Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D0713(01)

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Lulju 2017 dwar il-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tad-dokument uniku li hemm referenza għalih fl-Artikolu 94(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u tar-referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott għal isem fis-settur tal-inbid [Skalický rubín (DOP)]

C/2017/4728

ĠU C 224, 13.7.2017, p. 9–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

13.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 224/9


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-12 ta’ Lulju 2017

dwar il-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tad-dokument uniku li hemm referenza għalih fl-Artikolu 94(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u tar-referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott għal isem fis-settur tal-inbid [Skalický rubín (DOP)]

(2017/C 224/04)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 97(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Is-Slovakkja bagħtet applikazzjoni għall-protezzjoni tal-isem “Skalický rubín” skont it-Taqsima 2 tal-Kapitolu I tat-Titolu II tal-Parti II tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

(2)

F’konformità mal-Artikolu 97(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-Kummissjoni eżaminat dik l-applikazzjoni u kkonkludiet li l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 93 sa 96, l-Artikolu 97(1) u l-Artikoli 100, 101 u 102 ta’ dak ir-Regolament huma ssodisfati.

(3)

Sabiex ikunu jistgħu jitressqu d-dikjarazzjonijiet ta’ oġġezzjoni skont l-Artikolu 98 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, id-dokument uniku msemmi fl-Artikolu 94(1)(d) ta’ dak ir-Regolament u r-referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott li saret matul il-proċedura preliminari nazzjonali għall-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni tal-isem “Skalický rubín” għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu uniku

Id-dokument uniku stabbilit skont l-Artikolu 94(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u r-referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott għall-isem “Skalický rubín” (DOP) jinsabu fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Skont l-Artikolu 98 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni tagħti d-dritt ta’ oġġezzjoni għall-protezzjoni tal-isem speċifikat fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu fi żmien xahrejn mid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Lulju 2017.

Għall-Kummissjoni

Phil HOGAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671


ANNESS

DOKUMENT UNIKU

“SKALICKÝ RUBÍN”

PDO-SK-01899

Data tas-sottomissjoni: 17.12.2014

1.   Isem/ismijiet

Skalický rubín

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

DOP - Denominazzjoni ta’ oriġini protetta

3.   Kategoriji tal-prodotti tad-dwieli

1.

Inbid

4.   Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed

Skalický rubín

Skalický rubín huwa nbid aħmar magħmul esklussivament mill-fermentazzjoni alkoħolika sħiħa jew parzjali tal-għeneb frisk tal-varjetajiet Frankovka modrá, Svätovavrinecké u Modrý Portugal biss. Dan l-inbid irid jiġi prodott billi jintuża biss għeneb li jiġi kkultivat fit-territorju ddefinit b’mod preċiż fuq l-għolja ta’ Vintoperk; l-inbid jikseb il-karattru tiegħu mill-kompożizzjoni karatteristika tal-ħamrija tal-għolja. L-inbid huwa kkaratterizzat minn togħma qawwija, kontenut għoli ta’ tannin u mil-lewn tiegħu, li jagħtu lill-inbid l-isem storiku tiegħu.

Karatteristiċi organolettiċi:

Ċarezza- l-inbid irid ikun ċar u kemxejn frizzanti, jista’ jinkludi fibri iżolati derivati mill-filtru, kristalli fini ta’ tartru u preċipitazzjoni żgħira ta’ pigmenti.

Lewn- l-inbid irid ikollu kulur aħmar skur ħafna; il-kulur tal-inbid aktar antik jista’ jkun inqas intens u b’xi sfumaturi kannella.

Aroma- b’togħma tipika ta’ frott u sottili f’kull żmien; meta jimmatura u jkun lest biex jitqiegħed fil-flixkun l-aroma tfakkar fl-għanbaqar u fil-ġamm tal-għanbaqar.

Togħma- ġenwina, qawwija u armonjuża.

Karatteristiċi analitiċi ġenerali

Qawwa alkoħolika totali massima (f’volum %)

15

Qawwa alkoħolika attwali minima (f’volum %)

9,5

Aċidità totali minima

3,5 meq/l

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

20

Total ta’ diossidu tal-kubrit massimu (f’milligrammi għal kull litru)

150

5.   Metodi tal-produzzjoni tal-inbid

a.   Metodi enoloġiċi essenzjali

Skalický rubín

Metodi enoloġiċi speċifiċi - Dispożizzjonijiet komuni:

L-għeneb kollu użat għall-produzzjoni ta’ dan l-inbid irid joriġina miż-żona ġeografika ddefinita deskritta fit-Taqsima 5 tad-Dokument Uniku. L-ipproċessar irid isir fiż-żona ddefinita, sabiex il-materja prima użata u l-ipproċessar tekniku jkunu jistgħu jiġu mmonitorjati. L-ibbottiljar jista’ jsir barra miż-żona, iżda biss meta l-prodott ikun lest, li ma jistax ikompli jiġi pproċessat ladarba jkun ħalla l-impjant fiż-żona kkonċernata.

Il-metodu għall-produzzjoni tal-inbid:

L-inbid huwa taħlita ta’ varjetajiet permessi, u hemm żewġ metodi ta’ produzzjoni differenti possibbli:

(a)

L-inbid huwa prodott billi jitħalltu t-tipi ta’ nbejjed rilevanti permessi, li jiġu prodotti separatament u jiġu mħallta wara l-ipproċessar teknoloġiku fil-proporzjon rilevanti.

(b)

L-inbid huwa prodott mill-fermentazzjoni alkoħolika tal-għeneb frisk tal-varjetajiet rilevanti permessi.

Għall-produzzjoni tal-inbid, l-għeneb irid ikollu kontenut ta’ zokkor ta’ mill-inqas 16 °NM fil-mument li jinqata’. L-għeneb jew il-most jistgħu jiġu arrikkiti sa massimu ta’ 24 °NM, l-arrikkiment tal-most huwa permess skont ir-regoli speċifiċi (ir-Regolament (KE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill).

b.   Produzzjoni massima

Skalický rubín

18 000 kg ta’ għeneb għal kull ettaru

Għat-terminu tradizzjonali Akostné víno (inbid ta’ kwalità)

17 500 kg ta’ għeneb għal kull ettaru

Għat-terminu tradizzjonali Akostné víno s prívlastkom (inbid ta’ kwalità b’attribut)

12 000 kg ta’ għeneb għal kull ettaru

6.   Żona demarkata

L-unità ġeografika għall-produzzjoni ta’ Skalický rubín hija demarkata mill-konfini taż-żona katastali tal-belt ta’ Skalica u minn dawk taż-żoni katastali tal-muniċipalitajiet ta’ Mokrý Háj, Popudinské Močidľany, Prietržka, Radošovce u Vrádište. L-unità ġeografika tkopri żona ta’ madwar 50 km2.

7.   Id-dwieli ewlenin tal-inbid

 

Svätovavrinecké

 

Frankovka modrá

 

Modrý Portugal

8.   Deskrizzjoni tar-rabta/rabtiet

Skalický rubín

Iż-żona tinsab f’qiegħ il-Karpazji Bojod, fejn il-qoxra tad-dinja hija ġeoloġikament deformata minħabba l-baċin tax-Xmara Morava. Il-ħamrija hija fil-biċċa l-kbira chernozem (ħamrija sewda għammiela), li fiha r-ramel u t-tafal, b’sottoswol ġebli li jipprovdi l-indewwa. Iż-żona hija kkaratterizzata minn xita qawwija matul ir-rebbiegħa, maltempati matul ix-xhur tas-sajf u ħarifa xotta. F’dawn l-aħħar snin, il-medja tal-preċipitazzjoni kienet ta’ 565 mm fis-sena. Il-medja annwali ta’ xemx (1 857 siegħa fis-sena) tippermetti li l-għeneb iswed jimmatura biżżejjed.

L-abitanti taż-żona ilhom jużaw dawn il-kundizzjonijiet biex jikkultivaw id-dwieli tal-għeneb sa mis-seklu 9, kif ikkonfermat minn sejbiet arkeoloġiċi ta’ għodda għat-tkabbir tad-dwieli f’Kopečnica.

Il-ħarifa twila u bix-xemx li bis-saħħa tagħha jkun possibbli l-ħsad tardiv sal-aħħar ta’ Ottubru tippermetti grad għoli ta’ maturazzjoni fil-varjetajiet tal-għeneb iswed, li sussegwentement jiġu proċessati f’kantini li jinsabu fiż-żona tal-vinji jew qrib ħafna tagħhom, u b’hekk jitnaqqas iż-żmien bejn il-ħsad u l-ipproċessar tal-għeneb u jkunu jistgħu jiġu pproċessati f’mosti b’mod delikat ħafna. Dawn jiffermentaw bil-qoxra tagħhom, il-medja ta’ żmien tal-fermentazzjoni dettata mill-kundizzjonijiet klimatiċi fil-kantini jew mill-fermentazzjoni teknika kkontrollata. Il-fermentazzjoni malolattika sussegwenti tnaqqas il-kontenut tal-aċidu, u l-maturazzjoni tal-inbid għal bejn 12 u 18-il xahar tagħti lill-prodott finali aroma delikata ta’ frott u togħma bellusija.

Fi snin tajba, l-għeneb jinqata’ b’kontenut għoli ta’ zokkor li jagħmilha possibbli li jiġu prodotti nbejjed bl-attribut “výber z hrozna” li ġeneralment ikunu ferm estrattivi u jkollhom riħa qawwija. Mhuwiex permess li l-inbid jiġi mmodifikat pemezz tal-maturazzjoni fil-krietel jew billi jiġi miżjud il-laqx tal-injam, jew li jiġi prodott ľadové vino (“ice wine”) jew slamové víno (“straw wine”).

Anke f’ħarifa xotta, is-sottoswol tafli tqil tal-vinji jiżgura li d-dwieli jkollhom biżżejjed indewwa sabiex l-għeneb ma jinxifx. F’din iż-żona, id-dwieli jitkabbru fl-aktar pożizzjonijiet xierqa, fl-aħjar postijiet, f’vinji żgħar b’karatteristiċi tal-ħamrija, gradjenti u direzzjonijiet tal-inklinazzjoni differenti, li, wara t-taħlit, fl-aħħar mill-aħħar jagħtu stabbiltà lill-prodott finali. L-inbejjed jiġu maħżuna f’kantini sotterranji oriġinali bil-klima naturali u l-atmosfera karatteristika tagħhom stess.

Il-kantini huma kmamar taħt l-art mibnija fl-għoljiet u jiġu aċċessati mill-kamra li fiha jsir l-għasir tal-inbid. Fil-biċċa l-kbira dawn ikunu bl-arkati u jinsabu f’fond ta’ 1,5 – 5 m, jiddependi mill-gradjent tal-inklinazzjoni li fuqha jiġu mibnija. Dan jiżgura li t-temperatura tibqa’ stabbli, f’medda ta’ bejn 8 u 15 °C, b’livell ta’ ndewwa xieraq u stabbli. Fl-unità ġeografika hemm madwar 2 000 kantina bħal dawn. Xi wħud ilhom aktar minn 300 sena, iżda ħafna minnhom imorru lura għas-seklu 20. L-erja tagħhom tvarja minn 15 m2 sa bosta mijiet ta’ metri kwadri.

Is-sitwazzjoni ġeografika, il-viċinanza mal-fruntiera nazzjonali tal-art, il-materjal tal-vinji u l-qagħda soċjali tas-sidien tal-kantini pprovdew il-bażi għall-iżvilupp tal-inbid tal-marka ta’ kwalità Skalický rubín (značkové víno) fis-snin 1920.

L-għeneb jimmatura fuq medja ta’ 19 °NM, meta jkollu kontenut ta’ aċtu ta’ aktar minn 6 g/l, li jippermetti li bis-saħħa tiegħu jiġu prodotti nbejjed ta’ kwalità tajba.

L-aspett tradizzjonali tal-isem huwa kkonfermat mill-fatti li ġejjin:

L-inbid tal-marka ta’ kwalità Skalický rubín beda fl-1924, kif muri mill-pubbliċità f’Slovácko VII fl-1965, fejn jissemma fit-taqsima dwar il-kultivazzjoni tad-dwieli fi Skalica.

Id-denominazzjoni Skalický rubín ilha inkluża fir-reġistru tad-denominazzjonijiet tal-oriġini tal-WIPO f’Ġinevra sa mit-22 ta’ Novembru 1967; din kienet ilha mill-1974 fuq ir-reġistru tal-Uffiċċju Federali għall-Invenzjonijiet u minn meta nqasmet l-eks Ċekoslovakkja, kienet fuq ir-reġistru miżmum mill-Uffiċċju Slovakk tal-Proprjetà Industrijali.

L-indikazzjoni gawdiet ukoll mill-protezzjoni taħt ftehimiet bilaterali: it-Trattat bejn ir-Repubblika Soċjalista Ċekoslovakka u r-Repubblika tal-Awstrija dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet tas-sors, id-denominazzjonijiet tal-oriġini u d-denominazzjonijiet l-oħra li jirreferu għas-sors tal-prodotti agrikoli u industrijali (1981); il-Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika Soċjalista Ċekoslovakka u l-Gvern tar-Repubblika Portugiża dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet tas-sors, id-denominazzjonijiet ta’ oriġini u d-denominazzjonijiet ġeografiċi oħra u simili (1987).

Il-kliem tal-indikazzjoni ġie inkluż ukoll f’diversi trademarks irreġistrati (skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ f’dak iż-żmien).

It-tikketta storika bis-sena 1974 ukoll tixhed l-aspett tradizzjonali tal-isem.

Id-drittijiet kollha msemmija qabel inkisbu b’relazzjoni mal-inbid u d-denominazzjoni tal-inbid miż-żona ġeografika ddefinita.

L-isem Skalický rubín huwa isem kompost li jikkonsisti mill-isem ġeografiku Skalický u t-terminu addizzjonali rubín li jirreferi għal-lewn tal-inbid. L-isem ġeografiku ġej mill-isem tal-belt ta’ Skalica kif ukoll mill-isem tas-sottoreġjun tal-inbid ta’ Skalický (Skalický vinohradnícky rajón), li jagħmel parti mir-reġjun tal-inbid ta’ Malokarpatská (Malokarpatská vinohradnícká oblast). Id-diviżjoni tar-reġjuni tal-inbid f’sottoreġjuni għandha bażi storika u hija mnaqqxa fil-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti.

L-inbid huwa magħmul minn għeneb b’kontenut ta’ zokkor ta’ mill-inqas 16 °NM. Il-kontenut taz-zokkor jista’ jiġi aġġustat skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ. L-għadd tal-blanzuni tad-dielja jitħalla f’livell li jippermetti li jiġu prodotti rendimenti ta’ mhux aktar minn 18 t/ha. Ħafna mill-inbid – kważi 100 % ta’ dak li jiġi prodott – huwa inbid xott b’kontenut ta’ zokkor residwu sa 2 g/l. Minħabba li jista’ jiġi arrikkit biz-zokkor, il-qawwa alkoħolika tiegħu tista’ tilħaq il-15 % vol.

Il-grass għal grass tafli jagħti aktar mineralità lill-inbejjed; il-valuri medji għall-estratt mingħajr zokkor ikunu għaldaqstant għolja sa 19,0 g/l.

9.   Kundizzjonijiet essenzjali oħra

Skalický rubín

Qafas legali:

Leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ kundizzjoni ulterjuri:

Dispożizzjonijiet addizzjonali dwar it-tikkettar

Deskrizzjoni tal-kundizzjoni:

L-Att dwar il-vitikultura u l-produzzjoni tal-inbid Nru 313/2009, kif emendat.

Id-denominazzjoni ta’ oriġini protetta kif imsemmija f’din l-ispeċifikazzjoni tista’ tintuża biss f’waħda minn dawn iż-żewġ varjanti:

Skalický rubín

SKALICKÝ RUBÍN

Din l-ispeċifikazzjoni ma tistipulax id-daqs jew it-tip tat-tipa li għandha tintuża.

Link għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott

http://www.upv.sk/swift_data/source/pdf/specifikacie_op_oz/Skalicky%20rubin.pdf


Top
  翻译: