This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32020R1112
Council Implementing Regulation (EU) 2020/1112 of 20 July 2020 amending Implementing Regulation (EU) 2019/2026 as regards the dates of application in response to the COVID-19 pandemic
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1112 tal-20 ta’ Lulju 2020 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2026 f’dak li jirrigwarda d-dati tal-applikazzjoni b’rispons għall-pandemija tal-COVID-19
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1112 tal-20 ta’ Lulju 2020 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2026 f’dak li jirrigwarda d-dati tal-applikazzjoni b’rispons għall-pandemija tal-COVID-19
ST/9125/2020/INIT
ĠU L 244, 29.7.2020, p. 9–10
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
29.7.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 244/9 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1112
tal-20 ta’ Lulju 2020
li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2026 f’dak li jirrigwarda d-dati tal-applikazzjoni b’rispons għall-pandemija tal-COVID-19
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 397 tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 (2) jistabbilixxi dispożizzjonijiet dettaljati għall-iskemi speċjali għall-persuni taxxabbli li jipprovdu ċerti servizzi lil persuni mhux taxxabbli. |
(2) |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/2026 (3) jemenda dawk id-dispożizzjonijiet biex jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-iskemi speċjali eżistenti u jintroduċi skema ġdida sabiex jimmodernizza l-qafas leġiżlattiv tal-Unjoni għat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) għall-kummerċ elettroniku transkonfinali min-negozju għall-konsumatur (BC2). Dawk l-emendi jridu jibdew japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2021. |
(3) |
Fit-30 ta’ Jannar 2020, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (id-WHO) iddikjarat it-tifqigħa tal-COVID-19 bħala emerġenza tas-saħħa pubblika ta’ tħassib internazzjonali. Fil-11 ta’ Marzu 2020, id-WHO ddikjarat it-tifqigħa tal-COVID-19 bħala pandemija. Il-pandemija tal-COVID-19 affettwat lill-Istati Membri kollha. Minħabba ż-żieda allarmanti fil-każijiet u n-nuqqas ta’ disponibbiltà immedjata ta’ mezzi effiċjenti biex jittrattaw il-pandemija tal-COVID-19, bosta Stati Membri ddikjaraw stat ta’ emerġenza nazzjonali. |
(4) |
Il-pandemija tal-COVID-19 tikkostitwixxi emerġenza mhux mistennija u bla preċedent li taffettwa ħafna lill-Istati Membri kollha u ġġiegħelhom jieħdu azzjoni minnufih fil-livell nazzjonali biex jindirizzaw il-kriżi attwali bħala prijorità billi jirriallokaw ir-riżorsi riżervati għal kwistjonijiet oħra. Bħala riżultat ta’ din il-kriżi, diversi Stati Membri qed jiffaċċaw diffikultajiet biex jiffinalizzaw l-iżvilupp tas-sistemi tal-IT li huma meħtieġa għall-applikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2026 mill-1 ta’ Jannar 2021. Għalhekk, diversi Stati Membri, kif ukoll operaturi tas-servizzi postali u tal-kurriera talbu l-posponiment tad-dati tal-applikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2026. |
(5) |
Meta wieħed iqis l-isfidi li qegħdin jiffaċċaw l-Istati Membri biex jindirizzaw il-kriżi tal-COVID-19 u l-fatt li d-dispożizzjonijiet il-ġodda huma bbażati fuq il-prinċipju li l-Istati Membri kollha jridu jaġġornaw is-sistemi tagħhom tal-IT biex ikunu jistgħu japplikaw ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2026, u jiżguraw il-ġbir u t-trażmissjoni tal-informazzjoni u l-pagamenti skont l-iskemi modifikati, huwa neċessarju li d-dati tal-applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni jiġu posposti b’sitt xhur. Posponiment ta’ sitt xhur huwa xieraq, billi jenħtieġ li d-dewmien jinżamm qasir kemm jista’ jkun sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun aktar telf mill-baġits għall-Istati Membri. |
(6) |
Minħabba l-impatt sinifikanti tat-tfixkil ekonomiku u d-diffikultajiet addizzjonali possibbli li jirriżultaw mill-pandemija tal-COVID-19 u sabiex tiġi appoġġata l-applikazzjoni korretta u f’waqtha tar-regoli l-ġodda tal-VAT għall-kummerċ elettroniku, il-Kummissjoni tista’ taħdem mill-qrib mal-Istati Membri kkonċernati biex tissorvelja l-adattament tas-sistemi nazzjonali tal-IT u biex tipprovdi assistenza teknika kull meta jkun hemm bżonn. |
(7) |
Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2026 jiġi emendat skont dan, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2026 huwa emendat kif ġej:
(1) |
fil-punt (5) tal-Artikolu 1, il-paragrafu 1 il- ġdid tal-Artikolu 61 tar- Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011 huwa sostitwit b’dan: “1. Bidliet fiċ-ċifri li jinsabu f’dikjarazzjoni tal-VAT relatata ma’ perijodi sat-tieni perijodu ta’ dikjarazzjoni fl-2021 u b’dan inkluż, wara li tiġi ppreżentata dik id-dikjarazzjoni tal-VAT, għandhom isiru biss permezz ta’ emendi għal dik id-dikjarazzjoni u mhux permezz ta’ aġġustamenti f’dikjarazzjoni sussegwenti. Bidliet fiċ-ċifri li jinsabu f’dikjarazzjoni tal-VAT relatata ma’ perijodi mit-tielet perijodu ta’ dikjarazzjoni fl-2021, wara li tiġi ppreżentata dik id-dikjarazzjoni tal-VAT, għandhom isiru biss permezz ta’ aġġustamenti f’dikjarazzjoni sussegwenti.”; |
(2) |
fl-Artikolu 2, it-tieni u t-tielet paragrafi huma sostotwiti b’dan li ġej: “Għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2021. Madankollu, l-Istati Membri għandhom jippermettu lill-persuni taxxabbli u lill-intermedjarji li jaġixxu f’isimhom biex jippreżentaw l-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikoli 360, 369c jew 369o tad-Direttiva 2006/112/KE għar-reġistrazzjoni taħt l-iskemi speċjali mill-1 ta’ April 2021.”. |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Lulju 2020.
Għall-Kunsill
Il-President
M. ROTH
(1) ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 tal-15 ta’ Marzu 2011 li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 77, 23.3.2011, p. 1).
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/2026 tal-21 ta’ Novembru 2019 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011 fir-rigward ta’ provvisti ta’ merkanzija jew servizzi ffaċilitati permezz ta’ interfaċċi elettroniċi u l-iskemi speċjali għal persuni taxxabbli li jipprovdu servizzi lil persuni mhux taxxabbli, li jbigħu b’distanza merkanzija u xi provvisti domestiċi ta’ merkanzija (ĠU L 313, 4.12.2019, p. 14).