This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52008IP0327
Defence of the prerogatives of the European Parliament before the national courts European Parliament resolution of 8 July 2008 on the defence of the prerogatives of the European Parliament before the national courts (2007/2205(INI))
Id-difiża tal-prerogattivi tal-Parlament Ewropew quddiem il-qrati nazzjonali Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 8 ta' Lulju 2008 dwar id-difiża tal-prerogattivi tal-Parlament Ewropew quddiem il-qrati nazzjonali (2007/2205(INI))
Id-difiża tal-prerogattivi tal-Parlament Ewropew quddiem il-qrati nazzjonali Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 8 ta' Lulju 2008 dwar id-difiża tal-prerogattivi tal-Parlament Ewropew quddiem il-qrati nazzjonali (2007/2205(INI))
ĠU C 294E, 3.12.2009, p. 1–3
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
3.12.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CE 294/1 |
It-Tlieta, 8 ta' Lulju 2008
Id-difiża tal-prerogattivi tal-Parlament Ewropew quddiem il-qrati nazzjonali
P6_TA(2008)0327
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Lulju 2008 dwar id-difiża tal-prerogattivi tal-Parlament Ewropew quddiem il-qrati nazzjonali (2007/2205(INI))
2009/C 294 E/01
Il-Parlament Ewropew,
wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A6-0222/2008),
A. |
billi l-Parlament Ewropew m'għandux personalità legali; billi, bħala riżultat ta' dan, il-Parlament Ewropew spiss jiġi mxekkel milli jħares il-prerogattivi tiegħu quddiem il-qrati nazzjonali minħabba problemi li huma partikulari għan-natura speċifika tiegħu, |
B. |
billi l-Parlament jirrispetta d-dritt ta' inizjattiva tal-Kummissjoni iżda jirriserva d-dritt tiegħu skond l-Artikolu 192 tat-Trattat KE li jitlob lill-Kummissjoni biex tressaq proposti leġiżlattivi, |
C. |
billi, f'dan ir-rigward, il-Parlament Ewropew għandu għad-dispożizzjoni tiegħu firxa ta' rimedji skond it-Trattat li jiżguraw li l-prerogattivi msemmija hawn fuq jitħarsu quddiem l-istituzzjonijiet l-oħra tal-Komunità, bħal azzjonijiet għan-nuqqas ta' aġir (Artikolu 232 tat-Trattat KE) u azzjonijiet għall-annullament tal-atti Komunitarji (Artikolu 230 tat-Trattat KE), |
D. |
billi, skond il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja, Stat Membru jrid jieħu r-responsabilità jekk jonqos milli jissodisfa l-obbligi tiegħu skond it-Trattati, hi liema hi l-aġenzija ta' dak l-Istat li l-aġir jew in-nuqqas ta' aġir tagħha wassal għal dan in-nuqqas, anke fil-każ ta' istituzzjoni li hija indipendenti mill-aspett kostituzzjonali (1), |
E. |
billi, madankollu, il-Parlament Ewropew m'għandux strumenti diretti bħal dawn għad-difiża tal-prerogattivi tiegħu quddiem il-qrati nazzjonali, fuq kollox f'każ fejn sentenza nazzjonali tmur kontrihom, ladarba ma jistax jipparteċipa fi proċedimenti ġudizzjarji nazzjonali u lanqas m'għandu rikors dirett għall-Qorti tal-Ġustizzja bix jiddefendi d-deċiżjonijiet tiegħu, |
F. |
billi l-Parlament Ewropew ma jistax jiftaħ, lanqas bħala extrema ratio, proċedura ta' ksur (skond l-Artikolu 226 tat-Trattat KE) kontra Stat Membru, minħabba li din hija setgħa esklussiva għall-Kummissjoni, |
G. |
billi n-nuqqas ta' strumenti xierqa biex bihom jiddefendi d-deċiżjonijiet tiegħu jista' fil-fatt ixekkel l-effettività tal-Parlament Ewropew bħala entità politika u leġiżlattiva, |
H. |
billi l-prinċipji ta' koperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u dawk tal-amministrazzjoni tajba jirrikjedu li l-attività tal-organi Komunitarji titmexxa skond regoli ta' trasparenza u tal-intelliġibilità sabiex jiġu ċċarati r-raġunijiet għal ċertu aġir, jew nuqqas ta' aġir, |
I. |
billi, biex jinstab rimedju għall-problemi msemmija hawn fuq, huwa opportun li jissaħħu l-mezzi tal-ħarsien tal-prerogattivi parlamentari, mhux permezz ta' modifika tat-Trattat KE, iżda billi jkunu estrapolati mill-esperjenza tal-parlamenti nazzjonali rimedji xierqa għall-bżonnijiet speċifiċi tal-Parlament Ewropew, |
J. |
billi r-riżultati ta' studju li sar għal dan il-għan fuq kampjun wiesa' ta' Stati Membri juru biċ-ċar li l-parti l-kbira tas-sistemi legali nazzjonali jagħtu lill-parlament nazzjonali tagħhom rimedji legali intiżi biex jiggarantixxu mhux biss id-difiża tal-interessi tal-parlament bħala entità, iżda wkoll ta' kull membru individwali, |
K. |
billi l-Istati Membri huma suġġetti għall-prinċipju ta' koperazzjoni sinċiera u leali mħaddan fl-Artikolu 10 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u billi fid-dawl tal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawk l-istess Stati Membri huma obbligati li “jipprovdu sistema kompleta ta' rimedji u ta' proċeduri li jiggarantixxu li d-dritt għall-protezzjoni effettiva mill-qrati” (2), |
L. |
billi jkun opportun li jingħataw lill-Parlament Ewropew strumenti, jekk mhux identiċi, ta' lanqas simili, ta' ħarsien tal-prerogattivi tiegħu stess quddiem il-poter ġudizzjarju, kemm jekk dan ikun irrapreżentat mill-Qorti tal-Ġustizzja kemm jekk mill-qrati nazzjonali, b'analoġija mal-istrumenti ta' ħarsien li hemm dispożizzjoni għalihom fis-sistemi nazzjonali, għall-benefiċċju tal-parlamenti nazzjonali; |
1. |
Jistieden lill-Kummissjoni biex tqis ir-rikjesti mill-Parlament Ewropew biex tattiva l-proċedura ta' ksur kontra kwalunkwe Stat Membru akkużat bi ksur ta' prerogattivi parlamentari, u jitlob li jingħata dikjarazzjoni komprensiva ta' raġunijiet mill-Kummissarju kompetenti jekk il-Kulleġġ tal-Kummissarji jiddeċiedi li ma jiħux l-azzjoni mitluba; |
2. |
Jissuġġerixxi li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jkun immodifikat sabiex il-Parlament Ewropew jingħata d-dritt li jressaq l-osservazzjonijiet tiegħu quddiem il-Qorti fil-każijiet kollha fejn direttament jew indirettament, jintefa dubju fuq il-prerogattivi tiegħu, sabiex l-involviment tal-Parlament Ewropew, fejn dan ma jkunx formalment parti mill-proċedimenti, ma jitħalliex għad-diskrezjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja kif bħalissa hu previst fl-Artikolu 24(2) tal-Istatut; |
3. |
Jissuġġerixxi li jsir eżami fid-dettall dwar jekk il-mekkaniżmu legali stipulat fl-Artikolu 300(6) tat-Trattat KE jistax jiġi applikat għall-każijiet fejn il-prerogattivi tal-Parlament Ewropew jkunu mhedda serjament, sabiex il-Parlament ikun jista' jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja għal opinjoni dwar il-kompatibilità ta' att ta' liġi nazzjonali mal-liġi Komunitarja primarja, mingħajr preġudizzju għas-setgħa esklussiva tal-Kummissjoni li tiddeċiedi jekk tibdiex jew le proċedura ta' ksur kontra l-Istat Membru li seta' kkommetta vjolazzjoni; |
4. |
Jitlob lill-kumitat responsabbli biex jipprepara emenda għall-Artikolu 121 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament sabiex dan ikopri l-proċedimenti legali kollha quddiem kwalunkwe qorti u biex jipprovdi għall-proċedura simplifikata biex tintuża meta l-proċedimenti jitressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja bi proċedura aċċellerata jew t'urġenza; |
5. |
Iqis li huwa opportun li jinkoraġġixxi politika ta' koperazzjoni bejn il-Parlament Ewropew u l-qrati nazzjonali, simili għal dik li diġà qed tagħti riżultati tajbin f'numru ta' Stati Membri, permezz tal-iżvilupp ta' proċeduri fil-qrati li jippermettu lill-Parlament Ewropew li jipparteċipa fi proċedimenti legali quddiem qrati nazzjonali li jirrigwardaw il-prerogattivi tiegħu; |
6. |
Jitlob lill-Kummissjoni biex tipproponi miżuri leġiżlattivi xierqa sabiex tiżgura l-effettività sħiħa tad-difiża legali mill-Parlament tal-prerogattivi tiegħu; |
7. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri. |
(1) Kawża 8/70 Il-Kummissjoni v. l-Italja ECR [1970] 961.
(2) Kawża C-50/00P, Unión de Pequenos Agricultores v. Kunsill ECR [2002] I-6677.