This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52010AE0096
Opinion of the European Economic and Social Committee on the ‘Proposal for a Regulation of the European Parliament and of the Council on the European Earth Observation programme (GMES) and its initial operations (2011–2013)’ COM(2009) 223 final — 2009/0070 (COD)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-programm Ewropew ta’ osservazzjoni tad-Dinja (GMES) u l-operazzjonijiet inizjali tiegħu (2011–2013) COM(2009) 223 finali – 2009/0070 (COD)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-programm Ewropew ta’ osservazzjoni tad-Dinja (GMES) u l-operazzjonijiet inizjali tiegħu (2011–2013) COM(2009) 223 finali – 2009/0070 (COD)
ĠU C 339, 14.12.2010, p. 14–19
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
14.12.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 339/14 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-programm Ewropew ta’ osservazzjoni tad-Dinja (GMES) u l-operazzjonijiet inizjali tiegħu (2011–2013)
COM(2009) 223 finali – 2009/0070 (COD)
(2010/C 339/04)
Relatur: is-Sur VAN IERSEL
Nhar it-30 ta’ Ġunju 2009, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 157(3) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-programm Ewropew ta’ osservazzjoni tad-Dinja (GMES) u l-operazzjonijiet inizjali tiegħu (2011-2013)
COM(2009) 223 finali – 2009/0070 (COD).
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-5 ta’Jannar 2010.
Matul l-459 sessjoni plenarja tiegħu li saret nhar l-20 u l-21 ta’ Jannar 2010 (seduta tal-20 ta’ Jannar 2010), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’184 vot favur, 2 voti kontra u 4 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ir-Regolament dwar l-Osservazzjoni tad-Dinja (EO) u l-operazzjonijiet inizjali tiegħu bħala pass strateġiku ’l quddiem f’qafas ġdid għall-iżvilupp ta’ politika spazjali Ewropea matura.
1.2 Il-KESE jemmen li, f’dan il-kuntest, jistgħu jinkisbu benefiċċji sostanzjali billi jitwettqu l-politiki eżistenti tal-UE, jiġu żviluppati politiki ġodda, tiżdied il-provvista ta’ servizzi intelliġenti u adattati għall-ħtiġijiet tal-Ewropa u lil hinn minnha, kif ukoll billi tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-UE fin-negozjati internazzjonali.
1.3 Il-benefiċċji għas-soċjetà u għaċ-ċittadini għandhom jagħtu sodisfazzjon partikolari, peress li s-servizzi spazjali jaffettwaw firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet importanti bħat-tibdil fil-klima, l-emerġenzi, kwistjonijiet ambjentali u ta’ saħħa bħall-kwalità tal-ilma u l-arja (tniġġis), l-agrikoltura u l-foresterija, it-tnaqqis tar-riżorsi naturali, kwistjonijiet spazjali u numru ta’ kwistjonijiet marbuta mas-sigurtà pubblika u d-difiża.
1.4 Il-kwalità għolja hija indispensabbli għall-komponenti tal-ispazju u għall-komponenti terrestri, kif ukoll għall-kapaċitajiet u s-sinerġiji interattivi tagħhom. Is-servizzi spazjali ser iżidu b’mod sostanzjali s-servizzi terrestri, tal-ajru u bil-baħar (1).
1.5 L-aġenziji Ewropej u s-servizzi pubbliċi fl-Istati Membri huma l-mira prinċipali tas-servizzi spazjali. Il-partijiet privati ser jibbenefikaw minnhom ukoll. Il-firxa ta’ servizzi utli għas-setturi pubbliċi u privati ser jiżdiedu mal-iżvilupp tas-suq. Is-settur downstream – li huwa prinċipalment magħmul mill-SMEs – jitlob attenzjoni u finanzjament speċjali.
1.6 Il-governanza hija ta’ importanza kbira. Fost l-elementi deċiżivi nsibu:
— |
il-koordinazzjoni u l-koerenza, li huma bbażati fuq ir-rikonoxximent tal-“ispazju” bħala tema integrata tal-UE kif ukoll l-impenn sħiħ tad-DĠ kollha tal-Kummissjoni u l-aġenziji Ewropej involuti fil-politiki u l-attivitajiet marbuta mal-ispazju; |
— |
il-koordinazzjoni bejn il-Kummissjoni u għadd ta’ partijiet pubbliċi fl-Istati Membri; |
— |
l-għarfien operattiv fil-Kummissjoni sabiex tittratta s-settur downstream; |
— |
kundizzjonijiet qafas sodisfaċenti li jinkoraġġixxu l-investimenti privati. |
1.7 Interkonnessjoni effettiva bejn l-infrastruttura spazjali u terrestri twassal għal data sħiħa, affidabbli u kontinwa. Aċċess sħiħ u fil-miftuħ għad-data huwa kruċjali sabiex ikunu evitati d-distorzjonijiet u jkun stimulat is-settur downstream. Id-data sensittiva definita tajjeb għall-Istati Membri u għall-Unjoni għandha tiġi protetta.
1.8 Il-KESE jieħu nota tal-allokazzjoni ta’ EUR 150 miljun bħala l-ewwel pass għall-promozzjoni tal-applikazzjonijiet. Sabiex l-opinjoni globali dwar dan tkun waħda pożittiva, l-ewwel iridu jiġu ttrattati ċerti kwistjonijiet li għadhom pendenti. Insuffiċjenza possibbli ta’ riżorsi finanzjarji, it-tnedija tas-Sentinelli B flimkien mas-Sentinelli A, u l-allokazzjoni tal-baġit Komunitarju fost dawk kollha interessati jitolbu aktar negozjati u klarifikazzjoni sabiex ikun żgurat li s-sistema tilħaq b’suċċess il-miri tal-politiki.
1.9 Is-servizzi spazjali li jmiss jaffettwaw spettru wiesa’ ta’ oqsma li jirrispondu b’mod dirett għall-ħtiġijiet tas-soċjetà u taċ-ċittadini. Għaldaqstant, il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa strateġija ta’ komunikazzjoni tal-UE li tissensibilizza l-pubbliku dwar il-benefiċċji futuri tal-EO billi tagħmel ukoll enfasi speċjali fuq l-edukazzjoni u t-taħriġ tal-esperti tekniċi f’dan il-qasam.
1.10 L-osservazzjoni tad-dinja għandha tagħmel parti mill-Istrateġija ta’ Lisbona wara l-2010.
2. Il-politika spazjali Ewropea li qed tiżviluppa
2.1 Ir-raġunijiet strateġiċi politiċi u ekonomiċi huma l-fatturi ewlenin għall-interess intensifikat fl-ispazju. It-tibdil fil-klima, l-għanijiet ambjentali u spazjali, is-sigurtà taċ-ċittadini kif ukoll infrastruttura komplementari tad-difiza jagħmlu t-tisħiħ tas-servizzi operattivi fl-ispazju tant mixtieq.
2.2 Politika spazjali Ewropea awtonoma u servizzi awtonomi huma meħtieġa bħala risposta għaż-żieda fl-attivitajiet spazjali dinjija minn numru dejjem jikber ta’ msieħba u kompetituri (2).
2.3 Wara l-Green Paper u l-White Paper ippubblikati matul l-aħħar għaxar snin, l-ftehim qafas bejn l-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA) u l-Kummissjoni fl-2003, li lkoll intlaqgħu tajjeb, il-KESE qabel bis-sħiħ mal-politiki elenkati fid-dokumenti tal-Kunsill Spazjali Konġunt, il-Kummissjoni u l-ESA f’April/Mejju 2007 (3). F’Ottubru 2009, il-President Barroso enfasizza s-sinifikat tal-ispazju għal firxa wiesa’ ta’ politiki tal-UE (4).
2.4 L-ESA wettqet ħidma impressjonanti matul perijodu twil ta’ żmien. Flimkien mar-riċerka, il-programmi tal-ispazju ffaċilitaw l-iżvilupp tas-servizzi operattivi fil-kooperazzjoni mal-kumpaniji privati. Is-sena l-oħra l-KESE kkonkluda li l-ESA kienet wettqet “politika industrijali” b’suċċess. Fid-dawl tat-taqsim il-ġdid tal-ħidma bejn l-ESA u l-Kummissjoni, din tal-aħħar saret responsabbli għalkollox mill-fażi operattiva tal-proġetti.
2.5 Il-KESE diġà esprima l-aspettattivi tiegħu li l-involviment tal-Kummissjoni fit-tfassil tal-politika u l-iffinanzjar ser u għandu jkattar l-attivitajiet pubbliċi kif ukoll dawk privati fis-settur spazjali.
2.6 Fuq l-istess linja, il-Kummissjoni tipproponi r-regolament dwar il-GMES u l-operazzjonijiet inizjali tiegħu (2011–2013) bħala pass ieħor ’il quddiem lejn it-twettiq tal-ħtiġijiet għal politika spazjali Ewropea matura.
2.7 Il-GMES wasslet għal interess akbar u programmar aktar intensiv mill-Aġenziji Ewropej u mis-settur pubbliku u privat fl-Ewropa.
2.8 Sabiex ikun żgurat it-trattament effettiv tal-firxa wiesgħa ta’ benefiċċji tal-GMES, is-sena l-oħra l-KESE laqa’b’sodisfazzjon it-twaqqif tal-Bureau tal-GMES fid-DĠ Intrapriża sabiex ikun inkarigat mill-koordinazzjoni. Din il-koordinazzjoni hija tant mixtieqa minħabba li huma involuti numru ta’ DĠ u s-Seba’ Programm Kwadru għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku (FP7).
2.9 Koordinazzjoni aktar effettiva fil-livell Ewropew u bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri ser tkun ukoll ta’ benefiċċju għall-approċċi integrali fl-Istati Membri, fejn ħafna drabi huma nieqsa. Jaf tiġġenera wkoll aktar għarfien u ttejjeb l-immaġni tal-ispazju billi torbot flimkien l-ispazju ma’ servizzi speċifiċi għaċ-ċittadini.
3. Ir-regolament
3.1 Minbarra r-riċerka u l-iżvilupp tal-GMES, li huma oqsma li fihom il-Kummissjoni, l-ESA u l-Istati Membri huma msieħba, il-Kummissjoni ser tikkonċentra fuq kwistjonijiet fejn azzjoni Komunitarja għandha tipprovdi valur miżjud ċar.
3.2 Dan ir-regolament ibassar li s-servizzi operattivi tal-GMES ser ikunu fuq skala akbar. Minħabba li dan huwa pass ġdid f’qafas ġdid, kemm it-tfassil tal-programm, fosthom l-għażla tal-prijoritajiet, u l-governanza kienu suġġetti għal konsultazzjonijiet estensivi fost dawk kollha interessati, il-koordinaturi tal-GMES fl-Istati Membri, l-utenti (potenzjali) u l-industrija.
3.3 Ir-regolament dwar l-osservazzjoni tad-dinja jipprovdi bażi legali għall-programm GMES u l-finanzjament Ewropew għall-operazzjonijiet inizjali fl-2011–2013 li jammontaw għal EUR 107 miljun, jiġifieri mill-baġit tal-Kummissjoni, filwaqt li EUR 43 miljun oħra huma allokati taħt l-FP7, li jammontaw b’kollox għal EUR 150 miljun, sakemm jintlaħaq il-ftehim dwar il-baġit multiannwali għall-perijodu 2013–2020 (5).
3.4 Huma previsti ħames oqsma ta’ azzjonijiet. Għall-perijodu 2011–2013, l-enfasi ser tkun fuq is-servizzi ta’ rispons f’każ ta’ emerġenza u s-servizzi għall-monitoraġġ terrestri (6).
3.5 L-operazzjonijiet inizjali ser ikunu ġestiti mill-Kummissjoni bħala parti mill-attivitajiet ġenerali tal-UE fil-GMES, li jkopru wkoll l-attivitajiet tar-riċerka tal-UE u l-attivitajiet tal-imsieħba tal-GMES. Dan il-qafas irid ikun distint mil-livell tal-implimentazzjoni teknika tal-komponenti spazjali tal-GMES li ser jiġu fdati lill-ESA.
Minbarra li ġie żvelat ftehim wiesa’ fost dawk kollha interessati, il-konsultazzjonijiet urew bżonn kbir ta’ data ta’ min joqgħod fuqha u preċiza.
3.6.1 Varjetà ta’ utenti bħall-komunitajiet tar-riċerka, l-awtortitajiet nazzjonali u reġjonali u s-servizzi tas-sigurtà jeħtieġu d-data b’mod urġenti, xi kultant ukoll bl-akbar urġenza.
3.6.2 Sabiex is-swieq tal-EO fl-Ewropa jkunu jistgħu jiġu żviluppati aktar mis-settur downstream, li jippermetti l-ħolqien u t-tkabbir tal-impjiegi (7), hemm bżonn ta’ data sigura u affidabbli
3.7 Fir-rigward tas-sussidjarjetà, tajjeb jiġi nnutat li l-valutazzjoni ġenarali tagħmilha ċara li s-servizzi li jridu jiġu provduti b’konformità ma’ dan ir-regolament, jeħtieġu l-ġabra tal-inputs tal-Istati Membri fil-livell Ewropew, li jippermettu l-ekonomiji ta’ skala kif ukoll l-implimentazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE (8).
4. Kummenti ġenerali
4.1 Minbarra l-programmi tar-riċerka, is-servizzi u xi operazzjonijiet li diġà jeżistu, il-KESE jilqa’ bil-qawwa l-operazzjonijiet inizjali kif previsti fir-regolament dwar l-osservazzjoni tad-dinja bħala pass strateġiku ’l quddiem.
4.2 Permezz tal-ħolqien tal-GMES, il-Kummissjoni u l-ESA bdew programm għall-użu ċivili operattiv tad-data satellitari li, minbarra l-applikazzjonijiet meteoroloġiċi li toffri, hija unika fid-dinja minħabba l-iskala u d-dettall tagħha. L-iżvilupp sostenibbli u l-implimentazzjoni tal-GMES ser joħolqu l-opportunità għall-industrija Ewropea sabiex tpoġġi lilha nnifisha sabiex taqdi rwol prinċipali fix-xena globali.
4.3 Il-konsultazzjonijet wiesgħa li saru mal-partijiet interessati kollha u r-riżultati tal-valutazzjoni tal-impatt juru ftehim wiesa’ fuq l-objettivi tal-programm u l-opportunitajiet futuri. Diversi studji speċifiċi, li saru wara li ntalbu, juru l-istess benefiċċji mill-GMES u żieda fl-opportunitajiet għall-parteċipanti pubbliċi u privati (9).
4.4 Il-benefiċċji tal-operzzjonijiet il-ġodda mistennija minn firxa wiesgħa ta’ persuni pubbliċi u privati interessati kif ukoll mill-KESE jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej:
— |
strateġikament, l-EO Ewropej jirriflettu r-responsabilitajiet Ewropej u internazzjonali dejjem jikbru tal-UE kif ukoll l-effett fit-tul fuq kwistjonijiet globali u Ewropej; |
— |
informazzjoni spazjali magħmula skont il-ħtieġa u fil-ħin tgħin lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u r-reġjuni sabiex jimplimentaw il-programmi attwali b’mod aktar preċiz; |
— |
politiki (ġodda) jistgħu jitfasslu b’mod aktar preċiz; |
— |
informazzjoni spazjali ser tikkontribwixxi sostanzjalment għal operazzjonijiet mhux spazjali billi jsir aġġustament tal-għarfien u jitwessa’ l-ġbir tad-data (10); |
— |
informazzjoni ġdida ser tiġġenera valur komplementari għall-aġenziji Ewropej bħall-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u l-Aġenzija Ewropea għad-Difiza; |
— |
ser jinħolqu opportunitajiet kbar għall-attivitajiet downstream fis-settur privat; |
— |
servizzi ġodda mitluba mill-aġenziji u l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali ser jirriżultaw f’benefiċċji ambjentali u ta’ sigurtà għaċ-ċittadini, tnaqqis fl-ispejjez skont is-soluzzjonijiet intelliġenti identifikati, kif ukoll ser ikunu fattur għat-tkabbir; |
— |
l-UE ser tieħu pożizzjoni msejsa fuq l-għarfien fin-negozjati internazzjonali fuq kwistjonijiet bħat-tibdil fil-klima u ftehimiet maħsuba għal monitoraġġ aħjar; |
— |
servizzi speċifiċi, imsejsa fuq informazzjoni adattata għall-ħtiġijiet attwali, ser issostni l-politiki tal-UE għall-pajjizi li qed jiżviluppaw. |
4.5 Ir-riżultat mill-analiżi tal-kost/benefiċċju huwa mistenni li jkun pożittiv: il-bejgħ relattivament moderat ser joħloq vantaġġi sostanzjali.
4.6 Il-programmi tal-ESA huma limitati għal perijodu ta’ implimentazzjoni fuq tliet snin. Il-Kunsill għandu jistabbilixxi l-impenji fit-tul tal-UE għall-perijodu wara l-2013. Il-kontinwità tal-programmi operattivi hija kruċjali. L-ippjanar fit-tul huwa deċiziv għall-benefiċċji tal-EO għall-miri u s-servizzi pubbliċi. Hija wkoll kundizzjoni bażika sabiex tħajjar lis-settur downstream jiżviluppa s-servizzi.
4.7 Fl-istess kuntest, huwa vitali li jkunu żgurati l-kontinwità, l-affidabilità u l-aċċess sħiħ u fil-miftuħ tad-data għall-partijiet kollha konċernati.
4.8 Is-sensibilizzazzjonui taċ-ċittadini Ewropej hija indispensabbli ghas-sostennibilità tal-politika spazjali. Hemm bżonn urġenti ta’ strateġija ta’ komunikazzjoni tal-UE maħsuba biex tiżgura l-appoġġ tal-pubbliku u li tispjega b’mod ċar il-benefiċċji futuri tas-servizzi spazjali għas-soċjetà u għaċ-ċittadini.
4.9 Fl-istess kuntest, il-KESE jenfasizza l-bżonn li tingħata attenzjoni speċjali lill-edukazzjoni u t-taħriġ tal-esperti tekniċi f’dan il-qasam.
5. Governanza
Peress li l-operazzjonijiet tal-bidu ser ifasslu l-qafas għall-estenzjoni tal-operazzjonijiet fi stadji sussegwenti, għandhom jiġu ggarantiti mill-bidu ġestjoni u governanza adegwata. Il-governanza hija marbuta b’mod partikolari mal-punti msemmija aktar ’l isfel.
5.1.1 Għar-raġunijiet li wieħed jista’ jifhem, l-ispazju ilu żmien qasam ta’ politika xi ftit iżolata fl-UE, iżda issa għandu jkun rikonoxxut b’mod sħiħ fil-firxa tal-politiki Komunitarji. Dan is-suġġettser jidħol tajjeb ħafna fl-istrateġija ta’ Lisbona wara l-2010 (11).
5.2 Id-Direttorati Ġenerali kollha tal-Kummissjoni involuti fil-politiki tal-ispazju għandhom jikkoordinaw l-attivitajiet tagħhom b’mod effettiv sabiex ikun evitat xogħol doppju u jkunu maħsuba azzjonijiet iffukati meta aktar minn Direttorat wieħed ikun involut fl-EO.
5.3 L-aġenziji Ewropej u d-DĠ, jiġifieri r-Riċerka, l-Ambjent, l-Agrikoltura, il-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni, il-Konsumatur u s-Saħħa, l-Iżvilupp, il-Kummerċ u r-Relazzjonijiet Esterni għandhom ikunu involuti għal żewġ raġunijiet oħra:
— |
sabiex titwassal informazzjoni preċiza bil-għan li jitwaqqfu servizzi ta’ sostenn satellitari;u |
— |
sabiex jinġabru b’suċċess il-benefiċċji tas-servizzi mogħtija; |
5.4 Approċċi koordinati tajjeb, kemm fi ħdan kif ukoll mill-Kummissjoni, jiżguraw ukoll koerenza u interoperabilità bejn l-EO u programmi oħra li għandhom x’jaqsmu mas-settur spazjali bħat-telekomunikazzjoni u t-trasport.
5.5 Hija meħtieġa koordinazzjoni effiċjenti minħabba n-numru kbir ta’ operaturi fil-livell nazzjonali li huma involuti wkoll fil-ġbir tal-informazzjoni.
5.6 Permezz tas-satelliti, l-istazzjonijiet għall-kejl awtomatiku u l-internet, il-monitoraġġ tal-iżviluppi ambjentali f’ħin reali qed isir dejjem aktar vijabbli. Il-GMES jista’ jagħti kontribut bħala azzjoni ta’ “Informazzjoni fi kważi ħin reali għat-teħid tad-deċiżjonijiet” fil-kejl tal-kwalità tal-ambjent fil-qafas ta’ “Il-PDG u lil hinn” (12).
5.7 In-numru dejjem jikber ta’ satelliti jirrikjedi ġestjoni bir-reqqa tat-tagħmir spazjali kollu sabiex jiġu evitati l-kolliżjonijiet fl-ispazju, billi dawn jikkaġunaw tniġġis u residwu spazjali li mhuma mixtieqa xejn.
6. Kwistjonijiet speċifiċi
6.1 L-osservazzjoni tad-dinja għadha suq relattivament żgħir meta mqabbel globalment mas-swieq tas-setturi spazjali. Fl-2005, id-dħul globali kien ta’ EUR 1,3 biljun, li jinkludu EUR 0,4 biljun fl-Ewropa, li nofshom kienu applikazzjonijiet meteoroloġiċi.
6.2 Is-settur upstream għall-EO huwa prinċipalment istituzzjonali u jiddependi mill-iffinanzjar pubbliku. Satelliti emerġenti għall-osservazzjoni kummerċjali huma żviluppati fil-qafas tal-PPP u għadhom jiddependu mill-iffinanzjar pubbliku.
6.3 Id-data hija ċ-ċavetta
6.3.1 Il-KESE jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ aċċess sħiħ u fil-miftuħ tad-data bil-għan li l-partijiet privati u pubbliċi jgawdu mill-istess kundizzjonijiet, kif ukoll sabiex is-settur privat – li għadu dgħajjef – jiġi mħeġġeġ jiżviluppa.
6.3.2 It-twassil tad-data mingħajr interruzzjoni hija ta’ importanza kbira sabiex jevolvi settur downstream vijabbli. L-inċertezza f’dan ir-rispett tkun daqqa ta’ ħarta kbira għas-suq minħabba s-suppożizzjonijiet li l-infrastruttura meħtieġa mhux ser tlaħħaq mal-aspettattivi.
6.3.3 Ir-rispons mill-industrija dwar l-ewwel serje ta’ satelliti operattivi għall-GMES – Sentinelli A – huwa pożittiv b’mod espliċitu (13). Madankollu, sabiex ikunu żgurati l-aħjar kundizzjonijiet, jeħtieġ li l-katina li tittrasferixxi d-data mill-ispazju tingħata attenzjoni partikolari.
6.3.4 Daqstant essenzjali għas-sostenibbiltà huma s-Sentinelli B li huma ppjanati, li huma meħtieġa biex jieħdu l-post tas-Sentinelli A li waslu fl-aħħar, kif ukoll sabiex jiżguraw kontinwità fis-servizz f’każ li satellita tkun difettuża. L-iffinanzjar tas-Sentinelli B għadu inċert. Jeħtieġ li jkun żgurat.
6.3.5 Sabiex tkun żgurata l-kontinwità tas-servizz jew l-iżvilupp ta’ servizzi ġodda, il-mekkaniżmu tal-futur għall-użu tad-data jrid – wara konsultazzjoni – jiġi ċċarat lis-settur downstream mill-aktar fis possibbli.
6.4 Il-kundizzjonijiet finanzjarji
6.4.1 Ir-riżorsi finanzjarji għall-operazzjonijiet inizjali għall-perijodu 2011–2013 jamontaw għal EUR 150 miljun, jiġifieri EUR 43 miljun taħt l-FP7 u EUR 107 miljun mill-baġit tal-Kummissjoni. Il-KESE jisħaq li jiġu ċċarati diversi kunsiderazzjonijiet pendenti.
6.4.2 Il-partijiet interessati iridu jkunu ċerti mill-allokazzjoni finanzjarja ta’ EUR 107 miljun li jridu jiġu allokati bħala fondi jew krediti. Ir-regoli għall-parteċipazzjoni jridu jiġu ċċarati. Il-pajjizi assoċjati għandhom jidhru bħala benefiċjarji potenzjali ta’ għotjiet jew kuntratti?
6.4.3 Fid-dawl tar-riżultati mistennija, EUR 150 ma jidhrux biżżejjed. L-ewwel nett, hemm kunsens wiesa’, pereżempju fl-ESA u l-EADS (European Aeronautic Defense and Space Company), li l-allokazzjoni ta’ EUR 30 miljun addizzjonali mill-FP7 huma indispensabbli għall-istallazzjonijiet terrestri sabiex dawn jissodisfaw il-ħtiġijiet. It-tieni nett, mhuwiex ċar kif l-2013 ser tkun koperta anke jekk ir-riżorsi finanzjarji fil-baġit tal-UE għall-perijodu 2013–2020 x’aktarx ikunu assigurati.
6.4.4 It-tielet qasam problematiku huwa dak marbut mat-tnedija mistennija tas-Sentinelli B minħabba li l-finanzjament għadu mhux ibbaġitjat u għalhekk għadu pendenti (14).
6.4.5 Sfida oħra hija l-finanzjament tas-servizzi marittimi, atmosferiċi u tas-sigurtà marbuta ma’dan il-qasam u li kellhom jiġu deċizi fl-istess żmien tal-finanzjament tas-servizzi terrestri u tal-emerġenza. Il-KESE jixtieq jirċievi xi indikazzjonijiet dwar il-finanzjament ta’ dawn is-servizzi u dwar kemm huma involuti l-FP7 u l-FP8 u d-DĠ tal-Kummissjoni, b’mod partikolari d-DĠ Ambjent. Din il-kjarifika hija rilevanti ħafna għas-settur downstream.
6.4.6 L-ispejjeż finanzjarji l-oħra meħtieġa m’għandhomx ikunu neċessarjament koperti mill-baġit tal-UE biss. Huwa possibbli li jitqiesu wkoll sorsi oħra, bħall-ESA jew il-kontribuzzjonijiet nazzjonali.
6.5 Is-settur downstream
6.5.1 Fil-mument, is-settur downstream – settur li qed jiżviluppa – huwa settur żgħir frammentat li jiġbor fih madwar 150 kumpanija li fl-2006 impjegaw madwar 3 000 persuna. Id-dħul globali fl-Ewropa fl-2006 kien jammonta bejn EUR 250 – 300 miljun. Id-dħul mis-settur pubbliku jammonta għal madwar EUR 150 miljun. Il-klijenti huma l-aktar awtoritajiet pubbliċi u aġenziji. Il-profitti huma instabbli. L-industrija tal-Istati Uniti tal-Amerika hija tnejn jew tliet darbiet akbar mill-industrija Ewropea. Għandha wkoll rati ta’ tkabbir ogħla (15).
6.5.2 Tinsab għaddejja l-clustering meħtieġa tal-attivitajiet downstream.
6.5.3 Ir-relazzjoni fit-tul bejn l-ESA u l-industrija, għalkemm fuq l-iskala żgħira tal-operazzjonijiet ġenerati, għandha l-għarfien iffukat fuq l-ESA bħala faċilitatur tas-servizzi. Dan wassal għal politika industrijali ta’ suċċess.
6.5.4 Il-KESE jisħaq li r-responsabilità għall-applikazzjonijiet ser tinbidel mill-ESA għall-Kummissjoni, l-għarfien tekniku simili fir-rigward tal-industrija għandu jkun garantit fl-istess servizzi tal-Kummissjoni.
Il-qafas tal-programm li jmiss huwa ċar. Ser jiffoka bis-sħiħ fuq is-sehem tal-SMEs, li l-kreattività tagħhom għandha importanza kbira fil-fehma tal-KESE. F’dan il-kuntest, il-KESE jenfasizza żewġ punti:
6.5.5.1 Il-baġits tal-proġetti ta’ EUR 25 miljun jeħtieġu s-sehem ta’ kumpaniji akbar. L-ESA b’mod proattiv fittxet il-parteċipazzjoni tal-SMEs. Il-Kummissjoni trid tieħu l-istess attitudni.
6.5.5.2 L-SMEs għandhom jiġu mistiedna, b’mod ekwu, sabiex isiru kuntratturi prinċipali fi proġetti iżgħar.
6.5.6 Fis-sejħiet għall-offerti ta’ proġetti marbuta mal-allokazzjoni ta’ EUR 150 miljun għall-perijodu 2011–2013, il-Kummissjoni trid tifli d-distorsjonijiet possibbli mill-partijiet pubbliċi, li jistgħu jiġu aggravati mill-valutazzjonijiet tal-konsulenti. Fil-mument, ħafna drabi jkun hemm nuqqas ta’ ċarezza dwar ir-rwol tas-settur pubbliku bħal l-klijent prinċipali tas-servizzi.
6.5.7 Minħabba li l-GMES qed tippjana li toħloq industrija innovattiva tas-servizzi ġeoinformattivi, il-programm għandu jilħaq l-atturi kollha industrijali. Hemm it-tendenza sabiex ikunu involuti l-aktar l-industriji li diġà huma marbuta mas-settur spazjali. Madankollu, il-KESE jenfasizza li jekk il-GMES għandu jkollha futur sostenibbli, il-parteċipanti mill-industrija kollha tas-servizzi ġeoinformattivi, kemm dawk spazjali kif ukoll oħrajn li m’għandhomx x’jaqsmu mal-ispazju, iridu jiffurmaw parti minnha.
6.5.8 Il-KESE jaqbel bis-sħiħ mas-sostenn finanzjarju għall-proġetti tal-kumpaniji privati sabiex jikkumpensaw għall-falliment tas-suq f’dan is-settur strateġiku u b’potenzjal kbir.
6.5.9 Fil-preżent, l-attivitajiet spazjali huma kkonċentrati f’parti waħda tal-UE. Meta wieħed iqis il-kapaċitajiet attwali, għandu, u jista’ jkun inkoraġġit aktar żvilupp tas-settur downstream fl-Istati Membri ġodda.
6.5.10 Il-KESE iqis in-numru dejjem jonqos ta’ speċjalisti fil-qasam bħala kawża ta’ tħassib partikolari. It-tendenza attwali trid tinqaleb. It-tisħiħ tat-tagħlim u l-iskemi tat-taħriġ għall-klijenti pubbliċi prospettivi kif ukoll fis-settur downstream tal-hi-tech huma meħtieġa sabiex jippermettu lill-industrija li tieħu l-benefiċċji sħaħ mill-opportunitajiet.
6.6 Is-sigurtà
6.6.1 Meta wieħed iqis li l-ispazju ġie ttrattat separatament mill-ESA minħabba raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali, il-ftehim KE-ESA tal-2004 u r-riżoluzzjoni tal-Kunsill f’Mejju 2007 kienu jirrappreżentaw bidla direzzjonali kbira. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-attenzjoni li qed tingħata għall-użu tad-data u l-informazzjoni tal-GMES għas-sigurtà taċ-ċittadini kif ukoll il-politika tad-data li żgurat l-użu sikur ta’ data possibbilment sensittiva min-naħa tal-Kummissjoni, l-Aġenziji Ewropej u l-Istati Membri.
6.6.2 Il-KESE jilqa’ wkoll iż-żieda fil-koordinazzjoni bejn il-GMES u l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, li ser jiżguraw rabtiet bejn il-politika fil-qasam tad-data u tal-applikazzjonijiet tal-GMES minn naħa, u l-previżjonijiet tal-kapaċitajiet tas-sigurtà Ewropea u ħtiġijiet futuri relatati min-naħa l-oħra.
6.6.3 Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-approċċ mistenni tal-użu doppju (jew protezzjoni ċivili) li jgħaqqad flimkien l-użu xjentifiku u orjentat lejn is-sigurtà bħala pjan direzzjonali strateġiku għall-GMES. Approċċ bħal dan huwa rilevanti ħafna sabiex ikunu ffaċċjati l-isfidi immedjati, f’nofs it-terminu u fuq perijodu fit-tul billi jkunu mtejba l-kapaċitajiet f’oqsma bħas-sorveljanza marittima, il-monitoraġġ tat-territorju u tal-fruntieri, inkluż il-monitoraġġ (16) tal-organizzazzjoni tal-migrazzjoni illegali, tal-kuntrabandu u tal-kontroll tat-traffikar tad-droga u l-protezzjoni tal-infrastruttura kritika kif ukoll il-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-armi.
Brussell, 20 ta’ Jannar 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
(1) Pereżempju, is-servizzi spazjali ser jiżguraw aċċess aktar kmieni għall-informazzjoni rilevanti, u b’hekk jiġġeneraw aktar ħin għat-teħid tad-deċizjonijiet u għall-preparazzjoni tal-kontromiżuri. Barra minn hekk, ser jiffaċilitaw l-interpretazzjoni globali u reġjonali tal-avvenimenti u l-irregolaritajiet li jinqalgħu għal għarrieda.
(2) F’dan il-kuntest, ta’ min isemmi s-Sistema tas-Sistemi tal-Osservazzjoni Globali tad-Dinja, GEOSS. Permezz tal-GMES, l-Ewropa beħsiebha taqdi rwol importanti ħafna fil-GEOSS.
(3) ĠU C 162, 25.6.2008, p. 24.
(4) Diskors ta’ introduzzjoni tal-President tal-Kummissjoni fil-konferenza “L-ambizzjonijiet Ewropej fl-ispazju: opportunitajiet ġodda għall-intrapriżi Ewropej u s-soċjetà ċivili”, Brussell, 15 u 16 ta’ Ottubru 2009.
(5) Dawn l-ammonti huma b’żieda mal-EUR 1.4 biljun allokati fil-qafas tal-FP7 għall-proġetti spazjali.
(6) Ara Artikolu 3 tar-Regolament.
(7) Ara Artikolu 8 tar-Regolament.
(8) Ara wkoll Artikolu 4(3) tar-Regolament.
(9) Ara fost l-oħrajn “Socio-Economic Benefits Analysis of GMES” (l-analiżi tal-benefiċċji soċjoekonomiċi tal-GMES), PriceWaterhouseCooper, Ottubru 2006; “EU Space Policy and its potential for EU industrial sector competitiveness” (Il-politika spazjali tal-UE u l-potenzjal tagħha għall-kompetittività industrijali tal-UE, studju għall-Parlament Ewropew, 2007; u “Study on the competitiveness of the GMES downstream sector” (studju dwar il-kompetittività tas-settur downstream tal-GMES), Ecorys et al, Novembru 2008.
(10) Eżempji huma TERRAFIRMA, servizz ta’ informazzjoni dwar perikli minn ċaqliq terrestri, pereżempju f’żoni kostali u ta’ terremoti qawwija; PROMOTE, servizz dwar il-kwalità tal-arja; MY OCEAN, servizz dwar il-monitoraġġ u t-tbassir tal-oċejani; SAFER, servizz ta’ rispons f’każ ta’ emerġenza.
(11) Ara n-nota 4 f’qiegħ il-paġna.
(12) Ara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea dwar “Il-PDG u lil hinn – Inkejlu l-progress f’dinja li dejjem tinbidel”, COM(2009) 433 finali.
(13) Ara “Industry Information Day on the GMES Sentinel Data Policy” (ġurnata għall-informazzjoni dwar l-industrija dwar il-politika tad-data dwar is-sentinelli tal-GMES), Brussell, 11 ta’ Settembru 2009.
(14) Is-Sentinelli B qed jiġu żviluppati mill-ESA, iżda l-ispejjeż operattivi għandha tagħmel tajjeb għalihom il-Kummissjoni. Skont il-kalkolu tal-EADS, dan jammonta għal EUR 165 miljun.
(15) Ara l-istudji msemmija fin-nota 9 f’qiegħ il-paġna għal analiżi sħiħa u fid-dettall.
(16) B’kooperazzjoni mill-qrib mal-Frontex, l-aġenzija tal-UE għas-sorveljanza terrestri tal-fruntieri.