Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008IP0307

L-awtorizzazzjoni tal-karkass tat-tjur Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad- 19 ta' Ġunju 2008 dwar l-awtorizzazzjoni tal-karkass tat-tjur

ĠU C 286E, 27.11.2009, p. 30–32 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

27.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 286/30


Il-Ħamis, 19 ta’ Ġunju 2008
L-awtorizzazzjoni tal-karkass tat-tjur

P6_TA(2008)0307

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Ġunju 2008 dwar l-awtorizzazzjoni tal-karkass tat-tjur

2009/C 286 E/07

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’April 2004 li jistabbilixxi regoli speċifiċi ta’ iġjene li huma applikabbli għall-oġġetti tal-ikel li ġejjin mill-annimali (1),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur agrikolu u dispożizzjonijiet speċifiċi f’dak li jirrigwarda ċerti prodotti ta’ dan is-settur (regolament uniku tal-OKS) (2),

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 2160/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Novembru 2003 dwar il-kontroll tas-salmonella u ta’ aġenti żoonotiċi speċifiċi oħra preżenti fil-katina tal-ikel (3),

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jirrigwarda l-kontrolli uffiċjali li jsiru biex tkun żgurata l-konformità mal-leġiżlazzjoni dwar l-għalf għall-annimali u l-oġġetti tal-ikel u mad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw is-saħħa tal-annimali u l-benesseri tal-annimali (4),

wara li kkunsidra d-Direttiva 91/271/KEE tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 1991 dwar it-trattament tal-ilmijiet urbani skartati (5),

wara li kkunsidra d-Direttiva 98/24/KE tas-7 ta’ April 1998 dwar il-ħarsien tas-saħħa u tas-sikurezza tal-ħaddiema kontra r-riskji marbuta ma’ aġenti kimiċi fuq il-post tax-xogħol (6),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kulleġġ tal-Kummissarji datata 28 ta’ Mejju 2008 li tapprova l-proposta għal regolament li jemenda ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 bil-ħsieb li jawtorizza l-użu ta’ ċertu sustanzi antimikrobiċi sabiex ikunu ttrattati l-karkassi tat-tjur maħsuba għall-konsum mill-bniedem,

wara li kkunsidra l-evalwazzjoni rigward l-effetti possibbli ta’ erba’ sustanzi ta’ trattament ta’ kontra l-mikrobi fuq it-tfaċċar ta’ reżistenza għall-antimikrobiċi, adottata fis-6 ta’ Marzu 2008 mill-grupp xjentifiku dwar ir-riskji bijoloġiċi (BIOHAZ) tal-Awtorità Ewropea tas-Sikurezza tal-Ikel (EFSA) fuq talba tad-direttorat ġenerali tas-saħħa u tal-konsumaturi tal-Kummissjoni,

wara li kkunsidra l-mistoqsija orali tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel tiegħu lill-Kummissjoni Ewropea, li sar dibattitu dwarha fit-28 ta’ Mejju 2008,

wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.

billi l-proposta tal-Kummissjoni li jkun emendat ir-Regolament (KE) Nru 1234/2007 li jistabbilixxi l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur agrikolu, f’dak li jirrigwarda n-normi tal-kummerċjalizzazzjoni għal-laħam tat-tjur (COM(2008)0336), li għandu l-għan li jimmodifika d-definizzjoni tal-laħam tat-tjur biex ikun awtorizzat il-kummerċjalizzazzjoni ta’ dan il-laħam li jkun ġie suġġett għal trattament antimikrobiku għall-finijiet ta’ konsum mill-bnedmin,

B.

billi d-deċiżjoni tal-kulleġġ tal-Kummissarji msemmi hawn fuq kellha l-ħsieb li awtorizzata l-utilizzazzjoni ta’ erba’ sustanzi antimikrobiċi bil-għan li jkunu ttrattati l-karkassi tat-tjur li jkunu maħsuba għall-konsum mill-bnedmin fl-Unjoni Ewropea,

C.

billi din il-proposta tal-Kummissjoni tkompli mad-domanda tal-Istati Uniti tal-Amerika li tkun awtorizzata l-importazzjoni lejn l-Unjoni tal-produzzjoni tagħha ta’ tjur ittrattati b’sustanzi kimiċi jew antimikrobiċi,

D.

billi l-Istati Uniti tal-Amerika diġà tista’ tesporta laħmijiet tat-tjur fl-Unjoni fi ħdan il-qafas tad-dispożizzjonijiet attwali, bil-kundizzjoni li dawn il-laħmijiet ma jkunux ġew suġġetti għal trattament antimikrobiku,

E.

billi l-prinċipju tal-prekawzjoni huwa espressament imniżżel fit-trattat sa mill-1992; billi l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, f’għadd kbir ta’ okkażjonijiet, ippreċiżat il-kontenut u l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju fil-liġi Komunitarja peress li huwa wieħed mis-sisien tal-politika ta’ ħarsien li ssegwi l-Komunità fil-qasam tal-ambjent u tas-saħħa (7),

F.

billi l-awtorizzazzjoni tat-trattament antimikrobiku, jew għall-prodotti impurtati biss jew anke għal dawk tal-UE, fiż-żewġ każijiet tfisser standards differenti, għax is-settur Ewropew ġie mġiegħel jinvesti ħafna f’metodu li japplika għall-katina tal-ikel kollha, filwaqt li l-Istati Uniti qed tapplika biss soluzzjoni irħisa li tapplika biss għall-aħħar parti tal-katina tal-ikel,

G.

billi l-Kummissjoni tagħraf in-nuqqas ta’ data xjentifika dwar l-impatt ambjentali u sanitarju tal-utilizzazzjoni ta’ dawn l-erba’ sustanzi antimikrobiċi mressqa għall-awtorizzazzjoni,

H.

billi l-konsumaturi jistgħu jiġu mqarrqa, minħabba li l-proċedura tal-ikklorurar tista’ tbiddel id-dehra tal-laħam u ġġibu jidher aktar frisk milli fil-fatt hu,

I.

I. billi hemm proċess twil ta’ adozzjoni u ta’ rinfurzar tan-normi u tal-istandards komunitarji fil-qasam tas-sikurezza u tal-iġjene tal-ikel, wara li jkun ġie permess it-tnaqqis tal-għadd ta’ infezzjonijiet minn aġenti żoonotiċi speċifiċi differenti li jinsabu fil-katina tal-ikel,

J.

billi skond evalwazzjoni taċ-Ċentru Amerikan tal-Kontroll tal-Mard (CDC), l-utilizzazzjoni tas-sustanti antimikrobiċi fl-Istati Uniti tal-Amerika ma ppermettiex it-tnaqqis tal-għadd ta’ infezzjonijiet għall-listerija, għas-salmonella u batterji oħra,

K.

billi l-Kunsill għall-Agrikoltura u s-Sajd diġà ddiskuta s-suġġett darbtejn u billi r-reazzjoni ġenerali tal-Istati Membri għall-pjanijiet tal-Kummissjoni li tawtorizza t-trattament antimikrobiku tal-karkassi tat-tjur kienet negattiva,

L.

billi ċ-ċaħda bi 316-il vot kontra, l-ebda vot favur u 29 astensjoni tal-proposta imsemmija tal-Kummissjoni mill-membri tal-Kumitat Permanenti tal-katina tal-ikel, waqt il-laqgħa tiegħu tat-2 ta’ Ġunju 2008, wasslet messaġġ ċar u qawwi qabel is-Samit bejn l-UE u l-Istati Uniti tal-Amerika f’Brdo, fl-Islovenja,

M.

billi l-Kummissjoni hija obbligata li tgħaddi l-proposta tagħha lill-Kunsill wara li din kienet irrifjutata mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali,

1.

Jesprimi d-diżapprovazzjoni tiegħu fir-rigward ta’ din il-proposta tal-Kummissjoni;

2.

Jistieden lill-Kunsill biex jiċħad din il-proposta tal-Kummissjoni;

3.

Huwa ta’ fehma qawwija li din il-kwistjoni għandha tiġi ttrattata mill-Kunsill għall-Agrikoltura u s-Sajd u mhux minn konfigurazzjonijiet oħra tal-Kunsill;

4.

4 Jitlob li jiġi kkonsultat u infurmat b’mod sħiħ mill-Kummissjoni qabel ma jittieħdu aktar deċiżjonijiet bi tħejjija għal-laqgħa li jmiss tal-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku (TEC), li se sseħħ f’Ottubru 2008;

5.

Jenfasizza li l-awtorizzazzjoni ta’ dawn l-erba’ trattamenti antimikrobiċi tal-karkassi tat-tjur maħsuba għall-konsum mill-bnedmin tirrappreżenta theddida serja kontra n-normi u l-istandards komunitarji u konsegwenzi indiretti għall-isforzi u għall-adattazzjonijiet li rnexxielhom jiksbu l-professjonisti tat-tjur biex inaqqsu r-rati tal-infezzjoni betterjoloġika fl-UE; jenfasizza li din l-awtorizzazzjoni ġġib magħha wkoll daqqa ta’ ħarta konsiderevoli u ta’ ħsara kbira għall-politika Komunitarja fil-qasam imsemmi u għall-kredibilità tagħha li tippromwovi standards għoljin ta’ sikurezza u ta’ iġjene tal-ikel fil-livell internazzjonali;

6.

Jagħmel enfasi fuq l-investimenti konsiderevoli li saru f’dan il-qasam mill-professjonisti Ewropej tat-tjur, f’konformità mal-leġiżlazzjoni Komunitarja, bil-għan li titnaqqas il-kontaminazzjoni minn aġenti patoġeniċi billi ġie implimentat approċċ li jinvolvi l-partijiet kollha tal-katina tal-ikel;

7.

Iqis l-approċċ li jinvolvi l-partijiet kollha tal-katina tal-ikel bħal dak ipprattikat fl-Unjoni bħala dak li hu aktar sostenibbli biex inaqqas il-livelli ta’ aġenti patoġeniċi fil-laħmijiet tat-tjur mis-soluzzjoni tad-dekontaminazzjoni permezz ta’ sustanzi antimikrobiċi fl-aħħar parti tal-katina tal-produzzjoni tal-ikel;

8.

Jesprimi t-tħassib tiegħu li l-għoti tal-awtorizzazzjoni ta’ importazzjoni ta’ dan it-tajr jista’ iwassal għad-dgħajfien tan-normi Ewropej;

9.

Jenfasizza li proposta bħal din ma tikkorrispondix għall-eżiġenzi taċ-ċittadini Ewropej fil-qasam tas-sikurezza u l-iġjene tal-ikel u l-anqas għall-applikazzjoni ta’ mudelli ta’ produzzjoni, fl-Ewropa u fi bnadi oħra, li jżommu standards ta’ iġjene ta’ kwalità għolja fil-proċess kollu tal-produzzjoni u tad-distribuzzjoni; jenfasizza li proposta bħal din tkun qed tirriskja li ddgħajjef il-fiduċja, li għadha fraġli, tal-konsumaturi Ewropej fl-oġġetti tal-ikel mibjugħa fl-Unjoni, wara l-problemi li kien hemm tas-sikurezza tal-ikel fi ħdan l-Unjoni dawn l-aħħar snin;

10.

Jagħraf il-ħtieġa ta’ pariri xjentifiċi xierqa li jqisu l-ħarsien u l-informazzjoni tal-konsumatur; jidhirlu li s-soluzzjoni li tkun aċċettata, tkun liema tkun, m’għandhiex tiġġenera tgħawwiġ tal-kompetizzjoni;

11.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Awtorità Ewropea tas-Sikurezza tal-Ikel (EFSA).


(1)  ĠU L 139, 30.4.2004, p.55.

(2)  ĠU L 299, 16.11.2007, p.1.

(3)  ĠU L 325, 12.12.2003, p.1.

(4)  ĠU L 165, 30.4.2004, p.1.

(5)  ĠU L 135, 30.5.1991, p.40.

(6)  ĠU L 131, 5.5.1998, p.11.

(7)  Deċiżjoni tat-23 ta’ Settembru 2003 fil-każ C-192/01, Kummissjoni/Danimarka, Ġabra 2003, p. I- 9693; deċiżjoni tas-7 ta’ Settembru 2004 fil-każ C-127/02, Landelijke Vereniging tot Behoud van de Waddenzee u Nederlandse Vereniging tot Bescherming van Vogels, Ġabra 2004, p. I-7405.


Top
  翻译: