This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52010IP0315
Kenya: failure to arrest President Omar al-Bashir of Sudan European Parliament resolution of 9 September 2010 on Kenya: failure to arrest President Omar al-Bashir
Kenja: In-nuqqas ta’ arrest tal-President tas-Sudan Omar al-Bashir Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad- 9 ta’ Settembru 2010 dwar il-Kenja: in-nuqqas li jiġi arrestat il-President Omar al-Bashir
Kenja: In-nuqqas ta’ arrest tal-President tas-Sudan Omar al-Bashir Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad- 9 ta’ Settembru 2010 dwar il-Kenja: in-nuqqas li jiġi arrestat il-President Omar al-Bashir
ĠU C 308E, 20.10.2011, p. 83–85
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
20.10.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CE 308/83 |
Il-Ħamis 9 ta’ Settembru 2010
Kenja: In-nuqqas ta’ arrest tal-President tas-Sudan Omar al-Bashir
P7_TA(2010)0315
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Settembru 2010 dwar il-Kenja: in-nuqqas li jiġi arrestat il-President Omar al-Bashir
2011/C 308 E/15
Il-Parlament Ewropew,
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-kriżi tad-Darfur fis-Sudan,
wara li kkunsidra l-mandati ta’ arrest tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) kontra l-President Sudaniż Omar al-Bashir għal reati kontra l-umanità u l-ġenoċidju,
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 1593/2005 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (NU),
wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tar-Rappreżentant Għoli tal-UE tat-22 ta’ Lulju 2010 u l-20 ta’ Awwissu 2010 li jħeġġu liċ-Ċad u lill-Kenja, rispettivament, biex jikkooperaw mal-QKI,
wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru ICC-02/05-01/09 tal-Kamra Preliminari tal-QKI tas-27 ta’ Awwissu 2010 biex tinforma lill-KSNU u lill-Assemblea tal-Istati Partijiet għall-Istatut ta’ Ruma dwar il-preżenza ta’ Omar al-Bashir fit-territorju tar-Repubblika tal-Kenja,
wara li kkunsidra l-Istatut ta’ Ruma,
wara li kkunsidra d-diversi ftehimiet ta’ sħubija, bħall-Ftehim ta’ Cotonou bejn l-UE u l-Istati Afrikani, li jistipulaw li l-kummerċ u l-għajnuna huma soġġetti għal kundizzjonijiet li jiffurmaw parti mill-istat tad-dritt,
wara li kkunsidra l-Artikolu 4 tal-Att Kostituttiv tal-Unjoni Afrikana, li jirrifjuta l-impunità,
wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. |
billi l-Gvern tal-Kenja stieden u laqa’ lill-President Omar al-Bashir tas-Sudan biex jattendi ċ-ċerimonja fis-27 ta’ Awwissu 2010 fejn ġiet promulgata l-Kostituzzjoni tal-Kenja, meta kien konxju li kien ġie akkużat mill-QKI, |
B. |
billi fl-4 ta’ Marzu 2009 l-QKI ħarġet mandat ta’ arrest internazzjonali għall-President al-Bashir għal reati kontra l-umanità (il-qtil, il-qerda, id-deportazzjoni, it-tortura u l-istupru) u reati tal-gwerra (l-ippjanar ta’ attakki fuq persuni ċivili u serq), u l-President al-Bashir huwa soġġett ukoll għal ordni tat-12 ta’ Lulju 2010 li takkużah għal “ġenoċidju permezz tal-qtil, il-ġenoċidju permezz ta’ ħsara fiżika u mentali gravi u ġenoċidju permezz tal-impożizzjoni intenzjonat fuq kull grupp fil-mira, ta’ kundizzjonijiet tal-ħajja kkalkulati biex jinqered l-aspett fiżiku tal-grupp”, |
C. |
billi l-Kenja, kif ukoll 31 pajjiż Afrikan ieħor, huma firmatarji tal-Istatut ta’ Ruma, li jimponi l-obbligu fuqhom biex jarrestaw kull persuna li tkun mfittxija mill-QKI u biex itellgħuha l-Qorti jew jirrifjutaw aċċess għat-territorju tagħhom għall-persuna, |
D. |
billi l-pajjiżi li rratifikaw il-Konvenzjoni għall-Ġenoċidju tan-NU tal-1948 għandhom l-obbligu li jikkooperaw mal-QKI, anki jekk mhumiex firmatarji tal-Istatut ta’ Ruma, |
E. |
billi s-Sudan, Stat Membru tan-Nazzjonijiet Uniti, b'mod persistenti rrifjuta li jikkoopera mal-QKI, biex b'hekk miljuni ta’ vittmi ta’ atroċitajiet tal-gwerra fis-Sudan ġew imċaħħda mill-verità u l-ġustizzja, u partikolarment fir-reġjun Darfur, |
F. |
billi l-Prim Ministru tal-Kenja kien ammetta li l-fatt li stieden lill-President al-Bashir kien żball u li n-nuqqas tal-awtoritajiet tal-Kenja biex jarrestawh jikkostitwixxi ksur serju tal-obbligi internazzjonali tal-Kenja mhux biss skont l-Istatut ta’ Ruma iżda wkoll skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha, inkluż il-Kostituzzjoni l-ġdida, li tagħraf l-applikabilità diretta tal-liġi internazzjonali, |
G. |
billi Kofi Annan, l-ex Segretarju Ġenerali tan-NU u l-medjatur attwali fil-kriżi tal-Kenja, talab li l-Kenja tagħmel il-pożizzjoni ċara dwar l-QKI u tafferma mill-ġdid l-impenn tagħha lill-QKI, |
H. |
billi l-Kenja għandha l-obbligu ċar li tikkoopera mal-QKI rigward l-infurzar ta’ mandati ta’ arrest bħal dawn, skont ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1593, li permezz tagħha l-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jħeġġeġ lill-Istati kollha u l-organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali l-oħra biex jikkooperaw bi sħiħ mal-QKI, kif ukoll skont l-Artikolu 87 tal-Istatut tal-Qorti, għal liema r-Repubblika tal-Kenja hija Stat Parti, |
I. |
billi l-President al-Bashir żar iċ-Ċad, li wkoll huwa firmatarju għat-Trattat li jistabbilixxi l-QKI, minkejja li ma jikkonformax mal-obbligi tiegħu, |
J. |
billi, minn mindu ġie akkużat, il-President tas-Sudan żar ukoll l-Eġittu, il-Libja, l-Arabja Sawdija, l-Eritrea, il-Qatar, iż-Żimbabwe u l-Etjopja, |
K. |
billi f'Lulju 2009 l-Unjoni Afrikana saħansitra ħabbret li l-Istati Membri tagħha ser jirrifjutaw li jikkooperaw, kif meħtieġ skont l-Artikolu 98 tal-Istatut u billi tenniet din il-pożizzjoni wara l-akkuż ta’ Omar al-Bashir għal ġenoċidju, u sussegwentement, permezz ta’ riżoluzzjoni adottat b'kunsens fis-27 ta’ Lulju 2010 fis-Samit ta’ Kampala tagħha, talbet lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex jissospendi l-prosekuzzjoni tal-President tas-Sudan skont l-Artikolu 16 tal-Istatut, |
L. |
billi jiddispjaċih dwar ir-rifjut tal-Unjoni Afrikana biex ikun permess it-twaqqif ta’ uffiċċju tal-QKI fl-UA kif ukoll t-theddida tagħha li tikkastiga lil dawk l-Istati Afrikani li ma jirrispettawx id-deċiżjoni tal-UA, |
M. |
billi l-ġenoċidju, reati kontra l-umanità u reati tal-gwerra għandhom jiġu kkastigati u billi t-trattament tal-każ tal-President al-Bashir juri eżempju ċar tal-isforzi biex tiġi miġġielda l-impunità tal-Kapiijet tal-Istat attwali, |
1. |
Jesprimi d-dispjaċir tiegħu dwar id-Deċiżjoni tal-Kenja biex tistieden lill-President Omar al-Bashir biex jattendi l-iffirmar tal-Kostituzzjoni l-ġdida, li ġġib magħha era ta’ governanza demokratika ġdida fil-pajjiż; |
2. |
Jistieden lill-membri tal-komunità internazzjonali, inklużi lill-pajjiżi Afrikani kollha, biex jiżguraw ir-responsabbiltà sħiħa għal reati li jitwettqu kontra l-liġi internazzjonali, partikolarment fis-Sudan; |
3. |
Jistieden lill-Kapijiet tal-Istat Afrikani u lill-Gvernijiet li huma firmatarji tal-Istatut ta’ Ruma biex jonoraw l-impenji tagħhom u jikkooperaw mal-QKI fl-investigazzjonijiet tagħha dwar ir-reati tal-gwerra, ir-reati kontra l-umanità jew il-ġenoċidju; |
4. |
Jenfasizza li l-QKI għandha d-dmir li teżerċita l-ġurisdizzjoni tagħha b'mod imparzjali u universali, inkluż fil-pajjiżi tal-Punent, u li r-rispett għad-deċiżjonijiet tagħha huma kruċjali għall-kredibilità u l-azzjoni futura tagħha; |
5. |
Jiddispjaċih li ċerti membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU mhumiex firmatarji tal-Istatut ta’ Ruma li jistabbilixxi l-QKI; |
6. |
Jiddeplora l-pożizzjonijiet adottati mill-Unjoni Afrikana u l-Lega tal-Istati Għarab billi rrifjutaw li jikkooperaw mal-QKI u jistieden lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea biex jieħu l-passi meħtieġa biex jiżgura li dan il-punt jitqiegħed fuq l-aġenda fis-Samit li jmiss UA/UE; |
7. |
Jistieden lill-Unjoni Afrikana biex tirrevedi l-pożizzjoni tagħha u topponi l-impunità, l-inġustizzja, ir-reati tal-gwerra, ir-reati kontra l-umanità u l-ġenoċidju; |
8. |
Jitlob biex tintemm l-impunità għar-reati kollha li twettqu waqt il-gwerra fis-Sudan, u jispera li l-President al-Bashir ma jdumx ma jittella’ l-QKI fl-Aja – fejn jibbenefika mid-drittijiet li ttih il-liġi internazzjonali – bħala parti mill-istabbiliment mill-ġdid tal-ġustizzja meħtieġ, l-istat tad-dritt u r-rispett għall-vittmi ta’ dawn ir-reati; |
9. |
Jistieden lill-President u lill-Gvern tal-Kenja biex jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom u l-kooperazzjoni tagħhom mal-QKI, inkluż rigward l-atti ta’ vjolenza li segwu l-elezzjonijiet tal-2007 u l-2008; |
10. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Qorti Kriminali Internazzjonali, lill-Gvern tal-Kenja u lill-parlamenti u l-gvernijiet kollha tal-IGAD. |