This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52011AE0524
Opinion of the European Economic and Social Committee on the ‘Communication from the Commission to the Council, the European Parliament, the European Economic and Social Committee and the Committee of the Regions: Europe 2020 Flagship Initiative - Innovation Union’ COM(2010) 546 final
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Inizjattiva Ewlenija Ewropa 2020 – Unjoni tal-Innovazzjoni” COM(2010) 546 finali
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Inizjattiva Ewlenija Ewropa 2020 – Unjoni tal-Innovazzjoni” COM(2010) 546 finali
ĠU C 132, 3.5.2011, p. 39–46
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
3.5.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 132/39 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Inizjattiva Ewlenija Ewropa 2020 – Unjoni tal-Innovazzjoni”
COM(2010) 546 finali
2011/C 132/07
Relatur: is-Sur WOLF
Korelatur: is-Sur SVENSSON
Nhar is-6 ta' Ottubru 2010, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Inizjattiva Ewlenija Ewropa 2020 – Unjoni tal-Innovazzjoni
COM(2010) 546 finali.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-4 ta' Marzu 2011.
Matul l-470 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta' Marzu 2011 (seduta tal-15 ta' Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'184 vot favur, vot wieħed kontra u 2 astensjonijiet.
1. Sommarju
1.1 L-innovazzjonijiet iwasslu għall-progress, it-tkabbir, il-prosperità, is-sigurtà soċjali, il-kompetittività internazzjonali u l-impjieg. Huma għandhom jgħinu sabiex jiġu indirizzati l-isfidi soċjali l-kbar. Huma jirrikjedu u jappoġġjaw klima soċjali ta' assigurazzjoni u ta' fiduċja fl-individwi li fid-dawl tas-sitwazzjoni globali tal-kompetizzjoni jistgħu jwasslu għal iktar progress u dinamika kostruttiva. Sabiex l-innovazzjonijiet jikbru sew, hemm bżonn approċċ Ewropew u suq uniku Ewropew fejn iż-Żona Ewropea tar-Riċerka bi Programm ta' Qafas tar-Riċerka u l-Iżvilupp b'saħħtu taqdi rwol ċentrali.
1.2 Għalhekk il-Kumitat jilqa' u jappoġġja b'mod ġenerali l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u l-għanijiet tagħha flimkien mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Kompetittività tal-25 u s-26 ta' Novembru 2010 u tal-4 ta' Frar 2011. Il-kunċett ta' “Unjoni tal-Innovazzjoni” huwa element essenzjali tal-Istrateġija Ewropa 2020.
1.3 Il-Kumitat jilqa' b'mod partikolari l-fatt li l-innovazzjoni qed tinfiehem u tiġi definita b'mod komprensiv u interkonness, u li dan joħloq ċertu rabtiet li mhumiex ibbażati biss fuq ir-riċerka, it-teknoloġija u l-prodotti iżda anki fuq ir-relazzjonijiet interpersonali involuti kollha u l-forom ta' organizzazzjoni, bħas-servizzi soċjali, prattiki tan-negozju, mudelli tan-negozju, disinn, branding, proċessi tal-produzzjoni u servizzi kif ukoll il-bosta relazzjonijiet ta' skambju ta' bejniethom. Fir-rigward tal- “innovazzjoni soċjali”, il-Kumitat jissuġġerixxi wkoll li jiġu kkonsultati l-imsieħba soċjali.
1.4 Il-Kumitat jappoġġja l-kunċett ta' partenarjati tal-innovazzjoni, jekk dawn – fuq il-bażi ta' governanza definita tajjeb – ikunu kompatibbli mal-proċessi u l-istrumenti li jeżistu u jkomplu jibnu fuqhom, u jekk jikkonformaw mal-armonizzazzjoni u mas-semplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi. Huwa jirrakkomanda li tinkiseb l-esperjenza f'dan il-qasam billi nibdew b'parterarjat tal-innovazzjoni mixtieq wieħed, “Ix-xjuħija attiva u f'saħħitha”. Dan iservi wkoll ta' eżempju tajjeb ta' kollaborazzjoni bejn innovazzjonijiet soċjali, xjentifiċi u teknoloġiċi.
1.5 Il-Kumitat jirrakkomanda li l-miżuri ta' appoġġ, l-appoġġ finanzjarju u l-kriterji tal-prestazzjoni jiġu adattati għaż-żewġ tipi ta' innovazzjonijiet: kemm dawk inkrimentali li jirrispondu għall-forzi prevalenti tas-suq u l-bżonnijiet soċjali, kif ukoll dawk iktar radikali li jinfluwenzaw il-forzi tas-suq u joħolqu bżonnijiet soċjali ġodda, iżda li l-ewwel ikollhom jgħaddu minn perjodi partikolarment diffiċli.
1.6 Fid-dawl tal-bżonn urġenti ta' privattiva tal-UE, il-Kumitat jilqa' u jappoġġja bis-sħiħ il-proposta reċenti tal-Kummissjoni Ewropea dwar dan. Din ser tippermetti li jitnaqqsu b'mod drastiku l-ispejjeż tal-privattivi fl-Istati Membri parteċipanti u hija pass deċiżiv sabiex jintlaħaq l-għan finali ta' privattiva tal-UE.
1.7 Il-Kumitat jenfasizza r-rwol importanti li jaqdu l-SMEs u l-mikrointrapriżi fil-proċess tal-innovazzjoni u jirrakkomanda wkoll li dawn jingħataw appoġġ u jkollhom miżuri mfassla b'mod speċifiku sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet partikolari tagħhom. Barra minn hekk, huwa jissuġġerixxi li jiġi kkunsidrat jekk u kif il-kumpaniji li jkunu għadhom jibdew (start ups) jistgħux għal perjodu adatt ta' żmien jiġu eżentati mill-biċċa l-kbira tal-kundizzjonijiet u l-obbligi tas-soltu u jekk jistgħux jinħolqu inċentivi addizzjonali speċjali għalihom. Dan jgħodd ukoll għall-intrapriżi tal-ekonomija soċjali.
1.8 Il-ħidma politika prinċipali li għandha ssir hija li fl-Ewropa kollha jinħolqu kundizzjonijiet affidabbli li jiffavorixxu l-innovazzjoni u oqsfa bi flessibbiltà suffiċjenti li jeħilsu lill-inventuri potenzjali u l-proċessi tal-innovazzjoni mill-piż tal-frammentazzjoni u l-ammont eċċessiv ta' xogħol attwali marbut mal-oqsfa regolatorji u l-burokraziji differenti fis-27 Stat Membru u l-Kummissjoni. L-iskoraġġiment u l-posponimenti li jirriżultaw minn dan u li jtellfu l-ħolqien ta' innovazzjonijiet minn ideat ġodda u tajba joħolqu żvantaġġ għall-Ewropa fil-kompetizzjoni globali li għandu jiġi eliminat malajr. Sabiex dan ikun jista' jseħħ hemm bżonn ta' mentalità li ma tqisx il-progress u l-innovazzjoni bħala riskju iżda bħala opportunità u bżonn, li għandhom jiġu appoġjati u implimentati bl-użu tal-mezzi soċjali li jeżistu kollha.
1.9 Għalhekk il-Kumitat jirrakkomanda li ssir iktar enfasi fuq li jitneħħew l-ostakli li jopponu jew ifixklu l-implimentazzjoni rapida tal-innovazzjonijiet u t-twettiq tal-Unjoni tal-Innovazzjoni. Filwaqt li l-Kumitat huwa kuntent bl-opportunità ta' progress serju fil-qasam tal-kwistjoni tal-privattiva, jifdal ostakli li jfixklu t-twettiq tas-Suq Uniku u ż-Żona Ewropea tar-Riċerka. Jeħtieġ li l-UE ma taqtax qalbha f'li tkompli tissemplifika, tarmonnizza u tipprovdi affidabbiltà u flessibbiltà. Il-Kumitat jilqa' l-isforzi li saru f'din id-direzzjoni fil-Green Paper li ppublikat reċentement il-Kummissjoni (1) u li dwarha ser jieħu pożizzjoni separata. b'rabta ma' dan il-Kumitat jappella b'mod partikolari lill-Istati Membri u lill-atturi tas-soċjetà ċivili organizzata sabiex jieħdu din il-ħidma f'idejhom u jagħtu l-kontribut tagħhom sabiex tinstab soluzzjoni.
2. Il-kontenut tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni
2.1 Fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020, il-Kummissjoni tipproponi kunċett ġenerali msejjaħ “Unjoni tal-Innovazzjoni” bħala waħda mis-seba' inizjattivi ewlenin. Skont din l-inizjattiva, l-UE għandha tieħu r-responsabbiltà kollettiva għal politika ta' riċerka u innovazzjoni strateġika, inklużiva u orjentata lejn in-negozju, biex jiġu indirizzati l-isfidi ewlenin tas-soċjetà, tiżdied il-kompetittività u jinħolqu impjiegi ġodda. Dan jikkumplementa inizjattivi ewlenin oħra bħall-inizjattiva ewlenija “Politika Industrijali għall-Era tal-Globalizzazzjoni” bil-għan li tiżgura katina tal-valur b'saħħitha, kompetittiva u diversifikata fil-qasam tal-manifattura, b'enfasi partikolari fuq l-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju.
2.2 Id-diversi azzjonijiet li għandhom jittieħdu huma elenkati f'lista ta' 10 punti li tinkludi miżuri f'dawn l-oqsma: it-tisħiħ tal-bażi tal-għarfien, il-ħolqien ta' ideat ġodda għas-suq, il-massimizzazzjoni tal-koeżjoni soċjali u territorjali, titjib tal-politiki fil-qasam estern, l-evalwazzjoni u r-riforma tas-sistemi tar-riċerka u l-innovazzjoni u t-tnedija tal-Partenarjati tal-Innovazzjoni Ewropej.
2.3 Sabiex jinkisbu dawn l-għanijiet, il-Komunikazzjoni tressaq programm ta' 34 punt – li jifforma l-maġġoranza tal-Komunikazzjoni – li jelenka l-obbligi tal-Istati Membri u l-miżuri pjanati mill-Kummissjoni.
2.4 Tliet annessi jindirizzaw dawn is-suġġetti u jressqu dawn il-miżuri:
— |
fatturi ta' sistemi tal-innovazzjoni u r-riċerka nazzjonali u reġjonali li jiffunzjonaw sew |
— |
tabella li turi l-Progress tal-Prestazzjoni fil-qasam tar-Riċerka u l-Iżvilupp |
— |
il-Partenarjati tal-Innovazzjoni Ewropej. |
3. Kummenti ġenerali
3.1 Ir-rilevanza tas-suġġett: L-innovazzjonijiet iwasslu għall-progress, it-tkabbir, is-sigurtà soċjali, il-prosperità, il-kompetittività internazzjonali u l-impjieg. Huma għandhom jgħinu sabiex jiġu indirizzati l-isfidi soċjali l-kbar. Huma jirrikjedu u jappoġġjaw klima soċjali ta' assigurazzjoni u ta' fiduċja fl-individwi li fid-dawl tas-sitwazzjoni globali tal-kompetizzjoni jistgħu jwasslu għal iktar progress u dinamika kostruttiva. Għalhekk il-kunċett ta' “Unjoni tal-Innovazzjoni” huwa element essenzjali tal-Istrateġija Ewropa 2020, li hija importanti ħafna għall-futur tal-Ewropa. Dan għandu jgħin ukoll sabiex tinkiseb il-mira li l-UE stabbilixxiet fl-Istrateġija ta' Lisbona: “il-kisba tal-mira tagħna li nonfqu 3 % tal-PDG tal-UE fuq ir-R&Ż sal-2020 tista' toħloq 3,7 miljun impjieg u żżid il-PDG annwali bi kważi EUR 800 biljuni sal-2025.” Għalhekk, l-UE u l-Istati Membri, fi żminijiet ta' baġits limitati, għandhom jinvestu iktar fl-edukazzjoni, fir-riċerka, fl-iżvilupp u fl-innovazzjoni.
3.2 L-innovazzjonijiet u l-ambjent tagħhom: Fil-firxa sħiħa tagħhom l-innovazzjonijiet jimplikaw l-aspetti u l-attivitajiet soċjali, ekonomiċi, edukattivi, xjentifiċi, tekniċi, fuq il-post tax-xogħol, organizzattivi u kulturali kollha. Dan il-kunċett estiż tal-innovazzjoni jiġbor fih l-innovazzjonijiet relatati mal-prodott u s-servizz kif ukoll innovazzjonijiet tekniċi, soċjali u funzjonali fis-setturi kollha u f'kull tip ta' organizzazzjoni, inklużi l-intrapriżi, l-organizzazzjonijiet karitattivi, il-fundazzjonijiet u l-organizzazzjonijiet tas-settur pubbliku. L-innovazzjonijiet mhumiex bilfors riżultat ta' proċessi lineari iżda jinħolqu permezz tan-netwerking u l-integrazzjoni ta' bosta sitwazzjonijiet differenti u, għalhekk, huma jirnexxu f'“ekosistema ekonomika u soċjali” b'saħħitha permezz ta' taħlita ta' kunċetti u kompetenzi differenti u r-rabtiet bejniethom.
3.3 Gruppi ta' ħidma tal-Kunsill dwar il-kompetittività u r-riċerka: Għalhekk huwa importanti li l-gruppi ta' ħidma tal-Kunsill dwar il-kompetittività u r-riċerka jaħdmu flimkien u jaslu għal konklużjoni konġunta b'konformità ma' oqsma ta' politika relatati oħra bħall-politika industrijali, l-edukazzjoni, l-enerġija u s-soċjetà tal-informazzjoni. Barra minn hekk, hemm bżonn ukoll ta' rabta mill-qrib ma' inizjattivi ewlenin oħra b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-impjieg.
3.4 Approvazzjoni u appoġġ ġenerali: Għalhekk il-Kumitat jilqa' u jappoġġja b'mod ġenerali l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea u l-għanijiet tagħha flimkien mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Kompetittività tal-25 u s-26 ta' Novembru 2010 u tal-4 ta' Frar 2011.
Dan jgħodd b'mod partikolari:
— |
għat-twaqqif ta' definizzjoni tal-innovazzjoni (2) li tkopri x-xjenza u t-teknoloġija iżda anki l-mudelli u l-proċessi fin-negozju u t-tħaddim, is-soluzzjonijiet ta' disinn, it-trademarks u s-servizzi; |
— |
għall-indirizzar ta' kundizzjonijiet ħżiena, it-tneħħija tal-ostakli, is-semplifikazzjoni tal-proċeduri u l-iffaċilitar tal-kooperazzjoni Ewropea; |
— |
għall-parteċipazzjoni tal-imsieħba rilevanti u r-reġjuni kollha fiċ-ċiklu tal-innovazzjoni; |
— |
għall-kunsiderazzjoni tal-akkwist pubbliku bħala qasam ieħor b'potenzjal sinifikanti għall-innovazzjonijiet; |
— |
għall-użu sħiħ tal-fond reġjonali u strutturali Ewropew għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni; |
— |
għall-użu tal-Fond Soċjali Ewropew għall-appoġġ tal-innovazzjonijiet soċjali; |
— |
għall-iffaċilitar tal-aċċess tal-SMEs u l-mikrointrapriżi għall-programm ta' qafas u l-mezzi finanzjarji; |
— |
għall-promozzjoni tal-eċċellenza fl-edukazzjoni u fl-akkwist tal-ħiliet; |
— |
għall-ħolqien ta' universitajiet ta' livell dinji; |
— |
għat-twettiq taż-Żona Ewropea tar-Riċerka sal-2014: il-promozzjoni ta' sistemi ta' riċerka miftuħin, ta' kwalità u atraenti; |
— |
għall-ħolqien ta' suq uniku tal-innovazzjoni; |
— |
għal ftehim dwar il-privattiva tal-UE; |
— |
għall-indirizzar tal-isfidi soċjali. |
3.4.1 L-enfasi tal-opinjoni: Il-Komunikazzjoni hija vasta wisq biex kull aspett tagħha jiġi indirizzat hawn. Għalhekk din l-opinjoni ser tindirizza prinċipalment il-punti li jirrikjedu attenzjoni partikolari jew iktar kjarifika. Madanakollu, dan m'għandux inessi l-fatt li l-Kumitat laqa' b'mod ġenerali l-għanijiet prinċipali u ħafna mill-miżuri individwali proposti tal-Komunikazzjoni,
3.5 L-inklużjoni tal-proċessi u s-suċċessi ta' qabel: Il-Komunikazzjoni fiha elementi u proposti ġodda u toħloq rabtiet bejn oqsma ta' politika differenti. Hija timmira lejn politika olistika u koerenti. Madanakollu, bosta analiżijiet tal-istat u miri jkopru problemi u għanijiet li ilhom li ġew indirizzati f'ħafna komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni, opinjonijiet tal-KESE u deċiżjonijiet tal-Kunsill (eż. il-Proċess ta' Ljubljana). Dwar dan diġà ttieħdu miżuri komprensivi u nbdew proċessi (3). Dawn għandhom jitqiesu b'mod iktar ċar, jitkomplew u jiġu rikonoxxuti sabiex ma jitnaqqasx dak li diġà bdew il-Kummissjoni u partijiet interessati oħra, iżda jiġi sfruttat u jkompli jinbena fuqu. Il-miżuri u l-istrumenti l-ġodda għandhom jiġu armonizzati mal-proċessi li diġà nbdew sabiex ma jkunx hemm kumplikazzjonijiet u duplikazzjonijiet oħra u sabiex jiġu rispettati l-kontinwità, iċ-ċertezza legali u l-istabbiltà meħtieġa (4).
3.6 Armonizzazzjoni: Konsegwentement, il-miżuri ġodda proposti bħall-partenarjati tal-innovazzjoni (ara punt 4.4) għandhom joħolqu valur miżjud meta mqabbla ma' miżuri eżistenti. Dan ifisser li l-istrumenti tal-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni għandhom jiġu armonizzati u semplifikati (ara punt 3.8.2), l-aċċess għall-programmi semplifikat filwaqt li l-eċċellenza tibqa' l-prinċipju gwida. Ir-riżultati tar-riċerka għandhom ikunu iktar aċċessibbli u disponibbli b'mod mifrux, pereżempju permezz tat-titjib tat-trasferiment tal-għarfien u n-know-how (5) (ara wkoll punt 3.8.3 u nota 12 f'qiegħ il-paġna).
3.7 Il-flessibbiltà: In-natura tal-ideat, il-kunċetti u l-iskoperti li huma l-bażi tal-innovazzjonijiet hija waħda imprevedibbli. Sabiex jirnexxu u sabiex jinħolqu l-innovazzjonijiet, hemm bżonn flessibbiltà suffiċjenti kif ukoll kundizzjonijiet stimolanti u affidabbli. Il-libertà, l-appoġġ u r-rikonoxximent huma l-pilastri tal-kreattività u l-innovazzjoni, bħalma huma l-promozzjoni tal-azzjoni indipendenti, l-ispirtu intraprenditorjali u r-rieda li jittieħdu u jiġu aċċettati r-riskji. Konsegwentement, il-ħidma politika essenzjali li għandha ssir hija li tinħoloq “ekosistema ekonomika u soċjali” li tiffavorixxi l-innovazzjoni, u li jiġu żgurati dawn il-kundizzjonijiet fl-Ewropa sabiex jitħarsu l-inventuri u l-proċessi tal-innovazzjoni potenzjali minn qafas regolatorju u burokrazija kumplikati u diversifikati (ara wkoll punti 3.12 u 3.13).
3.7.1 Mira u skop mifrux: Jeżistu ċerti għanijiet tal-iżvilupp li jistgħu jiġu definiti b'mod ċar, bħas-sejba ta' soluzzjoni għall-problema tal-enerġija u l-klima (6), li jistgħu jirrikjedu konċentrazzjoni tar-riżorsi disponibbli. Madanakollu, hija importani wkoll “ekosistema ekonomika” mifruxa biżżejjed magħmula minn diversi punti ta' żvilupp u r-rabta possibbli bejniethom. Jekk dan ma jseħħx, jeżisti l-periklu li jiġu esklużi a priori s-soluzzjonijiet li filwaqt li huma fundamentalment ġodda u innovattivi, il-potenzjal tagħhom, fil-bidu, ma jiġix rikonoxxut, l-anqas mill-esperti. F'dal-każ ikun hemm ir-riskju li minflok insiru pijunieri u noħolqu aħna stess l-aħħar modi, naqgħu lura wara l-oħrajn u nitilfu mill-kompetizzjoni globali. Din hi karatteristika ta' ekonomija ċentralizzata. Għalhekk, l-elementi ta' dan it-tip ta' ekonomija għandhom jiġu evitati filwaqt li jiġi rispettat il-prinċipju tas-sussidjarjetà.
3.7.2 Il-forzi tas-suq: Il-proċess regolari tal-innovazzjoni jeħtieġ orjentazzjoni mill-forzi dominanti tas-suq u d-domanda tal-konsumatur u jimmira għas-sodisfazzjon tagħhom. Għall-kuntrarju, madanakollu, hija karatteristika tal-ikbar innovazzjonijiet li huma stess jiffurmaw il-forzi tas-suq u joħolqu domandi ġodda fost il-konsumaturi u oqsma tas-suq ġodda (7). Dawn it-tipi ta' innovazzjonijiet jeħtieġu għajnuna partikolari matul il-perijodu kritiku qabel ma jiksbu rikonoxximent u suċċess ekonomiku u qabel ma juru l-impatt ekonomiku kbir tagħhom.
3.8 Frammentazzjoni. Il-Kummissjoni targumenta mill-ġdid li l-ambjent Ewropew tar-riċerka u l-innovazzjoni huwa frammentat. Filwaqt li din l-istqarrija tikkonċerna bosta aspetti importanti, mhijiex deskrizzjoni korretta sa barra u teħtieġ iktar preċiżjoni.
3.8.1 Netwerks eżistenti ta' kooperazzjoni. Kemm fil-qasam industrijali u tar-riċerka (8) kif ukoll fil-qasam tal-industriji soċjali u kreattivi ilhom jeżistu rabtiet u netwerks ta' kooperazzjoni (9) kemm Ewropej kif ukoll dinjija li l-fruntieri tagħhom fir-relazzjoni bejn il-kooperazzjoni u l-kompetizzjoni jiġu adattati u definiti mill-ġdid kontinwament. Dawn huma proċessi importanti ta' organizzazzjoni awtonoma mill-parijiet interessati rispettivi u l-organizzazzjonijiet tagħhom. Il-Kummissjoni għandha tinnutahom, tirrikonoxxihom, tappoġġjahom u tkompli tibni fuqhom. Huwa b'mod partikolari sabiex jiġu appoġġjati dawn il-bosta tipi ta' proċessi li għandhom jiġu eliminati l-ostakli tas-suq intern għall-benefiċċju taż-Żona Ewropea tar-Riċerka.
3.8.2 Ir-regoli – is-semplifikazzjoni u l-armonizzazzjoni. Jeħtieġ li jinkisbu semplifikazzjoni u armonizzazzjoni gradwali tar-regoli legali, amministrattivi u finanzjarji (10) kemm bejn l-Istati Membri kif ukoll bejnhom u bejn il-Kummissjoni bħala pass importanti favur it-tlestija tas-Suq Intern Ewropew, iż-Żona Ewropea tar-Riċerka u l-għan tal-Kummissjoni li tinħoloq Żona Ewropea tal-Innovazzjoni. Jekk id-diveristà, regolazzjoni żejda, l-irduppjar bejn ir-regoli u kumplessità tagħhom ifissru frammentazzjoni, il-Kummissjoni għandha l-appoġġ sħiħ tal-Kumitat.
3.8.3 Opinjonijiet preċedenti: Madanakollu, il-frammentazzjoni u l-konfużjoni tar-regoli u l-istrumenti ma teżistix bejn l-Istati Membri biss iżda teżisti wkoll fil-Kummissjoni stess. Il-Kumitat diġà adotta opinjoni (11) dwar din il-kwistjoni speċifika u jafferma mill-ġdid ir-rakkomandazzjonijiet li kien għamel. Barra minn hekk, il-Kumitat appoġġja dawn l-għanijiet importanti permezz tal-opinjonijiet dwar l-ippjanar konġunt tal-programmi bejn l-Istati Membri, (12) dwar il-Programm ta' Qafas R&Ż, dwar il-politika tal-innovazzjoni f'dinja li qegħda tinbidel (13) u dwar il-kooperazzjoni bejn l-industrija u l-SMEs u r-riċerka pubblika (14). Il-Kumitat ifakkar fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar it-tixrid, it-trasferiment u l-użu tar-riżultati tar-riċerka u b'mod partikolari l-iżvilupp ta' magna tat-tiftix speċifika fuq l-internet dedikata għal dan il-għan (15).
3.8.4 Infrastrutturi tar-riċerka: Barra minn hekk, infrastrutturi għaljin jistgħu jkunu eżempju ta' frammentazzjoni jekk ma jintużawx u ma jiġux finanzjati minn komunità internazzjonali. Uħud minnhom jista' jkun li ma jaqgħux taħt l-iskop ta' Stat Membru individwali kemm għar-raġuni tal-investimenti u r-riżorsi meħtieġa kif ukoll minħabba l-isfruttament ottimu u l-użu. Il-Kumitat jappoġġja bis-sħiħ il-fehma tal-Kummissjoni kwotata hawn taħt. (16) Għalhekk, approċċ Komunitarju f'dawn il-każijiet jista' jirriżulta f'valur miżjud ċar (17) u konsegwentement għandu jkun hemm finanzjament konġunt mill-Istati Membri u l-UE.
3.9 Privattiva tal-UE: In-nuqqas ta' privattiva tal-UE huwa sors ta' frammentazzjoni mhux aċċettabli, tiswa l-flus, huwa ta' ħsara, u jeħtieġ li jiġi eliminat sabiex tiżdied il-kompetittività tal-UE u jintbagħat sinjal pożittiv lill-oqsma kollha l-oħra tal-Unjoni tal-Innovazzjoni. Din il-problema fil-politika industrijali u tal-innovazzjoni tal-Ewropa rriżultat f'diversi sforzi mill-Kummissjoni favur is-sejba ta' soluzzjoni aċċettabbli. Konsegwentement, il-Kumitat ifaħħar lill-Kummissjoni għall-proposta reċenti tagħha (14 ta' Diċembru 2010) dwar kooperazzjoni mtejba bejn l-Istati Membri parteċipanti, –sabiex b'konformità mat-Trattati tasal għal soluzzjoni parzjali deċiżiva fit-triq lejn privattiva tal-UE finali (użata mill-Istati Membri kollha). Il-Kumitat jappella lill-Parlament (18) u lill-Kunsill sabiex jadottaw il-proċedura proposta bħala pass deċiżiv u sinifikanti lejn l-għan finali tal-ħolqien ta' privattiva tal-UE. Il-Kumitat jaqbel (19) li dan huwa “ekonomikament indispensabbli u politikament aċċettabbli”.
3.10 Relazzjoni interpersonali u forom ta' organizzazzjoni: Hemm potenzjal kbir għall-innovazzjonijiet fl-ispettru sħiħ tal-interazzjonijiet umani u l-forom ta' organizzazzjoni. Il-Kumitat jappoġġja l-għan tal-Kummissjoni li tippromovi dan it-tip ta' innovazzjonijiet fl-aspetti u l-attivitajiet soċjali, ekonomiċi, edukattivi, xjentifiċi, tekniċi, fuq il-post tax-xogħol u organizzattiviu kulturali kollha tagħhom. Dan jiġbor fih l-aħħar mudelli u proċessi fil-qasam tan-negozju u organizzattivi, is-servizzi privati, is-servizzi pubbliċi u s-servizzi ta' interess ġenerali, edukazzjoni u taħriġ, mezzi tax-xandir, arti u d-divertiment, kull aspett tal-attività umana u l-koeżistenza.
3.10.1 Il-kumpaniji u l-postijiet tax-xogħol – ir-rwol tal-impjegati: L-organizzazzjoni ottima tax-xogħol hija ass kompetittiv importanti. Postijiet tax-xogħol innovattivi jikkontribwixxu sabiex itejbu l-prestazzjoni tal-impjegati u l-prestazzjoni tan-negozju. L-innovazzjoni ta' kumpanija u tal-ħaddiema tagħha hija riflessa fil-ħila li jiżviluppaw jew itejbu kunċetti ta' prodotti u servizzi, kunċetti soċjali u funzjonali sabiex joħolqu valur miżjud għall-konsumaturi. It-tagħlim tul il-ħajja u l-esperjenzi kumulattivi jaqdu rwol importanti hawn. L-impjegati ta' kumpanija jaqdu rwol importanti bħala sorsi ta' għarfien u ideat u, għalhekk, dan il-potenzjal għandu jintuża aħjar. Permeabbiltà mtejba bejn il-bosta livelli ġerarkiċi tista' tgħin sabiex ikunu jistgħu jiġu kkomunikati ideat u proposti ġodda.
3.10.2 Kooperazzjoni bejn l-imsieħba soċjali: Fil-livell tal-kumpaniji, iċ-ċwievet huma l-fiduċja u l-kooperazzjoni bejn l-imsieħba soċjali, viżjoni għall-ġejjieni, il-kompetenza, il-motivazzjoni, l-impenn u l-kapaċità ta' ġestjoni effiċjenti tal-innovazzjoni.
3.10.3 Is-servizzi u l-akkwist pubbliku: Is-settur pubbliku wkoll jista' jkun katalist tal-innovazzjonijiet. Il-Kumitat jappoġġja l-istqarrija tal-Kummissjoni (Anness I) li s-settur pubbliku jipprovdi inċentivi li jistimulaw l-innovazzjoni fi ħdan l-organizzazzjonijiet tiegħu u fil-provvista tas-servizzi pubbliċi. Dan jinkludi s-setturi tas-servizzi (privati u pubbliċi) stess iżda anki l-industriji tal-manifattura li qed jippruvaw isibu vantaġġi kompetittivi ġodda bil-għajnuna ta' dawn is-servizzi. L-Unjoni tal-Innovazzjoni għandha tibgħat messaġġ ċar li l-UE determinata li tuża dan il-potenzjal (privat u pubbliku).
3.10.4 Innovazzjonijiet soċjali: L-innovazzjonijiet soċjali għandhom iqisu l-bżonnijiet li mhumiex indirizzati b'mod adegwat mis-suq jew mis-settur pubbliku. Dawn jikkonċernaw imġiba ġdida, interazzjonijiet, arranġamenti istituzzjonali u netwerks. Fl-innovazzjonijiet soċjali, l-applikazzjonijiet tekniċi u nontekniċi ħafna drabi jiġu kombinati u jistgħu jintrabtu mat-tisħiħ tal-interazzjonijiet bejn min jipproduċi u min juża l-prodott, l-iżvilupp tal-istrutturi u l-appoġġ tal-metodi u t-teknoloġija. L-użu versatili tat-teknoloġiji (eż. ICT) jippermetti metodi ġodda fil-qasam tal-kooperazzjoni, tal-organizzazzjoni u tal-ġestjoni. Il-Kumitat jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni se taħdem mal-imsieħba soċjali biex teżamina kif l-ekonomija tal-għarfien tista' tinfirex fil-livelli kollha tax-xogħol u s-setturi kollha.
3.11 Il-kunċett tal-Unjoni tal-Innovazzjoni: Il-Kumitat jemmen li l-kunċett tal-Unjoni tal-Innovazzjoni huwa adatt sabiex jiġbor f'taqsira u jirrappreżenta l-għanijiet li elenkat il-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha. Huwa għandu jiġi implimentat flimkien u bl-istess mod mal-kunċetti eżistenti tas-Suq Intern u ż-Żona Ewropea tar-Riċerka. Il-Kumitat jappoġġja għalhekk punt 2.2 tal-Komunikazzjoni mingħajr riservi. Il-Kumitat jilqa' l-fatt li ħafna mir-rakkomandazzjonijiet tiegħu jiġu indirizzati fit-test.
3.12 It-tneħħija tal-ostakli: Wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-Kummissjoni huwa li telimina l-ostakli għall-innovazzjoni fil-livell Ewropew. Filwaqt li l-Kumitat japprezza li dan huwa kompitu kbir u kumpless li huwa relatat mal-progress li jsir fit-twettiq tas-suq intern, jenfasizza madanakollu li fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni jeżisti nuqqas ta' informazzjoni dettaljata dwar dak li qed tippjana li tagħmel il-Kummissjoni b'mod konkret dwar din il-kwistjoni. Il-Kumitat jilqa' l-isforzi li saru f'din id-direzzjoni fil-Green Paper li ppublikat reċentement il-Kummissjoni (20) u li dwarha ser jieħu pożizzjoni separata.
3.13 Ħidma politika essenzjali u rakkomandazzjoni ta' prijorità. Il-ħidma politika prinċipali li għandha ssir u r-rakkomandazzjoni ta' prijorità hija li fl-Ewropa kollha jinħolqu kundizzjonijiet qafas affidabbli li jiffavorixxu l-innovazzjoni u flessibbiltà suffiċjenti sabiex l-inventuri potenzjali u l-proċessi tal-innovazzjoni jinħelsu mill-piż tal-frammentazzjoni, ir-regolamentazzjoni u l-ammont eċċessiv ta' regoli u burokraziji differenti fis-27 Stat Membru u l-Kummissjoni. Dan ma jħeġġiġx l-inizjattivi u jtellef u jitfa' lura l-proċess bżonnjuż li minn ideat ġodda u tajba fil-fatt jinħolqu u jiġu implimentati l-innovazzjonijiet. Dan żvantaġġ kbir għall-Ewropa fil-kompetizzjoni globali u għandu jiġi eliminat malajr. Sabiex dan ikun jista' jseħħ hemm bżonn ta' mentalità li ma tqisx il-progress u l-innovazzjoni bħala riskju iżda bħala opportunità u bżonn li għandhom jiġu appoġjati u implimentati bl-użu tal-mezzi soċjali li jeżistu kollha. B'rabta ma' dan il-Kumitat jappella lill-Istati Membri u lill-atturi tas-soċjetà ċivili organizzata sabiex jieħdu din il-ħidma f'idejhom u jagħtu l-kontribut tagħhom sabiex tinstab soluzzjoni.
3.14 Taħriġ u rikonoxximent imtejba: Il-Kumitat jappoġġja l-Kummissjoni fl-għan tagħha li timmodernizza s-sistemi edukattivi fil-livelli kollha. Sabiex dan ikun jista' jseħħ hemm bżonn ta' universitajiet ta' livell dinji u għandu jogħla l-livell tal-kwalifiki. Jeħtieġ li jiġi appoġġjat b'mod effikaċi l-fehim tal-professjonijiet xjentifiċi u tekniċi u hemm bżonn li dawn il-professjonijiet jiġu rikonoxxuti aħjar.
3.15 Skeda stretta: Fid-dawl tal-kumplessità u l-bosta aspetti koperti fil-Komunikazzjoni, is-sinifikat tal-għanijiet studjati u l-fehmi espressi fid-dokument, l-iskeda proposta mill-Kummissjoni hija pjuttost limitata. Il-Kumitat jirrakkomanda għalhekk li ssir distinzjoni bejn l-urġenza tal-għanijiet fundamentali u l-iżviluppp tal-miżuri u l-istrumenti partikolari proposti.
4. Kummenti speċifiċi
4.1 SMEs bħala atturi prinċipali: Il-Kumitat jaqbel mal-Kummissjoni li l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju huma atturi ċentrali tal-ekonomija u għandhom jibbenefikaw mill-inizjattiva tal-innovazzjoni u l-miżuri ta' appoġġ tagħha. Madanakollu jeħtieġ li d-definizzjoni u l-klassifikazzjoni tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju għandhom jerġgħu jiġu kkunsidrati peress li opportunijiet ġodda ta' netwerking permezz tal-ICTs ifissru li l-mikrointrapriżi u anki l-intrapriżi magħmulin minn persuna waħda qed jiksbu iktar importanza. Din għandha forsi tingħata wkoll lil-linja ta' bejn dawn u l-professjonijiet liberali. Il-Kumitat jenfasizza l-importanza tal-innovazzjonijiet fis-servizzi u l-post tax-xogħol, b'mod partikolari l-kompetittività u l-produttività tal-SMEs (ara punti 3.10.1 u 3.10.2).
4.1.1 L-iżvantaġġi li jiffaċċjaw l-SMEs. Ħabfa mill-ostakli burokratiċi għall-innovazzjoni li ssemmew hawn fuq ipoġġu fi żvantaġġ b'mod partikolari lill-SMEs u n-negozji li jkunu għadhom kemm jiftħu meta mqabbla ma' kumpaniji ikbar, li bilfors ikollhom struttura iktar tqila bis-servizzi legali b'saħħithom tagħhom, l-uffiċċji esterni, eċċ. Dan jista' jkun waħda mir-raġunijiet għalfejn l-Ewropa kważi tilfet il-pożizzjoni mexxejja tagħha fis-suq fejn jidħlu prodotti innovattivi tal-ICT (21), pożizzjoni li ttieħdet mill-Istati Uniti.
4.2 Indikaturi ta' valutazzjoni: Il-Kumitat f'opinjoni preċedenti tiegħu (22) diġà ġibed l-attenzjoni għall-fatt li l-UE diġà għandha bosta strumenti ta' valutazzjoni f'dan il-qasam u kien irrakkomanda għalhekk li għal raġunijiet ta' koerenza jinħoloq “Osservatorju Ewropew tal-Innovazzjoni” uniku, li jkun jiġbor fih l-istrumenti eżistenti kollha, iżda jagħmilhom aktar koerenti u viżibbli. Il-Kumitat josserva wkoll li:
— |
bosta kriterji soċjali u ekonomiċi jinkludu s-sostenibbiltà, |
— |
il-kriżi wriet li l-ippjanar fuq perjodu qasir tal-għanijiet u l-kriterji tal-evalwazzjoni jistgħu jwasslu għal riżultati mhux mixtieqa u saħansitra kriżi, |
— |
it-tkabbir bil-mod iżda stabbli ħafna drabi jwassal għal suċċess ġenerali u benefiċċju ekonomiku ikbar; |
— |
SMEs żgħar li jkunu għadhom jibdew ħafna drabi jinxtraw jew jittieħdu minn kumpaniji kbar meta jiksbu suċċess u għalhekk ma jibqgħux jidhru fl-istatistika, |
— |
l-innovazzjonijiet kbar ħafna drabi jkollhom bżonn perjodu twil biex jibdew jagħmlu suċċess ekonomiku u juru l-impatt ekonomiku tagħhom, |
— |
l-Istati Membri u r-reġjuni tal-UE għandhom kundizzjonijiet differenti fil-qasam tal-innovazzjonijiet (pereżempju fejn jidħlu klima, mezzi tat-trasport u riżorsi) u għandhom jiġu evalwati abbażi tal-punti b'saħħithom u d-dgħjufijiet speċifiċi tagħhom. |
4.2.1 Il-Kummissjoni għandha tkompli għaddejja bil-kooperazzjoni tagħha mal-OECD u tiżviluppa pakkett uniku iżda koerenti ta' indikaturi komprensivi u bilanċjati li jqis l-elementi msemmija hawn fuq u anki s-suċċess fit-tul tal-innovazzjonijiet. Il-Kumitat jemmen li l-“Fatturi ta' sistemi tal-innovazzjoni u r-riċerka nazzjonali u reġjonali li jiffunzjonaw sew” deskritti mill-Kummissjoni f'Anness 1 huma ta' għajnuna f'dan il-kuntest.
4.3 Aċċessibbiltà: Eżempju ieħor ta' qasam b'potenzjal kbir għall-innovazzjoni hija l-aċċessibbiltà tal-prodotti u s-servizzi sabiex anki n-nies b'diżabilità jkunu jistgħu jiġu integrati b'mod sħiħ fis-soċjetà tal-UE mhux biss bħala ċittadini iżda anki bħala konsumaturi. Dan huwa potenzjal ekonomiku u soċjali kbir li għadu ma ġiex sfruttat.
4.4 Partenarjati tal-Innovazzjoni: Il-Partenarjati tal-Innovazzjoni Ewropea (PIE) proposti mill-Kummissjoni jistgħu joffru fatturi attraenti. Li l-isfidi soċjali jintlaqgħu bl-għajnuna tal-partenarjati tal-innovazzjoni jista' jkun fattur li jipprovdi opportunitajiet ġodda, minkejja l-inċertezzi dwar id-dettajli tagħhom u r-riservi msemmija f'punti 3.5 u 3.6. L-UE, billi tuża l-istrumenti tal-politika tal-innovazzjoni simultanjament kemm min-naħa tal-provvista kif ukoll min-naħa tad-domanda, u billi tgħaqqad il-forzi tar-riċerka u t-teknoloġija mal-forzi tas-suq, ser tikseb vantaġġi kompetittivi ġodda. Sabiex tirrealizza dan il-potenzjal, huwa importanti li l-UE tiffoka fuq il-fatturi fejn il-PIE jistgħu joffru valur miżjud meta mqabbla ma' miżuri eżistenti. Għalhekk il-PIE m'għandhomx jiġu introdotti bħala qafas ta' azzjoni obbligatorju, riġidu u applikabbli fuq livell universali mill-partijiet interessati Ewropej fl-innovazzjoni (inklużi l-korpi li jipparteċipaw fil-finanzjament fil-livell reġjonali u nazzjonali). Għandhom jiġu żgurati l-prinċipju tal-azzjoni volontarja, il-ġeometrija varjabbli, it-trasparenza u forma ta' governanza ċara u faċli tiġi amministrata. Konsegwentement wara li tiġi definita l-istruttura ta' governanza meħtieġa, huwa rakkomandabbli li l-proċess jibda b'PIE wieħed u magħżul bir-reqqa u li jintuża l-għarfien miġbur fl-għażla tal-partenarjat li jmiss.
4.4.1 Ix-xjuħija attiva u f'saħħitha: Il-Kumitat jirrakkomanda li nibdew b'partenarjat tal-innovazzjoni partikolarment utli u mixtieq “Ix-xjuħija attiva u f'saħħitha”. Dan jista' jkun ukoll eżempju tajjeb ta' kollaborazzjoni bejn innovazzjonijiet soċjali, xjentifiċi u teknoloġiċi. Għal dan il-qasam b'mod partikolari, il-Kumitat jixtieq jenfasizza l-importanza tal-prekummerċjalizzazzjoni u l-akkwist pubbliku għas-servizzi innovattivi. Dan jista' jaqdi rwol deċiżiv fil-ftuħ ta' swieq ġodda u fit-titjib tal-prestazzjoni u l-kwalità tas-servizz pubbliku.
4.4.2 Ewropa bi provvista effiċjenti tal-ilma: Wieħed mill-partenarjati tal-innovazzjoni proposti f'Anness III tal-Komunikazzjoni huwa “Ewropa effiċjenti fl-ilma”. Dwar dan il-Kumitat jirrakkomanda approċċ iktar flessibbli li jiddistingwi aħjar bejn ir-reġjuni fl-UE fejn in-nuqqas tal-ilma huwa problema serja kbira u r-reġjuni fejn l-ammont ta' xita u l-provvista tal-ilma huma kbar u suffiċjenti. Il-Kumitat jipproponi għalhekk sottotitlu differenti, “Ġestjoni Sostenibbli tal-Ilma”.
4.5 Approċċ orjentat fuq ir-riżultat: Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-partenarjati tal-innovazzjoni għandhom jiġu appoġġjati, skont il-Kummissjoni, abbażi tar-riżultati. Peress li l-Kumitat esprima tħassib kbir dwar id-definizzjoni ta' dan il-kunċett fl-opinjoni tiegħu dwar is-semplifikazzjoni (punti 1.8 u 4.8) (23) tal-Programm ta' Qafas dwar ir-R&Ż, huwa jirrakkomanda li hawn jiġi ċċarat x'qed jinftiehem mil-lat proċedurali. Il-Kumitat jisħaq mill-ġdid li fejn jidħlu invenzjonijiet importanti, l-aspett fuq perjodu twil u s-sostenibbiltà jistgħu jkunu essenzjali.
4.6 Ir-rwol ċentrali tal-Programm ta' Qafas dwar ir-R&Ż: Il-programmi qafas tar-R&Ż tal-UE taw kontribut sinifikanti għas-suċċessi li nkisbu s'issa u fil-futur għandhom ikomplu jissaħħu u għandha titpoġġa enfasi fuq l-importanza partikolari ta' kull wieħed minnhom. Jekk inpoġġu ftit fil-ġenb il-bżonn ta' iktar semplifikazzjoni, il-Programm ta' Qafas dwar ir-R&Ż joffri firxa ta' strumenti ta' suċċess għall-istrutturar taż-Żona Ewropea tar-Riċerka li huma rikonoxxuti fid-dinja kollha, użati ħafna u li l-proċeduri tagħhom huma mifhuma u aċċettati. Għalhekk l-importanza partikolari tal-Programm ta' Qafas għar-Riċerka u l-Programm ta' Qafas għal-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP) li jakkumpanjah għandhom jiġu mpoġġija fuq quddiem, fid-dawl tal-għanijiet tal-“Unjoni tal-Innovazzjoni”. L-istrumenti ta' riċerka kollaborattiva għenu sabiex jinħolqu konsorzji Ewropej iktar effiċjenti u għandhom jinżammu sabiex jiżguraw il-kontinwità neċessarja (24). Barra minn hekk, fid-dawl tal-politika tal-innovazzjoni diskussa hawn, għandu jissaħħaħ ukoll l-appoġġ għar-riċerka soċjoekonomika.
4.7 Ir-rwol ċentrali taż-Żona Ewropea tar-Riċerka – Suq Uniku għar-Riċerkaturi: Ir-rwol ċentrali (ara wkoll punt 3.11) taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u l-bżonnijiet għat-twettiq tagħha ġew indirizzati b'bosta opinjonijiet preċedenti. Il-Kumitat ifakkar f'dan ir-rigward li l-mobbiltà u r-rikonoxximent tal-kwalifiki akkademiċi u tar-riċerka huma kwistjonijiet ċentrali, bħas-sigurtà soċjali, salarji adegwati u skemi tal-pensjonijiet. Is-sitwazzjoni attwali għada bħal qabel mhix sodisfaċenti u ta' qtigħ il-qalb b'mod partikolari għax-xjentisti u r-riċerkaturi żgħażagħ. Il-Kumitat jilqa' u japoġġja bis-sħiħ il-Konklużjonijiet tal-Kunsill (25) (tat-2 ta' Marzu 2010) dwar il-mobbiltà u l-karrieri tar-riċerkaturi Ewropej u dwar it-twettiq tas-suq intern għar-riċerkaturi; l-UE għandha bżonn suq uniku atraenti u li jaħdem tajjeb għar-riċerkaturi!
4.8 Kapital ta' riskju: Minkejja l-iżviluppi pożittivi li ġab miegħu l-BEI - u hawnhekk il-Kumitat jilqa' b'mod speċjali l-Faċilità għall-Finanzjament bil-Kondiviżjoni tar-Riskju bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-BEI, għad hemm nuqqas ta' kapital ta' riskju suffiċjenti rapidu biżżejjed biex jinbdew intrapriżi ġodda u biex jirnexxilhom isalvaw. Dan jgħodd kemm għall-perjodu tat-twaqqif tagħhom u b'mod partikolari wkoll għall-perjodu ta' qabel ma jkollhom l-ewwel suċċess ekonomiku. Hawnhekk hawn bżonn ukoll ta' krediti żgħar u mikrokrediti sabiex jippermettu li jittaffew ir-riskji iżda jippermettu wkoll parteċipazzjoni fis-suċċess.
4.9 Clusters: Il-Kumitat jenfasizza mill-ġdid il-potenzjal kbir li jispira l-innovazzjoni li ġej mill-clusters u mill-gruppi tal-innovazzjoni. Dan ma jikkonċernax biss ir-rabta tradizzjonali bejn l-istituzzjonijiet tar-riċerka u l-intrapriżi iżda anki n-netwerk addizzjonali u produttiv li jiżviluppa bejn il-kumpaniji speċjalizzati. Il-Kumitat jirrakkomanda li r-riżorsi tal-fondi strutturali jintużaw sabiex ikomplu jappoġġjaw dan.
4.10 Għajnuna u inċentivi għall-kumpaniji li jkunu għadhom jibdew: Il-Kumitat jissuġġerixxi l-possibbiltà li titfassal klawżola ta' deroga għall-kumpaniji li jkunu għadhom jibdew li teskludihom għal perjodu ta' żmien biżżejjed minn ħafna mill-piżijiet u r-regoli amministrattivi normali ta' kull tip u li jinħolqu wkoll inċentivi addizzjonali (pereżempju inqas taxxi). Dan jipprovdi żmien u flessibbiltà li permezz tagħhon ikun jista' jintwera l-potenzjal ekonomiku u tekniku tas-suċċess. Il-Kumitat huwa konxju li din il-proposta tirrikjedi valutazzjoni tar-riskju u tal-interessi delikata u differenzjata, iżda li jista' jkun utli li tiġi implimentata.
Brussell, 15 ta’ Marzu 2011.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Staffan NILSSON
(1) COM(2011) 48 finali tad-9 ta' Frar 2011.
(2) COM(2009)442 finali tat-2 ta' Settembru 2009.
(3) It-tema tal-innovazzjoni ġiet koperta b'mod estensiv fir-Rapport Aho (Rapport tal-Grupp ta' Esperti Indipendenti dwar ir-R&Ż u l-Innovazzjoni wara s-Summit ta' Hampton Court, li tmexxa mis-Sur Esko Aho, Jannar 2006, EUR 22005) u fl-opinjoni tal-KESE “Investiment fl-għarfien u l-innovazzjoni (Strateġija ta' Lisbona)” (ĠU C 256, 27.10.2007, p. 17). L-apporċċ ikkoordinat mill-Istati Membri u l-miżuri bbażati fuq is-sħubija jiġu diskussi fil-Proċess ta' Ljubljana (RECH 200 COMPET 216 – “Il-Proċess ta' Ljubljana huwa sħubija estiża bejn l-Istati Membri, il-pajjiżi assoċjati, il-partijiet interessati u l-Kummissjoni sabiex ir-riċerka Ewropea ssir iktar effettiva”), f'bosta inizjattivi ERA-NET (taħt Artikolu 181), f'“Inizjattivi Konġunti tat-Teknoloġija”, fil-Komunitajiet tal-Għarfien u Innovazzjoni (KICs) tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (tal-EIT), fl-Ippjanar Konġunt tal-Programmi u fl-opinjoni tal-KESE dwar “il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Lejn programmazzjoni konġunta tar-riċerka: naħdmu flimkien biex nindirizzaw l-isfidi komuni b'mod aktar effettiv” (ĠU C 228, 22.9.2009, p. 56). L-opinjoni tal-KESE dwar “Il-Kooperazzjoni u t-trasferiment tal-għarfien bejn l-organizzazzjonijiet ta' riċerka, l-industrija u l-SMEs – prerekwiżit importanti għall-innovazzjoni” (ĠU C 218, 11.9.2009, p. 8) tittratta l-kooperazzjoni bejn ir-riċerka u l-industrija, l-opinjoni tal-KESE dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: Qafas strateġiku Ewropew għall-kooperazzjoni internazzjonali fl-oqsma tax-xjenza u t-teknoloġija” (ĠU C 306, 16.12.2009, p. 13) tittratta l-kooperazzjoni internazzjonali u l-opinjoni tal-KESE dwar “il-Kommunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni - Is-semplifikazzjoni tal-implimentazzjoni tal-programmi qafas tar-riċerka” (ĠU C 48, 15.2.2011, p. 129) tittratta s-semplifikazzjoni.
(4) ĠU C 48, 15.2.2011, p. 129.
(5) ĠU C 218, 11.9.2009, p. 8 (punt 1.2).
(6) ĠU C 21, 21.1.2011, p. 49.
(7) Pereżempju, l-ajruplan, is-suċċessi revoluzzjonarji tat-televiżjoni, ir-radar, il-laser, il-kompjuter personali, l-oġġetti mikroelettroniċi, il-cables tal-fibra tal-ħġieġ, l-internet/e-mail (inklużi l-magni tat-tiftix, il-kummerċ elettroniku, eċċ.), il-kameras tar-ritratti diġitali, is-satelliti (rocket-launched), il-GPS, li lkoll huma marbuta flimkien u kollha jdakkru lil xulxin.
(8) Pereżempju permezz tal-istrumenti ta' riċerka kollaborattiva, ara punt 4.6.
(9) Ara, pereżempju, “Forschung und Lehre 11/10” (Riċerka u Taħriġ 11/10), p 788 – 796, stqarrijiet tad- “Deutscher Hochschulverband”, Novembru 2010.
(10) ĠU C 48, 15.2.2011, p.129 (punti 3.5 sa 3.7).
(11) ĠU C 48, 15.2.2011, p. 129 (punt 1.4).
(12) ĠU C 228, 22.9.2009, p. 56.
(13) ĠU C 354, 28.12.2010, p. 80.
(14) ĠU C 218, 11.9.2009, p. 8.
(15) ĠU C 218, 11.9.2009, p. 8 (punt 3.2.4).
(16) Ara COM(2010) 546 finali tas-6 ta' Ottubru 2010.
(17) ĠU C 182, 4.8.2009, p. 40.
(18) Il-Parlament Ewropew sadattant adotta dan b'mod pożittiv fir-Riżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Frar 2011 dwar l-Abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill li jawtorizza kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta' protezzjoni tal-privattiva unitarja.
(19) L-istqarrija tal-President Nilsson (7 ta' Jannar 2011) fid-djalogu tiegħu mal-membru tal-Kummissjoni Barnier.
(20) Ara nota f'qiegħ il-paġna nru 1.
(21) Google, Apple, Facebook, ċellulari.
(22) ĠU C 354, 28.12.2010, p. 80 (Punt 3.2.2).
(23) ĠU C 48, 15.2.2011, p. 129.
(24) ĠU C 48, 15.2.2011, p. 129 (punt 3.12).
(25) L-2999 laqgħa tal-Kunsill tal-Kompetittività, 2 ta' Marzu 2010, Brussell.