This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52008IP0539
Improving consumer education and awareness on credit and finance #European Parliament resolution of 18 November 2008 on protecting the consumer: improving consumer education and awareness on credit and finance (2007/2288(INI))
Ħarsien tal-konsumatur: Titjib tal-edukazzjoni u l-għarfien tal-konsumatur dwar il-kreditu u l-finanzi
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 18 ta’ Novembru 2008 dwar il-ħarsien tal-konsumatur: dwar it-titjib tal-edukazzjoni u tal-kuxjenza tal-konsumatur dwar kreditu u finanzi (2007/2288(INI))
Ħarsien tal-konsumatur: Titjib tal-edukazzjoni u l-għarfien tal-konsumatur dwar il-kreditu u l-finanzi
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 18 ta’ Novembru 2008 dwar il-ħarsien tal-konsumatur: dwar it-titjib tal-edukazzjoni u tal-kuxjenza tal-konsumatur dwar kreditu u finanzi (2007/2288(INI))
ĠU C 16E, 22.1.2010, p. 1–4
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
22.1.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CE 16/1 |
Ħarsien tal-konsumatur: Titjib tal-edukazzjoni u l-għarfien tal-konsumatur dwar il-kreditu u l-finanzi
P6_TA(2008)0539
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Novembru 2008 dwar il-ħarsien tal-konsumatur: dwar it-titjib tal-edukazzjoni u tal-kuxjenza tal-konsumatur dwar kreditu u finanzi (2007/2288(INI))
(2010/C 16 E/01)
Il-Parlament Ewropew,
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Diċembru 2007 dwar l-Edukazzjoni Finanzjarja (COM(2007)0808), |
— |
wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni dwar is-Servizzi Finanzjarji għall-Konsumatur fis-Suq Waħdieni (COM(2007)0226), |
— |
wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu stabbilita fit-tieni qari tas-16 ta' Jannar 2008 bil-għan li tkun adottata direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ftehimiet ta' kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (1), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Lulju 2007 dwar il-politika tas-servizzi finanzjarji (2005-2010) — White Paper (2), |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur kif ukoll l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A6-0393/2008), |
A. |
billi minn banda, is-swieq finanzjarji qed jevolvu malajr, saru dinamiċi ferm u dejjem iktar kumplessi u, mill-banda l-oħra, it-tibdil fis-soċjetà u fil-mod kif wieħed jgħix joħloq il-bżonn għal ġestjoni tajba tal-finanzi privati kif ukoll għal aġġustament tal-finanzi privati b'mod regolari sabiex ikunu jissodisfaw xogħol ġdid u ċirkostanzi familjari ġodda, |
B. |
billi ż-żieda fil-livell tal-edukazzjoni finanzjarja tal-konsumaturi għandha tkun prijorità għal min jagħmel il-politiki kemm fil-livell tal-Istati Membri kif ukoll f'dak Ewropew, mhux biss minħabba l-benefiċċji għall-individwi iżda wkoll minħabba l-benefiċċji għas-soċjetà u għall-ekonomija, bħat-tnaqqis tal-livell tad-dejn problematiku, iż-żieda fit-żamma tal-flus fil-bank, l-użu adegwat ta' prodotti ta' assigurazzjoni u l-provvista adegwata għall-pensjoni, |
C. |
billi l-istudji juru li l-konsumaturi għandhom it-tendenza li jissopravvalutaw l-għarfien tagħhom tas-servizzi finanzjarji u hemm il-ħtieġa li jiġu infurmati bil-fatt li l-edukazzjoni finanzjarja tagħhom mhijiex tajba daqs kemm jaħsbu, |
D. |
billi programmi ta' edukazzjoni finanzjarja ta' kwalità, immirati u, meta dan ikun xieraq, personalizzati kemm jista' jkun, jistgħu jikkontribwixxu biex tiżdied l-edukazzjoni finanzjarja, u dan jippermetti lill-konsumaturi li jagħmlu għażliet infurmati u b'hekk jippermettu tħaddim effettiv tas-swieq finanzjarji, |
E. |
billi l-importanza tas-servizzi finanzjarji transkonfinali dejjem qiegħda tiżdied, u l-Kummissjoni għandha tieħu inizjattivi fil-livell tal-UE għall-promozzjoni ta' tagħrif transkonfinali u, fejn meħtieġ, tagħrif kumparabbli dwar l-edukazzjoni finanzjarja, |
F. |
billi għandha tingħata attenzjoni partikulari għall-bżonnijiet edukattivi ta' konsumaturi vulnerabbli, u anki ta' dawk ta' konsumaturi żgħażagħ, li jaffaċċjaw deċiżjonijiet li jolqtu l-prospetti ekonomiċi għal ħajjithom kollha, |
G. |
billi r-riċerka wriet li dawk li tgħallmu l-aspetti bażiċi tal-finanzi personali minn età żgħira għandhom edukazzjoni finanzjarja ogħla; billi l-edukazzjoni finanzjarja hija relatata mill-qrib mat-tagħlim ta' kapaċitajiet bażiċi (matematika u qari), |
1. Jilqa' l-inizjattivi tal-Kummissjoni fil-qasam tal-edukazzjoni finanzjarja tal-konsumaturi, b'mod partikolari t-twaqqif reċenti tal-Grupp ta' Esperti dwar l-Edukazzjoni Finanzjarja, u l-intenzjoni tagħha li tippubblika fuq l-Internet bażi ta' dejta ta' skemi u ta' riċerka dwar l-edukazzjoni finanzjarja fl-UE; huwa tal-opinjoni li l-Grupp ta' Esperti għandu jkollu responsabbiltajiet u setgħat ċari; jissuġġerixxi li dan il-grupp jintalab b'mod partikulari li jħares lejn il-valur miżjud, u l-aħjar prattiki fl-edukazzjoni finanzjarja tal-UE u s-servizzi finanzjarji transkonfinali;
2. Jenfasizza li l-objettiv tal-edukazzjoni u tas-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi fil-qasam tal-finanzi u tal-kreditu huwa li jittejjeb l-għarfien tal-konsumaturi fir-rigward tar-realtajiet ekonomiċi u finanzjarji sabiex jinftehmu l-impenji ekonomiċi u jiġu evitati riskji mhux neċessarji, dejn eċċessiv u esklużjoni finanzjarja; iqis li l-azzjonijiet ta' taħriġ u ta' informazzjoni għandhom jippermettu li l-konsumaturi jkollhom approċċ indipendenti, ibbażat fuq l-opinjoni tagħhom, tal-prodotti finanzjarji li jiġu offruti lilhom jew li l-konsumaturi jkunu qed iqisu li jirrikorru għalihom;
3. Jinnota li l-kriżi tal-krediti immobiljari b'riskju għoli mhux biss turi l-perikli kkawżati minn informazzjoni mhux adegwata għal min jissellef, iżda wkoll in-nuqqas ta' fehma u ta' għarfien dwar din l-informazzjoni li twassal biex il-konsumaturi ma jkunux konxji biżżejjed dwar ir-riskji ta' falliment u ta' dejn eċċessiv;
4. Jenfasizza li konsumaturi mgħallma u li jkollhom is-setgħa jistgħu jgħinu biex irawmu l-kompetizzjoni, il-kwalità u l-innovazzjoni fl-industriji tas-servizzi bankarji u finanzjarji, u jfakkar li investituri mgħallma u konfidenti jistgħu jipprovdu likwidità addizzjonali għas-swieq kapitali għall-investiment u t-tkabbir;
5. Jenfasizza l-importanza li jkun stabbilit livell ta' edukazzjoni finanzjarja fl-Istati Membri u fehim tal-valur miżjud li l-UE tista' tipprovdi, kif ukoll li jkunu ddefiniti l-bżonnijiet edukattivi għal gruppi immirati speċifiċi fis-soċjetà, skont taħlita ta' kriterji bħall-età, id-dħul u l-livell ta' edukazzjoni;
6. Jirrikonoxxi l-irwol tal-inizjattivi privati, l-industrija tas-servizzi finanzjarji u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur kemm fil-livell tal-Komunità kif ukoll f'dak nazzjonali fid-definizzjoni ta' ħtiġijiet partikulari għal gruppi mmirati għall-edukazzjoni finanzjarja, fl-identifikazzjoni ta' nuqqasijiet u djufijiet tal-iskemi edukattivi eżistenti, u fil-provvista ta' tagħrif finanzjarju lill-konsumaturi, inkluż permezz ta' għodda bbażati fuq l-internet u kampanji ta' tagħrif, eċċ. għall-ippjanar finanzjarju;
7. Huwa tal-opinjoni li l-programmi dwar l-edukazzjoni finanzjarja huma l-aktar effettivi jekk ikunu mfassla skont il-bżonnijiet speċifiċi tal-gruppi mmirati u fejn xieraq, jiġu personalizzati; huwa tal-opinjoni, madankollu, li l-programmi edukattivi finanzjarji għandhom jikkontribwixxu għat-titjib tal-għarfien u l-immaniġġjar realistiku ta' kull possibilità finanzjarja individwali; għandha tingħata attenzjoni għall-iżvilupp ta' programmi li jtejbu l-kapaċitajiet finanzjarji tal-adulti;
8. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex, f'koperazzjoni mal-Istati Membri, tiżviluppa fil-livell tal-UE programmi ta' edukazzjoni bażika fil-qasam ta' finanzi personali, ibbażati fuq regoli u prinċipji komuni li jistgħu jiġu adattati għall-bżonnijiet tal-Istati Membri kollha u applikati f'kull wieħed minnhom, ikunu stabbiliti livelli ta' riferiment kif ukoll ikun promoss l-iskambju tal-aħjar prassi;
9. Jenfasizza li l-edukazzjoni finanzjarja tista' tikkumplimenta, iżda ma tistax tissostitwixxi, dispożizzjonijiet koerenti għall-ħarsien tal-konsumatur fil-leġiżlazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji kif ukoll ir-regolament u s-sorveljanza stretta ta' istituzzjonijiet finanzjarji;
10. Jirrikonoxxi l-irwol importanti tas-settur privat, u b'mod partikulari tal-istituzzjonijiet finanzjarji fil-provvista ta' informazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji lill-konsumaturi; jenfasizza, madankollu, li l-edukazzjoni finanzjarja għandha tiġi offruta b'mod ġust, parzjali u trasparenti, sabiex tieħu ħsieb l-interessi tal-konsumatur, u li għandu jkun hemm distinzjoni ċara bejnha u l-pariri kummerċjali u r-reklamar; sabiex jinkiseb dan l-għan, iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet finanzjarji biex jiżviluppaw kodiċi ta' kondotta għall-istaff tagħhom;
11. Jirrikonoxxi l-bżonn li jinsab bilanċ delikat bejn il-provvista lill-konsumaturi ta' għarfien li huma jeħtieġu biex jagħmlu deċiżjonijiet finanzjarji infurmati u l-għoti ta' wisq informazzjoni lill-konsumatur; jippreferi informazzjoni ta' kwalità għolja li tkun aċċessibbli, konkreta, faċli li wieħed jifimha u li jkollha l-għan li żżid il-kapaċità tal-konsumatur li jagħmel għażliet infurmati u responsabbli aktar mill-kwantità;
12. Iqis li informazzjoni effettiva, ċara u li tinftiehem, partikolarment fil-messaġġi ta' reklamar dwar il-prodotti finanzarji, hija neċessarja u li l-intrapriżi finanzjarji għandhom jipprovdu biżżejjed informazzjoni qabel il-konklużjoni tal-kuntratti u b'mod partikolari japplikaw b'mod strett ir-regoli previsti mid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/39/KE tal-21 ta' April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji (3) u d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/48/KE tat-23 ta' April 2008 dwar ftehim ta' kreditu għall-konsumatur (4); jitlob lill-Kummissjoni biex b'mod koerenti, tressaq proposti leġiżlattivi speċifiċi għal sistema armonizzata tal-informazzjoni u l-protezzjoni għall-konsumatur b'mod partikolari fil-qafas ta' kreditu fuq l-ipoteka (pereżempju karta tal-informazzjoni Ewropea standardizzata, armonizzata, sempliċi u paragunabbli, inklużi indikazzjonijiet komuni dwar il-persentaġġ annwali tar-rata mħallsa, eċċ.);
13. Jirrakkomanda li l-iskemi ta' edukazzjoni finanzjarja għandhom jiffokaw fuq aspetti importanti ta' ppjanar tal-ħajja bħal tiġmigħ bażiku, dejn, assigurazzjoni u pensjonijiet;
14. Jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli bl-isforzi tagħha li tippromwovi d-djalogu bejn il-partijiet ikkonċernati;
15. Jissuġġerixxi żieda fil-linja baġitarja 17 02 02 għall-attivitajiet finanzjarji fil-livell tal-UE li jimmiraw li jtejbu l-edukazzjoni finanzjarja u l-għarfien finanzjarju tal-konsumaturi; jistieden lill-Kummissjoni biex tikkontribwixxi għat-tkabbir tal-għarfien fil-livell tal-UE permezz ta' appoġġ għall-organizzazzjoni ta' konferenzi nazzjonali u reġjonali, seminars, midja u kampanji ta' tagħrif kif ukoll ta' programmi edukattivi b'parteċipazzjoni transkonfinali, b'mod partikulari fil-qasam tas-servizzi finanzjarji u l-kreditu domestiku/l-immaniġġjar tad-dejn;
16. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tiżviluppa ulterjorment u taġġorna l-għodda fuq l-Internet tad-Dolceta u biex tipprovdi dan is-servizz fil-lingwi uffiċjali kollha; jissuġġerixxi li l-Kummissjoni għandha tinkludi fis-sit tal-Internet tad-Dolceta link għall-bażi tad-dejta online li hija tixtieq twaqqaf dwar skemi ta' edukazzjoni finanzjarja reġjonali u nazzjonali eżistenti; jissuġġerixxi li l-websajt Dolceta għandha tinkludi links għall-websajts ta' entitajiet pubbliċi u privati fil-qasam tal-edukazzjoni finanzjarja, maqsuma skont il-pajjiż;
17. Jitlob lill-Kummissjoni biex fit-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Swieq tal-konsum tinkludi indikaturi tad-disponibilità u tal-kwalità tal-edukazzjoni finanzjarja;
18. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex twaqqaf kampanji ta' informazzjoni biex tqajjem kuxjenza fil-konsumaturi dwar id-drittijiet tagħhom taħt il-leġiżlazzjoni tal-UE fl-ambitu tal-provvista ta' servizzi finanzjarji;
19. Jenfasizza l-bżonn għall-Istati Membri, bl-appoġġ tal-Kummissjoni, li jwettqu stħarriġijiet regolari, b'koperazzjoni mal-gruppi soċjali u tal-popolazzjoni varji tal-Istati Membri, rigward livelli attwali tal-edukazzjoni finanzjarja fost il-pubbliku, sabiex ikunu identifikati zoni prijoritarji għal azzjoni u għalhekk jiżguraw l-implimentazzjoni xierqa, f'waqtha u effettiva tal-programmi edukattivi finanzjarji biex dawn ikunu ta' appoġġ għall-pubbliku;
20. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jinkludu l-edukazzjoni finanzjarja fil-kurrikulu ġenerali tal-iskejjel primarji u sekondarji, li għandu jiġi żviluppat mill-istituzzjonijiet kompetenti u li huwa maħsub biex jiżviluppa l-kapaċitajiet meħtieġa għall-ħajja ta' kuljum, u biex jorganizza taħriġ sistematiku għall-għalliema dwar din il-kwistjoni;
21. Jenfasizza l-bżonn ta' proċess edukattiv kontinwu għaż-żewġ naħat, fi kliem ieħor għall-konsulenti finanzjarji u l-konsumaturi, sabiex jiżguraw id-dispożizzjoni ta' tagħrif ċar u aġġornat mal-iżviluppi l-aktar reċenti fis-settur tas-servizzi finanzjarji;
22. Huwa tal-opinjoni li l-effetti ta' sinerġija bejn id-diversi organizzazzjonijiet edukattivi mhumiex qed jintużaw bis-sħiħ; jitlob b'hekk lill-Istati Membri biex iwaqqfu netwerk għall-edukazzjoni finanzjarja li fih jipparteċipaw kemm is-settur pubbliku kif ukoll dak privat, u biex iħeġġu l-koperazzjoni u d-djalogu bejn il-protagonisti kollha;
23. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħtu attenzjoni partikulari għall-bżonnijiet edukattivi tal-pensjonanti u l-persuni fi tmiem il-karriera professjonali tagħhom, li jistgħu jkunu qed jissugraw l-esklużjoni finanzjarja u anki għaż-żgħażagħ li jkunu qed jibdew il-karriera professjonali tagħhom u li jkunu ffaċċjati bl-isfidi li jiddeterminaw kif isir użu xieraq mid-dħul il-ġdid tagħhom;
24. Jitlob lill-Istati Membri biex iwaqqfu programmi ta' taħriġ fl-ekonomija u fis-servizzi finanzjarji għall-ħaddiema soċjali, peress li dawn ikollhom kuntatt ma' persuni fir-riskju ta' faqar u/jew ta' dejn eċċessiv;
25. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummisjoni u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.
(1) Testi Adottati, P6_TA(2008)0011.
(2) ĠU C 175 E, 10.7.2008, p. 392.
(3) ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1.
(4) ĠU L 133, 22.5.2008, p. 66.