This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52008IP0182
Green Paper on market-based instruments for environment and related policy purposes European Parliament resolution of 24 April 2008 on the Green Paper on market-based instruments for environment and related policy purposes (2007/2203(INI))
Green Paper dwar strumenti bbażati fuq is-suq għall-ambjent u għanijiet ta' politika relatati Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 24 ta' April 2008 dwar il-Green Paper dwar strumenti bbażati fuq is-suq għall-ambjent u għanijiet ta' politika relatati (2007/2203(INI))
Green Paper dwar strumenti bbażati fuq is-suq għall-ambjent u għanijiet ta' politika relatati Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 24 ta' April 2008 dwar il-Green Paper dwar strumenti bbażati fuq is-suq għall-ambjent u għanijiet ta' politika relatati (2007/2203(INI))
ĠU C 259E, 29.10.2009, p. 86–94
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
29.10.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CE 259/86 |
Green Paper dwar strumenti bbażati fuq is-suq għall-ambjent u għanijiet ta' politika relatati
P6_TA(2008)0182
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' April 2008 dwar il-Green Paper dwar strumenti bbażati fuq is-suq għall-ambjent u għanijiet ta' politika relatati (2007/2203(INI))
(2009/C 259 E/16)
Il-Parlament Ewropew,
— |
wara li kkunsidra l-Green Paper dwar strumenti bbażati fuq is-suq għall-ambjent u għanijiet ta' politika relatati (COM(2007)0140), |
— |
wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew fi Brussell (8/9 ta' Marzu 2007), inkluż il-Politika dwar l-Enerġija għall-Ewropa fl-Anness I, |
— |
wara li kkunsidra r-Rapport tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent “L-użu tas-suq għal politika ambjentali ekonomika” (Nru 1/2006), |
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 6 tat-Trattat KE, skond liema l-esiġenzi tal-protezzjoni tal-ambjent għandhom jiġu integrati fid-diversi taqsimiet tal-politika Komunitarja bil-għan li jiġi promoss l-iżvilupp tal-attivitajiet ekonomiċi sostenibbli għall-ambjent, |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 175 tat-Trattat KE, |
— |
wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 2179/98/KE tal-24 ta' Settembru 1998 dwar ir-reviżjoni tal-programm tal-Komunità Ewropea għal politika u azzjoni fir-rigward tal-ambjent u żvilupp sostenibbli ”Lejn is-sostenibilità” (1), |
— |
wara li kkunsidra r-reviżjoni tal-istrateġija tal-UE favur l-iżvilupp sostenibbli, |
— |
wara li kkunsidra s-Sitt Programm ta' Azzjoni għall-Ambjent, |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar l-istrateġiji tematiċi għall-ambjent urban (2), ir-riċiklar tal-iskart (3), l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali (4) u l-użu sostenibbli tal-pestiċidi (5), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2007 dwar “Il-limitar tal-bidla fil-klima dinjija għal 2 gradi Celsius — it-triq lejn il-Konferenza ta' Bali dwar il-Bidla fil-Klima u lil hinn” (6), |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A6-0040/2008), |
A. |
billi d-data dwar il-bidla fil-klima tindika li hemm bżonn tittieħed azzjoni stretta biex jiġu limitati l-effetti tagħha; billi l-Kunsill Ewropew ippjana miri minimi ta' 20 % sa l-2020 u ta' 60 % sa l-2050 għat-tnaqqis fl-emissjonijiet tas-CO2; billi l-Kunsill Ewropew ippjana wkoll miri għal ishma ta' 20 % ta' oġġetti li jiġġeddu fil-konsum tal-enerġija u 20 % titjib fl-effiċjenza tal-enerġija sa l-2020, |
B. |
billi fir-riżoluzzjoni tiegħu msemmija hawn fuq tal-15 ta' Novembru 2007, il-Parlament jenfasizza li l-pajjiżi industrijalizzati għandhom jieħdu l-impenn li jnaqqsu l-emissjonijiet tagħhom b'mill-inqas 30 % sa l-2020 u b'60-80 % sa l-2050 meta mqabbla mal-livelli tal-1990, |
C. |
billi hemm tipi varji ta' tniġġis u hemm riskju li jispiċċaw ir-riżorsi naturali, |
D. |
billi hemm riskju għoli tal-għajbien ta' bosta speċi veġetali jew ta' annimali u billi l-objettiv stabbilit mill-UE huwa li twaqqaf it-telf tal-bijodiversità sa l-2010, |
E. |
billi hemm żieda kontinwa fl-UE, tat-traffiku marbut mat-trasport speċjalment mat-trasport tal-merkanzija, u żieda fil-konsum tal-enerġija b'riżultat ta' dan, |
F. |
billi l-istrumenti bbażati fuq is-suq (MBIs) jikkonsistu minn għodod importanti għall-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' min iniġġes irid iħallas, u b'mod iktar wiesa', biex jitqiesu l-ispejjeż moħbija tal-produzzjoni u l-konsum għas-saħħa tan-nies u l-ambjent b'mod li jkun effettiv ekonomikament, |
G. |
billi jeżistu differenzi kbar bejn l-Istati Membri, kemm fil-qasam tat-tassazzjoni ambjentali (bejn 2 % u 5 % tal-GDP) kif ukoll fil-qasam tal-użu ta' strumenti bbażati fuq is-suq, u billi l-ammont tax-taxxi ambjentali fil-GDP naqas dawn l-aħħar ħames snin, |
H. |
billi t-taxxi fuq l-enerġija jirrappreżentaw medja ta' 76 % tat-tassazzjoni ambjentali u t-taxxi fuq it-trasport 21 %, |
I. |
billi l-familji jerfgħu l-piż ta' parti kbira ħafna mit-taxxi ambjentali, filwaqt li s-setturi ekonomiċi l-oħra huma l-ewwel konsumaturi tal-enerġija, tal-ilma u tat-trasport, |
J. |
billi r-riforma tas-sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent (EHS) tista' tagħti kontribut biex tiġi indirizzata l-bidla klimatika, biex javvanza l-iżvilupp sostenibbli u biex tinżamm il-kompetittività internazzjonali tal-UE, |
K. |
billi r-rispons għat-tbassir dwar l-impatti globali tat-tibdil fil-klima m'għandux iwassal biss għat-tmiem tar-rabta tat-tkabbir mill-mezzi ta' produzzjoni u ta' konsum, iżda wkoll għat-tibdil fil-mudell ta' żvilupp soċjoekonomiku tagħna, |
L. |
billi l-indikaturi ekonomiċi tal-GDP attwali m'għadhomx biżżejjed bħala mezz li bih tiġi evalwata b'mod preċiż ir-realtà soċjali, ekonomika u ambjentali, u billi dawn ma jqisux il-konsegwenzi ambjentali tal-attivitajiet tal-bniedem li jridu jiġu indirizzati; billi jridu jiġu kkunsidrati indikaturi ambjentali ġodda li jikkalkulaw il-ġid li jkun sar, li huma magħmula biex iqisu aħjar dawn il-bidliet, |
Kritika għall-Green Paper
1. Jilqa' r-referenza għall-prinċipju skond liema ”min iniġġes iħallas”, iżda jiddispjaċih li r-rabta hija waħda dgħajfa jew ineżistenti fl-elaborazzjoni u d-daqs tal-istrumenti tal-politika ambjentali eżistenti; jisħaq li l-prinċipju ta' “min iniġġes iħallas” jgħin biex jiġi stabbilit prezz reali billi tiġi inkluża fil-prezz tal-prodott l-ispiża biex jitnaddaf it-tniġġis u biex tissewwa l-ħsara li jkun ġie kkawżat mill-produzzjoni; jinnota li, fil-fatt, il-produzzjoni jew il-prodotti li jniġġsu huma eventwalment iżjed għaljin, jekk il-prezz jinkludi l-fatturi esterni kollha, għaliex il-prevenzjoni hija irħas mir-restawr jew ir-rijabilitazzjoni;
2. Jiddispjaċih dwar il-fatt li ma sarx studju fil-fond dwar il-vantaġġi ta' diversifikazzjoni bejn l-istrumenti bbażati fuq is-suq, immirati lejn il-konsumatur meta mqabbel mal-livell tal-produttur;
3. Jenfasizza li l-prinċipju skond liema ”min iniġġes iħallas” ma jistax jiġi limitat billi jkollu jħallas il-konsumatur finali, b'mod partikolari l-familji;
4. Jiddispjaċih li l-Green Paper tikkonċentra essenzjalment fuq it-tniġġis fl-atmosfera u fuq it-tisħin fil-klima, iżda tinjora totalment l-impatti negattiv l-oħra fuq l-ambjent li għandhom il-proċessi l-oħra ta' produzzjoni u ta' distribuzzjoni u l-mezzi ta' konsum;
5. Huwa tal-istess opinjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar id-diversità tal-istrumenti bbażati fuq is-suq u d-distinzjoni bejn it-taxxi u t-tariffi, billi dawn tal-aħħar jikkonsistu normalment minn ħlas għal servizz jew minn spiża definita ċarament; jenfasizza l-bżonn li wieħed ikollu għad-dispożizzjoni tiegħu kemm strumenti li jinċitaw kif ukoll oħrajn li jiddiswadu sabiex jintlaħqu l-objettivi fil-qasam tal-ħarsien ambjentali u tas-saħħa, kif ukoll strateġija ta' żvilupp sostenibbli;
6. Jiddispjaċih li d-dimensjoni internazzjonali hija trattata wisq superfiċjalment u li għadhom ma ttiħdux miżuri bil-għan li titnaqqas kemm jista' jkun il-kompetizzjoni bejn ir-reġjuni u s-setturi industrijali;
Miżuri
7. Jilqa' b'sodisfazzjon il-Green Paper; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżviluppa strateġija ċara dwar l-użu ta' Strumenti Bbażati fuq is-Suq (MBI) sabiex tivvaluta finanzjarjament il-ħsara ambjentali u sabiex tikkoreġi n-nuqqasijiet relatati mas-suq li jkopru t-tassazzjoni, ir-reviżjoni tal-Iskema għall-Iskambju tal-Emissjonijiet tal-UE (ETS), il-kummerċ u l-politika tat-teknoloġija;
8. Jistieden lill-Kummissjoni, biex fit-tfassil tal-istrateġija tagħha għall-implimentazzjoni tal-MBIs, hija tqis u tipprepara rapport komprensiv dwar l-effettività tal-istrumenti ambjentali regolatorji applikati attwalment mill-UE bil-ħsieb li jkun aċċertat f'liema oqsma jkun xieraq li l-leġiżlazzjoni attwali tkun sostitwita b'MBIs;
9. Jitlob lill-Kummissjoni biex tuża studju komparattiv tal-istrumenti bbażati fuq is-suq eżistenti, biex tiġi evalwata l-effettività tagħhom u jiġi inkoraġġut l-iskambju tal-prattika tajba bejn l-Istati Membri;
10. Jistieden lill-Unjoni Ewropea sabiex tagħmel distinzjoni bejn ir-rikkezza ekonomika netta għal kull abitant u r-rikkezza ekonomika, soċjali u ekoloġika netta bħall-indikatur tal-progress reali; jitlob b'konsegwenza lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jistudjaw iktar fil-fond il-possibilità li jiġi mkejjel it-tkabbir Ewropew billi jintużaw indikaturi “ħodor” (7) li jagħtu rendikont tal-ġid mitluf b'konnessjoni mad-dannu ambjentali,
11. Jirrikonoxxi li l-internalizzazzjoni totali tal-ispejjeż ambjentali hija kundizzjoni essenzjali li għandha tiġi sodisfatta minn qabel għat-twaqqif ta' kompetizzjoni leali bejn id-diversi impriżi u għaż-żieda tal-inċentivi ekonomiċi għall-promozzjoni ta' produzzjoni u ta' konsum nodfa, kif ukoll għall-inkoraġġament tal-innovazzjoni fil-qasam tat-teknoloġiji li jniġġsu inqas;
12. Jirrikonoxxi li l-inkapaċità li jiġu internalizzati l-ispejjeż ambjentali tfisser li jkunu qed jiġu megħjuna l-attivitajiet li jagħmlu ħsara lill-ambjent;
13. Jenfasizza l-fatt li l-eżistenza ta' numru kbir ta' sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent fl-Istati Membri tal-UE tiggrava t-tniġġis u tipperikola b'mod serju l-prinċipju skond liema ”min iniġġes iħallas”;
Prinċipji
14. Jinnota li l-prinċipju skond liema min iniġġes iħallas huwa wieħed mill-pilastri tal-politika ambjentali tal-UE, li jimplika li affarijiet esterni jiġu internalizzati fil-prezzijiet tas-suq sabiex jiġi żgurat li jirriflettu l-ispejjeż vera tal-produzzjoni jew tal-ħsara ambjentali u tal-ħsara għas-saħħa kkawżati; jinnota li l-implimentazzjoni tal-prinċipju skond liema ”min iniġġes iħallas” mhuwiex sodisfaċenti fil-maġġor parti tal-Istati Membri;
15. Jinnota li l-istrumenti bbażati fuq is-suq jinkludu sensiela wiesgħa ta' għodod li huma mfassla biex jirrispondu għal skopijiet speċifiċi, bħal permessi kummerċjabbli li ġew imfassla biex jiksbu tnaqqis fit-tniġġis (per eżempju bħall-emissjonijiet tas-CO2); taxxi ambjentali, li huma maħsuba biex ibiddlu l-prezzijiet u b'hekk l-imġiba tal-produtturi u l-konsumaturi; tariffi ambjentali, imfassla biex ikopru spejjeż tas-servizzi ambjentali; sussidji ambjentali, imfassla biex jappoġġjaw l-iżvilupp ta' teknoloġiji iktar nodfa, eċċ.;
16. Jagħraf li l-MBIs favur l-ambjent huma fost l-iktar mezzi effikaċi biex jintlaħqu l-objettivi ambjentali bi spiża raġonevoli; jenfasizza madankollu li dawn l-istrumenti għandhom ikunu kompletati b'miżuri oħra bħal regoli ta' effikaċja, objettivi fil-qasam tal-emissjonijiet eċċ;
17. Jinnota li l-MBIs se jkollhom rwol essenzjali biex tintlaħaq il-mira tal-UE sabiex sa l-2020 is-sehem tal-enerġija li tiġġedded mill-konsum totali tal-enerġija jkun ta' 20 %;
18. Iqis li t-tibdil lejn żvilupp sostenibbli u ekonomija mingħajr karbonju jeħtieġ taħlita ta' strumenti li jiddiswadu (eż taxxi, ħlasijiet) u ta' strumenti ta' inċentiva (eż sistemi ta' skambji);
19. Jisħaq li l-iżvilupp ta' taħlita ta' strumenti jgħin biex ikun hemm użu aħjar tal-MBIs; f'dan il-kuntest, iqis li l-istrumenti bbażati fuq is-suq jistgħu jikkontribwixxu ħafna biex jinkisbu l-miri tal-aġenda ta' Liżbona;
20. Hu tal-opinjoni li l-miżuri dwar l-enerġija u l-klima adottati bħala parti mill-kunċett komprensiv fil-livell tal-UE u fil-livell nazzjonali għandhom jiġu regolati skond l-objettivi miftiehma f'Liżbona u f'Göteborg;
21. Hu tal-fehma li l-MBIs jirrappreżentaw mezz xieraq u effettiv biex jiġu internalizzati l-effetti esterni li għandhom jintużaw b'iktar frekwenza u li jistgħu jikkomplimentaw, imma mhux jissostitwixxu, l-istrumenti amministrattivi;
22. Jisħaq li l-implimentazzjoni tal-MBIs biex jiġu indirizzati t-tniġġis u l-impatti ambjentali negattivi għandha bżonn tiġi bbażata fuq l-effettività ambjentali; huwa tal-opinjoni li konsegwenzi soċjali li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-MBIs għandhom jiġu kkompensati b'miżuri ta' politika speċifiċi bħal ma huma prezzijiet baxxi, tnaqqis fir-rati, sussidji, eċċ, għal familji bi dħul finanzjarju baxx; jikkunsidra wkoll li hija neċessarja li jiġu adottati miżuri bil-għan li jippenalizzaw konsum eċċessiv;
23. Ifakkar li d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta' Ottubru 2003 li tirristruttura l-qafas tal-Komunità għat-tassazzjoni tal-prodotti tal-enerġija u tal-elettriku (8) (“id-Direttiva għat-Tassazzjoni tal-Enerġija”) tipprevedi li, taħt ċertu kundizzjonijiet, it-tassazzjoni tista' tinbidel b'mod sħiħ jew parzjali ma' MBIs alternattivi, inkluż b'mod partikolari l-ETS UE;
24. Jinsisti dwar l-irwol importanti tat-tassazzjoni ambjentali biex jintlaħqu l-objettivi ambjentali;;
25. Huwa tal-fehma li l-miżuri bbażati fuq is-suq Komunitarju ma jistgħux jiġu limitati għas-sistemi ta' skambju ta' drittijiet għal emissjoni jew ta' kwoti ta' emissjoni, u li għandhom jiġu kkunsidrati skemi oħra possibbli bħat-twaqqif ta' taxxa fuq il-karbonju kif ukoll tnaqqis fis-sussidji għall-enerġiji fossili;
26. Jenfasizza l-fatt li t-taxxi marbuta mal-ambjent m'għandhomx jiġu kkunsidrati prinċipalment bħala mezz biex jiżdied id-dħul mit-taxxi, iżda pjuttost bħala mezz ta' prevenzjoni ta' kull tniġġis li jista' jipperikola jew jiddegrada l-ambjent — u għalhekk, li jżid il-benessri fis-soċjetà — permezz ta' spiża raġonevoli; jinsisti dwar il-fatt li l-imponiment ta' taxxi fuq fatturi negattivi bħat-tniġġis għandu jiġi kkumpensat minn tnaqqis tat-taxxi fuq fatturi pożittivi bħax-xogħol;
27. Ifakkar li, minkejja l-unanimità fil-qasam tat-tassazzjoni, it-trattati joffru l-possibilità ta' koperazzjoni mkabbra u jiġbed l-attenzjoni fuq l-eżistenza tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni; għalhekk jistieden lill-Istati Membri biex jipprogressaw fil-qasam tat-tassazzjoni ambjentali fuq livell Ewropew, biex jipprevjenu d-dumping fiskali;
28. Jinnota li koordinazzjoni ikbar tal-UE dwar it-taxxi ambjentali u l-iskambju tal-aħjar prattiki se tiffaċilita r-riforma; jappoġġja b'mod partikulari l-proposti li jippermettu lill-Istati Membri biex inaqqsu r-rati tal-VAT jew joffru kreditu ta' taxxa għall-prodotti li jkunu effiċjenti f'sens ta' enerġija u għal materjali li jiffrankaw l-enerġija; jisħaq madanakollu li l-Istati Membri għandhom jiddeċiedu dwar x'jixraq għas-sistemi tat-taxxa tagħhom;
29. Jinnota l-benefiċċji tar-riformi tat-taxxa ambjentali; jistieden lill-Istati Membri sabiex jimplimentaw riformi bħal dawn sabiex itaffu, inter alia, il-faqar tal-enerġija u jappoġġjaw it-teknoloġiji b'livell baxx ta' karbonju, l-iffrankar tal-enerġija, l-effiċjenza tal-enerġija u t-teknoloġiji rinovabbli;
30. Jappoġġa t-tnaqqis tat-tassazzjoni fuq ix-xogħol fil-livell nazzjonali, iżda jenfasizza li dan mhux marbut biss mar-riforma tat-tassazzjoni ambjentali;
31. Iqis li l-modulazzjoni tal-prezzijiet hija mezz ta' kif jistgħu jiġu influwenzati l-mudelli tal-produzzjoni u tal-konsum, u kif jistgħu jiġu mħajra l-utenti biex jagħżlu forom tat-trasport xierqa li jkunu iżjed favur l-ambjent (per eżempju billi jitnaqqsu l-prezzijiet tat-trasport pubbliku); iqis li kwalunkwe żieda minħabba l-użu tal-MBIs trid tkun prevedibbli u tqis, jekk hemm bżonn, iċ-ċirkustanzi partikolari ta' kull Stat Membru; madankollu jenfasizza li l-impatt ta' miżura tal-prezz jista' jkun limitat minħabba n-nuqqas ta' flessibilità ta' ċerti setturi u ta' ċerti kategoriji ta' konsumaturi;
32. jenfasizza l-bżonn li jkun hemm dejta preċiżi dwar l-ispejjeż ambjentali u soċjali relatati maċ-ċiklu tal-ħajja kollu ta' prodotti u servizzi; jistieden lill-Kummisjoni biex tipproponi metodi ta' valutazzjoni ta' spejjeż bħal dawn;
33. Jilqa' b'sodisfazzjon il-konferenza riċenti “Lil hinn mill-Prodott Gross Domestiku” organizzata mill-Kummissjoni, mill-Parlament Ewropew, mill-OECD, mill-Fond Dinji għan-Natura (WWF)u mill-Klabb ta' Ruma (Club of Rome), u l-konklużjonijiet bżonnjużi li ħarġu minnha; jenfasizza sa liema punt huma importanti li wieħed jikkumplimenta l-GDP permezz ta' indikaturi oħrajn biex jitkejlu l-benesseri u l-progress tas-soċjetà tagħna, speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam mal-impatt tat-tkabbir ekonomiku fuq l-atmosfera u fuq l-ekosistemi;
34. Iqis li l-MBIs jistgħu jikkontribwixxu għall-promozzjoni tar-riċerka u tal-eko-innovazzjoni, minħabba li, permezz tat-tassazzjoni ta' prodotti u servizzi li ma jirrispettawx l-ambjent jew l-applikazzjoni ta' standards ekoloġiċi, il-produtturi huma mħeġġin jinvestu f'riċerka dwar prodotti u servizzi iktar effiċjenti mill-perspettiva tal-enerġija;
Liema strumenti għal liema settur?
35. Jirrikonoxxi li fil-verżjoni attwali tagħha, is-sistema Ewropea ta' skambju ta' kwoti ta' emissjonijiet (ETS UE) għandha kamp ta' applikazzjoni żgħir wisq fir-rigward tad-diversi sorsi ta' gass ta' serra u tas-setturi involuti, u li għandu jsir titjib neċessarju min-naħa tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri biex l-EU ETS jiġi ottimizzat fit-tielet fażi tal-proġett sa mill-2013;
36. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex issaħħaħ l-ETS tal-UE billi tistabbilixxi limitu li kull ma jmur jagħlaq u testendih għall-emitturi kollha tal-ewwel grad bħala l-mezz ewlieni biex jintlaħqu l-miri tal-2020 għat-tnaqqis tal-GHGs;
37. Jisħaq, għalhekk, fuq il-bżonn urġenti għal reviżjoni tal-ETS UE sabiex jiġu indirizzati b'mod effettiv in-nuqqasijiet li kien hemm matul il-perjodu ta' prova, inklużi l-profitti mhux mistennijin tal-kumpaniji minħabba l-assi akkwistati mill-allokazzjoni tal-kwoti tas-CO2 mingħajr spejjeż (per eżempju l-produtturi l-kbar tal-elettriku); jenfasizza li t-tħeġġiġ qawwi tal-prinċipju skond liema min iniġġes iħallas fl-Istrateġija ta' Żvilupp Sostenibbli tal-UE jimplika li l-ETS UE għandha primarjament tkun ibbażata fuq l-irkantar tal-permessi tal-emissjonijiet u fuq limitu tal-emissjonijiet totali li tkun konsistenti mal-mira tat-tnaqqis tal-UE 2020 b'30 %, inklużi l-limiti kwantitattivi u r-rekwiżiti kwalitattivi għall-użu ta' Mekkaniżmu għal Żvilupp Nadif/krediti tal-proġett tal-Implimentazzjoni Konġunta (CDM/JI);
38. Jenfasizza, f'dan ir-rigward, fuq l-importanza li jitħeġġeġ l-iżvilupp tas-suq globali tal-karbonju sabiex jintlaħaq it-tnaqqis estensiv tal-emissjonijiet li hemm bżonn b'mod li jkun effettiv f'sens ta' nfiq;
39. Jemmen li użu miżjud tal-MBIs fis-settur tat-trasport huwa partikolarment importanti sabiex tiġi internalizzata għal kollox in-nefqa ambjentali u soċjali tal-mezzi kollha tat-trasport; iqis b'mod partikolari l-livell baxx ta' internalizzazzjoni mit-traffiku fit-toroq bħala wieħed li għandu effetti negattivi fuq il-kompetittività ta' forom oħra ta' trasport, bħal ma huma l-ferroviji, u biex jitħeġġu teknoloġiji iżjed effiċjenti u nodfa;
40. Jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni biex is-settur tal-avjazzjoni jkun inkluż fis-sistema Komunitarja tal-ETS, iżda jqis neċessarju l-adozzjoni ta' miżuri paralleli u kumplimentari bħal taxxa fuq il-pitrolju u taxxi fuq l-emissjonijiet tal-ossidju tan-nitroġenu (NOX), biex jiġu affaċċjati l-impatti tal-bidla fil-klima f'dan is-settur;
41. Jitlob immedjatament lill-Kummissjoni biex qabel l-2009 tippreżenta proposta leġiżlattiva għat-tnaqqis ta' emissjonijiet ta' gass mill-qasam tat-trasport marittimu;li mhuwiex suġġett għall-ebda leġiżlazzjoni Komunitarja jew internazzjonali f'dan il-qasam;
42. Huwa tal-fehma li t-taxxi fuq l-enerġija għandhom jibqgħu bħala għodda sekondarja u kumplimentarja fit-tnaqqis tal-GHGs biss għal dawk l-emissjonijiet li ma jiġux influwenzati, kemm direttament kif ukoll indirettament, mill-ETS tal-UE;
43. Ifakkar li s-setturi tat-trasport u tal-bini jirrappreżentaw parti kbira mid-domanda għall-enerġija u mill-emissjonijiet ta' CO2 mhux koperti mill-iskema ta' tpartit ta' kwoti ta' emissjonijiet tal-UE;
44. Iqis li r-reviżjoni tad-Direttiva għat-Tassazzjoni tal-għandha ssir ta' malajr u b'mod konġunt ma' dik dwar il-vetturi li jġorru prodotti tqal (9) (id-Direttiva tal-Eurovignette), sabiex ikun evitat l-irduppjar ta' miżuri għall-istess objettiv u biex tiġi modifikata t-tassazzjoni ambjentali biex jiġu influwenzati malajr l-attitudnijiet dwar l-ambjent fis-setturi ekonomiċi differenti, speċjalment permezz tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni;
45. Huwa tal-fehma li hemm bżonn li l-applikazzjoni tad-Direttiva Eurovignette għandha ssir obbligatorja fl-Istati Membri kollha u biex din tiġi adattata sabiex tkun possibbli l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni grazzi għall-istabbiliment ta' rati ta' ħlas għall-użu tal-infrastrutturi, speċjalment tat-trasport fit-toroq; iqis li biex jiġu evitati t-trasferimenti tat-traffiku lejn rotot esklużi mid-direttiva Eurovignette, din għandha tiġi estiża għan-netwerk sħiħ tat-toroq;
46. Jisħaq dwar il-ħtieġa li jiġu applikati prinċipji aħjar ta' regolazzjoni fl-użu ta' MBIs u sabiex jiġu evitati strumenti li jidħlu f'xulxin u li jkunu kumplessi; jappoġġja l-emenda tad-Direttiva għat-Tassazzjoni tal-Enerġija b'tali mod li jiġi żgurat li l-parteċipanti fl-ETS UE ma jħallsux darbtejn għall-emissjonijiet tagħhom, kemm permezz tal-iskambju kif ukoll tat-tassazzjoni;
47. Iqis li, fil-qasam tarr-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni dwar it-tassazzjoni tal-prodotti tal-enerġija, ir-rata minima tat-taxxi għandha tiżdied fil-qasam tat-trasport għal skopijiet industrijali jew kummerċjali; jappoġġa d-differenza tat-tassazzjoni f'komponent enerġetiku u f'komponent ambjentali bbażat fuq il-livell ta' emissjonijiet tas-CO2;
48. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jevalwaw id-derogi u l-eżenzjonijiet inklużi fid-Direttiva dwar it-Tassazzjoni tal-Enerġija u biex jeżaminaw liema sors ta' enerġija ta' fjuwils fossili għandu jkun eżentat mit-taxxa fil-futur filwaqt li jkun irrispettat il-kamp ta' applikazzjoni u l-ispirtu tad-direttiva u filwaqt li jkunu evitati għall-operaturi piżijiet idduplikati u li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta' sistemi oħra ta' tassazzjoni jew skambju;
49. Jitlob biex ikun hemm użu ikbar tal-MBIs bil-għan li jintlaħqu objettivi in ġenerali tal-politika ambjentali u b'mod partikolari l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni fl-Istati Membri individwali; f'dan ir-rigward, madankollu, għandha tingħata attenzjoni biex ikun żgurat li s-sovranità tal-Istati Membri fi kwistjonijiet fiskali ma twassalx għal distorzjonijiet fil-kompetizzjoni; jipproponi, pereżempju, l-użu ta' strumenti bbażati iktar mill-qrib fuq is-suq biex tiġi promossa l-effiċjenza tal-enerġija u l-iżolazzjoni termali tal-bini;
50. Jistieden lill-Istati Membri biex isaħħu l-politiki ta' inċentiv tagħhom favur is-settur tal-bini biex jiġi ffaċilitat tnaqqis fit-talba għall-enerġija u fl-emissjonijiet tas-CO2; jenfasizza sa liema punt huwa importanti li wieħed jappoġġja l-iżvilupp tal-ambjent passiv u tal-enerġija pożittiva;
51. Jipproponi li għandhom ikunu disponibbli arranġamenti ta' kumpens ibbażati fuq il-mekkaniżmi tal-Protokoll ta' Kyoto u li jistgħu jipprovdu inċentivi finanzjarji biex jiġu ffinanzjati xogħlijiet ta' titjib fl-effiċjenza enerġetika fis-settur tal-akkomodazzjoni soċjali u fl-użu tal-karbonju tat-trasport urban;
Strumenti u setturi partikulari
52. Iqis li r-riforma fl-EHS m'għandhiex tkun limitata għas-CAP; iqis li f'dan il-qasam, is-settur tat-trasport, speċjalment it-trasport fit-toroq, jeħtieġ azzjoni speċifika u determinata; jitlob lill-Kummissjoni biex tipproponi malajr pjan direzzjonali dwar it-tneħħija progressiva iżda mgħaġġla ta' sussidji li jagħmlu ħsara għall-ambjent (EHS) u li huma konformi mad-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew dwar ir-reviżjoni tal-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli;
53. Jaqbel mal-Kummissjoni li t-tneħħija ta' sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent tikkonsisti f'miżura kumplimentari essenzjali biex jintlaħaq l-iżvilupp sostenibbli, u speċjalment, l-objettivi mħaddna mill-Kapijiet ta' Stat u tal-Gvern tal-UE fir-rigward tal-aġenda integrata għall-bidla tal-klima u l-enerġija;
54. Jistenna mill-Kummissjoni li r-reviżjoni tal-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuniet statali għall-protezzjoni tal-ambjent tikkunsidra realment il-ħtieġa li jiġu modifikati t-tendenzi ta' produzzjoni, ta' distribuzzjoni, ta' trasport u ta' konsum u biex jitnaqqas l-ammont tal-iskart;
55. Ifakkar fid-dispożizzjonijiet komunitarji fil-qasam tal-iskart, iżda jiddispjaċih li dawn ma indirizzawx il-problema tal-volum tal-iskart fl-Unjoni Ewropea; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jirriflettu dwar qafas leġiżlattiv fil-qasam tat-tassazzjoni tal-iskart biex tiġi evitata l-produzzjoni tal-iskart u biex jitnaqqas għal żmien medju, il-livell ta' skart prodott fl-UE;
56. Jilqa' b'sodisfazzjon l-enfasi mogħtija lill-istrumenti bbażati fuq is-suq għall-implimentazzjoni tal-Qafas tad-Direttiva dwar l-Ilma (WFD) (10) u jqis importanti ħafna li jiġu internalizzati l-ispejjeż marbutin mal-estrazzjoni tal-ilmijiet tal-wiċċ, mad-degradazzjoni tal-kwalità tal-ilma u mal-impjanti għall-itrattar tal-ilma meta jiġi stabbilit il-prezz tal-ilma; jisħaq li d-WFD jista' jservi bħala referenza għad-definizzjoni tal-MBIs għall-ambjent; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex teżamina l-implimentazzjoni fl-Istati Membri u biex tuża l-Istrateġija ta' Implimentazzjoni Komuni tad-WFD u l-Baċiri Pilota tax-Xmajjar biex jistudjaw u jħeġġu l-aħjar prattiki; jistieden lill-Istati Membri biex jintensifikaw l-isforzi tagħhom għall-implimentazzjoni korretta tad-WFD u speċjalment biex jiggarantixxu li l-konsum kollu tal-ilma jkun suġġett għal evalwazzjoni ekonomika li tinkludi l-ispejjeż għall-użu tar-riżors u l-ispejjeż ambjentali, b'dawn il-kriterji li, b'mod partikolari, jservu bħala bażi biex jiġu kkalkulati t-tariffi tal-ilma;
57. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jimplimentaw sistema ta' taxxi jew ta' tariffi bil-għan li jnaqqsu l-użu kwantitattiv ta' pestiċidi u biex jużaw u jħeġġu l-użu ta' pestiċidi inqas tossiċi u li jagħmlu inqas ħsara lill-ambjent u lis-saħħa;
58. Iqis li l-introduzzjoni ta' rata mnaqqsa tal-VAT fuq il-prodotti ekoloġiċi għandha tkun strettament sorveljata sabiex ikun żgurat li hija ta' benefiċċju ġenwin għall-konsumaturi, u għandha tiġi akkumpanjata minn skemi addizzjonali bħalma hija dik tal-eko-tikkettar sabiex titwaqqaf sistema li tippermetti tqabbil faċli bejn il-prodotti;
59. Jirrikonoxxi d-diffikultajiet biex jiġu stabbiliti l-MBIs bil-għan li jiżdiedu jew jinżammu s-servizzi għall-bijodiversità u għall-ekosistema u biex jiġu indirizzati l-problemi ambjentali ta' natura lokali; jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli fir-riflessjonijiet tagħha dwar il-valutazzjoni tal-ispejjeż tat-telf tal-bijodiversità u dwar l-użu possibbli tal-istrumenti tas-suq (MBIs), filwaqt li jkun ċert li jirrikonoxxi li l-ħarsien jew it-titjib tal-bijodiversità f'qasam partikolari m'għandux iwassal għat-telf tal-bijodiversità f'qasam ieħor, minħabba l-impatti lokali li dan jista' jkollu;
60. Jinnota b'interess, f'din ir-rabta, l-iskemi tal-iskambju tal-emissjonijiet għal NOX u SO2 li twaqqfu minn ċertu Stati Membri, minħabba l-fatt li skemi bħal dawn jippermettu li jiġu solvuti fl-iżjed mod effettiv f'sens ta' nfiq possibbli l-problemi li jinħolqu minħabba dan it-tip ta' tniġġis atmosferiku; jenfasizza li t-twaqqif kollu ta' sistema ta' skambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' NOX u SO2 għandu jikkunsidra l-kundizzjonijiet lokali ta' dawn l-emissjonijiet u għandu jkun limitat għal żoni ġeoġrafiċi definiti b'mod preċiż;
61. Jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi fl-inizjattivi tagħha ż-żamma tal-mekkaniżmi attwali adottati mill-Istati Membri biex jappoġġaw l-iżvilupp tal-enerġiji li jiġġeddu; jisħaq li jkun xieraq li qabel ma jingħataw għajnuniet finanzjarji għall-bijofjuwils, jintalbu evalwazzjonijiet addizzjonali biex ikun determinat jekk l-enerġiji li jiġġeddu kinux prodotti b'mod sostenibbli mill-perspettiva ambjentali;
62. Jenfasizza l-fatt li l-istrumenti bbażati fuq is-suq għandhom ikunu konklużi b'tali mod li ma jikkompromettux il-kompetittività tal-industriji esposti għall-kompetizzjoni internazzjonali bħal ma huma l-industriji l-kbar tal-enerġija, biex jiġi evitat it-telf ta' bejgħ minħabba importazzjonijiet (“evażjoni”) kif ukoll minħabba r-rilokalizzazzjoni eventwali tal-produzzjoni, u bħala riżultat minħabba l-impatti ambjentali barra l-Unjoni Ewropea;
63. Jitlob lill-Kummissjoni biex tiżviluppa studju dwar il-fattibilità tal-introduzzjoni ta' “karta tas-CO2” għall-individwi u l-SMEs, f'liema karta jiġi rreġistrat il-konsum tal-enerġija u l-kwantità ta' gass b'effett ta' serra prodott;
64. Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li tfaċċaw strumenti finanzjarji flimkien ma' taxxi u skemi ta' skambju tal-kwoti tal-emissjonijiet, b'mod partikulari d-disponibilità dejjem tiżdied ta' investimenti ekoloġiċi/etiċi, bħal kuxjenza ikbar, li joffru kuxjenza akbar u joħolqu għażla tas-suq għall-investituri;
65. Jirrikonoxxi l-irwol ta' appoġġ tal-kumpaniji tal-kapital ta' riskju u tal-kapital ta' investiment li jinvestu fil-qasam tat-teknoloġiji b'livell baxx ta' karbonju;
Id-dimensjoni internazzjonali
66. Josserva li l-ekonomiji Ewropej jagħmlu iktar minn 35 % mis-suq dinji għal oġġetti ambjentali kkummerċjati u li l-kumpanniji Ewropej, għalhekk, huma f'pożizzjoni tajba biex japprofittaw minn ekonomija ħadra globali u dan jegħleb mill-inqas parti mill-impatt fuq il-GDP;
67. Jappoġġja l-kunsiderazzjoni ta' strument ta' aġġustament fil-fruntieri biex jiġi evitat, fost l-oħrajn, “telf ta' karbonju” eventwali li jista' jostakola l-obbligu li jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 u li jippreserva l-kompetittività ekonomika tal-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel użu mill-istudji li saru f'ċerti Stati Membri sabiex tħejji rapport fħall-Parlament Ewropew dwar l-adozzjoni possibbli ta' strument bħal dan; jenfasizza, madanakollu, li miżuri ta' aġġustament fil-fruntieri ma għandhomx ikunu mwettqa ħlief fl-eventwalità meta jfallu l-isforzi maħsuba biex jintlaħaq ftehim dwar it-tnaqqis obbligatorju tas-CO2 fuq livell internazzjonali;
68. Jemmen li sabiex ikun aċċettabli internazzjonalment, strument bħala dan irid jikkunsidra l-aħjar tekniki disponibbli u jibqa' favorevoli għall-pajjiżi terzi, b'mod partikulari l-pajjiżi li qed jiżviluppaw;
69. Jirrikonoxxi li jkun aħjar li jkun hemm valuri indikattivi u impenji internazzjonali li jorbtu u li jkopru s-setturi kollha li huma vulnerabbli għall-kompetizzjoni milli l-possibilità ta' adozzjoni tal-aġġustamenti fiskali fil-fruntieri li jegħlbu d-distorzjonijiet fost l-imsieħba kummerċjali;
*
* *
70. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.
(1) ĠU L 275, 10.10.1998, p. 1.
(2) Ir-Riżoluzzjoni tas-26 ta' Settembru 2006 tal-Parlament Ewropew dwar l-istrateġija tematika dwar l-ambjent urban (ĠU C 306 E, 15.12.2006, p. 182).
(3) Ir-Riżoluzzjoni tat-13 ta' Frar 2007 tal-Parlament Ewropew dwar l-Istrateġija Tematika dwar ir-riċiklar tal-iskart (ĠU C 287 E, 29.11.2007, p. 168).
(4) Ir-Riżoluzzjoni tal-25 ta' April 2007 tal-Parlament Ewropew dwar l-Istrateġija Tematika dwar l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali (ĠU C 74 E, 20.3.2008, p. 660).
(5) Ir-Riżoluzzjoni tal-24 ta' Ottubru 2007 tal-Parlament Ewropew dwar l-Istrateġija Tematika dwar l-Użu Sostenibbli tal-Pestiċidi (Testi Adottati, P6_TA(2007)0467).
(6) Testi Adottati, P6_TA(2007)0537.
(7) Indikaturi ambjentali jew indikaturi li jqisu l-ambjent, bħal IBED (Indicateur du bien-être durable) jew ISEW (Indicator of Sustainable Enonomic Welfare), TPI.
(8) ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51.
(9) Direttiva tal-Kunsill 93/89/KEE tal-25 ta' Ottubru 1993, dwar l-applikazzjoni mill-Istati Membri tat-taxxi fuq ċerti vetturi użati għat-trasport fit-triq tal-merkanzija, kif ukoll in-nollijiet u l-ħlasijiet għall-użu ta' ċerti infrastrutturi (ĠU L 279, 12.11.1993, p. 32).
(10) Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).