This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52009AE1703
Opinion of the European Economic and Social Committee on the ‘Communication from the Commission to the Council, the European Parliament, the European Economic and Social Committee and the Committee of the Regions: Towards a coherent strategy for a European Agricultural Research Agenda’ COM(2008) 862 final
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Lejn strateġija koerenti għal Aġenda Ewropea dwar ir-Riċerka Agrikola” COM(2008) 862 finali
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Lejn strateġija koerenti għal Aġenda Ewropea dwar ir-Riċerka Agrikola” COM(2008) 862 finali
ĠU C 128, 18.5.2010, p. 107–110
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
18.5.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 128/107 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Lejn strateġija koerenti għal Aġenda Ewropea dwar ir-Riċerka Agrikola”
COM(2008) 862 finali
(2010/C 128/20)
Relatur: is-Sur CHIRIACO
Nhar il-15 ta’ Diċembru 2008, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Lejn strateġija koerenti għal Aġenda Ewropea dwar ir-Riċerka Agrikola
COM(2008) 862 finali.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-13 ta’ Ottubru 2009.
Matul l-457 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-4 u l-5 ta’ Novembru 2009 (seduta tal-4 ta’ Novembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’155 vot favur u 3 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1. Il-KESE jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tniedi proċess biex tiżviluppa aġenda futura għar-riċerka agrikola bil-għan li toħloq żona Ewropea ta’ riċerka agrikola. Ir-riċerka u l-innovazzjoni f’dan is-settur għandhom jiżdiedu (1) sabiex jiġi żgurat li l-provvista tal-prodotti tal-biedja tista’ tlaħħaq mat-tendenzi internazzjonali fid-domanda.
1.2. Il-KESE jilqa’ l-approċċ tal-Kummissjoni li huwa bbażat fuq testijiet tal-kunċett ta’ programmar konġunt li, b’kunsiderazzjoni tal-bżonnijiet u l-karatteristiċi tal-programmi nazzjonali differenti, l-għan tiegħu huwa li jiggarantixxi koordinazzjoni tal-inizjattivi u qsim effettiv u konkret tar-riżorsi fl-UE (2). B’mod iktar speċifiku l-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex issaħħaħ il-kooperazzjoni mhux biss fil-kuntest tal-ipprogrammar tar-riċerka nazzjonali agrikola iżda wkoll f’inizjattivi oħra tad-Direttorati Ġenerali differenti (eż. id-DĠ Ambjent, id-DĠ Agrikoltura, id-DĠ Intrapriżi). Il-KESE għalhekk jappella lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi iktar informazzjoni dwar l-istrumenti u l-arranġamenti operazzjonali inklużi r-riżorsi finanzjarji għall-inizjattivi proposti f’komunikazzjoni futura li jinvolvu lill-partijiet interessati kollha fi proċess ta’ konsultazzjoni u b’kunsiderazzjoni tar-riżultati tat-testijiet pilota tal-ipprogrammar konġunt.
1.3. L-għan tal-ipprogrammar konġunt fil-qasam tar-riċerka agrikola huwa li jesplora l-potenzjal tas-soċjetà sabiex tiffaċċja l-isfidi involuti fl-iżvilupp ta’ prodotti ta’ bażi bijoloġika (biobased commodities) fil-livell tal-UE. Dawn l-isfidi huma relatati mat-tibdil fil-klima, il-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem u kwistjonijiet tas-sigurtà tal-provvista tal-ikel. Dawn il-kwistjonijiet, anke fid-dawl tar-riżultati tal-workshop dwar l-ipprogrammar konġunt fl-agrikoltura kienu l-elementi ċentrali tad-diskussjoni u l-analiżi ddettaljati tal-Kumitat Permanenti dwar ir-Riċerka Agrikola (SCAR) (3) li nġabru fil-qosor fid-dokument dwar il-programmar konġunt (Position paper on Joint Programming) li ġie ppubblikat f’Ġunju 2009. L-ipprogrammar konġunt jinvolvi element kbir ta’ parteċipazzjoni u sforzi intensivi tal-pajjiżi li qed jieħdu sehem, li jfisser valur miżjud u benefiċċji f’termini ta’ impatt għaċ-ċittadini u l-kompetittività Ewropea. Għalhekk anki f’dan l-istadju, il-KESE jipproponi l-iżvilupp ta’ mekkaniżmi adegwati li jiżguraw il-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati kollha, inkluż tas-settur privat u b’mod partikolari tan-negozji, prinċipalment fl-identifikazzjoni tal-għanijiet tar-riċerka, l-istima tar-riżorsi meħtieġa u l-identifikazzjoni tal-istrumenti finanzjarji għat-tħaddim tas-sistema sabiex b’hekk jiġi żgurat aċċess effettiv għall-finanzi. Il-KESE jirrakkomanda b’mod partikolari li l-Kummissjoni u l-Kunsill jieħdu passi sabiex ifasslu proposta għal regolament li jifforma l-bażi legali għall-organizzazzjoni u t-tħaddim tal-iSCAR il-ġdid, b’konformità mal-proċess politiku li tnieda fl-2004 u li dan jieħu post ir-Regolament (KEE) Nru 1728/74.
1.4. Skont il-mudell tal-gvernanza ġdida li proponiet il-Kummissjoni, il-Kumitat Permanenti dwar ir-Riċerka Agrikola ser jaqdi rwol ta’ koordinazzjoni fil-promozzjoni ta’ inizjattivi konġunti fil-livell tal-UE u fl-immappjar tal-kompetenzi tal-programmi ta’ riċerka li jiġu promossi. Il-KESE jemmen li l-iSCAR għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipju ta’ flessibbiltà fundamentali sabiex jakkumpanja r-riformi li diġà ġew implimentati (4) jew li għandhom jiġu implimentati fil-qafas regolatorju li kontinwament jevolvi tal-Politika Agrikola Komuni.
1.5. Fil-kuntest tal-ipprogrammar konġunt, il-proċess tat-tbassir u analiżi huwa marbut mill-qrib mal-proċess tal-immappjar li billi jipprovdi figuri u statistiki importanti dwar il-limiti, it-tendenzi u l-bżonnnijiet tal-organizzazzjoni tar-riċerka agrikola fil-livell nazzjonali, jikkontribwixxi f’ħarsa ġenerali lejn l-iżviluppi fir-riċerka agrikola fl-UE. S’issa din it-tip ta’ informazzjoni ġiet provduta mill-proġett EU-AGRI-MAPPING, inizjattiva tas-6 Programm Qafas tal-UE għar-Riċerka. Il-KESE, b’kunsiderazzjoni tad-diffikultajiet li ġew iffaċċjati matul dan il-proġett, jemmen li l-immappjar m’għandux ikun ibbażat fuq inizjattivi ad hoc iżda fuq proċess kontinwu u aġġornat fuq bażi regolari.
2. Sinteżi tal-komunikazzjoni
2.1. Kuntest ġdid għar-riċerka agrikola fl-Ewropa
2.1.1. L-agrikoltura Ewropea qed tiffaċċja sfidi ġodda bħal bidla fid-demografija u l-istruttura tal-biedja, l-impatt ta’ prattiki tal-biedja ġodda fuq l-impjieg, il-bidliet fil-Politika Agrikola Komui (PAK) u fatturi globali li jolqtu lis-settur.
2.1.2. Sabiex niffaċċjaw dawn l-isfidi b’mod pożittiv, huwa magħruf b’mod wiesa’ li hemm bżonn ta’ żona b’saħħitha ta’ riċerka agrikola fl-Ewropa. Ir-riċerka agrikola għandha tipprovdi l-għarfien li hemm bżonn għal fehim sħiħ tal-iżvilupp rurali, il-muturi u l-impedimenti tas-sostenibbiltà u għandha tipprovdi t-teknoloġiji l-ġodda u l-innovazzjoni li hemm bżonn għall-iżvilupp tas-settur agrikolu. Hija għandha tiffaċilita l-akkwist tal-għarfien sabiex ittejjeb fost affarijiet oħra l-fehim tagħna tad-dinamika tas-suq. Madanakollu, l-isforzi fir-riċerka ħafna drabi jibqgħu frammentati u kkoordinati b’mod dgħajjef. Hemm nuqqas ta’ investiment u ta’ massa kritika. Fl-Ewropa, jeżistu bosta mekkaniżmi, b’mod partikolari fi ħdan il-Programm Qafas tal-UE, li jippromovu l-kollaborazzjoni pan-Ewropea bejn ir-riċerkaturi. B’rabta ma’ dan, l-iskema ERA-NET tipprovdi l-fondi għan-netwerking tal-programmi nazzjonali, il-ministeri jew l-agenziji tal-fondi fis-setturi xjentifiċi. Il-Kunsill tal-UE (f’Novembru 2004) qabel li l-kollaborazzjoni f’dan il-qasam tista’ tibbenefika minn approċċ iktar strutturat. L-ipprogrammar konġunt li tfassal reċentement imur lil hinn mill-iskema ERA-NET u jirrikjedi l-kooperazzjoni diretta tal-programmi pubbliċi tal-Istati Membri sabiex jitfasslu viżjonijiet komuni, aġendi strateġiċi ta’ riċerka u l-qsim tar-riżorsi biex b’hekk jiġu indirizzati żoni speċifiċi flimkien. L-iSCAR issemma’ bħala eżempju tajjeb ta’ struttura possibbli ta’ netwerk fi kwalunkwe proċess ġdid ta’ programmar konġunt.
2.2. Ir-rwol ta’ tmexxija tal-Kumitat SCAR
2.2.1. Wara diversi snin li fihom ma kienx attiv, fl-2005 l-iSCAR ingħata mandat imġedded mill-Kunsill tal-UE biex ikollu rwol ewlieni fil-koordinazzjoni tal-isforzi tar-riċerka agrikola fl-Ewropa. L-iSCAR il-ġdid huwa magħmul mis-27 Stat Membru tal-UE, b’rappreżentanti mill-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi assoċjati bħala osservaturi. L-inizjattivi li jippromovi l-iSCAR għal żona Ewropea ta’ riċerka agrikola jinkludu, flimkien mal-ipprogrammar konġunt, proċess ta’ tbassir sabiex jiġu identifikati x-xenarji potenzjali fuq perijodu fit-tul għall-agrikoltura Ewropea u proċess ta’ immappjar li jidentifika l-bżonnijiet u t-tendenzi għar-riċerka agrikola fl-UE.
2.2.2. L-iSCAR adotta approċċ strutturat fil-konfront tal-prijoritizzazzjoni tas-suġġetti ta’ riċerka bil-għan li fil-futur ikun hemm iktar kollaborazzjoni, billi stabbilixxa għadd ta’ Gruppi Kollaborattivi ta’ Ħidma tal-Istati Kandidati/Assoċjati (CWGs). Is-CWGs jaħdmu b’mod simili ħafna għall-ERA-NETs, billi jsegwu l-istess approċċ pass pass, jiġifieri waqt l-istadji bikrija jiffukaw fuq l-iskambju tal-informazzjoni, jidentifikaw in-nuqqasijiet fir-riċerka u ż-żoni ta’ prijorità għall-kollaborazzjoni u, fejn hemm bżonn, iniedu attivitajiet konġunti u/jew sejħiet komuni ta’riċerka.
2.3. Azzjonijiet ewlenin lejn Aġenda Ewropea dwar ir-Riċerka Agrikola koerenti
2.3.1. Hemm bżonn urġenti li niksbu għarfien ħafna aħjar tal-forzi li fuqhom huma msejsa l-proċessi tat-tibdil fil-klima sabiex innaqqsu l-impatt ħażin u sabiex nipproteġu l-bażi tar-riżorsi tal-ħamrija, l-ilma u l-bijodiversità bil-għan li nappoġġjaw u nippromovu agrikoltura iktar sostenibbli fl-Ewropa u fil-kuntest globali. L-oqsma prijoritarji ta’ riċerka f’dan il-kuntest huma t-tibdil fil-klima u r-riżorsi tal-enerġija.
2.3.2. Ir-riċerka tista’ taqdi rwol iktar b’saħħtu jekk l-atturi differenti jkunu integrati aħjar fit-tfassil tal-aġenda u jsiru parti mill-proċess ta’ riċerka permezz ta’ azzjonijiet bħan-netwerks ta’ innovazzjoni. Il-Kummissjoni għalhekk beħsiebha ssaħħaħ il-produzzjoni u l-qsim tal-għarfien agrikolu permezz tal-iSCAR u n-Netwerk Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (5). Sabiex jissaħħaħ l-ipprogrammar konġunt tar-riċerka għal gvernanza mtejba tas-sistema agroalimentari Ewropea, ir-rwol strateġiku tal-iSCAR jista’ jkompli jissaħħaħ sabiex dan isir korp strateġiku ta’ sorveljanza li jsegwi d-diversi sforzi li għandhom x’jaqsmu mal-agrikoltura li jsiru mill-entitajiet Ewropej kollha ta’ riċerka pubblika.
2.3.3. Sabiex jiġu implimentati aġendi fuq perijodi fit-tul li huma bbażati fuq viżjonijiet u għanijiet komuni hemm bżonn niżviluppaw mekkaniżmu ta’ monitoraġġ li jinkludi bosta strumenti ta’ analiżi tat-tbassir u l-immappjar tal-kapaċitajiet fil-qasam tar-riċerka.
2.3.4. Ir-responsabbiltajiet tal-Ewropa f’dinja globalizzata ma jistgħux jiġu injorati: is-sostenibbiltà agrikola qed issir kwistjoni li se jkollha kemm effett dirett (eż. permezz tal-prezzijiet tal-ikel) kif ukoll effett indirett (eż. permezz tal-migrazzjoni) fl-UE, kif ukoll fuq ir-reġjuni kollha tad-dinja. Għalhekk hemm bżonn li jissaħħu s-sinerġiji bejn il-politiki fil-qasam tar-riċerka agrikola fl-Ewropa u lil hinn minnha u b’mod partikolari li jissaħħu s-sinerġiji bejn il-politiki ta’ riċerka tal-UE u l-Istati Membri minn naħa u tal-politiki esterni bħall-għajnuna għall-iżvilupp u l-politika tal-viċinat min-naħa l-oħra.
3. Kummenti ġenerali
3.1. Kuntest ġdid għar-riċerka agrikola fl-Ewropa
3.1.1. Ir-rwol u l-funzjonijiet tal-agrikoltura fl-Ewropa inbidlu matul dawn l-aħħar ħamsin sena, u jirriflettu l-bidliet li ħallew marka fuq is-soċjetà u l-ekonomija Ewropea u li laqtu liċ-ċittadini u l-konsumaturi tant li l-agrikoltura minn rurali saret post-industrijali. Konsegwentement issa saret opinjoni stabbilita li s-settur tal-biedja, b’konformità mal-Mudell Agrikolu Ewropew, għandu jitqies f’termini multifunzjonali u agroterritorjali, jiġifieri mhux f’termini ta’ produzzjoni biss. Dan il-kriterju għandu japplika wkoll għad-definizzjoni tar-riċerka agrikola. Fi kwalunkwe każ dan jikkonferma r-rwol primarju tal-produzzjoni agrikola li kompla jiġi enfasizzat minħabba l-kriżi internazzjonali fl-ikel. Il-kompetittività tal-ikel u s-sigurtà tal-provvista mistennija jsiru sfidi fil-futur qarib.
3.1.2. F’dan il-kuntest, il-KESE jilqa’ l-approċċ li ttieħed sabiex tiġi stabbilita definizzjoni usa’ tar-riċerka agrikola li tirrifletti l-isfidi li qed tiffaċċja l-agrikoltura Ewropea inkluż b’mod partikolari l-adattament għat-tibdil fil-klima, l-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli minn sorsi agrikoli, il-konservazzjoni tal-bijodiversità, il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-ilma, il-promozzjoni tal-ICT u l-kwalità tal-produzzjoni.
3.2. Lejn aġendi komuni ta’ riċerka
3.2.1. Il-komunikazzjoni tuża l-kunċett reċenti ta’ programmar konġunt (2) bħala approċċ ġdid lejn ir-riċerka agrikola bil-għan li jsir l-aħjar użu mir-riżorsi finanzjarji limitati permezz ta’ kollaborazzjoni mtejba. L-ipprogrammar konġunt bħalissa qiegħed jiġi eżaminat permezz ta’ proġett pilota dwar il-marda tal-Alzheimer. Il-Kunsill ukoll mistenni li jadotta inizjattivi oħra f’setturi prinċipali tar-riċerka sal-2010 u fejn ikun hemm riżultati pożittivi, l-ipprogrammar konġunt jista’ jkollu impatt deċisiv fuq il-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni għar-riċerka futura fil-livell Ewropew.
3.2.2. L-ipprogrammar konġunt jinvolvi lill-Istati Membri b’mod volontarju u fuq bażi ta’ ġeometrija varjabbli fid-definizzjoni, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ aġendi tar-riċerka strateġiċi u bbażati fuq viżjoni komuni dwar kif għandhom jiġu indirizzati l-isfidi ewlenin. Il-kunċett jista’ jinkludi kooperazzjoni strateġika bejn il-programmi nazzjonali li jeżistu jew l-ippjanar u l-implimentazzjoni konġunti ta’ programmi kompletament ġodda. Fiż-żewġ każijiet l-għan ikun il-qsim tar-riżorsi, l-għażla u l-iżvilupp tal-iktar strumenti adegwati, l-implimentazzjoni tagħhom, il-monitoraġġ kollettiv u r-reviżjoni tal-progress.
3.2.3. Fid-dawl tal-fatt li ħafna drabi l-isforzi fir-riċerka agrikola jsiru b’mod frammentat u koordinat ħażin, u li hemm nuqqas ta’ investiment, ta’ disseminazzjoni, ta’ komunikazzjoni mmirata tar-riżultati u ta’ massa kritika, il-KESE jilqa’ l-approċċ tal-ipprogrammar konġunt u jqisu għan ambizzjuż li flimkien ma’ approċċ pragmatiku u flessibbli jista’ jniedi proċess strateġiku u strutturat tar-riċerka agrikola.
3.3. Ir-rwol ta’ tmexxija tal-Kumitat SCAR
3.3.1. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal mehmuż magħha jipprovdu deskrizzjoni dettaljata tal-analiżi, il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u l-funzjonijiet ta’ konsultazzjoni kif ukoll il-metodi ta’ ħidma organizzattivi u operazzjonali tal-iSCAR, b’konformità mal-linji gwida tal-Kunsill tal-Agrikoltura tad-19 ta’ Lulju 2004. B’mod iktar speċifiku, l-iSCAR ser ikun responsabbli mill-monitoraġġ tal-inizjattivi nazzjonali ta’ riċerka fis-settur agroalimentari, mill-koordinazzjoni tal-attivitajiet fil-livell Komunitarju u mit-twaqqif ta’ tbassir raġonevoli għall-iżvilupp fuq perijodu fit-tul tal-prijoritajiet ta’ riċerka f’dan is-settur.
3.3.2. Il-KESE jikkunsidra li l-koordinazzjoni fil-livell Komunitarju hija kruċjali sabiex jiġu indirizzati l-isfidi komuni, tiġi kkomunikata vuċi waħda fil-fora internazzjonali, jiġi evitat xogħol doppju, ikomplu jiġu żviluppati l-programmi u tiżdied il-kompetizzjoni sabiex jinkisbu l-fondi u b’hekk titjieb il-kwalità tal-proposti ta’ riċerka. Jeħtieġ li nżommu f’moħħna madanakollu li s-sitwazzjoni tar-riċerka hija differenti ħafna f’kull Stat Membru u li l-ipprogrammar nazzjonali għandu jqis il-prijoritajiet u l-bżonnijiet speċifiċi fejn il-kooperazzjoni fuq livell Ewropew mhux dejjem ser tiggarantixxi benefiċċji ta’ skala jew ambitu sinifikanti. Għalhekk l-iSCAR għandu jiġi pprovdut bl-istrumenti li permezz tagħhom ikun jista’ jiżura l-ġestjoni ta’ proċess ta’ monitoraġġ kontinwu u aġġornat.
4. Kummenti speċifiċi
4.1. Fost l-azzjonijiet prinċipali sabiex tinħoloq Żona Ewropea ta’ Riċerka Agrikola, il-komunikazzjoni tinkludi t-tnaqqis tal-impatt negattiv tat-tibdil fil-klima, is-salvagwardja tar-riżorsi tal-ilma u l-ħamrija u l-protezzjoni tal-bijodiversità. Il-KESE jemmen li l-impatt soċjali għandu jitqies ukoll hekk kif ġie enfasizzat fl-2008, f’rapport tal-FAO intitolat “Gender and Equity Issues in Liquid Biofuels Production” (mhux disponibbli bil-Malti), li jkopri r-rabtiet ġenerali bejn in-negozji, l-impjieg u r-reġjuni.
4.2. Il-prijoritajiet il-ġodda tal-Aġenda dwar ir-Riċerka Agrikola futura għandhom jirriflettu, flimkien mal-bidla fil-klima u l-kwistjonijiet tal-enerġija relatati mal-agrikoltura, l-isforzi favur il-preservazzjoni tal-bijodiversità, l-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-ilma, l-evalwazzjonijiet tal-impatt tal-kultivazzjoni u l-marketing tal-prodotti tal-GMO fuq l-ambjent u saħħet il-bniedem, kwistjonijiet relatati mas-settur agroalimentari, b’referenza speċjali għall-istadju tal-ipproċessar u l-bijoteknoloġiji u l-innovazzjonijiet kollha li jistgħu jintużaw sabiex nittrattaw il-kwistjonijiet li ser iġibu magħhom sfidi ġodda hekk kif ġibdet l-attenzjoni l-evalwazzjoni tal-istat tal-PAK (Novembru 2008).
4.3. Ir-riċerka tista’ taqdi rwol iktar b’saħħtu jekk l-atturi differenti jkunu integrati aħjar fit-tfassil tal-aġenda u jsiru parti mill-proċess ta’ riċerka. Huwa importanti b’mod partikolari li jiġu involuti n-negozji, speċjalment l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju, fil-proċess ta’ identifikazzjoni tal-għanijiet ta’ riċerka bbażati fuq il-bżonnijiet tal-intrapriżi stess u li nippromovu r-riċerka applikata u t-trasferiment teknoloġiku billi niżguraw aċċess effettiv għall-fondi. Konsegwentement il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni li jissaħħu r-rabtiet bejn l-għarfien u l-innovazzjoni sabiex jinstab bilanċ bejn l-interessi tal-intrapriżi u tal-individwi u jappella lill-Kummissjoni sabiex iżżid il-programmi ta’ taħriġ adegwat għal dan il-għan.
4.4. Fir-rigward tan-Netwerk Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (5), iktar milli nintroduċu miżuri speċifiċi, li jistgħu jqajmu problemi ta’ koordinazzjoni mal-funzjoniijiet regolatorji tan-netwerk, għandhom jiġu pprovduti inċentivi għall-iskambju tal-aqwa prattika. In-Netwerk Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, il-pjattaformi teknoloġiċi Ewropej u strumenti oħra ta’ skambju tal-għarfien huma soluzzjoni strateġika għall-iskambju u l-iżvilupp ta’ ideat vijabbli, informazzjoni affidabbli u esperjenza prattika fl-Ewropa kollha biex b’hekk il-produzzjoni u l-iskambju tal-għarfien jiġu strutturati u msaħħa.
4.5. Sabiex ir-riċerka Ewropea tkun tista’ tidħol f’netwerk ta’ riċerka internazzjonali, b’mod partikolari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, jeħtieġ li jiġu stabbilti mekkaniżmi adegwati li jistgħu jiżguraw l-effikaċja u l-effiċjenza tal-inizjattivi li qed jiġu promossi b’mod partikolari billi tingħata spinta l-kapaċità tal-gvernanza lokali u tittejjeb il-kwalità tar-riżorsi umani rilevanti.
Brussell, 4 ta’ Novembru 2009.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
(1) NAT/437– CESE 1704/2009, 4.11.2009.
(2) ĠU C 228, 22.9.2009, p. 56.
(3) Artikolu 7 tar-Regolament (KEE) Nru 1728/74.
(4) Regolament (KE) Nru 72/2009, Regolament (KE) Nru 73/2009, Regolament (KE) Nru 74/2009 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/61/KE tad-19.1.2009.
(5) Artikolu 67 tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005.