna taxxabbli tinforma lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni li għandha l-intenzjoni li tuża l-iskema mhux tal-Unjoni jew l-iskema tal-Unjoni, dik l-iskema speċjali għandha tapplika mill-ewwel jum tat-trimestru sussegwenti.
Madankollu, meta l-ewwel provvista ta’ merkanzija jew servizzi li jridu jkunu koperti bl-iskema mhux tal-Unjoni jew bl-iskema tal-Unjoni, isseħħ qabel dik id-data, l-iskema speċjali għandha tibda tapplika mid-data ta’ dik l-ewwel provvista, dment li l-persuna taxxabbli tinforma lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni dwar il-bidu tal-attivitajiet tagħha li jeħtieġ ikunu koperti mill-iskema, sa mhux aktar tard mill-għaxar jum tax-xahar wara dik l-ewwel provvista.
2. Fejn persuna taxxabbli jew intermedjarju li jaġixxi f’isimha tinforma lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni li għandha l-intenzjoni li tuża l-iskema tal-importazzjoni, dik l-iskema speċjali għandha tapplika mill-jum li fih il-persuna taxxabbli jew l-intermedjarju tkun ġiet allokata n-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT individwali għall-iskema ta’ importazzjoni kif stipulat fl-Artikolu 369q(1) u (3) tad-Direttiva 2006/112/KE.
Artikolu 57e
L-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu jidentifika lill-persuna taxxabbli li tuża l-iskema tal-Unjoni permezz tan-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT tagħha imsemmi fl-Artikoli 214 u 215 tad-Direttiva 2006/112/KE.
In-numru ta’ identifikazzjoni individwali allokat lil intermedjarju skont l-Artikolu 369q(2) tad-Direttiva 2006/112/KE għandu jippermettilu li jaġixxi bħala intermedjarju f’isem persuni taxxabbli li jagħmlu użu mill-iskema ta’ importazzjoni. Madankollu, dan in-numru ma jistax jintuża mill-intermedjarju biex jiddikjara l-VAT fuq tranżazzjonijiet taxxabbli.
Artikolu 57f
1. Meta persuna taxxabbli li tuża l-iskema tal-Unjoni ma tibqax tissodisfa l-kondizzjonijiet tad-definizzjoni stipulata fil-punt (2) tal-Artikolu 369a tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Istat Membru li fih ġiet identifikata ma għandux jibqa’ l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni.
Madankollu, meta dik il-persuna taxxabbli tkun għadha tissodisfa l-kondizzjonijiet biex tuża dik l-iskema speċjali, sabiex tkompli tuża dik l-iskema, hija għandha tindika bħala l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni l-ġdid l-Istat Membru li fih tkun stabbiliet in-negozju tagħha, jew Stat Membru li fih għandha stabbiliment fiss, jekk hija ma tkunx stabbiliet in-negozju tagħha fil-Komunità. Meta l-persuna taxxabbli li tuża l-iskema tal-Unjoni għall-provvista ta’ merkanzija ma tkunx stabbilita fil-Komunità, hija għandha tindika Stat Membru li minnu tibgħat jew tittrasporta l-merkanzija bħala l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni l-ġdid.
Meta l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni jinbidel f’konformità mat-tieni subparagrafu, dik il-bidla għandha tapplika mid-data li fiha l-persuna taxxabbli ma jibqax ikollha post tan-negozju jew stabbiliment fiss fl-Istat Membru li qabel kien indikat bħala l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni, jew mid-data li fiha dik il-persuna taxxabbli ma tibqax tibgħat jew tittrasporta l-merkanzija minn dak l-Istat Membru.
2. Meta persuna taxxabbli li tuża l-iskema ta’ importazzjoni jew intermedjarju li jaġixxi f’isimha ma tibqax tissodisfa l-kondizzjonijiet tad-definizzjoni stipulati fil-punti (b) sa (e) tal-punt (3) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 369 l tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Istat Membru li fih il-persuna taxxabbli jew l-intermedjarju tagħha ġiet identifikata ma għandux jibqa’ l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni.
Madankollu, meta dik il-persuna taxxabbli jew l-intermedjarju tagħha tkun għadha tissodisfa l-kondizzjonijiet biex tuża dik l-iskema speċjali, sabiex tkompli tuża dik l-iskema, hija għandha tindika bħala l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni l-ġdid l-Istat Membru li fih tkun stabbiliet in-negozju tagħha jew, Stat Membru li fih għandha stabbiliment fiss, jekk hija ma tkunx stabbiliet in-negozju tagħha fil-Komunità.
Meta l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni jinbidel f’konformità mat-tieni subparagrafu, dik il-bidla għandha tapplika mid-data li fiha l-persuna taxxabbli jew l-intermedjarju tagħha ma tibqax ikollha post ta’ negozju jew stabbiliment fiss fl-Istat Membru li kien indikat qabel bħala l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni.
Artikolu 57g
1. Persuna taxxabbli li tuża l-iskema tal-Unjoni jew dik mhux tal-Unjoni tista’ ttemm l-użu ta’ dawk l-iskemi speċjali irrispettivament minn jekk tkomplix tipprovdi l-merkanzija jew is-servizzi li jistgħu jkunu eliġibbli għal dawk l-iskemi speċjali. Il-persuna taxxabbli għandha tinforma lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni mill-inqas 15-il jum qabel tmiem it-trimestru ta’ qabel dak li fih biħsiebha tieqaf tuża l-iskema. Il-waqfien għandu jkun effettiv mill-ewwel jum tat-trimestru li jkun imiss.
L-obbligi tal-VAT relatati mal-provvisti ta’ merkanzija jew servizzi li jirriżultaw wara d-data meta l-waqfien ikun sar effettiv, għandhom jitwettqu direttament mal-awtoritajiet fiskali tal-Istat Membru tal-konsum ikkonċernat.
2. Persuna taxxabbli li tuża l-iskema ta’ importazzjoni tista’ tieqaf tuża dik l-iskema irrispettivament minn jekk għadhiex twettaq bejgħ b’distanza ta’ merkanzija importata minn territorji terzi jew pajjiżi terzi. Il-persuna taxxabbli jew l-intermedjarju li jaġixxi f’isimha għandha tinforma lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni mill-inqas 15-il jum qabel tmiem ix-xahar ta’ qabel dak li fih biħsiebha tieqaf tuża l-iskema. Il-waqfien għandu jkun effettiv mill-ewwel jum tax-xahar li jkun imiss u l-persuna taxxabbli ma għandhiex tibqa’ titħalla tuża l-iskema għall-provvisti mwettqa minn dak il-jum ’il quddiem.
Artikolu 57h
1. Persuna taxxabbli jew intermedjarju li jaġixxi f’isimha għandha, mhux aktar tard mill-għaxar jum tax-xahar ta’ wara, tinforma lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni b’mezzi elettroniċi dwar kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:
il-waqfien tal-attivitajiet tagħha koperti minn skema speċjali;
kwalunkwe bidla fl-attivitajiet tagħha koperti minn skema speċjali b’tali mod li ma tibqax tissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa biex tuża dik l-iskema speċjali;
kwalunkwe bidla tal-informazzjoni pprovduta preċedentement lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni.
2. Meta l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni jinbidel f’konformità mal-Artikolu 57f, il-persuna taxxabbli jew l-intermedjarju li jaġixxi f’isimha għandha tinforma liż-żewġ Stati Membri rilevanti bil-bidla, mhux aktar tard mill-għaxar jum tax-xahar wara l-bidla tal-istabbiliment. Hija għandha tikkomunika lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni l-ġdid id-dettalji tar-reġistrazzjoni meħtieġa meta persuna taxxabbli tagħmel użu minn skema speċjali għall-ewwel darba.
Artikolu 58
1. Meta persuna taxxabbli li tuża waħda mill-iskemi speċjali tissodisfa wieħed jew aktar mill-kriterji għall-esklużjoni stabbiliti fl-Artikolu 369e jew għat-tħassir mir-reġistru ta’ identifikazzjoni stipulat fl-Artikolu 363 jew fl-Artikolu 369r (1) u (3) tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu jeskludi lil dik il-persuna taxxabbli minn dik l-iskema.
L-Istat Membru ta’ identifikazzjoni biss jista’ jeskludi persuna taxxabbli milli tuża waħda mill-iskemi speċjali.
L-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu jibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq l-esklużjoni jew it-tħassir ta’ kwalunkwe informazzjoni disponibbli, inkluż l-informazzjoni pprovduta minn kwalunkwe Stat Membru ieħor.
2. L-esklużjoni ta’ persuna taxxabbli mill-iskema mhux tal-Unjoni jew l-iskema tal-Unjoni għandha tkun effettiva mill-ewwel jum tat-trimestru wara l-jum meta d-deċiżjoni dwar l-esklużjoni tintbagħat b’mezzi elettroniċi lill-persuna taxxabbli. Madankollu, meta l-esklużjoni tkun dovuta għal bidla fil-post tan-negozju jew tal-istabbiliment fiss li minnu jibda d-dispaċċ jew it-trasport tal-merkanzija, l-esklużjoni għandha tkun effettiva mid-data ta’ dik il-bidla.
3. L-esklużjoni ta’ persuna taxxabbli mill-iskema ta’ importazzjoni għandha tkun effettiva mill-ewwel jum tax-xahar wara l-jum meta d-deċiżjoni dwar l-esklużjoni tintbagħat b’mezzi elettroniċi lill-persuna taxxabbli, ħlief fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:
meta l-esklużjoni tkun dovuta għal bidla fil-post tan-negozju jew tal-istabbiliment fiss tagħha, f’liema każ l-esklużjoni għandha tkun effettiva mid-data ta’ dik il-bidla;
meta l-esklużjoni tkun dovuta għan-nuqqas persistenti tagħha li tikkonforma mar-regoli ta’ din l-iskema, f’liema każ l-esklużjoni għandha tkun effettiva mill-jum wara dak li d-deċiżjoni dwar l-esklużjoni tintbagħat b’mezzi elettroniċi lill-persuna taxxabbli.
4. Ħlief għas-sitwazzjoni koperta mill-punt (b) tal-paragrafu 3, in-numru individwali ta’ identifikazzjoni tal-VAT allokat għall-użu tal-iskema ta’ importazzjoni għandu jibqa’ validu għall-perijodu ta’ żmien meħtieġ għall-importazzjoni ta’ merkanzija li ġiet pprovduta qabel id-data tal-esklużjoni, li madankollu ma jistax jaqbeż ix-xahrejn minn dik id-data.
5. Meta intermedjarju jissodisfa wieħed mill-kriterji għal tħassir stipulati fl-Artikolu 369r(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu jħassar lill-intermedjarju mir-reġistru ta’ identifikazzjoni u għandu jeskludi mill-iskema ta’ importazzjoni l-persuni taxxabbli rrappreżentati minn dak l-intermedjarju.
L-Istat Membru ta’ identifikazzjoni biss jista’ jħassar intermedjarju mir-reġistru ta’ identifikazzjoni.
L-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu jibbaża d-deċiżjoni tiegħu dwar it-tħassir fuq kwalunkwe informazzjoni disponibbli, inkluż l-informazzjoni pprovduta minn kwalunkwe Stat Membru ieħor.
It-tħassir ta’ intermedjarju mir-reġistru ta’ identifikazzjoni għandu jkun effettiv mill-ewwel jum tax-xahar wara l-jum li fih id-deċiżjoni dwar it-tħassir tintbagħat b’mezzi elettroniċi lill-intermedjarju u l-persuni taxxabbli li jirrappreżenta, ħlief fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:
meta t-tħassir ikun dovut għal bidla fil-post tan-negozju jew fl-istabbiliment fiss tiegħu, f’liema każ it-tħassir għandu jkun effettiv mid-data ta’ dik il-bidla;
meta t-tħassir tal-intermedjarju jkun dovut għan-nuqqas persistenti tiegħu li jikkonforma mar-regoli tal-iskema ta’ importazzjoni, f’liema każ it-tħassir għandu jkun effettiv mill-jum wara dak li fih id-deċiżjoni dwar it-tħassir tintbagħat b’mezzi elettroniċi lill-intermedjarju u il-persuni taxxabbli li jirrappreżenta.
Artikolu 58a
Persuna taxxabbli li tuża skema speċjali li, għal perijodu ta’ sentejn, ma tkun għamlet ebda provvista ta’ merkanzija jew servizzi koperti minn dik l-iskema fl-ebda Stat Membru tal-konsum għandha tkun preżunta li waqfet mill-attivitajiet taxxabbli tagħha skont it-tifsira tal-punt (b) tal-Artikolu 363, il-punt (b) tal-Artikolu 369e, il-punt (b) tal-Artikolu 369r(1) jew il-punt (b) tal-Artikolu 369r(3) tad-Direttiva 2006/112/KE rispettivament. Dan il-waqfien ma jipprekludix lill-persuna milli tuża skema speċjali jekk terġa’ tibda l-attivitajiet tagħha koperti minn kwalunkwe skema.
Artikolu 58b
1. Meta persuna taxxabbli tiġi eskluża minn waħda mill-iskemi speċjali għal nuqqas persistenti ta’ konformità mar-regoli dwar dik l-iskema, dik il-persuna taxxabbli għandha tibqa’ eskluża milli tuża kwalunkwe waħda mill-iskemi speċjali fi kwalunkwe Stat Membru għal sentejn wara l-perijodu ta’ dikjarazzjoni li matulu l-persuna taxxabbli tkun ġiet eskluża.
Madankollu, l-ewwel subparagrafu ma għandux japplika fir-rigward tal-iskema ta’ importazzjoni fejn l-esklużjoni kienet dovuta għal nuqqas persistenti ta’ konformità mar-regoli mill-intermedjarju li jaġixxi f’isem il-persuna taxxabbli.
Meta intermedjarju jitħassar mir-reġistru ta’ identifikazzjoni għal nuqqas persistenti ta’ konformità mar-regoli tal-iskema ta’ importazzjoni, hu ma għandux jitħalla jaġixxi bħala intermedjarju għal sentejn wara x-xahar li matulu jkun tħassar minn dak ir-reġistru.
2. Persuna taxxabbli jew intermedjarju għandha titqies li ma kkonformatx b’mod persistenti mar-regoli relatati ma’ waħda mill-iskemi speċjali, skont it-tifsira tal-punt (d) tal-Artikolu 363, il-punt (d) tal-Artikolu 369e, il-punt (d) tal-Artikolu 369r(1), il-punt (c) tal-Artikolu 369r(2) jew il-punt (d) tal-Artikolu 369r(3) tad-Direttiva 2006/112/KE, mill-inqas fil-każijiet li ġejjin:
meta skont l-Artikolu 60a, l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni jkun ħareġ tfakkiriet lilha jew lill-intermedjarju li jaġixxi f’isimha għal tliet perijodi ta’ dikjarazzjonijiet immedjatament preċedenti u d-dikjarazzjoni tal-VAT ma tkunx ġiet ippreżentata għal kull wieħed minn dawn il-perijodi ta’ dikjarazzjoni fi żmien għaxart ijiem wara li t-tfakkira tkun intbagħtet;
meta skont l-Artikolu 63a, l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni jkun ħareġ tfakkiriet lilha jew lill-intermedjarju li jaġixxi f’isimha għal tliet perijodi ta’ dikjarazzjonijiet immedjatament preċedenti u l-ammont sħiħ tal-VAT iddikjarat ma jkunx tħallas minnha jew minn intermedjarju li jaġixxi f’isimha għal kull wieħed minn dawn il-perijodi ta’ dikjarazzjoni fi żmien għaxart ijiem wara li tkun intbagħtet it-tfakkira, ħlief fejn l-ammont mhux imħallas li jibqa’ hu anqas minn EUR 100 għal kull perijodu ta’ dikjarazzjoni;
meta, wara talba mill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni u xahar wara tfakkira sussegwenti mill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni, il-persuna taxxabbli jew l-intermedjarju li jaġixxi f’isimha jkunu naqsu milli jagħmlu disponibbli elettronikament ir-reġistri msemmijin fl-Artikoli 369, 369k u 369x tad-Direttiva 2006/112/KE.
Artikolu 58c
Persuna taxxabbli li tkun ġiet eskluża mill-iskema tal-Unjoni jew mhux tal-Unjoni għandha twettaq l-obbligi kollha tal-VAT relatati ma’ provvisti ta’ merkanzija jew servizzi li jirriżultaw wara d-data meta l-esklużjoni ssir effettiva direttament mal-awtoritajiet fiskali tal-Istat Membru tal-konsum ikkonċernat.
Artikolu 59
1. Kwalunkwe perijodu ta’ dikjarazzjoni fi ħdan it-tifsira tal-Artikoli 364, 369f jew 369s tad-Direttiva 2006/112/KE għandu jkun perijodu ta’ dikjarazzjoni separat.
2. Meta, f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 57d, l-iskema mhux tal-Unjoni jew tal-Unjoni tapplika mid-data tal-ewwel provvista, il-persuna taxxabbli għandha tippreżenta dikjarazzjoni tal-VAT separata għat-trimestru li matulu tkun seħħet l-ewwel provvista.
3. Meta persuna taxxabbli tkun ġiet irreġistrata taħt l-iskema tal-Unjoni u dik mhux tal-Unjoni waqt xi perijodu ta’ dikjarazzjoni, hija għandha tippreżenta dikjarazzjonijiet tal-VAT u tagħmel il-ħlasijiet korrispondenti lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għal kull skema fir-rigward tal-provvisti magħmula u l-perijodi koperti minn dik l-iskema.
4. Meta jinbidel l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni skont l-Artikolu 57f wara l-ewwel jum tal-perijodu ta’ dikjarazzjoni inkwistjoni, il-persuna taxxabbli jew l-intermedjarju li jaġixxi f’isimha għandha tippreżenta d-dikjarazzjonijiet tal-VAT u tagħmel il-ħlasijiet korrispondenti kemm lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni ta’ qabel kif ukoll dak il-ġdid, li jkopru l-provvisti li saru matul il-perijodi rispettivi li fihom l-Istati Membri kienu l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni.
Artikolu 59a
Fejn persuna taxxabbli li qed tuża skema speċjali ma tkun ipprovdiet l-ebda merkanzija jew servizz fl-ebda Stat Membru tal-konsum taħt dik l-iskema speċjali matul perijodu ta’ dikjarazzjoni u ma għandha l-ebda korrezzjonijiet x’tagħmel fir-rigward ta’ dikjarazzjonijiet preċedenti, hija jew l-intermedjarju li jaġixxi f’isimha għandha tippreżenta dikjarazzjoni tal-VAT li tindika li ma saret l-ebda provvista matul dak il-perijodu (dikjarazzjoni tal-VAT b’valur żero).
Artikolu 60
L-ammonti fuq id-dikjarazzjonijiet tal-VAT skont l-iskemi speċjali ma għandhomx jitqarrbu ’l fuq jew ’l isfel sal-eqreb unità monetarja sħiħa. Għandu jiġi rapportat u mħallas l-ammont eżatt tat-taxxa tal-VAT.
Artikolu 60a
L-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu jfakkar, b’mezzi elettroniċi, lill-persuni taxxabbli jew l-intermedjarji li jaġixxu f’isimhom li naqsu milli jippreżentaw dikjarazzjoni tal-VAT skont l-Artikoli 364, 369f jew 369s tad-Direttiva 2006/112/KE dwar l-obbligu tagħhom li jippreżentaw tali dikjarazzjoni. L-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu joħroġ it-tfakkira fl-għaxar jum wara dak li fih kellha tiġi ppreżentata d-dikjarazzjoni, u għandu jinforma b’mezzi elettroniċi lill-Istati Membri l-oħrajn li t-tfakkira tkun inħarġet.
Kwalunkwe tfakkira u pass sussegwenti li jittieħdu biex tiġi vvalutata u biex tinġabar il-VAT huma r-responsabbiltà tal-Istat Membru tal-konsum ikkonċernat.
Minkejja kwalunkwe tfakkira li tkun inħarġet u kwalunkwe pass meħud minn Stat Membru tal-konsum, il-persuna taxxabbli jew l-intermedjarju li jaġixxi f’isimha għandha tippreżenta d-dikjarazzjoni tal-VAT lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni.
Artikolu 61
1. Bidliet fiċ-ċifri li jinsabu f’dikjarazzjoni tal-VAT relatata ma’ perijodi sat-tieni perijodu ta’ dikjarazzjoni fl-2021 u b’dan inkluż, wara li tiġi ppreżentata dik id-dikjarazzjoni tal-VAT, għandhom isiru biss permezz ta’ emendi għal dik id-dikjarazzjoni u mhux permezz ta’ aġġustamenti f’dikjarazzjoni sussegwenti.
Bidliet fiċ-ċifri li jinsabu f’dikjarazzjoni tal-VAT relatata ma’ perijodi mit-tielet perijodu ta’ dikjarazzjoni fl-2021, wara li tiġi ppreżentata dik id-dikjarazzjoni tal-VAT, għandhom isiru biss permezz ta’ aġġustamenti f’dikjarazzjoni sussegwenti.
2. L-emendi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu ppreżentati elettronikament lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni fi żmien tliet snin mid-data meta d-dikjarazzjoni inizjali kienet meħtieġa li tiġi ppreżentata.
Madankollu, ir-regoli tal-Istat Membru tal-konsum dwar il-valutazzjonijiet u l-emendi ma għandhomx jiġu affettwati.
Artikolu 61a
1. Persuna taxxabbli jew intermedjarju li jaġixxi f’isimha għandha tippreżenta d-dikjarazzjoni tal-VAT finali tagħha u kwalunkwe preżentazzjonijiet tardivi ta’ dikjarazzjonijiet preċedenti, u l-ħlasijiet korrispondenti, lill-Istat Membru li kien l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni fil-mument tal-waqfien, l-esklużjoni jew il-bidla, meta:
ittemm l-użu ta’ waħda mill-iskemi speċjali;
tiġi eskluża minn waħda mill-iskemi speċjali;
tbiddel l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 57f.
Kwalunkwe korrezzjoni fid-dikjarazzjonijiet finali u f’dawk preċedenti li tirriżulta wara l-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni finali għandha titwettaq direttament mal-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istat Membru tal-konsum ikkonċernat.
2. Fir-rigward tal-persuni taxxabbli kollha li jkun qed jaġixxi f’isimhom, l-intermedjarju għandu jippreżenta d-dikjarazzjonijiet tal-VAT finali u kwalunkwe preżentazzjonijiet tardivi ta’ dikjarazzjonijiet preċedenti, u l-ħlasijiet korrispondenti, lill-Istat Membru li kien l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni qabel it-tħassir jew il-bidla, meta:
jitħassar mir-reġistru ta’ identifikazzjoni;
ibiddel l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 57f(2).
Kwalunkwe korrezzjoni fid-dikjarazzjonijiet finali u f’dawk preċedenti li jirriżultaw wara l-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni finali għandhom jitwettqu direttament mal-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istat Membru tal-konsum ikkonċernat.
Artikolu 61b
Għall-applikazzjoni tal-Artikolu 369n tad-Direttiva 2006/112/KE, iż-żmien meta jiġi aċċettat il-ħlas ifisser il-ħin meta l-konferma tal-ħlas, il-messaġġ tal-awtorizzazzjoni tal-ħlas jew l-impenn ta’ ħlas mingħand il-klijent ikun ġie riċevut mill-persuna taxxabbli li tkun qed tagħmel użu mill-iskema ta’ importazzjoni jew f’isimha, irrispettivament minn meta jsir il-ħlas innifsu ta’ flus, skont liema wieħed jiġi l-ewwel.
Artikolu 61c
Meta Stat Membru ta’ identifikazzjoni li l-munita tiegħu ma tkunx l-euro jiddeċiedi li d-dikjarazzjonijiet tal-VAT għandhom isiru fil-munita nazzjonali tiegħu, dik id-deċiżjoni għandha tapplika għad-dikjarazzjonijiet tal-VAT tal-persuni taxxabbli kollha li qed jużaw l-iskemi speċjali.
Artikolu 62
Mingħajr preġudizzju għat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 63a, u l-Artikolu 63b, persuna taxxabbli jew l-intermedjarju li jaġixxi f’isimha għandha tagħmel kwalunkwe ħlas lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni.
Ħlasijiet tal-VAT li jsiru mill-persuna taxxabbli jew mill-intermedjarju li jaġixxi f’isimha skont l-Artikoli 367, 369i jew 369v tad-Direttiva 2006/112/KE, għandhom ikunu speċifiċi għad-dikjarazzjoni tal-VAT ppreżentata skont l-Artikoli 364, 369f jew 369s ta’ dik id-Direttiva. Kwalunkwe aġġustament sussegwenti tal-ammonti mħallsa għandu jsir mill-persuna taxxabbli jew mill-intermedjarju li jaġixxi f’isimha permezz ta’ referenza għal dik id-dikjarazzjoni biss u ma jistax jiġi allokat lil dikjarazzjoni oħra jew aġġustat f’dikjarazzjoni sussegwenti. Kull ħlas għandu jirreferi għan-numru ta’ referenza ta’ dik id-dikjarazzjoni speċifika.
Artikolu 63
L-Istat Membru ta’ identifikazzjoni li jirċievi ħlas żejjed minn dak li jirriżulta mid-dikjarazzjoni tal-VAT ppreżentata skont l-Artikoli 364, 369f jew 369s tad-Direttiva 2006/112/KE għandu jirrimborsa l-ħlas żejjed direttament lill-persuna taxxabbli kkonċernata jew lill-intermedjarju li jaġixxi f’isimha.
Meta Stat Membru ta’ identifikazzjoni jkun irċieva ammont fir-rigward ta’ dikjarazzjoni tal-VAT li sussegwentement irriżulta skorrett, u dak l-Istat Membru diġà qassam dak l-ammont lill-Istati Membri tal-konsum, kull wieħed minn dawk l-Istati Membri tal-konsum għandu jħallas lura l-parti rispettiva ta’ kull ħlas żejjed direttament lill-persuna taxxabbli jew lill-intermedjarju li jaġixxi f’isimha.
Madanakollu, meta l-ħlas żejjed huwa relatat ma’ perijodi sal-aħħar perijodu ta’ dikjarazzjoni fl-2018 u b’dan inkluż, l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu jħallas lura l-porzjon rilevanti tal-parti korrispondenti tal-ammont li nżamm f’konformità mal-Artikolu 46(3) tar-Regolament (UE) Nru 904/2010 u l-Istat Membru ta’ konsum għandu jħallas lura l-ħlas żejjed nieqes l-ammont li għandu jitħallas lura mill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni.
L-Istati Membri tal-konsum għandhom jinformaw, b’mezzi elettroniċi, lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni dwar l-ammont ta’ dawk il-ħlasijiet lura.
Artikolu 63a
Meta persuna taxxabbli jew l-intermedjarju li jaġixxi f’isimha tippreżenta dikjarazzjoni tal-VAT skont l-Artikoli 364, 369f jew 369s tad-Direttiva 2006/112/KE, iżda ma jkun sar ebda ħlas jew il-ħlas ikun inqas minn dak li jirriżulta mid-dikjarazzjoni, fl-għaxar jum wara l-aħħar jum li fih kellu jsir il-ħlas skont l-Artikoli 367, 369i jew 369v tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu jfakkar, b’mezzi elettroniċi, lill-persuna taxxabbli jew lill-intermedjarju li jaġixxi f’isimha dwar kwalunkwe ħlas tal-VAT dovut.
L-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu jinforma, b’mezzi elettroniċi, lill-Istati Membri tal-konsum li t-tfakkira ntbagħtet.
Kwalunkwe tfakkira sussegwenti u l-passi li ttieħdu biex tinġabar il-VAT għandhom ikunu taħt ir-responsabbiltà tal-Istat Membru tal-konsum ikkonċernat. Meta tali tfakkiriet sussegwenti jkunu nħarġu minn Stat Membru ta’ konsum, il-VAT korrispondenti għandha titħallas lil dak l-Istat Membru.
L-Istat Membru ta’ konsum għandu jinforma, b’mezzi elettroniċi, lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni li nħarġet tfakkira.
Artikolu 63b
Meta ma tkun ġiet ippreżentata l-ebda dikjarazzjoni tal-VAT, jew meta d-dikjarazzjoni tal-VAT tkun ġiet ppreżentata tard jew tkun inkompluta jew tkun skorretta, jew meta l-ħlas tal-VAT ikun tard, kwalunkwe mgħax, penali jew kwalunkwe tariffi oħra għandhom jiġu kkalkulati u vvalutati mill-Istat Membru tal-konsum. Il-persuna taxxabbli jew l-intermedjarju li jaġixxi f’isimha għandha tħallas tali mgħax, penali jew kull tariffa oħra direttament lill-Istat Membru tal-konsum.
Artikolu 63c
1. Sabiex jitqiesu bħala dettaljati biżżejjed skont it-tifsira tal-Artikoli 369 u 369k tad-Direttiva 2006/112/KE, ir-reġistri miżmuma mill-persuna taxxabbli għandu jkun fihom l-informazzjoni li ġejja:
l-Istat Membru tal-konsum fejn huma pprovduti l-merkanzija jew is-servizzi;
it-tip ta’ servizzi jew id-deskrizzjoni u l-kwantità ta’ merkanzija pprovduta;
id-data tal-provvista tal-merkanzija jew tas-servizzi;
l-ammont taxxabbli b’indikazzjoni tal-munita użata;
kull żieda jew tnaqqis sussegwenti tal-ammont taxxabbli;
ir-rata ta’ VAT applikata;
l-ammont ta’ VAT li għandu jitħallas b’indikazzjoni tal-munita użata;
id-data u l-ammont ta’ ħlasijiet riċevuti;
kwalunkwe ħlas fuq il-kont riċevut qabel il-provvista tal-merkanzija jew tas-servizzi;
meta tinħareġ irċevuta, l-informazzjoni li tinsab fuq l-irċevuta;
fir-rigward tas-servizzi, l-informazzjoni użata biex jiġi ddeterminat il-post fejn il-klijent huwa stabbilit jew għandu l-indirizz permanenti tiegħu jew li s-soltu jirrisjedi fih u, fir-rigward tal-merkanzija, l-informazzjoni użata biex jiġi ddeterminat il-post fejn jibda u jispiċċa d-dispaċċ jew it-trasport tal-merkanzija lill-klijent;
kwalunkwe prova ta’ dikjarazzjonijiet possibbli ta’ merkanzija, inkluż l-ammont taxxabbli u r-rata tal-VAT applikati.
2. Sabiex jitqiesu bħala dettaljati biżżejjed skont it-tifsira tal-Artikolu 369x tad-Direttiva 2006/112/KE, ir-reġistri miżmuma mill-persuna taxxabbli jew mill-intermedjarju li jaġixxi f’isimha għandu jkun fihom l-informazzjoni li ġejja:
l-Istat Membru tal-konsum fejn hija pprovduta l-merkanzija;
id-deskrizzjoni u l-kwantità ta’ merkanzija pprovduta;
id-data tal-provvista tal-merkanzija;
l-ammont taxxabbli b’indikazzjoni tal-munita użata;
kull żieda jew tnaqqis sussegwenti tal-ammont taxxabbli;
ir-rata ta’ VAT applikata;
l-ammont ta’ VAT li għandu jitħallas b’indikazzjoni tal-munita użata;
id-data u l-ammont ta’ ħlasijiet riċevuti;
meta tinħareġ irċevuta, l-informazzjoni li tinsab fuq l-irċevuta;
l-informazzjoni użata biex jiġi ddeterminat il-post fejn jibda u jispiċċa d-dispaċċ jew it-trasport tal-merkanzija lill-klijent;
prova ta’ dikjarazzjonijiet possibbli ta’ merkanzija, inkluż l-ammont taxxabbli u r-rata tal-VAT applikati;
in-numru tal-ordni jew in-numru uniku tat-tranżazzjoni;
in-numru uniku tal-kunsinna fejn dik il-persuna taxxabbli hija direttament involuta fil-konsenja.
3. L-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandha tiġi rreġistrata mill-persuna taxxabbli jew mill-intermedjarju li jaġixxi f’isimha b’tali mod li tista’ tkun disponibbli b’mezzi elettroniċi mingħajr dewmien u għal kull oġġett individwali jew servizz ipprovdut.
Fejn persuna taxxabbli jew l-intermedjarju li jaġixxi f’isimha tkun intalbet tippreżenta, b’mezzi elettroniċi, ir-rekords imsemmija fl-Artikoli 369, 369k u 369x tad-Direttiva 2006/112/KE u din tonqos milli tippreżentahom fi żmien 20 jum mid-data tat-talba, l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu jfakkar lill-persuna taxxabbli jew l-intermedjarju li jaġixxi f’isimha biex tippreżenta dawk ir-reġistri. L-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu jinforma b’mezzi elettroniċi lill-Istati Membri tal-konsum li t-tfakkira ntbagħtet.”.
fil-Kapitolu XI tiddaħħal it-Taqsima li ġejja:
“TAQSIMA 3
Arranġamenti speċjali għad-dikjarazzjoni u għall-ħlas tal-VAT fuq l-importazzjoni
(Artikoli 369y sa 369zb tad-Direttiva 2006/112/KE)
Artikolu 63d
L-applikazzjoni għall-ħlas ta’ kull xahar tal-VAT fuq l-importazzjoni f’konformità mal-arranġamenti speċjali għad-dikjarazzjoni u għall-ħlas tal-VAT fuq l-importazzjoni prevista fil-Kapitolu 7 tat-Titolu XII tad-Direttiva 2006/112/KE tista’ tkun suġġetta għall-kondizzjonijiet applikabbli għad-differiment tal-ħlas ta’ dazju doganali f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. ( *1 )
Għall-fini tal-applikazzjoni tal-arranġamenti speċjali, l-Istati Membri jistgħu jqisu l-kundizzjoni ‘ li tippreżenta l-merkanzija lid-dwana għan-nom tal-persuna li għaliha tkun il-merkanzija’ bħala ssodisfata jekk il-persuna li tippreżenta l-merkanzija lid-dwana tiddikjara l-intenzjoni tagħha li tagħmel użu tal-arranġamenti speċjali u li tiġbor il-VAT mingħand il-persuna li għaliha tkun destinata l-merkanzija.”.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2021.
Madankollu, l-Istati Membri għandhom jippermettu lill-persuni taxxabbli u lill-intermedjarji li jaġixxu f’isimhom biex jippreżentaw l-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikoli 360, 369c jew 369o tad-Direttiva 2006/112/KE għar-reġistrazzjoni taħt l-iskemi speċjali mill-1 ta’ April 2021.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
( *1 ) Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).