Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008AE0770

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew dwar ir-rati tal-VAT minbarra r-rati standard tal-VAT COM(2007) 380 finali — SEC(2007) 910

ĠU C 211, 19.8.2008, p. 67–72 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

19.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 211/67


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew dwar ir-rati tal-VAT minbarra r-rati standard tal-VAT

COM(2007) 380 finali — SEC(2007) 910

(2008/C 211/18)

Nhar il-5 ta' Lulju 2007, il-Kummissjoni ddeċidiet, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar:

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew dwar ir-rati tal-VAT differenti minn dawk standard.

Is-sezzjoni speċjalizzata għall-Unjoni ekonomika u monetarja, koeżjoni ekonomika u soċjali inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett taħt diskussjoni, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-28 ta' Marzu 2008, fuq il-bażi tal-proġett predispost mir-rapporteur is-Sur Burani.

Matul l-444 sessjoni plenarja tiegħu (seduta tat-22 ta' April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'112-il vot favur, xejn voti kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tipprovdi l-bażi għal dibatittu politiku fil-Parlament Ewropew u l-Kunsill li kapaċi joħroġ prinċipji aċċettati minn kulħadd dwar derogi fir-reġim tal-VAT. Peress li l-proċess għandu dimensjoni politika ċara, id-data ta' l-għeluq fl-aħħar ta' l-2010 għall-adozzjoni ta' regoli ġodda hija kompletament realistika.

1.2

L-iskop oriġinali ta' l-adozzjoni tar-reġim tal-VAT kien li joħloq l-isfond għal armonizzazzjoni fiskali li tiżgura t-tħaddim tajjeb tas-suq intern: madankollu, il-bosta bidliet li saru minn dakinhar, fuq kollox l-eżenzjonijiet u d-derogi, ħadmu bil-kontra u l-attentat li jiġu standardizzati d-derogi huwa l-aħjar li wieħed jista' jistenna fiċ-ċirkostanzi attwali.

1.3

Id-derogi jiġu implimentati f'kull Stat Membru fuq il-bażi tal-kriterji fiskali flinkien ma' tħassib politiku u soċjali; dawn huma permessi meta ma jkollhom l-ebda impatt transkonfinali jew meta jilħqu l-kriterji stabbiliti mill-politika Komunitarja. Il-KESE min-naħa tiegħu jemmen li, filwaqt li dawn il-kriterji jridu jiġu rrispettati, id-derogi jridu jiġu analizzati l-ewwel u qabel kollox — anki jekk mhux biss — skond il-kontribut tagħhom għal politika ta' ridistribuzzjoni tad-dħul.

1.4

Fid-diskussjonijiet għandha tingħata attenzjoni partikolari lis-servizzi lokali li ma jistgħux jiġu offruti mill-bogħod, u b'hekk m'għandhomx impatt dirett fuq is-suq intern: kategorija li tinkludi bosta attivitajiet li, għalkemm huma bla dubju ta' benefiċċju ekonomiku u soċjali, huma b'xi mod kontroversjali jew li jistgħu jkunu soġġetti għal konsiderazzjonijiet differenti: attivitajiet ta' snajja', servizzi ta' restaurants, servizzi tas-saħħa pubbliċi u privati, setturi ta' xogħol intensiv mhux kwalifikat, kotba u gazzetti.

1.5

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni dwar il-ħtieġa li l-eżenzjonijiet jingħataw skond l-ispiża differenti għal gruppi bi dħul għoli u dħul baxx: distinzjoni li diffiċli biex issir. Imma fuq kollox ifakkar li l-eżenzjonijiet għandhom jimxu skond kriterji ta' trasparenza u jqisu l-ispejjeż li jinvolvu regolamenti vagi jew ġeneriċi għall-amministraturi tat-taxxa u għan-negozji, spejjeż li finalment jaqgħu fuq il-konsumaturi.

1.6

Għandha tingħata attenzjoni speċjali lis-sussidji diretti bħala alternattiva għal rati mnaqqsa tal-VAT: soluzzjoni li l-Kummissjoni qed tippreżenta però mingħajr ma tieħu pożizzjoni. Il-KESE jemmen li din l-alternattiva għandha tiġi ttrattata bil-galbu u tiġi adottata bil-qies u biss f'każi fejn ikun diffiċli li jinstabu soluzzjonijiet oħrajn; ikun x'ikun il-każ, is-sussidji m'għandhom qatt jieħdu l-forma ta' għajnuna mill-Istat.

2.   Sfond

2.1

Ir-reġim tal-VAT huwa, min-natura tiegħu stess, ibbażat fuq sistema kumplessa; imwieled fl-1977 bħala reġim “provviżorju” (1), kif għadu magħruf illum — wara tletin sena! Matul is-snin dan ir-reġim ġie emendat ħafna drabi bħala riżultat ta' bidliet f'sitwazzjonijiet temporanji jew dejjiema, kunsiderazzjonijiet politiċi, żviluppi fis-suq inten, u t-tkabbir.

2.2

L-azzjoni meħtieġa biex tissimplifika x-xogħol ta' l-amministraturi u l-parteċipanti ekonomiċi ttieħdet mill-Kummissjoni permezz tad-Direttiva dwar il-VAT ta' l-2006  (2), li rranġat il-leġislazzjoni u li fil-prattika hija t-“test konsolidat” dwar il-kwistjoni. Id-direttiva hija ispirata mill-prinċipji oriġinali ta' l-1977, parzjalment riveduti fl-1992: b'mod ġenerali, ir-rata minima normali hija ta' 15 % (3) u t-taxxa ġeneralment tiġi imposta fil-post ta' l-oriġini. Però ċerti derogi u eċċezzjonijiet huma mistennija: ir-rata standard tista' titnaqqas u xi prodotti jew servizzi jistgħu jiġu intaxxati fil-post tad-destinazzjoni tagħhom.

2.3

Skond ir-regoli, l-Istati Membri jistgħu japplikaw rata mnaqqsa jew tnejn, imma biss għas-servizzi u l-prodotti mniżżla fid-direttiva dwar il-VAT (4). L-Istati Membri kollha, bl-eċċezzjoni parzjali tad-Danimarka, jieħdu vantaġġ minn din il-possibbiltà, imma b'qies differenti u applikata għal prodotti u servizzi differenti magħżulin minn dawk permessi. Inkonsistenza bħal din żgur ma twassalx għat-tħaddim fil-prattika tal-prinċipji ta' koordinazzjoni meħtieġa għat-tħaddim tajjeb tas-suq uniku. Il-Kummissjoni issa qed tipproponi li tniedi “stedina għad-dibatittu politiku fil-Kunsill u l-Parlament Ewropew” — bil-parteċipazzjoni tal-KESE, li ntlabet l-opinjoni tiegħu — bil-ħsieb li jintlaħaq ftehim bejn l-Istati Membri dwar tfassil ġdid għar-rati tal-Vat imnaqqsa.

2.3.1

Fil-prattika dan jinvolvi r-reviżjoni tal-qafas sħiħ tad-derogi speċifiċi u temporanji li diġà ngħataw, ta' l-ewwel lill-Istati Membri li ssieħbu anqas riċentament u ta' l-aħħar lill-grupp il-“ġdid” ta' Stati Membri, u l-bini mil-ġdid ta' qafas li jagħti kas li l-objettivi jkunu konsistenti mal-loġika tas-suq intern. Dan m'huwiex proċess sempliċi: ser ikollu jinstab bilanċ aċċettat fuq bażi komuni bejn in-neċessitajiet poltiċi, ekonomiċi u soċjali li maż-żmien iġġustifikaw id-derogi u l-eċċezzjonijiet, applikati mbagħad minn kull Stat Membru skond il-ħtiġijiet partikolari tiegħu. Il-Kummissjoni mhijiex illuża dwar id-diffikultajiet involuti: fil-fatt mhux qed tistenna li l-proċess ta'konsultazzjoni jwassal għal regolament ġdid qabel tmiem l-2010.

2.4

Ittieħed pass preliminari, li kien neċessarju biex ipoġġi l-Istati Membri kollha fuq l-istess livell f'dawk li huma derogi, permezz ta' l-abbozz ta' direttiva li jestendi d-derogi temporanji mogħtija lill-Istati Membri l-ġodda sal-31 ta' Diċembru 2010 (5). Ir-raġuni għall-proposta, li kienet adotatta fl-20 ta' Diċembru 2007, tinsab fir-reġimi differenti li jirregolaw id-derogi: l-Istati Membri li ssieħbu anqas riċentament għandhom il-benefiċċju ta' derogi miftuħin filwaqt li dawk għall-Istati Membri l-ġodda skadew fl-aħħar ta' l-2007. L-estensjoni li ngħatat fl-20.12.2007 lil dawn ta' l-aħħar poġġiet lil kulħadd fuq l-istess livell, ta' l-anqas sa l-2010, sa liema data l-Kummissjoni tittama li l-Kunsill u l-Parlament Ewropew ikunu laħqu ftehim dwar l-adozzjoni ta' reġim stabbli u uniformi tar-rati tal-VAT differenti minn dawk standard.

2.5

Il-komunikazzjoni li qed tiġi indirizzata hawnhekk timmira li tipprovdi bażi għal “dibattitu politiku” fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill li kapaċi joħloq prinċipji aċċettati b'mod komuni li jagħmluha possibbli li jitfasslu proposti regolatorji bi probabbiltà kbira li jiġu aċċettati. Hi u żżomm f'moħħha l-esperjenza tal-passat u tal-preżent, il-Kummissjoni qed toqgħod attenta f'dak illi tgħid u qed tkun realistika dwar id-deċiżjonijiet li jridu jittieħdu: qed tistenna li tirċievi sinjali. Bil-komunikazzjoni tagħha tillimita lilha nnifisha għal preżentazzjoni bbilanċjata ta' l-informazzjoni kollha utli biex issir evalwazzjoni u kunsiderazzjoni, billi tirreferi għall-prinċipji mħaddma tas-suq uniku u l-Istrateġija ta' Lisbona. Il-KESE jqis din l-inizjattiva bħala waħda kruċjali għall-ġejjieni tas-suq intern fil-qasam fiskali: ċans uniku li s-suċċess tiegħu ser jiddependi fuq is-sens ta' responsabbiltà u r-rieda tajba ta' dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet.

3.   Il-kontenut tal-komunikazzjoni

3.1

Il-komunikazzjoni tiġbor fil-qasir studju ta' Copenhagen Economics li eżamina, f'isem il-Kummissjoni u bil-mandat tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew, l-impatta tar-rat mnaqqsa tal-VAT u tad-derogi relatati, b'attenzjoni partikolari mogħtija lill-aspetti soċjali (id-distribuzzjoni tad-dħul) u l-ispejjeż tas-sistema. Il-KESE jifraħ lill-Kummissjoni għall-kwalità tad-dokument li fasslet ibbażat fuq l-istudju. Tassew, la hemm elementi minsija u l-anqas truf li ma jwasslu mkien: hemm l-informazzjoni kollha meħtieġa għad-dibattitu li ġej.

3.2

L-ewwel nett, il-Kummissjoni tippreżenta l-għan tagħha li tiżgura opportunitajiet indaqs għall-Istati Membri kif ukoll aktar trasparenza, konsistenza u, fuq kollox, tħaddim tajjeb tas-suq intern, pereżempju billi jitnaqqas it-tfixkil għall-attività ekonomika transkonfinali u l-ispejjeż li jirriżultaw mill-konformità mal-VAT (6).

3.3

B'mod speċifiku, u b'referenza għall-istudju ta' Copenhagen Economics, il-Kummissjoni tinnota li minn perspettiva purament ekonomika, l-aktar soluzzjoni razzjonali tkun li jkun hemm rata tal-VAT waħda: toħloq tnaqqis fl-ispejjeż ta' operazzjoni għall-amministraturi u n-negozji u — fit-teorija — tnaqqas il-kompetizzjoni distorta. Bħal kull regolament riġidu, madankollu, hemm ir-riskju li r-rata unika ma tkunx addattata għal kull ċirkostanza u għalhekk tirrikjedi ċertu ammont ta' flessibilità: huwa dan il-prinċipju li fuqu huma bbażati r-rati mnaqqsa.

3.4

L-implimentazzjoni ta' rati mnaqqsa hija rispons għal kriterji ekonomiċi, imma wkoll għal kriterji soċjali u ekonomiċi: bħala eżempji nistgħu nsemmu s-servizzi li jieħdu ħafna xogħol (speċjalment dak ta' bla sengħa) u s-servizzi lokali meta ma jkollhomx impatt maġġuri fuq it-traffiku transkonfinali. Il-ħsieb hawnhekk huwa li rati aktar baxxi (u b'hekk prezzijiet aktar baxxi) iżidu l-produttività u x-xogħol: iċ-ċittadini jfittxu aktar l-għajnuna ta' professjonisti flok jaraw kif jieħdu ħsieb l-affarijiet kif jistgħu huma stess, u bekk jinvestu anqas fl-ekonomija “moħbija”.

3.5

Il-lista sħiħa ta' prodotti u servizzi li jibbenefikaw minn rati mnaqqsa (Artikolu 98 tad-direttiva dwar il-VAT) jinsab f'Anness III tad-direttiva; Fejn jidħlu s-servizzi li jinvolvu ħafna xogħol, dawn iridu jilħqu tliet kriterji (Artikolu 107): barra dawk imsemmija fil-punt ta' qabel, dawn iridu jkunu servizzi pprovduti l-aktar direttament lill-konsumaturi aħħarija u servizzi ta' natura lokali, li ma joħolqux kompetizzjoni distorta. Għall-prodotti u s-servizzi “normali”, il-kriterji huma anqas espliċiti, imma n-natura soċjali tagħhom hija ċara mil-lista: huma fil-fatt il-prodotti ta' l-ikel u dawk farmaċewtiċi, l-ilma, il-pubblikazzjoni, is-servizzi tat-televiżjoni, eċċ. Il-Kumitat ser jikkumenta dwar dawn l-aspetti aktar tard (ara punt 4.12).

3.6

Il-Kummissjoni tikkumenta dwar wieħed mill-aktar argumenti komuni dwar ir-rati imnaqqsin, li jgħid li dawn jgħinu biex jiżguraw aktar ġustizzja soċjali billi jtejbu d-distribuzzjoni tad-dħul biex tiffavorixxi lil dawk anqas sinjuri. L-istudju, u mid-dehra anki l-Kummissjoni, jikkwalifikaw l-approvazzjoni tagħhom ta' dan l-argument. Ir-rati mnaqqsa jkollhom effett verament distributtiv biss jekk il-parti ta' l-ispiża għall-konsum ta' prodotti “ffavoriti” tkun stabbli matul iż-żmien u toħloq differenza vera bejn gruppi bi dħul baxx u bi dħul għoli. Il-komunikazzjoni tiżvela, barra minn hekk, li hemm differenzi konsiderevoli bejn pajjiż u ieħor, u li l-livell ta' effettività tar-rati mnaqqsa jiddependi fuq kemm hemm differenza fid-dħul bejn il-klassijiet soċjali.

3.7

Aspett importanti ieħor huwa l-ispiża tas-sistema: rati li huma differenti mir-rata standard joħolqu piżijiet amministrattivi sostanzjali għan-negozji u l-awtoritajiet tat-taxxi, speċjalment meta l-implimentazzjoni hija miftuħa għall-interpretazzjoni, li kważi dejjem hija n-norma.

3.8

Il-Kummissjoni, hekk kif tikkwota l-istudju, ma tiddubitax mis-sistema tar-rati mnaqqsa, imma ssaqsi jekk għodda politiċi alternattivi jkunux aktar addattati għall-għanijiet ta' l-Istati Membri. Issemmi bħala alternattiva, jew bħala waħda mill-alternattivi, sistema ta' sussidji diretti, li jilħqu l-istess objettivi b'anqas spejjeż. Din is-sistema tista' titfassal biex tevita effetti ta' tfawwir (spill-over) fil-livell ta' l-UE, tiżgura trasparenza akbar u tkun irħas għall-baġits ta' l-Istati Membri. Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li s-sussidji diretti jistgħu jkunu ta' benefiċċju dubjuż għan-negozji: jistgħu jingħataw b'mod arbitrarju jew għal perjodu temporanju, jiddependi fuq dak li jitlob il-baġit nazzjonali u fuq l-orjentazzjoni politika ta' dak iż-żmien.

3.9

Jidher li l-Kummissjoni tati importanza konsiderevoli għal din l-aħħar alternattiva, u fil-fatt għal kull alternattiva għas-sistema tar-rati mnaqqsa: fil-fatt “tirrakkomanda li l-Istati Membri jeżaminaw b'attenzjoni il-possibbiltajiet kollha li jeżistu”. Mingħajr ma tidher li qed tieħu pożizzjoni, tinnota li spiss għodda oħrajn huma aktar effiċjenti mir-rati mnaqqsa tal-VAT u jinvolvu spiża anqas għall-baġit ta' l-Istat, u dan għandu jitqies fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

4.   Osservazzjonijiet u kummenti

4.1

Ta' min wieħed jifraħ lill-Kummissjoni għall-komunikazzjoni riġoruża u bbilanċjata li fasslet. B'mod partikolari, il-KESE huwa sodisfatt bil-konferma ta' x'uħud mill-fehmiet li kien esprima fil-bidu, li ser jitfakkru fil-kummenti li ġejjin. L-ewwel nett, u b'referenza għall-kummenti li ssemmew f'punt 3.9 hawn fuq, il-Kumitat ifakkar li huwa esprima t-tħassib tiegħu fuq is-sistema tad-derogi fl-opinjoni tiegħu dwar id-direttiva dwar il-VAT (7): dak iż-żmien kien qal li “ma jidher li hemm l-ebda pjan [min-naħa ta' l-Istati Membri] biex jiddiskutu d-derogi … bil-ħsieb li jiġu eliminati”. Din il-pożizzjoni issa hija kkonfermata u msaħħa mill-istudju awtoritattiv tal-Copenhagen Economics, u kif jidher anki mill-Kummissjoni. Madankollu, huwa ċar li kif qegħdin l-affarijiet bħalissa, sakemm ma jkunx hemm xi bidla fil-ħsieb mill-Istati Membri, kull suġġerimenti għal soluzzjonijiet alternattivi ser jibqgħu biss suġġerimenti.

4.2

Il-VAT hija taxxa kumplessa fiha nnifisha, diffiċli biex tiġborha, evaża minn ħafna nies u hija spiża għall-Istati Membri u n-negozji biex joperawha (8). Iżda fuq kollox ma tiksibx l-għan oriġinali, li kien dak li kien li jinħoloq reġim definittiv ta' armonizzazzjoni fiskali. Minkejja dan, ta' min jinnota li l-armonizzazzjoni m'hijiex l-iskop aħħari imma kundizzjoni neċessarja għat-tħaddim tajjeb tas-suq intern. F'kwalunkwe każ, dawn kienu l-intenzjonijiet ta' dawk li ħalquha, kif fakkret il-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha ta' Jannar 1993. Il-Kumitat iqis dan l-aħħar dokument bħala tappa fl-istorja ta' l-evoluzzjoni tal-VAT u jiddispjaċieh li ma kienx segwit (ħlief permezz ta' l-aċċettazzjoni tar-rata minima ta' 15 %) minħabba oppożizzjoni minn xi Stati Membri. Illum is-sitwazzjoni ma nbidlitx: l-attentat tal-Kummissjoni li tirranġa għall-inqas l-aspett tad-derogi huwa punt favorevoli, imma fl-istess ħin juri nuqqas ta' abbiltà li jsir aktar progress lejn armonizzazzjoni fiskali fil-livell Komunitarju. Il-Kummissjoni ma taħtix ta' dan, imma lanqas ma jaħtu l-Istati Membri, jew hekk jew b'hekk mhux l-Istati Membri waħidhom: il-problema fundamentali tinsab fl-istruttura stess tal-VAT bħal reġim temporanju, kid ser jitfisser aktar 'il quddiem.

4.3

Bażikament jeħtieġ li ngħarfu u naċċettaw li l–VAT kif tinftiehem bħalissa tintuża mill-Istati Membri biex tikseb miri prinċipalment fiskali u biex tindirizza tħassib politiku u soċjali li jwassal biex jiġu applikati rati ogħla jew aktar baxxi mir-rata standard. Fil-livell Komunitarju, għalhekk, l-armonizzazzjoni hija aspirazzjoni li ma tissarrafx fil-prattika u din il-komunikazzjoni hija attentat biex toffri rimedju permezz ta' l-armonizzazzjoni tar-rata tal-VAT imnaqqsa, ta' l-anqas għal attivitajiet li għandhom impatt transkonfinali jew li jaqblu ma' kriterji aċċettati ta' poltiki Komunitarji. Min-naħa tiegħu il-KESE jsostni li dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet għandhom dejjem iżommu f'moħħhom li, jekk wieħed mill-għanijiet tal-VAT imnaqqsa hu li jkun hemm ridistribuzzjoni tad-dħul, dan irid jissarraf tassew fil-prattika. Fi kliem ieħor, kull tnaqqis tal-VAT irid jiġi analizzat bir-reqqa biex jiġi żgurat li tassew jikkorrespondi ma' kriterju soċjali u li mhux qed jaħbi għanijiet anqas ġenwini. Ħtiġijiet oħrajn li wieħed għandu jqis huma s-simplifikazzjoni ta' l-obbligi u t-trasparenza tar-regoli: żewġ rekwiżiti li jagħmlu l-ħajja aktar faċli għan-negozji imma wkoll aktar faċli u ta' anqas spiża għall-awtoritajiet fiskali biex jagħmlu spezzjonijiet.

4.4

Anness III tad-direttiva dwar il-VAT jinkludi lista ta' 18-il kategorija li għalihom tapplika r-rata mnaqqsa; kull Stat Membru għandu l-possibbiltà li jagħżel il-kategoriji, jagħmel esklużjonijiet fihom u jiddetermina kemm ser ikun it-tnaqqis. Il-komunikazzjoni in kwistjoni tistieden l-Istati Membri “janalizzaw il-kandidati differenti għal rati mnaqqsa ulterjuri sabiex jiddeterminaw il-livell ta' tgħawwiġ li jista' jinqala' mill-eliġibbiltà — volontarja — u biex jiddeċiedu jekk tali livell ta' tgħawwiġ huwiex aċċettabbli” (9). Mill-kuntest ġenerali tal-komunikazzjoni ma jidhirx li wieħed jista' jinterpreta dan il-messaġġ bħala stedina biex titkabbar il-lista ta' prodotti u servizzi, jekk xejn il-kuntrarju. Hu x'inhu, il-KESE jopponi b'mod miftuħ l-estensjoni tal-kategoriji tal-prodotti u s-servizzi li għalihom jistgħu jiġu applikati r-rati mnaqqsa: jekk irridu nibqgħu mexjin — għall-inqas idealment, għalissa — fuq it-triq lejn l-armonizzazzjoni, l-Istati Membri fil-fatt imisshom iqassru aktar milli jtawlu l-lista li tinsab f'Anness III.

4.5

Wieħed jifhem, madankollu, il-linja li ħadet il-Kummissjoni: la l-miraġġ ta' reġim “definittiv” intesa jew twarrab, waħda mill-prijoritajiet hi li tingħata awtonomija akbar lill-Istati Membri biex jistabbilixxu rati mnaqqsa għas-servizzi lokali li ma jistgħux jiġu offruti mill-bogħod. Il-Kummissjoni tinnota li dawn is-servizzi “ma huma ta' l-ebda tħassib għat-tħaddim tas-suq intern”: din m'hijiex sempliċi pragmatika imma aktar l-għarfien tan-neċessitajiet poltiċi u soċjali li huma l-bażi għall-għotja ta' l-eżenxjonijiet.

4.6

Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġu analizzati sewwa l-affermazzjonijiet li jwasslu għal ġeneralizzazjonijiet simplistiċi: jekk l-intaxxar ta' l-attività lokali ma taffetwax it-tħaddim tas-suq intern, allura kull prodott jew servizz prodott u kkunsmat lokalment ikollu jiġi soġġett għal tassazzjoni stabbilita fuq bażi lokali: dan il-prinċipju li jdgħajjef kompletament l-istess bażi tad-direttiva dwar il-VAT. Bla dubju l-Kummissjoni la għandha l-intenzjoni li twaqqaf u lanqas li taċċetta prinċipju bħal dan.

4.7

Jekk inħarsu lejn id-dettalji ta' l-aspetti msemmija mill-Kummissjoni, ta' min wieħed jikkumenta dwar l-affermazzjoni li rata mnaqqsa tal-VAT f'setturi taħt mira għaqlija tista' toffri benefiċċji speċifiċi, u b'hekk iżżid il-produttività ġenerali u għalhekk il-PGD. F'din il-kategorija jaqgħu s-servizzi mogħtija lokalment: tnaqqis fil-VAT jista' jikkonvinċi l-konsumaturi jnaqqsu l-attivitajiet “do-it-yourself” u jiddedikaw aktar ħin għall-attivitajiet professjonali tagħhom. Jeħtieġ iżda li nħarsu lejn il-fatti: l-attivitajiet “do-it-yourself” huma passatemp li m'huwiex biss ta' użu soċjalment imma wkoll ta' benefiċċju ekonomiku għall-familji, u għalhekk ta' min jitħeġġeġ. Barra minn hekk, filwaqt li hu possibbli li tnaqqis tat-taxxa jistà jwassal għal irċevuti tat-taxxa akbar għat-Teżor, dan ikun japplika biss għal attivitajiet do-it-yourself li jistgħu jsiru minn kumpaniji li jħallsu t-taxxa; kemm tista' tibbenefika minn dan l-ekonomija s-sewda ma jissemma qatt. L-ekonomija moħbija jew parzjalment moħbija — biex ma nsemmux l-evażjoni tat-taxxa — mhux ser tinkixef sempliċiment għax tibbenefika minn rata mnaqqsa tal-VAT. Biex dan jinkiseb jeħtieġ ta'miżuri differenti ħafna.

4.8

Issir referenza speċjali għas-servizzi li jagħtu r-ristoranti, li skond il-Kummissjoni jinsabu f'sitwazzjoni ambigwa, jew ta' l-anqas kontroversjali. Minn naħa, tosserva li huma l-aktar ikkonċentrati fuq konsum domestiku, imma min-naħa l-oħra huwa magħruf li jistgħu jkunu ta' importanza kosniderevoli għall-politika tat-turiżmu f'xi pajjiżi, u fil-pajjiżi kollha fir-reġjuni fil-fruntieri. Mhux ser ikun faċli li jintlaħaq ftehim dwar din il-kwistjoni, kif ġara fil-passat: il-Kumitat jemmen li ser tinħtieġ deċiżjoni ta' natura purament politika. Kull kunsiderazzjoni ekonomika jew fiskali oħra tibqa' ġġebbed l-argument: ħadd mhu ser jiċċaqlaq mill-pożizzjoni tiegħu, ġustifikata minn raġunijiet validi ta' politika interna.

4.9

Dejjem fuq il-kwistjoni ta' servizzi mogħtija lokalment, il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni lejn qasam li jista' jsir is-suġġet ta' dibatittu importanti, dak tas-servizzi tas-saħħa pubbliċi u privati, li f'ċerti ċirkostanzi diġà jistgħu jkollhom rati mnaqqsa (10). Hemm tendenza dejjem tikber fost iċ-ċittadini ta' xi Stati Membri li jużaw is-servizzi mediċi u kirurġiċi pubbliċi f'pajjiżi oħrajn, li huma jikkunsidrawhom, bir-raġun jew le, aktar effiċjenti. Dan il-fenomenu ftit għandu x'jaqsam mat-tassazzjoni; aktar rilevanti għal kwistjonijiet ta' tassazzjoni hija l-għażla li f'pajjiżi oħrajn jintużaw servizzi minn kliniċi u professjonisti privati. Id-differenza kbira bejn ir-rati ntaxxati fl-Isati Membri differenti toħloq, speċjalment f'ċerti oqsma tas-saħħa, devjazzjoni mis-suq nazzjonali lejn pajjiżi oħra. In-natura lokali ta' dawn is-servizzi għalhekk qed tonqos hekk kif qed jieħdu dehra trans-nazzjonali għal xi servizzi u xi pajjiżi. F'dan il-qasam mhux faċli li jsiru distinzjonijiet, u lanqas m'hu possibbli li tiġġeneralizza:b'hekk hemm riskju qawwi li tinħoloq kontroversja.

4.9.1

Jekk jintlaħaqx ftehim jiddependi minn jekk jinstabx bilanċ bejn ħtiġijiet differenti u opposti: minn naħa, minħabba n-natura intrinsikament soċjali tal-ħarsien tas-saħħa, jidher xieraq li dawn is-servizzi jiġu inklużi ma' dawk li għalihom tapplika rata mnaqqsa, min-naħa l-oħra, dan jista' jqajjem kwistjonijiet ta' kompetizzjoni. Id-deċiżjoni aħħarija trid tqis id-dritt ta' l-individwu li jirċievi kura li tkun ta' piż mill-inqas għall-baġit familjari; Fi kliem ieħor, l-interess taċ-ċittadin/konsumatur jrid jieħu prijorità fuq il-prinċipja ta' kompetizzjoni.

4.10

L-applikazzjoni ta' rata tal-VAT imnaqqsa għal oqsma li jinvolvu ħadna xogħol ta' bla sengħa hija kontroversjali. L-istudju kkwotat mill-Kummissjoni josserva li din il-miżura tista' twassal għal tkabbir permanenti fix-xogħol, imma li l-gwadann x'aktarx ikun minuri, li huwa x'aktarx minnu. Anki f'dan il-każ diffiċli tittieħed deċiżjoni: oqsma bħal dawn (bini, xogħolijiet fit-toroq, kumpaniji tad-tindif, swieq, eċċ.) jaqdu domanda li ġeneralment mhix flessibbli, u għalhekk tnaqqis fil-VAT għal dawn is-setturi ma jkollux wisq effett fuq ix-xogħol. Barra minn hekk, hemm ukoll oqsma li jimpjegaw ħaddiema bla sengħa fl-“ekonomija klandestina” aktar spiss. Tnaqqis tal-VAT żgur li jgħin biex inaqqas l-ispejjeż għan-negozji, imma mhux magħruf jekk dan iwassalx għal tnaqqis fil-prezzijiet u żieda “vera” fix-xogħol.

4.11

B'mod aktar ġenerali, il-Kummissjoni tinnota li r-rati mnaqqsa huma effettivi biss meta s-sehem tan-nefqa fuq il-konsum ta' prodotti jew servizzi tvarja biżżejjed bejn il-gruppi ta' dħul baxx u għoli u tkun stabbli tul iż-żmien. Dawn id-differenzi jidhru l-aktar fis-setturi ta' l-ikel, tal-ħwejjeġu tal-bini: jeżistu differenzi notevoli bejn pajjiż u ieħor; Imma spiss id-differenzi l-aktar evidenti — u l-aktar inġusti mill-lat soċjali) jinsabu fl-Istati Membri individwali. Il-Kumitat ifakkar li f'bosta Stati Membri ir-rata mnaqqsa tiġi applikata skond il-karegorija, mingħajr ma jitqies il-fatt li ħafna kategoriji jinkludu prodotti tal-massa waqt li oħrajn huma deċiżament esklussivi u ħafna aktar għaljin. Il-problema tibqa' dik ta' kif — u skond liema kriterji — ser tapplika rati ta' taxxa differenti fuq prodotti jew servizzi li jaqgħu fl-istess kategorija imma li fil-fatt jimmiraw klassijiet soċjali differenti skond il-kwalità u l-prezz. Problema oħra hija kif isiru distinzjonijiet dejjiema, li ma jiġux affetwati minn bidliet fil-moda, u kif tiżgura li jiġu osservati mingħajr l-użu ta' spezzjonijiet ikkumplikati u li jkunu spiża. Fl-aħħar, trid ukoll titqies il-frodi, li hi possibbli f'kull qasam imma partikolarment fit-tnejn msemmija hawnhekk: kategorizzazzjoni stretta u ddettaljat tista' tiffaċilita l-frodi u l-monitoraġġ tagħha huwa diffiċli ħafna. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġu applikati kriterji li huma differenti skond il-kunsiderazzjonijiet soċjali: fi kliem ieħor, rati mnaqqsa għandhom jikkontribwixxu għal politika soċjali ta' distribuzzjoni tad-dħul u, fejn l-alternattivi msemmija fil-Punt 4.15 m'humiex possibbli, għal appoġġ għal programmi soċjali importanti. Imma f'kwalunkwe każ, trid tiġi żgurata t-trasparenza b'rispett lejn iċ-ċittadini tal-pajjiż innifsu u ta' l-Istati Membri l-oħrajn.

4.11.1

L-istess ħaġa tista' tingħad għall-kotba u l-gazzetti, kategorija li fiha pubblikazzjonijiet ta' valur soċjali xi drabi jinġabru ma' oħrajn ta' l-ebda valur edukattiv jew li joffri divertiment jew, agħar minn hekk, li huma kważi illegali jew lil'hinn mil-limiti tal-kuxjenza ċivili komuni. Għalkemm diffiċli, jidher li d-distinzjonijiet huma meħtieġa, u hu x'inhu l-każ, ġustifikabbli fejn tidħol it-trasparenza demokratika.

4.12

Finament, il-Kummissjoni tinnota li l-operazzjoni ta' bosta rati tinvolvi spejjeż sinifikattivi għan-negozji u l-awtoritajiet fiskali: dan huwa ovvju. Il-Kumitat jippreferi jitkellem dwar żieda fl-ispejjeż, la fil-qasam tat-tassazzjoni l-VAT diġà hija l-aktar taxxa għalja biex tiġi implimentata u miġbura. Il-Kumitat diġà enfasizza dan il-fatt (11) u hawnhekk jitlob lill-Istati Membri biex juru d-dħul nett mill-VAT wara li jitnaqqas l-ammont li jmur fil-baġit Komunitarju kif ukoll l-ispejjeż ta' l-operazzjoni, il-ġbir, il-kontroll u l-ġlieda kontra l-frodi. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagmel din it-talba tagħha, f'isem it-trasparenza, u wkoll biex tikkunsidra jekk jistax ikun hemm lok għal sistema alternattiva ta' taxxa  (12). Wieħed jawgura li bidla fil-ħsieb f'dan il-qasam sħiħ tissarraf ukoll fir-riżultati — li jistgħu jkunu sorprendenti — f'dak li hu l- gwadann nett għat-Teżor : meta joħorġu r-rużultati “vera”, jista' jkun li jkunu l-awtoritajiet fiskali stess li jieħdu l-inizjattiva.

4.13

Madankollu, l-unika kwistjoni li qed tiġi diskussa bħalissa hija dik mhux daqstant ċentrali ta' l-ispejjeż miżjuda “għan-negozji u l-awtoritajiet tat-taxxa”, jew l-ispejjeż amministrattivi u taż-żamma tal-kotba li tinvolvi l-implimentazzjoni — u l-interpretazzjoni — ta' regoli li jidderogaw mill-istandard. Il-Kumitat jisħaq li kull żieda fl-ispejjeż għan-negozji tiġi trasferita għall-konsumatur aħħari, għalhekk ikun meħtieġ li wieħed janalizza, skond il-każ, jekk u kemm l-applikazzjoni ta' rata mnaqqsa tissarraf f'benefiċċji reali għaċ-ċittadini. Illum il-maġġoranza tal-ħafna każi — każi ta' nuqqas ta' qbil huma riżultat tal-firxa wiesgħa ta' klassifikazzjonijiet, li jwasslu għal interpretazzjonijiet kontroversjali, l-involviment tal-konsulenti, spezzjonijiet u appelli: b'hekk ir-regoli l-ġodda għandhom jiġu mfassla biex ma jkunux spiża biex jiġu implimentati.

4.14

Għalissa, is-sistema ta' rati mnaqqsa, għalkemm waħda għalja, hija l-unika waħda prattikabbli; Madankollu, peress li l-Kummissjoni sejħitilha riġida u inkoerenti, il-Kumitat jittama li d-diskussjonijiet politiċi bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew iwasslu għal deċiżjonijiet konġunti li, ovvjament filwaqt li mmexxija mill-prinċipji tas-suq intern, dejjem jirrispettaw il-ħtiġijiet taċ-ċittadini/konsumaturi, il-kumpaniji u l-awtoritajiet tat-taxxa.

4.15

F'dawk li huma alternattivi għar-rati mnaqqsa, il-Kummissjoni ssaqsi jekk dawn jistgħux jinbidlu minn sussidji diretti: dan huwa strument politiku aktar effettiv, aktar trasparenti u anqas jiswa' flus. Il-Kumitat jemmen li alternattivi skond in-natura nazzjonali huma vijabbli f'xi każi speċifiċi fuq bażi temporanja, sakemm jiġu evitati dawk il-miżuri li huma simili għall-għajnuna mill-Istat. Madankollu, kull tip ta' soluzzjoni nazzjonali bħala alternattiva għad-derogi tal-VAT għandha tkun deċiża fuq bażi ta' kriterji li jiżguraw it-trasparenza, billi nżommu f'moħħna li, f'kwalunkwe każ, dan iwarrabna dejjem aktar mill-objettivi tas-suq uniku.

4.16

Finalment, bħala sostenn għall-bosta opinjonijiet tiegħu dwar is-suġġett, il-Kumitat jagħti suġġeriment ibbażat fuq it-trasparenza u s-sens komun: ir-reġim tal-VAT m'għandux jibqa' jissejjaħ “temporanju”. Aġġettiv bħal dan, li għadu jintuża wara li għaddew 30 sena u m'għandux prospetti ta' żmien medju li jsir definittiv — huwa qarrieqi u ta' ħsara għall-kredibbiltà tar-regoli ta' l-UE. Jekk xejn jikkonferma l-idea antika li tgħid li “xejn mhu aktar definittiv mill-attwali”.

Brussell, it-22 ta' April 2008.

Il President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Skond il-loġika, reġim “definittiv” għandu jipprovidi għal tassazzjoni fil-post tad-destinazzjoni, jew aktar preċiżament, fil-post tal-konsum. Dak iż-żmien, u anki llum, ostakli differenti fixklu milli jkun hemm implimentazzjoni ġenerali, u dan għadu hekk s'issa.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347 tal-11.12.2006).

(3)  Artikolu 96 u 97 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347 tal-11.12.2006). Qatt ma ġiet stabbilita rata massima.

(4)  Ara Artikoli 98-101 u Anness III tad-direttiva.

(5)  Proposta ta' direttiva COM(2007) 381 finali u opinjoni tal-KESE dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE rigward ċerti dispożizzjonijiet temporanji dwar rati ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU C 44 tas-16.2.2008, p. 120).

(6)  Ara l-Introduzzjoni għall-Komunikazzjoni COM (2007) 380 finali.

(7)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar il-Proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (Riformulat) (ĠU C 74 tat-23.3.2005, p. 21).

(8)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 77/388/KEE bil-ħsieb li jiġu ssimplifikati l-obbligi tat-taxxa fuq il-valur miżjud u l-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru. 1798/2003 fir-rigward ta' l-introduzzjoni ta' arranġamenti ta' kooperazzjoni amministrattiva fil-kuntest ta' l-iskema ta' waqfa waħda u l-proċedura ta' rifużjoni għat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU C 267 tas-27.10.2005, p. 45).

(9)  Ara l-Komunikazzjoni COM(2007) 380 finali, punt 3.3 “In-neċessitajiet tas-Suq Intern”, it-tieni paragrafu.

(10)  Paragrafi 15 u 17, Anness III tad-Direttiva tal-VAT.

(11)  Din il-kwistjoni tqajmet l-ewwel mill-Kumitat fl-Opinjoni tiegħu dwar il-Ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa fis-suq uniku (ĠU C 268 tad-19.9.2000, p. 45) u f'bosta okkażjonijiet oħrajn aktar tard, l-aktar riċentament fl-opinjoni tal-KESE dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 77/388/ECC bil-ħsieb li tissimplifika l-ibbligi tat0taxxa fuq il-valur miżjud u l-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru. 1798/2003 li jikkonċerna l-introduzzjoni ta' arranġament ta' kooperazzjoni amministrattiva fil-kuntest ta' skema l-iskema ta' waqfa waħda u l-proċedura ta' rifużjoni għat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU C 267 tas-27.10.2005, p. 45), li naturalment ħadd ma ta kasha.

(12)  Il-KESE beda jiġbed l-attenzjoni dwar dan il-punt ukoll fl-2000 fl-opinjoni msemmija fin-nota ta' qabel, u minn dakinhar kompla jsostni l-punt f'numru ta' opinjonijiet. Il-Kumitat ukoll ikkumentat dwar dan fl-opinjoni tiegħu dwar sistema komuni tal-VAT (riformulat) (ĠU C 74 tat-23 ta' Marzu 2005, p. 21).


Top
  翻译: