Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009PC0662

Proposta Emendata għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja fis-sod fir-rigward tal-qafas finanzjarju multiannwali: Il-finanzjament ta' proġetti fil-qasam tal-enerġija fil-kuntest tal-Pjan Ewropew ta’ Rkupru Ekonomiku

/* KUMM/2009/0662 finali */

52009PC0662

Proposta Emendata għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja fis-sod fir-rigward tal-qafas finanzjarju multiannwali: Il-finanzjament ta' proġetti fil-qasam tal-enerġija fil-kuntest tal-Pjan Ewropew ta’ Rkupru Ekonomiku /* KUMM/2009/0662 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 30.11.2009

KUMM(2009)662 finali

Proposta Emendata għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja fis-sod fir-rigward tal-qafas finanzjarju multiannwali: Il-finanzjament ta' proġetti fil-qasam tal-enerġija fil-kuntest tal-Pjan Ewropew ta’ Rkupru Ekonomiku

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

DAħLA

Fil-laqgħa trijaloga tat-2 ta’ April 2009, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni laħqu ftehim dwar il-finanzjament, fil-qafas tal-Pjan Ewropew ta’ Rkupru Ekonomiku (PERE)[1], ta’ proġetti fil-qasam tal-enerġija u l-internet broadband fiż-żoni rurali kif ukoll dwar attivitajiet relatati mal-‘isfidi ġodda’ identifikati fl-evalwazzjoni tal-istat tas-saħħa tal-Politika tal-Agrikoltura Komuni.

Il-pakkett, li huwa mmirat biex jipprovdi stimulu addizzjonali lill-ekonomija u jtejjeb is-sigurtà tal-enerġija, jammonta għal EUR 5 000 miljun fi prezzijiet attwali:

- EUR 3 980 miljun se jsiru disponibbli għall-finanzjament ta' proġetti dwar l-enerġija taħt l-Intestatura 1A tal-qafas finanzjarju: EUR 2 000 miljun fl-2009 u EUR 1 980 miljun fl-2010

- Barra minn hekk, EUR 1 020 miljun se jsiru disponibbli taħt l-Intestatura 2 għall-iżvilupp tal-internet broadband fiż-żoni rurali u operazzjonijiet ta' tisħiħ relatati mal-"isifidi ġodda" ddefiniti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-istat tas-saħħa tal-Politika tal-Agrikoltura Komuni.

Abbażi ta’ dak il-ftehim u l-proposta emendata tal-Kummissjoni tat-8 ta’ April 2009[2], il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw Deċiżjoni[3] fis-6 ta’ Mejju 2009 li permezz tagħha l-qafas finanzjarju 2007-2013 ġie rivedut. Il-limitu tal-2009 għall-approprjazzjonijiet għall-impenji taħt l-Intestatura 1A żdied b’EUR 2 000 miljun għall-finanzjament ta’ proġetti tal-enerġija bħala għajnuna ta’ Rkupru Ekonomiku. Din iż-żieda ġiet ibbilanċjata bis-sħiħ bit-tnaqqis tal-limitu għall-approprjazzjonijiet għall-impenji taħt l-intestatura 2 għas-sena 2009 bl-istess ammont. Il-limiti għall-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet għas-snin 2009-2013 ġew emendati skont dan. B’mod parallel għal dik id-Deċiżjoni, EUR 600 miljun saru disponibbli fi ħdan il-baġit tal-2009 għall-internet broadband fiż-żoni rurali kif ukoll f'attivitajiet relatati ma' 'sfidi ġodda'.

Skont il-ftehim tat-2 ta’ April 2009, il-finanzjament tal-ammont li fadal (EUR 1 980 miljun għall-enerġija u EUR 420 miljun għall-iżvilupp ta’ internet broadband fiż-żoni rurali u t-tisħiħ tal-operazzjonijiet relatati mal-‘isfidi ġodda’ definiti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-istat tas-saħħa tal-PAK) għandu jiġi “żgurat permezz ta’ mekkaniżmu ta’ kumpens fil-konċiljazzjoni tal-proċedura baġitarja 2010 bl-użu tal-mezzi baġitarji kollha previsti fil-qafas legali tiegħu, li għandu jintemm, jekk meħtieġ, mhux iktar tard mill-konċiljazzjoni tal-proċedura baġitarja 2011”.

Fis-27 ta’ Ottubru 2009 il-Kummissjoni għamlet proposta għal ‘kumpens’ tal-ammont li fadal abbażi tal-ftehim hawn fuq imsemmi[4]. Din il-proposta emendata għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tqis id-dejta ta' eżekuzzjoni finali għall-miżuri tal-EAGF taħt l-Intestatura 2, li ma kinux disponibbli meta l-Kummissjoni għamlet il-proposta inizjali tagħha, kif ukoll ir-riżultati tal-laqgħa ta’ konċiljazzjoni baġitarja tat-18 ta’ Novembru 2009.

Għalhekk, qed tipproponi li jiġi rivedut il-qafas finanzjarju sabiex il-limitu tal-2010 jiżdied għall-approprjazzjonijiet għall-impenji taħt l-Intestatura 1A b’ammont ta' EUR 1 779 miljun. B'żieda ma' dan, EUR 120 miljun se jsiru disponibbli permezz tal-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta' Flessibbiltà taħt il-Punt 27 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar dixxiplina baġitarja u ġestjoni finanzjarja soda (IIA), u EUR 81 miljun bl-użu tal-marġini mhux allokat li fadal taħt il-limitu 2010 għall-approprjazzjonijiet għall-impenji taħt l-Intestatura 1A. Dan jippermetti l-provvediment tal-ammont kollu li fadal ta’ EUR 1 980 miljun għal proġetti ta’ enerġija taħt il-PERE kif miftiehem bejn it-tliet istituzzjonijiet. B’mod parallel, EUR 420 miljun se jsiru disponibbli fi ħdan il-baġit 2010 għall-internet broadband fiż-żoni rurali kif ukoll f'attivitajiet relatati ma' 'sfidi ġodda'.

L-AMBITU GħALL-ALLOKAZZJONI MILL-ġDID TAL-INFIQ TAħT IL-LIMITU TAL-INTESTATURA 1A

Il-marġini ta’ EUR 3 miljuni li tħallew taħt il-limitu 2009 għall-approprjazzjonijiet għall-impenji taħt l-Intestatura 1A se jsiru disponibbli għall-finanzjament tal-PERE. Skont il-Punt 23 ta' IIA li jipprovdi għal eżaminazzjoni tal-ambitu għar-riallokazzjoni tan-nefqa qabel ir-reviżjoni tal-limitu, it-tliet istituzzjonijiet laħqu ftehim fil-laqgħa ta' konċiljazzjoni msemmija hawn fuq li EUR 81 miljun tal-marġni 2010 li ma ġiex allokat fl-abbozz preliminari tal-baġit tal-Kummissjoni se jintużaw għall-finanzjament tal-proġetti ta' enerġija taħt il-PERE. Dan huwa konformi mad-Dikjarazzjoni adottata fit-2 ta' April 2009 li tistipula li "il-mekkaniżmu ta' kumpens se jkun bla ħsara għall-pakketti finanzjarji tal-programmi kodeċiżi u l-proċedura baġitarja annwali”.

TRASFERIMENTI MINN INTESTATURA GħAL OħRA

Skont il-Punt 23(2) ta’ IIA u skont il-ftehim tat-2 ta’ April 2009, l-Istituzzjonijiet ftehmu fil-laqgħa ta’ konċiljazzjoni baġitarja tad-19 ta’ Novembru 2009 biex ‘jikkumpensaw’ iż-żieda fil-limitu għall-approprjazzjonijiet għall-impenji taħt l-Intestatura 1A b’dan il-mod:

Approprjazzjonijiet għall-impenji: Trasferimenti mill-Intestatura 1B

Marġini ta’ EUR 1 miljun jitħalla taħt il-limitu tal-2009 u ta’ EUR 6 miljun taħt il-limitu għall-2010 għall-approprjazzjonijiet għall-impenji taħt l-intestatura 1B minħabba għajnuna teknika mhux użata. Ġie miftiehem li jintużaw dawn l-ammonti għall-finanzjament ta' proġetti għall-enerġija fil-kuntest tal-Pjan ta’ Rkupru. Il-Kummissjoni tikkonferma li l-marġini għall-approprjazzjonijiet għall-impenji fl-2010 taħt is-sottointestatura 1b għandha l-oriġini esklużiva tagħha fl-evalwazzjoni mill-ġdid tal-ħtiġijiet għall-għajnuna teknika fuq l-inizjativa ta’ u/jew f’isem il-Kummissjoni skont kif speċifikat fl-Artikolu 45 tar-Regolament tal-Kunsill 1083/2006. Għalhekk m’għanhiex impatt fuq il-programmazzjoni jew fuq l-impenji tal-programmi operazzjonali .

Approprjazzjonijiet għall-impenji: Trasferimenti mill-Intestatura 2

L-ammont finali li tħalla taħt il-limitu ta' infiq għall-2009 fir-rigward tal-approprjazzjonijiet għall-impenji taħt l-Intestatura 2 jammonta għal EUR 1 036 miljun. Dan jinkludi EUR 34 miljun li jirriżultaw minn nuqqas ta' eżekuzzjoni fir-rigward tal-programmi tas-sajd li ġew inseriti fil-Baġit Emendatorju Nru 10/2009.

Barra minn hekk, approprjazzjonijiet li jammontaw għal 250 miljun għall-iżvilupp rurali u EUR 20 milljun fir-rigward tat-tibdil fil-klima ddaħħlu fil-baġit tal-2009, iżda ma jistgħux jintużaw minħabba li ma hemm l-ebda bażi legali biex dan isir.

B'kunsiderazzjoni għall-fatt li issa s-sena agrikola ngħalqet, ġie miftiehem li l-marġni tal-2009 li baqa' u l-approprjazzjonjiet li ma ntużawx taħt l-Intestataura 2 għandhom isiru disponibbli għal proġetti tal-enerġija tal-Pjan Ewropew ta’ Rilanċ Ekonomiku li se jkunu finanzjati taħt l-Intestatura 1A.

Il-marġini inizjali taħt il-limitu ta’ nefqa għall-2010 għall-approprjazzjonijiet għall-impenji taħt l-Intestatura 2 jammonta għal EUR 1 083 miljun wara t-tieni qari tal-baġit 2010 mill-Kunsill.

Ġie miftiehem li din il-marġni tintuża biex tipprovdi,

- taħt l-Intestatura 2, is-somma ta' EUR 420 miljun meħtieġa taħt il-pjan Ewropew ta’ Rilanċ Ekonomiku biex jiġi żviluppat l-internet broadband f'żoni rurali u operazzjonijiet ta' tisħiħ relatati mal-"isfidi ġodda" ddefiniti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-istat tas-saħħa;

- somma ulterjuri ta' EUR 158 miljun, li tista' ssir disponibbli għal proġetti tal-enerġija taħt l-Intestatura 1A.

Dan iħalli marġini ta’ EUR 505 mljun disponibbli għall-agrikoltura taħt il-limitu ta’ nefqa fl-2010. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ntrabtet li tieħu l-miżuri kollha xierqa biex tiżgura li d-deċiżjonijiet meħuda dwar l-infiq tal-PAK u l-iffinanzjar tagħha, inkluż il-ftehim dwar l-evalwazzjoni tal-istat tas-saħħa, ikunu rispettati.

Approprjazzjonijiet għall-impenji: Trasferimenti mill-Intestatura 3A

Marġini ta’ EUR 5 miljun jitħalla taħt il-limitu għall-approprjazzjonijiet għall-impenji taħt l-Intestatura 3A fl-2009. Minħabba li s-sena baġitarja kważi spiċċat u li ma kienx previst użu ieħor għal dan l-ammont li fadal, intlaħaq ftehim li se jintuża bħala kontribut għall-finanzjament tal-proġetti tal-enerġija taħt il-PERE.

Approprjazzjonijiet għall-impenji: Trasferimenti mill-Intestatura 5

Il-marġini taħt il-limiti ta’ nefqa taħt l-Intestatura 5 (Amministrazzjoni) jammontaw għal EUR 174 miljun fl-2009 (inkluż żieda tal-marġini ta’ EUR 98 miljun li tirriżulta mis-sottoeżekuzzjoni fil-baġits tal-Kummissjoni, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat tar-Reġjuni u din saret disponibbli permezz tal-Baġit ta’ Emenda Nru 10/2009). Għall-2010, ġie miftiehem li tinżamm marġini ta’ EUR 72 miljun wara li ġew meqjusa l-emendi tal-ewwel qari tal-Parlament Ewropew u l-Ittra ta' Emenda proposta 3/2010. Parti minn din il-marġni tista' tinħtieġ biex tkopri ħtiġijiet addizzjonali relatati mad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Liżbona. B’kunsiderazzjoni ta’ dan, huwa propost li EUR 300 miljun (EUR 174 miljun mill-marġini 2009 u EUR 126 miljun mill-marġini 2010) isiru disponibbli għall-finanzjament tal-proġetti tal-enerġija taħt il-PERE.

L-APPROPRJAZZJONIJIET GħALL-ħLASIJIET

Il-Punt 23(4), ir-raba’ paragrafu ta’ IIA jipprovdi li kwalunkwe reviżjoni għandha żżomm relazzjoni xierqa bejn l-impenji u l-ħlasijiet. Għalhekk, il-limiti annwali għall-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet għandhom ikunu modifikati fuq il-bażi tal-profili għall-ħlas previsti fir-rigward tal-impenji addizzjonali taħt l-Intestatura 1A u t-tnaqqis tal-ħlasijiet li jikkorrispondi għal tnaqqis fl-approprjazzjonijiet għall-impenji għall-Intestaturi 1b, 2 u 5 fl-2009 u fl-2010.

TABELLA FIL-QOSOR U L-KONKLUżJONI

It-tabella t'hawn taħt tiddeskrivi fil-qosor it-tibdiliet proposti fil-limiti tal-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet fil-qafas finanzjarju. L-ammonti huma mfissra fi prezzijiet attwali:

[pic]

B'mod ġenerali, ir-reviżjoni se tkun newtrali fir-rigward tal-limiti globali tal-approprjazzjonijiet għall-impenji u għall-ħlasijiet imfissrin fi prezzijiet attwali.

It-tabella tal-qafas finanzjarju, fi prezzijiet attwali, hija r-riżultat tat-tibdiliet ta' hawn fuq.

Id-deċiżjoni formali dwar ir-reviżjoni tal-qafas finanzjarju għandha tirreferi għat-tabella bażika miftiehma fit-IIA, li hija mfissra fi prezzijiet kostanti tal-2004. Għalhekk, l-ammonti f'valuri attwali għandhom jissarfu fi prezzijiet tal-2004 permezz ta' deflatur fiss ta' 2% fis-sena, b'konformità mal-Punt 16 tal-IIA.

[pic]

- Proposta Emendata għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar dixxiplina baġitarja u ġestjoni finanzjarja fis-sod fir-rigward tal-qafas finanzjarju multiannwali - Finanzjament ta’ proġetti fil-qasam tal-enerġija fil-kuntest tal-Pjan Ewropew ta’ Rilanċ Ekonomiku

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, dwar dixxiplina baġitarja u ġestjoni finanzjarja fis-sod[5] u b'mod partikolari l-Punti 21,22, l-ewwel u t-tieni subparagrafu, u 23, tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1) Matul il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tat-18 ta' Novembru 2009 il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni ftiehmu dwar il-modalitajiet biex jiġi provdut finanzjament addizzjonali, fil-qafas tal-Pjan Ewropew ta’ Rilanċ Ekonomiku, għall-proġetti fil-qasam tal-enerġija u internet broadband kif ukoll għall-investiment f'operazzjonijiet ta' tisħiħ relatati mal-"isfidi ġodda" definiti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tar-riforma tal-Politika Komuni dwar l-Agrikoltura ("Kontroll tas-Saħħa") li saret f'nofs is-sena 2003[6]. Il-finanzjament jesiġi reviżjoni tal-qafas finanzjarju multiannwali 2007-2013 b'konformità mal-Punti 21, 22 u 23 tal-Ftehim Interistituzzjonali, sabiex jogħla l-limitu għas-sena 2010 fir-rigward tal-approprjazzjonijiet għall-impenji taħt is-sub-Intestatura 1A b'ammont ta' EUR 1 779 miljun fi prezzijiet attwali.

(2) Iż-żieda tal-limitu għas-Sottointestatura 1 A għas-sena 2010 se tkun ibbilanċjata bit-tnaqqis tal-limiti għall-approprjazzjonijiet għall-impenji taħt l-Intestaturi 1A, 1B, 2, 3A u 5 għas-sena 2009 kif ukoll il-limiti tal-approprjazzjonijiet għall-impenji taħt l-Intestatura 1B, 2 u 5 għall-2010.

(3) Sabiex tinżamm relazzjoni xierqa bejn l-impenji u l-ħlasijiet, il-limiti annwali għall-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet se jkunu aġġustati. L-aġġustament se jkun newtrali.

(4) L-Anness I tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar dixxiplina baġitarja u ġestjoni finanzjarja fis-sod għandu ghalhekk jiġi emendat kif imiss[7],

IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:

Artikolu Uniku

Anness I għall-Ftehim Interistituzzjonali dwar dixxiplina baġitarja u ġestjoni finanzjarja soda huwa sostitwit b'Anness għal din id-Deċiżjoni.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Algirdas SEMETA Membru tal-Kummissjoni

ANNESS

[pic]

[1] COM(2008) 859 finali/2.

[2] COM(2009)171 finali

[3] ĠU L 132, 29.5.2009, p. 8.

[4] COM(2009) 600.

[5] ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

[6] COM(2008) 800, COM(2008) 859, COM(2009) 171, u ĠU L 132, 29.5.2009, p. 8.

[7] Għal dan il-fini, iċ-ċifri li jirriżultaw mill-ftehim ta' hawn fuq issarfu bil-prezzijet tal-2004.

Top
  翻译: