Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007AE1442

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta' l- Impriża Komuni ARTEMIS sabiex timplimenta Inizjattiva Teknoloġika Konġunta fis-Sistemi Integrati tal-Kompjuter COM(2007) 243 finali — 2007/0088 (CNS)

ĠU C 44, 16.2.2008, p. 15–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 44/15


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta' l-‘Impriża Komuni ARTEMIS’ sabiex timplimenta Inizjattiva Teknoloġika Konġunta fis-Sistemi Integrati tal-Kompjuter”

COM(2007) 243 finali — 2007/0088 (CNS)

(2008/C 44/03)

Nhar il-11 ta' Ġunju 2007, il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea ddeċieda, skond l-Artikolu 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta' l-“Impriża Komuni ARTEMIS” sabiex timplimenta Inizjattiva Teknoloġika Konġunta fis-Sistemi Integrati tal-Kompjuter.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-4 ta' Ottubru. Ir-rapporteur kien is-Sur Dantin.

Matul l-439 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-24 u fil-25 ta' Ottubru 2007 (seduta ta' l-24 ta' Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'127 vot favur, 2 voti kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE japprova b'mod ġenerali l-istrateġija tal-Kummissjoni. Jemmen li t-tnedija mill-ġdid ta' l-investimenti fir-Riċerka u l-Iżvilupp (R&D) huwa mod adattat sabiex l-intrapriżi Ewropej jingħataw qafas stabbli ta' referenza permezz ta' strument ġdid li jippermetti li tingħeleb il-frammentazzjoni attwali tal-finanzjament Komunitarju u jevita firxa inugwali ta' programmi li bilkemm jippermettu l-evalwazzjoni tar-riżultati miksuba.

1.2

Il-Kumitat japprova l-proposta mħabbra li kull sena jiġu ppreżentati r-riżultati ta' ARTEMIS. Min-naħa l-oħra, il-Kumitat jiddispjaċih għan-nuqqas ta' stima ddettaljata dwar it-tħaddim u r-riżultati miksuba minn dawk li qabel kienu jissejħu l-“Pjattaformi Ewropej tat-Teknoloġija”.

1.3

Għall-Kumitat, l-Impriża Konġunta ARTEMIS, li hija bbażata fuq sħubija pubblika-privata, tirrappreżenta bażi soda għall-ħolqien ta' Żona Ewropea tar-Riċerka u kontribut importanti għall-kompetittività ta' l-intrapriżi Ewropej.

1.4

Billi jagħti opinjoni favorevoli għall-proposta li qiegħda tiġi kkunsidrata, il-KESE jenfasizza l-importanza ta' l-istrateġija innovattiva li hija proposta fir-rigward ta' l-investimenti li jiġbru r-riżorsi tal-Komunità, ta' l-intrapriżi, ta' l-Istati Membri differenti u tal-korpi ta' R&D li qegħdin jipparteċipaw.

1.5

Fir-rigward ta' din l-istruttura kollaborattiva innovattiva u li tista' ssir kumplessa fejn jidħol l-użu tal-prodotti tar-riċerka li għandhom jitwettqu, il-KESE jilqa' l-importanza u l-preċiżjoni li ngħataw lill-proprjetà intelletwali fl-Artikolu 24 tar-Regolament ta' l-Impriża Konġunta.

1.6

Fl-aħħar, il-Kumitat iqis dan li ġej bħala neċċessarju:

is-semplifikazzjoni reali tal-proċeduri, b'mod partikulari minħabba l-effett negattiv li kellha l-burokrazija fuq il-programmi preċedenti ta' R&D;

programm ta' tagħrif imniedi sabiex iħeġġeġ il-mobilizzazzjoni tar-riżorsi ekonomiċi meħtieġa;

it-twaqqif ta' programmi ta' taħriġ vokazzjonali li jassiguraw li l-kwalifiki tal-ħaddiema jaqblu ma' l-impjiegi maħluqin minn ARTEMIS bil-għan li jinħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tissawwar il-leadership industrijali f'dan is-settur strateġiku.

2.   Introduzzjoni

2.1

Il-proposta għal Regolament tal-Kunsill li qiegħda tiġi analizzata għandha l-għan li tniedi l-ewwel sħubijiet Ewropej pubbliċi-privati fil-qasam ta' l-R&D. Tiddefinixxi waħda mill-ewwel żewġ Inizjattivi ta' Teknoloġija Konġunti (JTIs). Din tikkonċerna s-Sistemi Integrati tal-Kompjuter (1).

2.2

L-għan ġenerali tal-JTIs huwa li jippermettu lill-industrija, lill-organizzazzjonijiet ta' riċerka, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni li jallokaw ir-riżorsi tagħhom kollha jew parti minnhom favur programmi magħżula ta' riċerka.

2.3

Kontrarjament għall-istrateġija tradizzjonali li tinvolvi l-provvediment ta' finanzjament pubbliku lill-proġetti każ b'każ, il-JTIs jikkonċernaw programmi ta' riċerka fuq skala kbira li għandhom għanijiet ta' riċerka strateġiċi komuni. Dan l-approċċ ġdid għandu joħloq massa kritika għar-riċerka u l-inovazzjoni Ewropej, jikkonsolida l-komunità xjentifika f'oqsma strateġiċi ewlenin u jarmonizza l-finanzjament tal-proġetti sabiex ir-riżultati tar-riċerka jkunu jistgħu jintużaw aktar malajr.

2.4

Din il-proposta tipprovdi l-qafas legali li fuqu huwa bbażat ARTEMIS, il-JTI dwar is-Sistemi Integrati tal-Kompjuter.

2.5

Il-JTI ARTEMIS tikkonċerna l-kompjuters inviżibbli (sistemi integrati) li jħaddmu għadd ta' magni, minn karozzi u ajruplani sa telefons, netwerks ta' enerġija kif ukoll għadd ta' apparati domestiċi bħal magni tal-ħasil, settijiet tat-televiżjoni, eċċ.

2.6

Skond il-previżjonijiet, fid-dinja ser ikun hawn aktar minn 16-il biljun proċessur integrat sa l-2010 u aktar minn 40 biljun sa l-2020. Fl-2010, dawn is-software u hardware inviżibbli ser jirrappreżentaw minn 30 sa 40 % tal-valur ta' prodotti ġodda: fl-oġġetti għall-konsumaturi (41 %), fit-telekomunikazzjonijiet (37 %), fil-karozzi (36 %) u fit-tagħmir għas-saħħa (33 %).

2.7

Il-baġit ARTEMIS allokat għar-riċerka ser jilħaq it-total ta' EUR 2.7 biljun fuq perijodu ta' seba' snin. 60 % minn dan ser jiġi mill-industrija, EUR 410 miljun mill-Kummissjoni u EUR 800 miljun mill-programmi ta' l-Istati Membri.

3.   Il-kuntest

3.1

It-Teknoloġiji ta' l-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICTs) għandhom importanza ekonomika u soċjali fundamentali u jaqdu rwol essenzjali fl-implimentazzjoni ta' l-istrateġija riveduta ta' Lisbona li tenfasizza li l-għarfien u l-innovazzjoni fl-UE jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku u għall-impjiegi.

3.2

Fuq livell globali, filwaqt li n-nefqa totali ta' R&D għandha tiżdied b'madwar 170 % matul l-għaxar snin li ġejjin, huwa previst li dik marbuta mas-sistemi integrati għandha tiżdied b'225 %, u b'hekk minn EUR 58 biljun fl-2002 togħla għal EUR 132 miljun fl-2015 (2).

3.3

Fl-UE, ir-R&D fl-ICTs tirrappreżenta madwar 18 % tan-nefqa totali tar-R&D filwaqt li din il-figura hija ta' 34 % għall-Istati Uniti u ta' 35 % għall-Ġappun (3). In-nefqa għal kull abitant fl-UE hija ta' madwar EUR 80, filwaqt li l-figura hija ta' EUR 350 fl-Istati Uniti u ta' EUR 400 fil-Ġappun. Ir-riċerka fuq is-sistemi integrati hija parti importanti mir-riċerka fuq l-ICT u fl-Ewropa; din tirrappreżenta EUR 380 miljun ta' fondi pubbliċi u aktar minn 50 % tal-baġit ta' l-intrapriżi allokat għar-riċerka fl-informazzjoni u l-komunikazzjoni.

3.4

Sabiex tibqa' preżenti f'dan is-settur b'potenzjal qawwi ta' żvilupp, l-UE trid iżżid l-investimenti tagħha f'dan il-qasam strateġiku u tużahom b'mod aktar effettiv minflok tadotta struttura ta' riċerka li twassal għall-frammentazzjoni u d-dupplikazzjoni ta' l-isforzi. Fil-preżent, l-intrapiżi ta' l-UE ma għandhom l-ebda qafas li jħeġġeġ l-iżvilupp tat-teknoloġiji u l-istandards meħtieġa.

3.4.1

B'mod ġenerali, il-progress jinżamm lura bin-nuqqas ta' koordinazzjoni ta' l-għanijiet tar-R&D industrijali, bid-duplikazzjoni ta' l-isforz u bl-użu parzjali tal-finanzi limitati allokati għar-riċerka.

3.4.2

Il-proposta tal-Kummissjoni għandha l-għan li tbiddel dan il-kuntest.

4.   Il-Proposta tal-Kummissjoni

4.1

Id-deċiżjoni dwar it-twaqqif ta' l-Impriża Komuni ARTEMIS li ġie trattat fid-dokument COM(2007) 243 finali hija bbażata fuq id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KEE dwar is-7 Programm Qafas li jipprevedi kontribuzzjoni tal-Komunità għat-twaqqif ta' sħubijiet pubbliċi-privati fit-tul fuq livell Ewropew fil-qasam tar-riċerka xjentifika.

4.2

Dawn is-sħubijiet jieħdu l-forma ta' “Inizjattivi ta' Teknoloġija Konġunti” (JTIs) u ġejjin minn dawk li qabel kienu il-“Pjattaformi Ewropej tat-Teknoloġija” (ETPs).

4.3

Fid-Deċiżjoni Nru 971/2006/KE dwar il-Programm Speċifiku Kooperazzjoni (4), il-Kummissjoni ddeċidiet li tisħaq fuq il-ħtieġa li jitwaqqfu dawn is-sħubijiet pubbliċi-privati u identifikat sitt oqsma li fihom il-ħolqien ta' Inizjattivi ta' Teknoloġija Konġunti huwa adattat għat-tnedija mill-ġdid tar-riċerka Ewropea. L-oqsma huma dawn:

Ċelloli ta' l-idroġenu u tal-karburant,

Aeronawtika u trasport bl-ajru (5),

Mediċini innovativi (6),

Sistemi integrati tal-kompjuter,

Nanoelettronika (7),

GMES (monitoraġġ globali għall-ambjent u s-sigurtà).

4.4

Fil-kuntest ta' din l-istrateġija ġenerali, ir-regolament li tittratta dwaru l-proposta COM(2007) 243 li qiegħda tiġi kkunsidrata jipprevedi l-implimentazzjoni ta' Regolament tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta' l-Impriża Komuni ARTEMIS sabiex timplimenta Inizjattiva Teknoloġika Konġunta fis-Sistemi Integrati tal-Kompjuter.

4.5

L-għażla ta' impriża relatata mat-tema fundamentali ta' “l-inkorporazzjoni ta' l-intelliġenza” tagħmel parti minn qasam strateġiku li jkopri s-settur tal-karozzi, l-apparati domestiċi, it-tagħmir tal-komunikazzjoni, is-sistemi ta' kontroll u t-tagħmir li jintuża fl-uffiċċji.

4.6

F'dawn is-setturi, huwa mistenni li l-importanza, diġà konsiderevoli llum il-ġurnata, tas-sistemi integrati għall-kontroll tat-tagħmir għandha tkompli tikber b'mod sinifikattiv matul il-ħames snin li ġejjin: is-sehem tas-sistemi integrati mill-valur tal-prodotti finali huwa mistenni jilħaq bejn 35 u 40 % u n-numru totali tagħhom huwa mistenni li jkun ta' 16-il biljun fl-2010 u ta' aktar minn 40 biljun fl-2020.

4.7

Ir-raġuni ewlenija li wasslet għat-twaqqif ta' JTI hija r-rieda li jinħoloq programm Ewropew ta' riċerka u żvilupp li jkun jista' jgħin l-ekonomija Ewropea tikseb leadership dinjija fis-sistemi integrati tal-kompjuter, billi dawn huma innovazjonijiet indispensabbli f'setturi kruċjali għall-kompetittività u l-iżvilupp ta' l-intrapriżi Ewropej.

4.8

Għall-Kummissjoni, ir-rwol ta' impriża bħal ARTEMIS huwa wieħed fundamentali sabiex ma jerġax iseħħ dak li ġara fl-industrija Ewropea fil-qasam tad-desktop kompjuters u ta' l-Internet, fejn il-produzzjoni ġiet trasferita barra mill-Ewropa (Stati Uniti, Ġappun, eċċ.) minħabba n-nuqqas ta' investimenti fir-riċerka u fl-innovazzjoni.

4.9

It-twaqqif ta' JTI ARTEMIS huwa l-frott ta' konsultazzjoni wiesgħa tal-partijiet ikkonċernati u ta' sensiela ta' inizzjattivi u konferenzi importanti fil-livell tal-Komunità. L-għanijiet u l-iskopijiet ta' din l-impriża l-ewwel għaddew mill-għarbiel ta' esperti industrijali u akkademiċi li offrew il-kompetenza tagħhom fil-qasam tas-sistemi integrati lill-proposta li qiegħda tiġi kkunsidrata. L-Istati Membri għarfu li l-livell Komunitarju huwa l-uniku wieħed li jista' joffri tweġiba għall-isfidi tal-futur.

4.10   Bażi legali

Il-proposta tikkonsisti f'regolament tal-Kunsill li għandu l-istatuti ta' l-impriża konġunta mehmużin f'appendiċi. Hija bbażata fuq l-Artikolu 171 tat-Trattat. L-impriża konġunta ser tifforma korp Komunitarju u minkejja l-fatt li l-baġit tagħha jaqa' taħt l-Artikolu 185 tar-Regolament 1605/2002 tal-Kunsill, in-natura speċifika ta' din l-impriża għandha tiġi kkunsidrata: fil-fatt, din tinvolvi sħubijiet pubbliċi-privati fejn il-kontribuzzjoni tas-settur privat hija kbira u tilħaq, minn ta' l-inqas, dik tas-settur pubbliku.

4.11   Kompożizzjoni

Il-membri fundaturi ta' l-Inizjattiva ta' Teknoloġija Konġunta (JTI) huma l-Komunità Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni, l-Istati Membri li wrew l-intenzjoni li jieħdu sehem f'din il-JTI u ARTEMISIA (assoċjazzjoni li tirrappreżenta għadd kbir ta' intrapriżi tas-settur ikkonċernat u ta' organiżmi oħra ta' R&D). L-istatuti jelenkaw lista ta' entitajiet li jistgħu jsiru aktar tard membri ta' l-impriża konġunta ARTEMIS, b'mod speċjali l-pajjiżi assoċjati mas-7 Programm Qafas li mhumiex membri ta' l-UE, kif ukoll kull entità legali oħra li tista' tikkontribbwixxi għall-iskopijiet ta' l-impriża konġunta ARTEMIS.

4.12   Finanzjament

L-ispejjeż operattivi ta' l-intrapriża konġunta ARTEMIS, li jinsabu fid-dettall fl-Artikolu 4, għandhom ikunu koperti mill-kontribuzzjonijiet li ġejjin:

kontribuzzjoni finanzjarja minn ARTEMISIA sa EUR 20 miljun jew 1 % ta' l-ispejjeż totali tal-proġetti, iżda mingħajr ma taqbeż EUR 30 miljun;

kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità sa EUR 10 miljun;

kontribuzzjonijiet in natura mill-Istati Membri imdaħħlin f'ARTEMIS.

L-attivitajiet ta' R&D għall-perijodu li jintemm fil-31 ta' Diċembru 2017 għandhom ikunu koperti mill-kontribuzzjonijiet li ġejjin:

kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità sa EUR 410 miljun;

kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri mdaħħlin f'ARTEMIS, li għandhom jitħallsu direttament lill-organiżmi ta' riċerka u ta' żvilupp li jieħdu sehem fil-proġetti ta' R&D;

kontribuzzjonijiet in natura mill-organiżmi ta' riċerka u ta' żvilupp.

4.12.1

Matul il-perijodu li jintemm fil-31 ta' Diċembru 2013, l-ogħla kontribuzzjoni tal-Kummissjoni tista' tkun ta' EUR 420 miljun. Dawn il-fondi għandhom jittieħdu mill-Programm Speċifiku “Kooperazzjoni” li jimplementa s-7 Programm Qafas għall-attivitajiet ta' riċerka u ta' żvilupp teknoloġiku, skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 54(2) tar-Regolament Nru 1605/2002 tal-Kunsill. Fl-2008, għandhom jiġu allokati EUR 42.5 miljun.

4.12.2

Dan l-investiment konsiderevoli huwa ġġustifikat mill-fatt li r-riżultati mistennija minn ARTEMIS fil-ġejjieni fl-oqsma kkonċernati għandhom iservu wkoll ta' punti ta' riferiment importanti għall-politiki Komunitarji kollha, speċjalment fl-oqsma ta' l-ambjent, tat-trasport, ta' l-enerġija u tas-suq intern. B'hekk dawn il-politiki għandhom jagħtu kontribut konkret għall-kisba ta' l-għanijiet ta' kompetittività ta' Lisbona u ta' l-għanijiet ta' Barċellona għall-infiq fuq ir-riċerka. L-inizjattiva proposta tagħmel parti minn strateġija ambizzjuża tal-Komunità li tinvolvi, fost oħrajn, il-proposta tat-twaqqif ta' Istitut Ewropew għat-Teknoloġija (EIT).

4.13   Proprjetà Intelletwali

ARTEMIS għandha tadotta regoli li japplikaw għat-tixrid tar-riżultati tar-riċerka: dawn ir-regoli għandhom jiżguraw li, skond is-sitwazzjoni, il-proprjetà intellettwali ġġenerata minn attivitajiet ta' R&D tkun imħarsa u li r-riżultati tar-riċerka jintużaw u jinxterdu. L-Artikolu 24 tar-Regolament ta' l-Impriża Konġunta jispjega dan il-prinċipju fid-dettall.

4.14

Skond il-Kummissjoni, it-twaqqif ta' l-impriża konġunta Artemis għandu joffri lill-Komunità l-vantaġġi oġġettivi li ġejjin:

Integrazzjoni ta' l-isforzi nazzjonali billi jkunu segwiti għanijiet komuni identifikati fil-livell Ewropew — dan għandu jgħin sabiex tinbena Żona Ewropea ta' Riċerka f'sistemi integrati tal-kompjuter;

Flessibilità akbar fil-mobilizzazzjoni tar-riżorsi ta' l-Istati Membri;

Effett ta' lieva tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità fir-rigward ta' l-Istati Membri u ta' l-intrapriżi;

Effiċjenza tal-programmi u tħassir tal-punti dgħajfa ta' l-inizzjattivi preċedenti;

Effiċjenza ekonomika permezz tat-tqassir taż-żmien li tieħu t-tnedija tal-proġetti;

Titjib fil-kompetittività ta' l-ekonomija ta' l-UE permezz ta' proċedura iktar mgħaġġla sabiex ir-riżultati tar-riċerka jitqiegħdu fis-suq.

5.   Osservazzjonijiet ġenerali

5.1

Il-KESE japprova b'mod ġenerali l-istrateġija tal-Kummissjoni. Jemmen li t-tnedija mill-ġdid ta' l-investimenti fl-R&D huwa mod adattat sabiex l-intrapriżi Ewropej jingħataw qafas stabbli ta' referenza permezz ta' strument ġdid li jippermetti li tingħeleb il-frammentazzjoni attwali tal-finanzjament Komunitarju u jevita firxa inugwali ta' programmi li bilkemm jippermettu l-evalwazzjoni tar-riżultati miksuba.

5.2

Madanakollu, hekk kif inhu mniżżel fl-Artikolu 4.2, il-JTIs huma frott ix-xogħol ta' dawk li qabel kienu jissejħu l-“Pjattaformi Ewropej tat-Teknoloġija” (ETPs). Dawn qajla kienu jilħqu l-għan assenjat lilhom li jniedu mill-ġdid ir-riċerka Ewropea b'mod strateġiku, u dan l-aktar minħabba li l-grad ta' responsabbiltà mogħti lill-partijiet ikkonċernati ma kienx ikun għoli biżżejjed. It-twaqqif ta' JTIs huwa bbażat fuq din il-konstatazzjoni ta' falliment parzjali marbut mar-rwol tal-ETPs, li sostanzjalment kien li jagħtu kontribut essenzjali lill-kompetittività ta' l-industrija.

5.2.1

Fid-dawl ta' dan kollu, il-KESE jiddispjaċih li l-proposta tal-Kummissjoni ma tipprovdix stampa aktar dettaljata dwar ix-xogħlijiet li saru qabel mill-Pjattaformi Ewropej għat-Teknoloġija (ETPs): ma tagħti l-ebda valutazzjoni ta' dawn ix-xogħlijiet, ma ssemmix ir-riżultati tagħhom u ma tinkludix referenzi biblijografiċi.

5.2.2

Għalhekk, fir-rigward tal-JTIs, il-Kumitat japprova l-proposta mħabbra li kull sena jkun ippreżentat rapport li jiġbor fih valutazzjoni tar-riżultati miksuba u tal-progress li jkun sar.

5.3

Għall-Kumitat, l-Impriża Konġunta ARTEMIS, li hija bbażata fuq sħubija pubblika-privata, tirrappreżenta bażi soda għall-ħolqien ta' Żona Ewropea tar-Riċerka u kontribut importanti għall-kompetittività ta' l-intrapriżi Ewropej.

5.4

Id-disponibbiltà fil-futur ta' sistemi dejjem aktar intelliġenti tista' tikkontribbwixxi b'mod sinifikattiv għall-produzzjoni ta' prodotti dejjem aktar siguri u fl-istess ħin tista' tagħti sehem fit-tnedija ta' taħriġ u kwalifiki ta' livell għoli li jkunu jistgħu jtejbu l-qagħda tal-ħolqien u l-iżvilupp tax-xogħol.

5.5

Billi jagħti opinjoni favorevoli għall-proposta li qiegħda tiġi kkunsidrata, il-KESE jenfasizza l-importanza ta' l-istrateġija innovattiva li hija proposta fir-rigward ta' l-investimenti.

5.5.1

Fil-fatt, għall-ewwel darba fil-programmi ta' riċerka u żvilupp, mhux biss għandhom ikunu disponibbli r-riżorsi tal-Komunità u ta' l-intrapriżi — ħaġa mhux tas-soltu — irrapreżentati minn ARTEMISIA, iżda wkoll riżorsi ġejjin minn diversi Stati Membri u mill-istrutturi ta' l-R&D li ser jieħdu sehem.

5.5.2

Fir-rigward ta' din l-istruttura kollaborattiva innovattiva u li tista' ssir kumplessa fejn jidħol l-użu ta' prodotti tar-riċerka li għandhom jitwettqu, il-KESE jilqa' l-importanza u l-preċiżjoni li ngħataw lill-proprjetà intelletwali fl-Artikolu 24 tar-Regolament ta' l-Impriża Konġunta.

5.6

Madanakollu, sabiex jikseb l-għanijiet tiegħu u sabiex il-potenzjal kollu ta' din l-istruttura ġdida jintuża bl-aħjar mod, il-KESE jqis li dan li ġej huwa neċessarju:

is-semplifikazzjoni reali tal-proċeduri matul il-fażijiet kollha tad-diversi attivitajiet ta' R&D, mill-għazla ta' l-azzjonijiet sat-tixrid tar-riżultati, u dan billi ARTEMIS tingħata r-responsabbiltà ewlenija għal dawn il-kompiti. Fl-imgħoddi, il-kumplessità amministrattiva u l-inċertezza dwar il-finanzjament u r-referenzi istituzzjonali kienu fost il-kawżi tal-falliment tal-programmi ta' R&D ta' qabel;

programm ta' tagħrif wiesa' dwar il-possibbiltajiet li toffri l-impriża ARTEMIS, l-aktar dwar il-kapaċità tagħha li tiġbor ir-riżorsi ekonomiċi meħtieġa fil-kuntest tal-forom ġodda ta' finanzjament;

it-tnedija ta' programmi xierqa ta' taħriġ vokazzjonali sabiex ikun hemm forza tax-xogħol bi kwalifiki għolja u bil-kompetenzi meħtieġa għall-R&D li huma mistennija minn ARTEMIS li jistgħu jkunu strateġiċi ħafna għall-ġejjieni industrijali ta' l-UE. Dawn il-kwalifiki ta' livell għoli, li għandhom joffru l-grad għoli ta' tekniċità meħtieġa għall-impjiegi ġodda ta' l-R&D, għandhom mhux biss iżommu lura l-esodu tar-riċerkaturi iżda wkoll ikunu waħda mill-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tissawwar il-leadership industrijali ta' l-Unjoni Ewropea f'dawn l-oqsma strateġiċi.

Brussell, l-24 ta' Ottubru 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Il-JTI l-oħra tikkonċerna l-mediċini innovattivi. Ara l-Opinjoni INT/363.

(2)  Software Intensive Systems in the Future, IDATE/TNO, 2005.

(3)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni: “i2010 — Soċjetà Ewropea ta' l-informazzjoni għas-servizz tat-tkabbir u l-impjieg” Kummissjoni Ewropea, 2005.

(4)  ĠU L 400, 30.12.2006, p. 1.

(5)  (INT/369).

(6)  (INT/363).

(7)  (INT/370).


Top
  翻译: