This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52010AE0637
Opinion of the European Economic and Social Committee on the ‘Proposal for a Decision of the European Parliament and of the Council on the participation by the Community in a Joint Baltic Sea Research and Development Programme (BONUS-169) undertaken by several Member States’ COM(2009) 610 final — 2009/0169 (COD)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali dwar il- “Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-parteċipazzjoni tal-Komunità fil-Programm ta’ Riċerka u Żvilupp Konġunt tal-Baħar Baltiku (BONUS-169) li huma impenjati fih diversi Stati Membri” COM(2009) 610 finali – 2009/0169 (COD)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali dwar il- “Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-parteċipazzjoni tal-Komunità fil-Programm ta’ Riċerka u Żvilupp Konġunt tal-Baħar Baltiku (BONUS-169) li huma impenjati fih diversi Stati Membri” COM(2009) 610 finali – 2009/0169 (COD)
ĠU C 18, 19.1.2011, p. 109–113
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
19.1.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 18/109 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali dwar il- “Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-parteċipazzjoni tal-Komunità fil-Programm ta’ Riċerka u Żvilupp Konġunt tal-Baħar Baltiku (BONUS-169) li huma impenjati fih diversi Stati Membri”
COM(2009) 610 finali – 2009/0169 (COD)
2011/C 18/20
Relatur ġenerali: is-Sur RETUREAU
Nhar it-12 ta’ Novembru 2009, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikoli 169 u 172(2) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-parteċipazzjoni tal-Komunità fil-Programm ta’ Riċerka u Żvilupp Konġunt tal-Baħar Baltiku (BONUS-169) li huma impenjati fih diversi Stati Membri
COM(2009) 610 finali – 2009/0169 (COD).
Nhar il-15 ta’ Diċembru 2009, il-Bureau tal-Kumitat inkariga lis-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar dan is-suġġett.
Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 57 tar-regoli ta’ proċedura, matul l-462 Sessjoni Plenarja tiegħu tat-28 u d-29 ta’ April 2010 (seduta tad-29 ta’ April) li jaħtar lis-Sur RETUREAU bħala relatur ġenerali u adotta din l-opinjoni b’140 vot favur, 4 voti kontra u 3 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 Il-Baħar Baltiku jgħaqqad flimkien żewġ sfidi kbar: minn naħa jintlaqat mill-fenomeni tat-tisħin tal-klima u t-tniġġis mill-attivitajiet tal-bniedem u min-naħa l-oħra huwa żona strateġika ta’ attivitajiet ekonomiċi u soċjali minħabba l-karatteristiċi u l-għadd ta’ impjiegi li jiddependu fuqu. Il-ħarsien tiegħu huwa kruċjali għall-ġenerazzjonijiet tal-lum u t’għada u t-tmexxija tiegħu għandha ssir b’mod konġunt mal-Istati u l-popli li jaqsmu l-fruntieri.
1.2 Iżda mhuwiex ċar jekk l-imsieħba soċjali nazzjonali u Ewropej ta’ dawn l-atturi ser ikunu integrati sew fil-proċeduri ta’ konsultazzjoni tal-atturi mill-konsultazzjoni tal-konsorzju tal-Bonus. Il-Kumitat jisħaq li dan għandu jiġi ċċarat sew.
1.3 Jeħtieġ li s-sistema li tmexxi dawn il-pjattaformi ta’ konsultazzjoni u l-Forum ta’ riċerka settorjali tinkludi l-atturi tas-soċjetà ċivili u b’mod partikolari l-imsieħba soċjali Ewropej u nazzjonali konċernati u li l-proġetti tar-Riċerka, l-Iżvilupp u d-Dimostrazzjoni tal-programm BONUS-169 jimmobilizzaw ir-riċerkaturi tax-xjenzi soċjali li jwettqu riċerka li tintegra l-atturi involuti fil-proċess tal-ippjanar tal-impjiegi u l-kompetenzi fis-setturi relatati mal-programm.
1.4 L-SIŻS (studji tal-impatt – żvilupp sostenibbli) jistgħu jservu bħala strument utli u effiċjenti fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-għażla u l-implimentazzjoni tal-proġetti ta’ riċerka, żvilupp u dimostrazzjoni li jittieħdu fil-qafas tal-programm BONUS-169, li jistgħu jqisu t-tliet dimensjonijiet tal-iżvilupp sostenibbli bil-parteċipazzjoni ta’ kampjun sinifikanti ta’ atturi mis-soċjetà ċivili li jkunu kapaċi jiffaċċjaw l-isfidi marbuta ma’ dawn it-tliet dimensjonijiet.
1.5 Madankollu, huwa ċar li l-valutazzjoni tal-impatt li twettqet fil-qafas tal-programm Bonus-169 għandha ħafna nuqqasijiet, partikolarment fir-rigward tad-dimensjoni soċjali u tal-impjiegi, aktar u aktar billi l-atturi tas-soċjetà ċivili (u speċjalment l-organizzazzjonijiet tat-trejdjunjins u l-imsieħba soċjali Ewropej) ma ħadux sehem fit-tfassil tal-programm.
1.6 Il-parteċipazzjoni tal-atturi tas-soċjetà ċivili tista’ tiġi organizzata permezz ta’ mill-inqas żewġ tipi ta’ azzjoni:
a) |
bit-titjib fit-tixrid tal-informazzjoni, il-ġbir tal-informazzjoni u l-ipproċessar tal-kontributi tal-atturi tas-soċjetà ċivili tal-pajjiżi konċernati mill-programm Bonus-169 kif ukoll il-mekkaniżmi tal-feedback. Għal dan il-għan għandha tiġi ggarantita t-trasparenza rigward ir-rikonoxximent u l-użu tal-kontributi tal-atturi kollha konċernati tas-soċjetà ċivili, inklużi l-imsieħba soċjali Ewropej, u għandha titfassal sistema ta’ feedback adatta; |
b) |
bl-integrazzjoni tal-kontenut tal-kwistjonijiet li jitqajmu mill-atturi konċernati tas-soċjetà ċivili, inklużi l-imsieħba soċjali Ewropej, fid-dibattiti u l-analiżijiet. L-isfida tkun li jiġi propost proċess li jkollu impatt tanġibbli fuq it-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-programm Bonus-169 filwaqt li jitqiesu t-tliet dimensjonijiet tal-iżvilupp sostenibbli (l-ambjent, is-soċjetà u l-ekonomija). |
1.7 Il-Kumitat mill-ġdid jappoġġja l-programm u l-mod kif se jiġi ffinanzjat, b’mezzi ġodda u dedikati għall-BONUS-169, u mhux biss bil-mezzi eżistenti, sakemm ma jkunux strumenti ta’ riċerka partikolarment adatti għall-għanijiet mixtieqa li jkunu allokati b’mod sħiħ għal perijodu fiss u b’baġit limitat.
1.8 Ir-riċerka fil-Baħar Baltiku hija ġġustifikata mill-fatt li dan il-baħar għandu fruntiera ma’ għadd kbir ta’ Stati Membri milquta mit-tniġġis qawwi li akkumula tul l-era industrijali u li għadu għaddej illum. Dan wassal biex isir waħda mill-iktar żoni akkwatiċi mniġġsa fid-dinja, sal-punt li qed jiġu mhedda għadd ta’ attivitajiet industrijali u artiġjanali billi l-maġġoranza tal-popolazzjoni u l-attivitajiet jinsabu mal-kosta. Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-pajjiżi konċernati kollha, anki l-Federazzjoni Russa jekk ikun hemm bżonn, għandhom ikunu involuti fir-riċerka u jagħtu l-kontribut tagħhom skont iċ-ċirkostanzi tagħhom u fid-dawl tas-sitwazzjoni reali fil-pajjiżi b’popolazzjoni baxxa u l-pajjiżi terzi.
2. Il-proposti tal-Kummissjoni
2.1 Is-seba’ programm qafas tal-Komunità Ewropea tal-20 ta’ Diċembru 2006 għall-attivitajiet tar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u d-dimostrazzjoni jistabbilixxi l-linji gwida reġjonali għall-2007-2013 fuq erba’ attivitajiet importanti: “Kooperazzjoni”, “Ideat”, “Nies” u “Kapaċitajiet”.
2.2 Id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Ottubru 2009 dwar il-parteċipazzjoni tal-Komunità fil-Programm ta’ Riċerka u Żvilupp Konġunt tal-Baħar Baltiku (BONUS-169) li huma impenjati fih diversi Stati Membri tapplika dan il-qafas għall-problemi tal-Baħar Baltiku u tistabbilixxi l-objettivi u l-mezzi ta’ finanzjament għall-implimentazzjoni tal-programm.
2.3 Sabiex jinkisbu l-għanijiet tiegħu, il-BONUS-169 qed jiġi implimentat f’żewġ fażijiet distinti:
a) |
fażi strateġika inizjali ta’ sentejn, li matulha ser jinħolqu pjattaformi ta’ konsultazzjoni adatti għall-parteċipazzjoni attiva tal-atturi, ser titfassal aġenda strateġika ta’ riċerka, u ser jiġu żviluppati l-modalitajiet preċiżi tal-implimentazzjoni; |
b) |
fażi ta’ implimentazzjoni ta’ mill-inqas 5 snin, li matulha ser jitnedew mill-inqas tliet sejħiet għal proposti konġunti għall-finanzjament tal-programm BONUS-169 li mil-lat strateġiku huma mmirati skont l-għanijiet tal-programm. |
2.4 Is-suġġetti ser jinsiltu mill-aġenda strateġika ta’ riċerka BONUS-169, ser jirrispettaw kemm jista’ jkun il-pjan ta’ direzzjoni stabbilit minn qabel u ser jinkludu attivitajiet ta’ riċerka, żvilupp teknoloġiku, taħriġ u/jew tixrid.
2.5 Waħda mill-ewwel fażijiet tal-programm BONUS-169 kienet il-konsultazzjoni wiesgħa tal-pubbliku. Tnediet paġna tal-Internet, saru valutazzjonijiet tal-impatt, u ġew ikkonsultati għadd ta’ NGOs. Dawn il-konsultazzjonijiet kienu neċessarji u għandhom jitkomplew waqt l-implimentazzjoni tal-programm. L-atturi tas-soċjetà ċivili li ssemmew hawn fuq għandhom jieħdu sehem fil-monitoraġġ tal-amministrazzjoni tal-fondi u tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-programm sabiex ikunu verament implimentati bil-għan li jsir investiment akbar u aħjar “fl-għarfien għat-tkabbir u x-xogħol” (1) skont ir-rakkomandazzjoni tal-Istrateġija riveduta ta’ Lisbona. L-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Ottubru 2009 jispeċifika li l-EEIG BONUS, li jamministra l-BONUS-169, għandu jirrapporta lill-Kummissjoni f’isem il-Komunità. Skont l-Artikolu 13, il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-konklużjonijiet tal-valutazzjoni tal-attivitajiet tal-intrapriżi fil-qafas tal-BONUS-169 lill-Parlament u lill-Kunsill. B’hekk il-KESE m’għandu l-ebda mezz ta’ kontroll a posteriori u m’għandu l-ebda mezz biex jesprimi l-fehmiet tiegħu dwar l-iżvilupp tal-programm tal-BONUS-169.
2.6 L-Anness 1, punt 1 tad-Deċiżjoni jistabbilixxi l-objettivi tal-BONUS-169. Minkejja li l-punt d) ifakkar fl-istabbiliment ta’ “Pjattaformi ta’ Konsultazzjoni mal-Partijiet Interessati xierqa inkluża r-rappreżentazzjoni mis-setturi kollha rilevanti”, l-ebda objettiv ma jsemmi l-objettivi soċjoekonomiċi tal-programm, u lanqas l-importanza tiegħu għall-iżvilupp tal-impjiegi madwar il-Baħar Baltiku.
2.7 L-Anness 2 huwa essenzjali għaliex jistabbilixxi l-korpi li jmexxu l-programm tal-BONUS-169. Il-punt 4 joħloq kumitat konsultattiv magħmul minn xjentisti b’reputazzjoni internazzjonali u rappreżentanti tas-setturi tal-partijiet konċernati u tas-soċjetà ċivili li jkollhom interess f’dawn is-setturi. Huwa f’dan il-qafas li r-rappreżentanti tal-impjegati u min iħaddem, l-NGOs u l-assoċjazzjonijiet ser ikollhom id-dritt li josservaw, jissorveljaw u jressqu proposti dwar il-programm tal-BONUS-169.
2.8 Il-programm huwa wieħed fit-tul, u jista’ jdum għaddej sakemm jiġu implimentati miżuri konġunti.
2.9 It-tnax-il punt tad-Deċiżjoni jindika li l-programm BONUS-169 “tmiss numru ta’ programmi ta’ riċerka tal-Komunità rilevanti fuq firxa ta’ attivitajiet tal-bniedem li għandhom impatti akkumulattivi fuq l-ekosistema bħas-sajd, l-akkwakultura, l-agrikoltura, l-infrastruttura, it-trasport, it-taħriġ u l-mobilità tar-riċerkaturi kif ukoll kwistjonijiet soċjoekonomiċi.”
2.10 L-istabbiliment tal-programm f’żewġ fażijiet għandu jippermetti “l-użu effettiv u assorbiment tar-riżultati għall-arranġamenti tal-politika u l-ġestjoni tar-riżorsi fuq serje wiesgħa ta’ setturi ekonomiċi”.
2.11 Bl-istess mod, il-valutazzjoni tal-impatt tirreferi għall-involviment ekonomiku u soċjali fl-analiżi tal-impatti ekonomiċi, ambjentali u soċjali li jistgħu jinħolqu (punt 5, li huwa partikolarment ġeneriku dwar l-aspetti soċjali u ambjentali). Ċerti għażliet jippermettu l-għajnuna lil setturi ekonomiċi oħra bħall-infrastruttura marittima, il-minjieri, il-parks tal-imtieħen tar-riħ, it-trasport, is-sajd, iż-żejt, il-gass u l-kumpaniji tat-telekomunikazzjoni biex jadottaw operati bbażati fuq ekosistema, li jikkawżaw inqas ħsara lill-ambjent. Dan il-punt tal-analiżi għadu mhux suffiċjenti għalkollox (mhux żviluppat biżżejjed), iżda juri b’mod ċar l-orjentazzjoni ġenerali li fuqha ser tkun ibbażata l-fażi strateġika tal-programm.
2.12 It-tliet proġetti li ser jintgħażlu u jiġu implimentati mill-EEIG BONUS żgur għandhom jikkunsidraw l-isfidi soċjoumani tat-tibdil fil-klima għaż-żoni kostali tal-Baħar Baltiku. Fil-fatt, it-tibdil fil-klima jista’ jwassal biex in-nies jimxu minn post għal ieħor b’konsegwenzi soċjali u impatti fuq l-impjieg li għandhom jiġu antiċipati, bħalma jfakkar il-KESE fl-abbozz ta’ opinjoni dwar “L-iżvilupp sostenibbli taż-żoni tal-kosta”tat-13 ta’ Ottubru 2009. Jista’ jagħti l-każ li l-leġislazzjoni dwar ix-xogħol ta’ ċerti setturi ta’ attività bħas-sajd u t-trasport marittimu tevolvi. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tikkunsidra dawn il-fatturi u tipprevedi taqsima għat-taħriġ u t-taħriġ mill-ġdid fil-valutazzjoni u l-gwida tal-proġetti, bl-għajnuna tas-soċjetà ċivili u tal-KESE.
2.13 L-UE ser tittratta direttament l-EEIG BONUS, Netwerk ta’ Organizzazzjonijiet Baltiċi għall-Finanzjament tax-Xjenza, stabbilit f’Ħelsinki, il-Finlandja, li huwa l-istruttura ta’ implimentazzjoni speċifika tal-programm BONUS-169 u li ser tkun inkarigata mit-tqassim, l-amministrazzjoni, il-monitoraġġ u r-rappurtar dwar l-użu tal-kontribut Komunitarju u tal-kontributi fi flus kontanti tal-Istati Membri.
2.14 Il-programm BONUS-169 huwa amministrat mis-segretarjat tal-EEIG BONUS. L-EEIG BONUS għandu jistabbilixxi l-istrutturi li ġejjin għall-finijiet tal-programm: kumitat ta’ tmexxija, segretarjat, kumitat konsultattiv, forum għar-riċerka settorjali u forum għall-koordinaturi tal-proġett.
2.14.1 Il-kumitat konsultattiv jgħin lill-kumitat ta’ tmexxija u lis-segretarjat. Huwa ser ikun magħmul minn xjentisti b’reputazzjoni internazzjonali, rappreżentanti tal-partijiet konċernati, inklużi s-setturi tat-turiżmu, tal-enerġiji rinnovabbli, tas-sajd u l-akkwakultura, tat-trasport marittimu, tal-bijoteknoloġiji u tal-provvedituri tat-teknoloġija kif ukoll tal-organizzazzjonijiet industrijali u tas-soċjetà ċivili li jkollhom interess f’dawn is-setturi, u fl-aħħar nett programmi oħra ta’ riċerka integrati fir-reġjun Baltiku jew f’reġjuni marittimi Ewropej oħra.
2.14.2 Huwa jipprovdi parir, gwida u rakkomandazzjonijiet rigward il-kwistjonijiet xjentifiċi u kwistjonijiet relatati mal-politika tal-programm tal-BONUS-169. Dawn il-pariri jistgħu jirrigwardaw l-objettivi, il-prijoritajiet u l-għanijiet tal-programm BONUS-169, il-mezzi kif jistgħu jittejbu l-prestazzjonijiet tal-programm u l-kwalità tar-riżultati li jinkisbu mir-riċerka, it-tisħiħ tal-kapaċitajiet, in-netwerking u r-rilevanza tal-ħidma biex jitwettqu l-objettivi tal-BONUS-169. Huwa ser jassisti wkoll fl-użu u t-tixrid tar-riżultati tal-BONUS-169.
2.14.3 Barra minn hekk, il-kumitat konsultattiv tal-BONUS, li jiġbor fih firxa ta’ atturi bħall-kummissjoni ta’ Ħelsinki, l-ICES, id-DĠ MARE, id-WWF u l-Assoċjazzjoni tal-Bdiewa Finlandiżi, kellu rwol ċentrali wkoll fit-tħejjija tal-pjan xjentifiku u tal-istrateġija tal-implimentazzjoni tal-BONUS-169.
2.15 L-abbozz rivedut tal-aġenda tar-riċerka tal-BONUS-169, li tressaq lid-DĠ RTD f’Ġunju 2009, huwa bbażat l-aktar fuq il-ħidma u l-konsultazzjoni li twettqu għall-programm BONUS-169 oriġinali.
2.16 Huwa previst li matul il-fażi strateġika tal-programm issir sensiela sħiħa ta’ konsultazzjonijiet fuq bażi strateġika mal-atturi ta’ setturi konċernati oħra, bħall-agrikoltura, is-sajd, l-akkwakultura, it-trasport u l-ġestjoni tal-ilma.
2.17 Il-pjattaformi tal-konsultazzjoni tal-partijiet interessati.
2.17.1 Fuq il-bażi ta’ analiżi fil-fond tal-partijiet interessati tal-programm tal-BONUS-169 fil-livell lokali, nazzjonali, reġjonali u Ewropew, ser jitwaqqfu pjattformi u mekkaniżmi ta’ konsultazzjoni sabiex tissaħħaħ u tiġi istituzzjonalizzata l-parteċipazzjoni tal-atturi konċernati fis-setturi kollha għall-identifikazzjoni ta’ lakuni kruċjali, l-għażla tas-suġġetti prijoritarji ta’ riċerka u t-titjib tal-użu tar-riżultati tar-riċerka. Dawn il-mekkaniżmi ser jinkludu l-parteċipazzjoni ta’ riċerkaturi, inklużi dawk tax-xjenzi naturali f’oqsma oħra minbarra l-baħar kif ukoll riċerkaturi u xjentisti soċjali u ekonomiċi, sabiex tiġi ggarantita l-multidixxiplinarità meħtieġa għat-tfassil tal-aġenda ta’ riċerka strateġika, il-viżjoni relatata u l-prijoritajiet tar-riċerka.
2.17.2 Ser jitwaqqaf forum permanenti għar-riċerka settorjali (li jinkludi r-rappreżentanti tal-ministeri u atturi oħra involuti fir-riċerka u l-governanza fir-reġjun Baltiku) li se jkun inkarigat mill-analiżi tal-ippjanar tal-programm, ir-riżultati tiegħu u l-ħtiġijiet ġodda fir-riċerka mil-lat tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Dan il-forum ser jippromovi l-progress tal-integrazzjoni pan-Baltika tar-riċerka, inkluż l-użu u l-ippjanar konġunti tal-infrastruttura; huwa ser jikkontribwixxi wkoll biex jiġu enfasizzati l-ħtiġijiet tar-riċerka, ser jippromovi l-applikazzjoni tar-riżultati tar-riċerki u ser jiffaċilita l-integrazzjoni tal-finanzjamenti.
2.18 L-isfidi tal-istudji tal-impatt fuq l-iżvilupp sostenibbli.
2.18.1 |
L-istudji tal-impatt fuq l-iżvilupp sostenibbli (SIŻS, jew SIA bl-Ingliż), huma strument politiku fundamentali biex jitkejlu l-konsegwenzi tal-politiki u l-miżuri fuq it-tliet pilastri tal-iżvilupp sostenibbli (l-ekonomija, is-soċjetà u l-ambjent). |
2.18.2 |
Is-SIŻS saru u ntużaw mill-Kummissjoni Ewropea, l-iktar fil-qafas tan-negozjati tal-ftehimiet kummerċjali (iżda wkoll b’mod inqas formali fil-kuntest tan-negozjati qabel l-adozzjoni tar-regolament Ewropew REACH u d-direttivi tal-Pakkett Ewropew dwar l-enerġija u l-klima), u jirrappreżentaw sfida sostanzjali għall-konsultazzjoni u l-kunsiderazzjoni tal-pożizzjonijiet u t-talbiet tal-atturi tas-soċjetà ċivili. |
2.18.3 |
Ġew stabbiliti sensiela ta’ indikaturi bħala appoġġ għall-SIŻS:
|
2.18.4 |
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea (2) dwar l-SIŻS daħħlet qafas sħiħ għall-istudji tal-impatt f’kull qasam ta’ azzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, fosthom in-negozjati u l-ftehimiet kummerċjali. F’Marzu 2006, id-DĠ Kummerċ Barrani ħareġ gwida metodoloġika li tifformalizza l-SIŻS tan-negozjati u l-implimentazzjoni tal-ftehimiet kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi terzi. |
2.18.5 |
Dawn l-SIŻS jistgħu jintużaw f’approċċ konsultattiv mal-atturi sinifikanti u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili. |
3. Kummenti ġenerali
3.1 Fl-2009, il-KESE kien tal-fehma li l-arranġamenti amministrattivi previsti kellhom jiġu ssemplifikati. Fl-opinjoni esploratorja tiegħu dwar “Il-kooperazzjoni makroreġjonali – L-applikazzjoni tal-Istrateġija tal-Baħar Baltiku għal makroreġjuni oħra fl-Ewropa” (3) huwa ppropona wkoll li jiġi stabbilit Forum konsultattiv għas-soċjetà ċivili tal-Baħar Baltiku sabiex jiġi ffaċilitat id-dibattitu pubbliku u s-sensibilizzazzjoni tal-opinjoni rigward l-implimentazzjoni tal-istrateġija.
3.2 Fi proċess ta’ governanza globali makroreġjonali, huwa essenzjali li ssir komunikazzjoni dwar il-proġetti u li jsiru studji tal-impatt tal-proġetti fuq il-popolazzjonijiet u l-impjiegi. Jeħtieġ li jiġu involuti u li jinħolqu netwerks transkonfinali bejn l-organizzazzjonijiet li jagħmlu parti mill-istess grupp (sister organisations) fid-diversi Stati bħat-trejdjunjins, l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi u l-organizzazzjonijiet lokali u volontarji, sabiex tinħoloq soċjetà ċivili li tifhem il-problemi soċjoekonomiċi relatati mal-Baħar Baltiku. Il-popolazzjoni u l-impjegati għandhom ikunu dawk li jibbenefikaw minn frott il-proġetti tar-riċerka. Jeħtieġ li jiġu antiċipati l-bżonnijiet tal-iżvilupp mil-lat tat-taħriġ, inklużi l-iżviluppi li ser jesperjenza r-reġjun fil-futur qarib, konsegwenzi tal-istat attwali tar-riżorsi u tat-tisħin globali.
3.3 Il-punt 2.2.2 tal-Komunikazzjoni, dedikat għall-partijiet interessati, ma jispeċifikax in-natura ta’ dawn il-partijiet interessati, ħlief l-enfasi fuq il-parteċipazzjoni tar-riċerkaturi. Dan il-punt għandu jsemmi l-importanza tas-soċjetà ċivili fil-ħolqien ta’ dawn il-pjattaformi tal-atturi, inkluż ir-rwol utli tal-imsieħba soċjali Ewropej tal-KESE kif ukoll il-Kumitati tad-djalogu soċjali settorjali Ewropej konċernati mill-programm BONUS-169.
3.4 Ir-rwol siewi tal-imsieħba soċjali Ewropej għandu jiġi rikonoxxut fis-sistema tat-tmexxija tal-programm BONUS-169.
3.5 Sabiex isir l-aħjar użu possibbli mir-rwol tal-imsieħba soċjali u ċivili, ikun utli li jiġi previst taħriġ għar-rappreżentanti tagħhom fil-ħidma tal-pjattformi għall-konsultazzjoni, li jkun imniżżel f’linja baġitarja.
4. Kummenti oħra
4.1 Dan huwa programm li tfassal sabiex jippromovi r-riċerka dwar it-tnaqqis tat-tniġġis fil-Baħar Baltiku u l-koordinazzjoni internazzjonali tar-riċerkaturi.
4.2 B’hekk jidher ċar biżżejjed li dan il-programm ta’ riċerka għandu implikazzjonijiet diretti ħafna:
— |
għan-nisġa ekonomika u industrijali tal-baċin, |
— |
għall-iżviluppi settorjali (intrasettorjali u intersettorjali), |
— |
għat-tipi ta’ impjieg, u l-ħiliet neċessarji, fejn eventwalment jista’ jkun li ċerti impjegati jkollhom jibdlu l-mestier jew li jsiru bidliet profondi fil-mestieri. |
4.3 Il-KESE jirrakkomanda l-proposti li ġejjin, li għandhom żewġ objettivi:
— |
li l-programm BONUS-169 iqis l-impatti soċjali, u l-impatt fuq il-professjonijiet, il-ħtiġijiet ta’ ħiliet ġodda u l-fatt li xi ħiliet li qed jintużaw bħalissa ma jibqgħux meħtieġa; u jekk jista’ jkun, li dawn l-impatti jkunu antiċipati (previżjoni, u azzjonijiet biex ċerti popolazzjonijiet jerġgħu jintużaw f’mestieri ġodda); |
— |
li l-miżuri għall-promozzjonijiet tal-effetti pożittivi u l-mitigazzjoni tal-effetti negattivi jiġu stabbiliti flimkien mar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili. |
4.4 Sabiex jintlaħqu dawn iż-żewġ objettivi msemmija hawn fuq, il-proposta ser tħaddan żewġ aspetti:
a. |
li r-rappreżentanti ekonomiċi u soċjali jiġu integrati b’mod sħiħ; |
b. |
li l-valutazzjoni tal-impatt ma ssirx fuq il-mudell tal-valutazzjoni tal-impatti interni fil-Kummissjoni, iżda fuq il-mudell tal-EEIG (b’xi titjib ukoll). |
4.4.1
— |
li jiġu integrati l-imsieħba soċjali Ewropej u nazzjonali tal-pajjiżi parteċipanti fil-forum għar-riċerka settorjali, kif intqal aktar ’il fuq; |
— |
iżda wkoll li jiddaħħlu ċerti kjarifiki dwar il-mekkaniżmi tal-konsultazzjoni tal-pjattaforma ta’ konsultazzjoni tal-partijiet interessati: jekk din hija sempliċement kuntatt bl-internet, informazzjoni regolari, mhi ser tiswa għal xejn:
|
4.4.2
— |
jissuġġerixxi li l-istudju tal-impatt ikun tassew studju tal-impatt fuq l-iżvilupp sostenibbli, u li jintegra l-elementi soċjali, ekonomiċi u ambjentali; |
— |
b’mod partikolari, m’għandhiex tintesa l-integrazzjoni tal-elementi assoċjati mal-aġġustamenti ekonomiċi u industrijali, bħat-transizzjonijiet fl-impjiegi; pereżempju, l-istudju jista’ jinkorpora elementi bħal:
|
— |
Dawn l-elementi jagħmlu parti mit-tħejjija ta’ ġestjoni reġjonali tal-ippjanar tal-impjiegi u l-ħiliet (4) u ma jistgħux jinħolqu f’iżolament fost ir-riċerkaturi. |
Brussell, 29 ta’ April 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
(1) COM(2009) 610 finali, punt. 1.4.
(2) COM(2002) 276 finali.
(3) ĠU C 318, 23.12.2009, p. 6.
(4) Il-ġestjoni tal-ippjanar tal-ħiliet u l-impjiegi tippermetti antiċipazzjoni aħjar tal-adattament tal-ħiliet għall-impjiegi, għarfien aħjar dwar il-konsegwenzi tal-bidliet teknoloġiċi u ekonomiċi, sintesi aħjar tal-fatturi li jirfdu l-kompetittività, organizzazzjoni bbażata fuq il-kwalifiki u l-iżvilupp tal-ħiliet tal-ħaddiema, ġestjoni aħjar tal-karrieri, tnaqqis fir-riskji u l-ispejjeż marbuta mal-iżbilanċji, selezzjoni u programmar aħjar tal-miżuri għall-aġġustament meħtieġ (sors: www.wikipedia.org).